Brussell, 29.1.2026

COM(2026) 40 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-evalwazzjoni interim tal-programm Dwana għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana għall-2021-2027

{SWD(2026) 20 final}


1.Introduzzjoni

L-Unjoni Doganali tal-UE, bħala kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea sostnuta mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 1 (KDU), hija pilastru ewlieni tas-suq uniku. Din tiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-UE, filwaqt li tapplika tariffa doganali unika u regoli armonizzati fil-fruntiera esterna. Il-KDU, adottat fl-2013 u implimentat progressivament mill-2016, stabbilixxa l-qafas għal ambjent doganali kompletament elettroniku u mingħajr karti u applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali mal-Istati Membri kollha. It-twettiq ta’ din il-viżjoni jirrikjedi mhux biss l-implimentazzjoni nazzjonali iżda wkoll investiment komuni sostanzjali fis-Sistemi Elettroniċi Ewropej (EES, European Electronic Systems) fuq skala kbira, metodi ta’ ħidma komuni u taħriġ biex jiġi żgurat li l-amministrazzjonijiet doganali jkunu jistgħu joperaw mingħajr xkiel bħala entità waħda. Il-programm Dwana huwa l-għodda maħsuba apposta għall-għoti ta’ dan l-appoġġ. Dan jiġbor flimkien ir-riżorsi u l-għarfien espert biex l-Unjoni Doganali tibqa’ tiffunzjona f’kuntest ta’ volumi tan-negozju dejjem akbar, teknoloġiji ġodda u pressjonijiet ġeopolitiċi li qed jinbidlu.

Il-programm Dwana għall-2021-2027, regolat mir-Regolament (UE) 2021/444, huwa l-programm ta’ kooperazzjoni kontinwu tal-UE fil-qasam tad-dwana, li jkopri mill-2021 sal-2027. Dan għandu l-għan li jappoġġa lill-Unjoni Doganali tal-UE u lill-awtoritajiet doganali parteċipanti biex jaġixxu bħala entità waħda sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza fl-Unjoni u jipproteġu lill-Unjoni minn kummerċ inġust u illegali, filwaqt li jiffaċilitaw attività kummerċjali leġittima. Il-programm jappoġġa t-tħejjija u l-implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni u l-politika doganali mal-Ewropa kollha; il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali; il-bini tal-kapaċitajiet amministrattivi u tal-IT, inklużi l-kompetenza umana u t-taħriġ, kif ukoll l-iżvilupp u t-tħaddim tal-EES; u l-innovazzjoni fil-qasam tal-politika doganali.

Il-programm għandu baġit ta’ EUR 950 miljun għal bejn l-2021 u l-2027, il-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali. Meta mqabbel mal-predeċessur tiegħu, il-programm Dwana 2020 (EUR 523 miljun), il-baġit tal-programm attwali kważi rdoppja. Dan jirrifletti l-iskala tad-diġitalizzazzjoni u l-ambizzjoni operazzjonali fl-ambitu ta’ dan il-QFP sabiex jiġi implimentat il-KDU, bl-implimentazzjoni sħiħa tal-programm ta’ ħidma tal-KDU li għandu jitlesta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025. Dan il-finanzjament jippermetti li jiġu żviluppati sistemi elettroniċi avvanzati li jissimplifikaw il-proċessi doganali, isaħħu s-sigurtà tas-Suq Uniku tal-UE u jgħammru aħjar lill-awtoritajiet doganali biex jirrispondu għall-isfidi kummerċjali globali emerġenti.

L-akbar sehem tal-baġit (’il fuq minn 90 %) imur għall-iżvilupp u għaż-żamma tal-komponenti komuni tal-EES, żviluppati fil-livell tal-Unjoni u disponibbli għall-Istati Membri kollha. Dawn il-komponenti jippermettu l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Unjoni Doganali u jippermettu lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jikkooperaw b’mod effettiv ma’ xulxin. Is-sistemi huma mfassla biex jipproduċu ambjent elettroniku bla xkiel u sigur għall-iskambju tad-data bejn l-awtoritajiet doganali u mal-operaturi ekonomiċi, kif ukoll biex jiżguraw ġestjoni tajba tar-riskju.

