|
16.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 293/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1358
tat-30 ta’ Ġunju 2021
li tawtorizza lis-Slovakkja tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 11 tar-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2021) 4629)
(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, il-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-validità tal-liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji li kieku skadew jew kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(2) |
L-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tlestija, mid-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan tal-ferroviji, ta’ kontrolli perjodiċi li kieku skadew jew kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(3) |
B’ittra tas-7 ta’ Mejju 2021, is-Slovakkja ppreżentat talba motivata għal awtorizzazzjoni biex tapplika estensjonijiet għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267. Is-Slovakkja pprovdiet informazzjoni addizzjonali biex issostni t-talba tagħha fil-31 ta’ Mejju 2021. |
|
(4) |
Permezz tat-talba motivata tagħha, is-Slovakkja tixtieq tikseb awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikati fl-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267, u awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodi ta’ għaxar xhur speċifikati fl-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267. |
|
(5) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mis-Slovakkja, it-tiġdid tal-liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji u t-tlestija tal-kontrolli perjodiċi mid-detenturi tagħhom f’dak l-Istat Membru x’aktarx li se jibqgħu imprattikabbli lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2021, minħabba l-miżuri li ħa biex jiġi evitat u jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19. |
|
(6) |
Fost il-miżuri meħuda biex titrażżan il-firxa tal-COVID-19, il-Gvern tas-Slovakkja impona projbizzjoni fuq ġemgħat ta’ aktar minn sitt persuni, ordni biex isir telexogħol, u curfew. Skont dak l-Istat Membru, minħabba dawn il-miżuri, ma kienx fattibbli, bejn Jannar u April 2021, li jitlesta t-taħriġ meħtieġ biex tiġġedded il-validità tal-liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji. |
|
(7) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mis-Slovakkja, mid-19 ta’ April sal-15 ta’ Mejju 2021, meta s-sitwazzjoni tal-pandemija bdiet bil-mod tmur għall-aħjar, kien permess li jiġi organizzat taħriġ perjodiku, għalkemm soġġett għal ċerti restrizzjonijiet. L-għadd ta’ parteċipanti permessi f’kull taħriġ tnaqqas b’mod sinifikanti, u l-faċilitajiet ta’ taħriġ kienu qed iwettqu kontrolli u jeħtieġu test negattiv tal-COVID-19. |
|
(8) |
Skont is-Slovakkja, il-miżuri ordnati mill-Gvern bdew jitnaqqsu mill-15 ta’ Mejju 2021, u l-faċilitajiet edukattivi setgħu sussegwentement jerġgħu jibdew it-taħriġ. Madankollu, meta jsir it-taħriġ, xorta waħda tkun meħtieġa distanza ta’ żewġ metri bejn il-parteċipanti. Dan iwassal biex għadd żgħir biss ta’ parteċipanti jistgħu jkunu preżenti f’kull taħriġ. |
|
(9) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mis-Slovakkja, għalkemm it-taħriġ perjodiku reġa’ beda, it-tlestija tal-attivitajiet ta’ taħriġ li suppost diġà saru hija applikabbli wkoll għal persunal ieħor f’dak l-Istat Membru għajr għas-sewwieqa tal-ferroviji, li huma meqjusa bħala ugwalment meħtieġa għat-twettiq u s-sigurtà tal-attivitajiet tat-trasport ferrovjarju. Skont is-Slovakkja, iċ-ċertifikati ta’ kompetenza professjonali għal persunal għajr is-sewwieqa tal-ferroviji ġew estiżi aktar ukoll abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk jeħtieġ li jiġi organizzat taħriġ ġdid, mhux biss għas-sewwieqa tal-ferroviji, iżda wkoll għal professjonisti oħra. |
|
(10) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mis-Slovakkja, hemm faċilità edukattiva waħda biss fis-Slovakkja li tipprovdi taħriġ u kontrolli perjodiċi tal-professjonisti fil-qasam tat-trasport ferrovjarju, inklużi s-sewwieqa tal-ferroviji; żewġ faċilitajiet oħra huma awtorizzati biss biex jipprovdu taħriġ lis-sewwieqa tal-ferroviji, u b’rabta mal-parti teknika biss. Is-Slovakkja tikkalkula li l-għadd ta’ sewwieqa tal-ferroviji li jeħtieġ li jiġu eżaminati huwa għoli – mill-inqas 993 persuna fl-akbar żewġ impriżi ferrovjarji jeħtieġ li jwettqu taħriġ perjodiku, filwaqt li hemm 43 kumpanija ferrovjarja li jipprovdu servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fis-Slovakkja. Għalhekk, dan l-Istat Membru jistma li l-faċilitajiet ta’ taħriġ eżistenti mhux se jkollhom il-kapaċità li jittrattaw din iż-żieda fl-eżamijiet sat-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(11) |
Skont l-istimi mis-Slovakkja, ix-xogħol b’lura fit-tlestija tal-kontrolli perjodiċi tad-detenturi tal-liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji mistenni li jsir kollu fi żmien erba’ xhur. |
|
(12) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mis-Slovakkja, il-validità tal-liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji u l-kontrolli relatati jikkonċernaw biss lis-sewwieqa tal-ferroviji li għandhom ħafna snin ta’ esperjenza professjonali fis-sewqan ta’ vetturi ferrovjarji. Għalhekk, jenħtieġ li l-estensjonijiet mitluba ma jwasslux għal riskji sproporzjonati f’termini ta’ sikurezza u sigurtà tat-trasport. |
|
(13) |
Għalhekk, jenħtieġ li s-Slovakkja tiġi awtorizzata tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikati fl-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267, u estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodi ta’ għaxar xhur speċifikati fl-Artikolu 11(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(14) |
Is-Slovakkja qablet li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-Slovakkja hija awtorizzata tapplika l-estensjonijiet li ġejjin għall-perjodi speċifikati fl-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267:
|
(a) |
estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikati fl-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267. kif ukoll |
|
(b) |
estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodi ta’ 10 xhur speċifikati fl-Artikolu 11(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament; |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kummissjoni
Adina-Ioana VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni