European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6717

17.12.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/6717)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Scanzo/Moscato di Scanzo”

PDO-IT-A0949-AM02 — 14.10.2025

1.   Isem il-prodott

Scanzo/Moscato di Scanzo

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☒

Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP)

☐

Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP)

☐

Indikazzjoni Ġeografika (IĠ)

3.   Settur

☐

Prodotti agrikoli

☒

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

L-Italja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, għas-Sovranità tal-Ikel u għall-Forestrija

6.   Kwalifika bħala emenda standard

Huwa kkonfermat li l-approvazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ din l-emenda standard jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda standard skont ir-Regolament (UE) 2024/1143 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dan.

Barra minn hekk, din l-emenda taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard kif previst fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 peress li ma hijiex wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 24(3) ta’ dak ir-Regolament.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

1.   Produzzjoni u prattiki enoloġiċi

Deskrizzjoni: huwa mitlub li fl-ispeċifikazzjoni jiġi ddikjarat li fil-produzzjoni tal-inbid huma permessi biss prattiki enoloġiċi tradizzjonali, ġusti u konsistenti li jagħtu lill-inbejjed il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

Raġunijiet: l-iskop tal-emenda huwa li tipprevjeni proċessi tal-produzzjoni tal-inbid li jistgħu jibdlu l-karatteristiċi tal-għeneb Moscato di Scanzo permezz ta’ kwalunkwe żieda li tista’ b’mod anormali tarrikkixxi jew tibdel il-profil aromatiku tal-Moscato di Scanzo.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

2.   Tqaddim

Deskrizzjoni: huwa mitlub li tiġi speċifikata l-projbizzjoni fuq l-użu ta’ kontenituri tal-injam matul is-sentejn minimi tat-tqaddim.

Raġunijiet: din l-emenda qed tintalab minħabba li xi tipi ta’ injam jistgħu jibdlu l-karatteristiċi tal-inbid u xi drabi jżidu komposti b’ċerti profili aromatiċi, bħall-inkaljar u/jew it-tannini minn tipi partikolari ta’ injam.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-intestatura “Prattiki enoloġiċi speċifiċi” fit-taqsima “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid” tad-dokument uniku.

3.   Inklużjoni tal-aċidità volatili fil-produzzjoni ta’ Scanzo/Moscato di Scanzo

Deskrizzjoni: fit-taqsima dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-konsum, qed tintalab iż-żieda ta’ limitu fuq l-aċidità volatili ta’ massimu ta’ 25 meq/l.

Raġunijiet: minħabba l-konċentrazzjoni għolja ta’ zokkor mhux raffinat fil-most, il-ħmira taħdem f’sitwazzjoni ta’ stress ożmotiku u b’riżultat ta’ dan diġà tipproduċi ammont akbar ta’ aċidu aċetiku waqt il-fermentazzjoni alkoħolika milli fil-vinifikazzjoni tal-inbejjed tradizzjonali. Meta jiġi ppreservat, l-ammont għoli ta’ zokkor residwu jsir substrat tan-nutrijenti importanti għall-flora mikrobika u, għalhekk, l-inbid teknikament jitqies bħala prodott mhux bijoloġikament komplut u aktar diffiċli biex jiġi ppreservat. Għal dawk ir-raġunijiet, jintalab kontenut ta’ aċidità volatili massima ogħla.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-taqsima “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed” tad-dokument uniku.

4.   Aġġornament tad-dettalji tal-korp ta’ kontroll

Wara l-emendi li saru fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/1143, l-informazzjoni obbligatorja li tinsab fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma għadhiex tinkludi l-isem u l-indirizz tal-awtoritajiet jew tal-korpi li jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, u lanqas il-kompiti speċifiċi tagħhom.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143, l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu pubbliċi l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti, tal-korpi delegati u tal-persuni fiżiċi li jissemmew fl-Artikolu 39(3) ta’ dak ir-Regolament għal kull prodott deżinjat b’indikazzjoni ġeografika u jeħtiġilhom iżommu dik l-informazzjoni aġġornata.