Il-bqija tal-baġit jappoġġa attivitajiet kollaborattivi u ta’ kompetenza umana. Dawn isaħħu l-kapaċità operazzjonali u l-prestazzjoni tal-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali u jgħinuhom jikkooperaw u jikkondividu l-għarfien. Jingħata appoġġ, b’mod partikolari, għall-kollaborazzjoni bbażata fuq il-proġetti, għat-taħriġ, għall-gruppi ta’ ħidma, għas-seminars u sessjonijiet ta’ ħidma, għaż-żjarat ta’ ħidma u t-timijiet ta’ esperti, jiġifieri kollaborazzjoni strutturata bejn għadd varjabbli ta’ Stati Membri parteċipanti b’interess f’suġġett partikolari. It-taħriġ huwa offrut permezz tal-Portal tal-Apprendiment Doganali u tat-Taxxa tal-UE (imsejjaħ ukoll is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Apprendiment (LMS, Learning Management System)).

2.Sejbiet tal-evalwazzjoni interim

Dan ir-rapport jippreżenta s-sejbiet tal-evalwazzjoni interim tal-programm Dwana għall-2021-2027, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/444. Huwa sostnut minn dokument ta’ ħidma tal-persunal, li jeżamina fid-dettall l-implimentazzjoni u l-prestazzjoni tal-programm Dwana sal-lum (2021-2024). L-evalwazzjoni interim tapplika l-kriterji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar biex tivvaluta l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, il-valur miżjud tal-UE u r-rilevanza tal-programm. Hemm enfasi ċara fuq il-komponenti komuni tal-EES iżda l-evalwazzjoni interim taġġorna wkoll l-analiżi tal-attivitajiet kollaborattivi mwettqa fi studji preċedenti. Din tiffoka fuq aspetti ġodda fl-ambitu ta’ dan il-programm attwali, bħall-attivitajiet relatati mal-bini tal-kapaċitajiet u t-taħriġ komuni, u attivitajiet ta’ innovazzjoni. It-timijiet ta’ esperti huma wkoll parti mill-analiżi peress li dawn l-attivitajiet huma aktar reċenti meta mqabbla ma’ attivitajiet oħra ta’ kollaborazzjoni, introdotti fl-ambitu tal-programm Dwana 2020.

Metodoloġikament, l-evalwazzjoni interim tgħaqqad l-indikaturi tal-Qafas ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni (MEF, Monitoring and Evaluation Framework) fil-livell tal-portafoll ma’ għarfien fil-fond minn riċerka tal-istudju tal-każ dwar il-komponenti komuni tal-EES. Din hija kkomplementata minn riċerka mmirata u ġenerali li tkopri l-firxa tal-appoġġ tal-programm. Dan l-approċċ jirrifletti l-prinċipju tal-proporzjonalità, minħabba li l-EES jirrappreżentaw l-akbar sehem tan-nefqa, u jindirizza l-lakuni fl-evidenza minn ċikli ta’ evalwazzjoni preċedenti. Ġew prodotti erba’ studji tal-każ awtonomi dwar EES speċifiċi, kif kien ukoll studju tal-każ dwar l-LMS:

·is-Sistema l-ġdida ta’ Kontroll tal-Importazzjoni (ICS2, Import Control System) tal-UE, li tappoġġa l-isforzi biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà tal-Unjoni permezz tal-ġbir u tal-analiżi bikrija ta’ informazzjoni dwar il-merkanzija li tidħol fl-UE, sabiex jiġu identifikati l-kunsinni potenzjalment ta’ riskju għoli;

·is-sistema żviluppata għall-Prova tal-Istatus tal-Unjoni (PoUS, Proof of Union Status), li għandha l-għan li tagħmel il-proċeduri aktar uniformi mal-UE kollha u tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ proċess aktar konsistenti, armonizzat u b’hekk simplifikat relatat mal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni;

