|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2538 |
15.11.2023 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2538
tad-9 ta’ Novembru 2023
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Anness XXII ta’ dak il-Ftehim
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/838 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 406(3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim (il-“Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”) għandu s-setgħa jaġġorna jew jemenda l-Annessi għall-Ftehim. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 283 tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom u jarmonizzaw il-politiki fil-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu ta’ prodotti soġġetti għas-sisa u l-ġlieda kontrihom. Dik il-kooperazzjoni għandha tinkludi, fost l-oħrajn, l-approssimazzjoni gradwali tar-rati tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk, safejn possibbli, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet fil-kuntest reġjonali, u skont il-Qafas tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk. Għal dak il-għan, il-Partijiet għandhom ifittxu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fi ħdan il-kuntest reġjonali. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 285 tal-Ftehim, il-Georgia għandha twettaq approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha mal-atti tal-Unjoni u l-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Anness XXII għal dan il-Ftehim skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Anness. |
|
(5) |
Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni dwar l-emenda tal-Anness XXII għall-Ftehim. |
|
(6) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, peress li d-deċiżjoni prevista se tkun vinkolanti għall-Unjoni. |
|
(7) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Anness XXII ta’ dak il-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
N. CALVIÑO SANTAMARÍA
(1) ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/838 tat-23 ta’ Mejju 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 26).
ABBOZZ
DEĊIŻJONI NRU .../2023 TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-GEORGIA
ta’ ...
li temenda l-Anness XXII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-GEORGIA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 406 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fis-16 ta’ Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016. |
|
(2) |
Il-Preambolu tal-Ftehim jirrikonoxxi l-impenn tal-Georgia li progressivament tapprossima l-leġiżlazzjoni tagħha fis-setturi rilevanti ma’ dik tal-Unjoni, f’konformità mal-Ftehim u li timplimentaha b’mod effettiv. Il-Preambolu jirrikonoxxi wkoll l-impenn tal-Partijiet għall-Ftehim (il-’Partijiet’) li jirrispettaw il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli, li jipproteġu l-ambjent u jtaffu t-tibdil fil-klima, li jtejbu kontinwament il-governanza ambjentali u li jissodisfaw il-ħtiġijiet ambjentali, inklużi l-kooperazzjoni transfruntiera u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali multilaterali, kif ukoll ir-rieda tagħhom li jtejbu l-livell tas-sikurezza tas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem bħala element essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku. Fil-Preambolu, il-Partijiet jesprimu t-twemmin li l-Ftehim se joħloq klima ġdida għar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Partijiet u fuq kollox għall-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment, u se jistimula l-kompetizzjoni, li huma fatturi kruċjali għar-ristrutturar u l-immodernizzar ekonomiku. |
|
(3) |
L-Artikolu 1 tal-Ftehim jistabbilixxi l-għan li jiġu appoġġati l-isforzi tal-Georgia biex tiżviluppa l-potenzjal ekonomiku tagħha permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż permezz tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha ma’ dik tal-Unjoni. |
|
(4) |
Skontl-Artikolu 283 tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom u jarmonizzaw il-politiki fil-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu ta’ prodotti soġġetti għas-sisa. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi, inter alia, l-approssimazzjoni gradwali tar-rati tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk, sa fejn possibbli, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet fil-kuntest reġjonali, u skont il-Qafas tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 285 tal-Ftehim,il-Georgia għandha twettaq l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha mal-atti tal-Unjoni u l-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Anness XXII għall-Ftehim f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Anness. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 406(1) u (3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jadotta deċiżjonijiet bl-għan li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim. B’mod partikolari, huwa jista’ jaġġorna jew jemenda l-Annessi għall-Ftehim, filwaqt li jqis l-evoluzzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-istandards applikabbli stabbiliti fi strumenti internazzjonali meqjusa rilevanti mill-Partijiet. |
|
(7) |
Għalhekk, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jemenda l-Anness XXII għall-Ftehim. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Skont l-Anness XXII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE (2), sa tmiem l-2026 id-dazju tas-sisa globali, (li għandu jikkonsisti f’komponent speċifiku ta’ bejn 7,5 % u 76,5 % tal-piż tat-taxxa totali, espress bħala ammont fiss għal kull 1 000 sigarett, u komponent ad valorem, espress bħala perċentwal tal-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut) fil-Georgia ma għandux ikun inqas minn EUR 90 għal kull 1 000 sigarett u inqas minn 60 % tal-prezz medju ppeżat bl-imnut. Il-Georgia għandha tiżgura r-rata fil-mira tad-dazju tas-sisa permezz ta’ żieda gradwali sal-2026.
Artikolu 2
F’konformità mal-Anness XXII tal-Ftehim u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE, sa tmiem l-2026 id-dazju tas-sisa globali, li għandu jikkonsisti minn dazju speċifiku u dazju ad valorem kif xieraq, fil-Ġeorġja ma għandux ikun inqas minn:
|
(i) |
5 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut jew EUR 12 għal kull 1 000 unità jew għal kull kilogramm għal sigarri u sigarri żgħar; |
|
(ii) |
50 % tal-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut jew EUR 60 għal kull kilogramm għal tabakk tat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti;u |
|
(iii) |
20 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut jew EUR 22 għal kull kilogramm għal tabakk ieħor għat-tipjip. |
Il-Georgia għandha tiżgura r-rati fil-mira tad-dazju tas-sisa imsemmija fl-ewwel paragrafu permezz ta’ żieda gradwali sal-2026.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi …,
Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni
Il-President
(1) ĠU UE L 261, 30.8.2014, p. 4.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, (ĠU UE L 176, 5.7.2011, p. 24).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2538/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)