Għalhekk, ġie emendat l-artikolu b’referenzi għall-korp ta’ kontroll, u l-informazzjoni fih ġiet sostitwita b’referenza għall-pubblikazzjoni fuq is-sit web uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 10 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tikkonċernax id-dokument uniku.

5.   Emendi klerikali tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Saru emendi klerikali tal-artikoli tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/Ismijiet

Scanzo/Moscato di Scanzo

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji ta’ prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

15.

Inbid minn għeneb imqadded

3.1.   Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda

• 22 – XARBIET, SPIRTI U ĦALL

2204 – Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009

4.   Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed

Scanzo/Moscato di Scanzo (il-kat. 1 u l-kat. 15)

DESKRIZZJONI QASIRA

Apparenza viżiva: aħmar lewn ir-rubin ta’ intensità li tvarja, b’tendenzi li jxaqleb lejn lewn iċ-ċirasa bi ħjiel tal-granata;

Aroma: delikata, intensa, dejjiema, distintiva;

Togħma: ħelwa, pjaċevoli, armonjuża, u tħalli togħma ħafifa tal-lewż;

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 17,00 %;

Estratt minimu mingħajr zokkor: 24,0 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

—

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

—

Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum): 14

—

Aċidità totali minima: 4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 25

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) —

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.

Tqaddim

Restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbejjed

L-inbid bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Scanzo/Moscato di Scanzo jrid jgħaddi minn perjodu ta’ tqaddim ta’ mill-inqas sentejn. Sabiex jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi, l-użu ta’ kontenituri tal-injam huwa pprojbit.

5.2.   Rendimenti massimi

1.

Scanzo/Moscato di Scanzo

21 ettolitru għal kull ettaru

2.

Scanzo/Moscato di Scanzo

7 000 kg għeneb għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika definita

Iż-żona ta’ produzzjoni għall-għeneb xieraq għall-produzzjoni tal-inbid bid-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata u garantita Scanzo/Moscato di Scanzo tinsab fil-provinċja ta’ Bergamo u tinkludi art adattata għal [produzzjoni] ta’ kwalità fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Scanzorosciate.

Iż-żona tinkludi parti mit-territorju tal-muniċipalità ta’ Scanzorosciate, fil-konfini li ġejjin, f’direzzjoni skont l-arloġġ mill-Punent: Via Fanti, Via Forni, il-fruntiera muniċipali fit-Tramuntana u fil-Lvant, il-fruntiera muniċipali fin-Nofsinhar sa Via Piave (iż-żona Negrone), Via Polcarezzo, Via IV Novembre, Piazza Caslini, Via F. Martinengo, Via Fanti. Għalhekk, iż-żoni tal-pjanura tal-muniċipalità ta’ Scanzorosciate huma esklużi.

7.   Varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid

Moscato di Scanzo N. - Moscato

8.   Deskrizzjoni tar-rabta jew tar-rabtiet

Scanzo/Moscato di Scanzo

L-għoljiet ta’ Scanzorosciate għandhom tradizzjoni antika tal-produzzjoni tal-inbid, kif muri matul l-istorja. Il-produzzjoni sseħħ f’żona żgħira ħafna u fuq ġnub l-għoljiet b’xaqlibiet li jvarjaw minn minimu ta’ 50 % sa 100 %, bi ftit li xejn eċċezzjonijiet. L-inbid minn dejjem kien jiġi prodott fuq dawn ix-xaqlibiet weqfin. Il-fond tal-ħamrija kultivata huwa minimu, u taħtha hemm biss ġebel marl magħruf bħala Sass de la Luna.

Il-kundizzjonijiet klimatiċi tar-[reġjun] Scanzo huma simili ħafna għal dawk tal-Mediterran.

Mingħajr ebda dubju, meta wieħed jiftakar fit-tradizzjoni agrikola ta’ Scanzorosciate, ma jistax ma jiġihx f’moħħu l-Moscato di Scanzo.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (imballaġġ, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

—

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.masaf.gov.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/23158


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6717/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)