·is-sistema l-ġdida tal-UE ta’ Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni (EU CCI, EU’s Centralised Clearance for Import system), li tippermetti lin-negozjanti fdati awtorizzati mis-CCI jissottomettu dikjarazzjonijiet doganali fi Stat Membru wieħed tal-UE filwaqt li l-merkanzija tiġi ppreżentata fiżikament għall-iżdoganar f’ieħor. Dan jiffaċilita l-kummerċ, filwaqt li jappoġġa l-ġestjoni effettiva tar-riskju u mekkaniżmu konġunt għall-mekkaniżmu ta’ kontroll doganali, u jiżgura l-ġbir xieraq tad-dazji u imposti oħrajn;

·id-diġitalizzazzjoni ta’ kontrolli ġodda fuq l-Importazzjoni ta’ Beni Kulturali (ICG, Import of Cultural Goods), inkluża l-kooperazzjoni diġitali mal-awtoritajiet doganali permezz tal-ambjent ta’ tieqa unika tal-UE għad-dwana. Peress li din is-sistema (u l-kontrolli assoċjati) ma kellhomx jiġu varati qabel it-28 ta’ Ġunju 2025, dan l-istudju tal-każ jagħmel enfasi fuq l-approċċ ta’ ġestjoni għall-iżvilupp tal-ICG;

·l-istudju tal-każ tal-LMS ġie żviluppat biex jipprovdi analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji ta’ dan il-portal il-ġdid, abbażi ta’ stħarriġ tal-utenti, stħarriġ tal-Grupp ta’ Appoġġ għat-Taħriġ li qabel kien twettaq mid-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (DĠ TAXUD), intervisti ma’ uffiċjali tad-DĠ TAXUD u uffiċjali tat-taħriġ tal-Istati Membri, u riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni.

L-isforzi għall-ġbir tad-data għall-valutazzjoni ġenerali tal-programm tfasslu biex ikunu komprensivi filwaqt li jagħtu prijorità lir-riċerka primarja dwar il-kwistjonijiet ewlenin. Dan inkluda riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni (li tkopri, iżda li ma hijiex limitata għal, data mill-MEF), intervisti mmirati mal-partijiet ikkonċernati, inklużi uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, uffiċjali tal-amministrazzjoni doganali u operaturi ekonomiċi, u stħarriġ tal-awtoritajiet doganali nazzjonali.

2.1. Effettività

L-appoġġ tal-programm Dwana għall-komponenti komuni tal-EES jipprovdi kontribut ewlieni għall-implimentazzjoni tal-politika doganali tal-UE u għall-avvanz tas-sistemi tal-KDU qabel l-iskadenza tal-varar tal-2025. Dan huwa kkorroborat mill-evalwazzjoni interim. Ta’ min jinnota b’mod partikolari l-progress fit-tnedija li għaddejja tal-ICS2, li hija sinifikanti mil-lat baġitarju u diġà kkontribwiet għas-sigurtà u s-sikurezza tal-Unjoni billi ssekwestrat oġġetti aktar ta’ riskju. Dan il-proġett kumpless u żviluppat ċentralment kien tekniku ħafna u mhux mingħajr l-isfidi tiegħu, iżda s-suċċess tiegħu jawgura tajjeb għal inizjattivi futuri mmexxija mill-Kummissjoni. L-evalwazzjoni interim tafferma mill-ġdid l-importanza tal-appoġġ tal-programm għall-EES, iżda tinnota wkoll li, għal xi sistemi aktar ġodda, bħall-PoUS u l-EU CCI, l-Istati Membri qed jiffaċċjaw dewmien fl-iżvilupp ta’ komponenti nazzjonali u fil-konnessjoni tagħhom mas-sistema ċentrali.

L-attivitajiet kollaborattivi ffinanzjati mill-programm komplew jagħtu riżultati b’saħħithom. Dawn l-attivitajiet huma d-dimensjoni umana tal-programm. Huma jappoġġaw in-networking, is-sjieda tal-isfidi u l-opportunitajiet ta’ apprendiment. Huma jiżguraw ukoll taħriġ konsistenti mal-UE kollha, jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki u jippromwovu soluzzjonijiet komuni. It-timijiet ta’ esperti wrew li huma effettivi fl-għoti ta’ opportunitajiet għal kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali nazzjonali, u jservu bħala pjattaformi għall-ġbir tal-għarfien espert biex jitwettqu kompiti f’oqsma speċifiċi jew biex jitwettqu attivitajiet operazzjonali.

Imnedija fl-2021, l-LMS il-ġdida ssostitwiet b’suċċess l-approċċ frammentat segwit qabel meta l-attivitajiet ta’ taħriġ kienu mifruxa fuq diversi siti web. L-utenti japprezzaw li jistgħu jsibu l-attivitajiet kollha fuq portal wieħed u l-portal għandu karatteristiċi li ġeneralment huma meqjusa tajbin ħafna. Dan żied il-probabbiltà li l-uffiċjali nazzjonali jsegwu l-korsijiet disponibbli. Issa hemm disponibbli biżżejjed data dwar ix-xejriet fl-użu, li tagħmilha possibbli li jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta’ miri u li jiġu kkunsidrati modi kif l-udjenza tista’ tiġi żviluppata ulterjorment. Dan jinkludi l-indirizzar tal-isfidi li jiffaċċjaw l-Istati Membri fl-użu dejjem akbar tal-funzjonalità, billi jippermettilhom jgħaqqdu s-sistemi ta’ ġestjoni tal-apprendiment tagħhom stess direttament mal-LMS.

L-iterazzjoni attwali tal-programm introduċiet l-innovazzjoni bħala objettiv speċifiku u tip ta’ azzjoni, bl-għan li jiġu ġġenerati attivitajiet ġodda b’rispons għall-isfidi emerġenti. L-aspettattivi inizjali għadhom ma ntlaħqux. Dan ġie attribwit għaż-żmien meħud biex jiġi inkorporat dan l-objettiv speċifiku ġdid u biex jiġu definiti l-kunċett ta’ innovazzjoni u l-attivitajiet eliġibbli. Tmexxija ddedikata biex tingħata spinta lill-attivitajiet f’dan il-qasam jew biex toħloq sinerġiji ma’ appoġġ ieħor tal-UE f’dan il-qasam setgħet wasslet għal aktar progress.

2.2. Effiċjenza

L-evalwazzjoni interim użat approċċ kontrofattwali biex tivvaluta l-kosteffettività ta’ tlieta mill-EES ikkunsidrati: l-ICS2, il-PoUS u l-EU CCI. Instab li l-approċċ meħud biex jiġu żviluppati dawn is-sistemi kien aktar kosteffettiv minn alternattivi potenzjali, li kienu se jeħtieġu aktar riżorsi finanzjarji u umani fil-livell nazzjonali. It-tmexxija tal-Kummissjoni ntlaqgħet tajjeb mill-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali u mill-partijiet ikkonċernati tal-industrija, bil-maġġoranza tal-ineffiċjenzi jirriżultaw minn aspetti deċentralizzati tal-EES. Il-feedback tal-industrija enfasizza l-importanza ta’ komunikazzjoni favorevoli għan-negozju biex tiġi ffaċilitata l-konformità f’waqtha, speċjalment għal proġetti kumplessi. Dan enfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ perjodi ta’ żmien ċari għall-varar tas-sistemi, li jippermettu implimentazzjoni progressiva jew gradwali meta s-sistemi jkunu kumplessi. Filwaqt li l-kontrolli fuq l-ICG kienu għadhom ma ġewx varati, il-proċess ta’ żvilupp intlaqa’ tajjeb mill-Istati Membri u l-prattika tajba kienet tinvolvi l-użu mill-ġdid ta’ modulu eżistenti żviluppat mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE).

L-evalwazzjoni interim indikat li l-attivitajiet kollaborattivi huma apprezzati u ta’ benefiċċju b’mod ġenerali. Madankollu, l-Istati Membri ma humiex involuti b’mod proattiv f’timijiet ta’ esperti kif għandhom ikunu. Dawn għandhom sfidi ta’ kapaċità li jfixklu l-parteċipazzjoni attiva, u l-piżijiet amministrattivi huma partikolarment evidenti għal dawk fi rwoli ta’ tmexxija. Dan iwassal biex l-Istati Membri jżommu lura milli jassumu dawn ir-rwoli.

L-evalwazzjoni interim ibbażat b’mod estensiv fuq l-indikaturi stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2021/444 dwar il-Programm u fl-att delegat supplimentari 2 u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal relatat dwar l-MEF 3 . Il-qafas il-ġdid applikat mill-2021 ittejjeb b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-predeċessur tiegħu. Madankollu, jibqa’ subottimali f’termini ta’ liema data tinġabar u kif imbagħad tintuża. Parzjalment, dan huwa minħabba li l-MEF għadu kemxejn ikkumplikat, b’madwar 40 indikatur dettaljat, minkejja l-aħħar mewġa ta’ simplifikazzjoni.

2.3. Koerenza

Novità fl-ambitu tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali kienet l-introduzzjoni (skont bażi legali differenti) tal-Istrument għat-Tagħmir ta’ Kontroll Doganali (CCEI, Customs Control Equipment Instrument) 4 . L-istrument jappoġġa x-xiri ta’ tagħmir doganali biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jwettqu kontrolli doganali aktar sofistikati u konsistenti. Il-programm Dwana jikkomplementa dan l-istrument il-ġdid billi jtejjeb l-għarfien tal-uffiċjali dwar it-teknoloġiji disponibbli u kif l-aħjar li jintużaw. Jagħmel dan billi jipprovdi forum għall-iskambju tal-għarfien u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba. L-għadd dejjem akbar ta’ kompiti mwettqa mill-awtoritajiet doganali matul il-kontroll doganali (prinċipalment marbuta ma’ projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ merkanzija minn naħa għal oħra tal-fruntiera esterna) jagħmilha dejjem aktar kruċjali li l-appoġġ tal-programm ikun koerenti ma’ strumenti oħra, inkluż iżda mhux limitat għall-programm simili ġestit mid-DĠ TAXUD għat-twettiq tal-politika tat-tassazzjoni (il-programm Fiscalis 5 ) u s-CCEI. L-evalwazzjoni interim tipprovdi evidenza li l-programm għandu sinerġiji u komplementarjetajiet ċari kemm mal-programm Fiscalis kif ukoll mas-CCEI. Eżempju wieħed huwa l-portal LMS, li għalih hemm koerenza mtejba mal-programm Fiscalis bħala riżultat tal-portal komuni l-ġdid. Il-portal LMS jintuża wkoll għat-taħriġ dwar it-tagħmir ta’ kontroll doganali. Mekkaniżmi formali u informali jiżguraw koerenza bejn il-programmi Doganali u Fiscalis u jappoġġaw il-kooperazzjoni bejniethom. Dan jinkludi approċċi/prinċipji u proċeduri allinjati tal-ġestjoni tal-programm, eż. gwidi operazzjonali armonizzati, mudelli komuni, u laqgħat konġunti tal-koordinaturi nazzjonali tal-programmi Doganali u Fiscalis.

Bħal fil-każ tal-programm preċedenti, il-koerenza tal-programm attwali ma’ strumenti rilevanti oħra ġiet żgurata, iżda dan jirrikjedi sforzi proattivi kontinwi u ma għandux jitqies bħala fatt. B’mod partikolari, minħabba l-objettiv speċifiku li titrawwem l-innovazzjoni fil-qasam tal-politika doganali, is-sinerġiji ma’ Orizzont Ewropa 6 jistgħu jiġu sfruttati aħjar. Sinerġiji possibbli jistgħu jiġu sfruttati wkoll bl-użu tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 7 .

2.4. Valur miżjud tal-UE

L-analiżijiet kontrofattwali użati fl-evalwazzjoni interim jippermettu dimostrazzjoni bbażata fuq l-evidenza tal-valur miżjud tar-rwol tal-UE fl-għajnuna biex jintlaħqu l-objettivi tal-programm b’mod aktar effettiv u effiċjenti. Għall-ICS2, l-evidenza turi li l-approċċ ċentralizzat huwa darbtejn sa erba’ darbiet aktar kosteffettiv mill-alternattiva. Il-feedback miġbur għall-PoUS jikkonferma li, fiż-żewġ xenarji kontrofattwali ttestjati, il-piż finanzjarju ġenerali fuq il-baġits nazzjonali jkun ogħla b’mod sinifikanti milli fl-ambitu tas-sistema ibrida, jiġifieri mudell b’sistema ċentrali, żviluppat mill-Kummissjoni, u konnessjonijiet fakultattivi (għall-fażijiet 1 u 2) u konnessjoni obbligatorja (għall-fażi 2) li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri. Dan jinvolvi żidiet notevoli kemm fil-kostijiet tal-investiment kif ukoll fil-kostijiet relatati ma’ operazzjonijiet regolari. L-implimentazzjoni ta’ sistema trans-Ewropea ġdida bħas-sistema EU CCI tippermetti wkoll iffrankar tal-kostijiet għall-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, mingħajr speċifikazzjonijiet kondiviżi u komponenti ċentrali, kull Stat Membru jġarrab kostijiet konsiderevoli minħabba l-ħtieġa li jinżammu proċeduri nazzjonali frammentati. Dan ifisser tnaqqis fil-kompetittività ġenerali u żieda fil-piżijiet u l-kostijiet amministrattivi għall-awtoritajiet doganali nazzjonali. Kontribut ieħor li sar mill-EU CCI huwa li l-ispeċifikazzjonijiet komuni tas-sistema ntużaw b’mod wiesa’ mill-Istati Membri kemm biex jibnu kif ukoll biex jaġġornaw is-sistemi nazzjonali tal-importazzjoni, u dan irriżulta f’iffrankar tal-kostijiet u f’titjib fl-effiċjenza, filwaqt li ġiet żgurata l-konformità regolatorja fil-livell tal-UE.

L-evalwazzjoni interim tikkonferma li l-programm Dwana jikseb effiċjenzi tal-iskala fil-bini tal-kapaċitajiet tal-IT. L-attivitajiet kollaborattivi jipprovdu opportunitajiet għall-kooperazzjoni, il-komunikazzjoni u n-networking mal-UE kollha. Dawn ma setgħux jinkisbu mingħajr l-involviment tal-UE u huma essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata tal-politika doganali tal-UE.

Il-partijiet ikkonċernati kkonsultati sabuha diffiċli biex jimmaġinaw modi alternattivi ta’ operazzjoni u kooperazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-ġestjoni tas-sistemi diġitali appoġġati mill-UE u r-rwol li għandhom fl-Unjoni Doganali. Mingħajr il-programm Dwana, il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tad-data bejn il-pajjiżi parteċipanti jkollhom ikunu bbażati jew fuq relazzjonijiet informali u mhux strutturati bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni, jew fuq mezzi formali u ftehimiet ta’ reċiproċità. Dan ikun ferm aktar kumpless u għali biex jiġi implimentat.

L-implimentazzjoni ta’ komponenti komuni tas-sistemi diġitali fil-livell tal-UE tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni ta’ diversi sfidi, jiġifieri l-kapaċità mhux ugwali tal-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali f’termini ta’ infrastruttura tal-IT u disponibbiltà tat-tagħmir; ir-riżorsi umani u l-proċessi operazzjonali; l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni mhux uniformi tal-leġiżlazzjoni rilevanti mill-amministrazzjonijiet doganali; u ostakli ġeografiċi, amministrattivi, legali u strateġiċi għall-kooperazzjoni.

2.5. Rilevanza

Evalwazzjonijiet suċċessivi affermaw mill-ġdid li l-appoġġ tal-UE huwa rilevanti għall-kooperazzjoni doganali. Din is-sejba tibqa’ valida b’mod ġenerali. Il-programm attwali tnieda fil-bidu tal-2021 matul kriżi waħda, jiġifieri l-pandemija tal-COVID-19. Imbagħad eskalat kriżi oħra, il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022. Minn dak iż-żmien ’l hawn, avvenimenti esterni oħrajn iddestabbilizzaw is-sitwazzjoni ġeopolitika, u ħallew impatt fuq il-ħidma tal-awtoritajiet doganali tal-UE. Filwaqt li ħafna mill-appoġġ tal-programm huwa relattivament fiss (peress li huwa maħsub apposta għall-EESs), dan wieġeb ukoll għal ħtiġijiet emerġenti mhux mistennija. L-appoġġ tal-programm intuża biex jitħejjew linji gwida għat-traduzzjoni ta’ miżuri restrittivi mingħajr preċedent (sanzjonijiet), imposti fuq ir-Russja u l-Belarussja, fi proċessi li l-uffiċjali doganali (li tipikament ma jittrattawx sanzjonijiet ta’ din l-iskala jew ambitu) jistgħu jimplimentaw b’mod effettiv fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum. Il-programm malajr inkluda wkoll lill-Ukrajna bħala benefiċjarju tal-programm. Barra minn hekk, it-Tim ta’ Esperti Doganali tal-Fruntiera tal-Art tal-Lvant u tax-Xlokk (CELBET, Customs Eastern and South-Eastern Land Border Expert Team), iffinanzjat mill-programm Dwana, u azzjonijiet oħra tal-programm, bħal żjarat ta’ ħidma mmirati, ipprovdew assistenza lill-Istati Membri li jmissu mal-Ukrajna biex iżommu r-rotot għall-kummerċ tal-Ukrajna miftuħin fl-ambitu tal-inizjattiva “Korsiji ta’ solidarjetà” 8 .

L-isfidi ppreżentati mill-kummerċ elettroniku ġew identifikati qabel it-tnedija ta’ dan il-programm u komplew jiżdiedu minn dak iż-żmien ’l hawn. Dawn jitqiesu li jeħtieġu bidla aktar fundamentali fil-politika doganali, kif propost fl-ambitu tar-Riforma Doganali tal-UE 9 . Bħala tali, ir-rilevanza kontinwa tal-programm tista’ teħtieġ valutazzjoni mill-ġdid wara l-adozzjoni tar-riforma, potenzjalment bħala parti mill-evalwazzjoni finali tal-programm.

3. Tagħlimiet meħuda

It-taqsima ta’ hawn taħt tidentifika sett ta’ tagħlimiet meħuda possibbli u (fejn rilevanti) tagħmel suġġerimenti għal titjib fis-snin li ġejjin fl-implimentazzjoni kontinwa tal-programm.

Tagħlima 1 – dwar l-appoġġ tal-UE għall-komponenti komuni tas-sistemi diġitali

L-istudji tal-każijiet ta’ erba’ EES ewlenin juru kif l-investiment tal-UE f’komponenti komuni wassal għal benefiċċji tanġibbli għall-funzjonament tal-Unjoni Doganali. Il-kisba tal-ambizzjonijiet tal-KDU fl-iskeda ta’ żmien ippjanata ma tkunx realistika mingħajr l-assistenza tal-UE. L-evalwazzjoni interim uriet li xenarji alternattivi għas-sistemi studjati kienu jkunu inqas effettivi u effiċjenti. Filwaqt li s-sejbiet mill-każijiet ma jistgħux jiġu estrapolati mekkanikament għal aktar minn 50 EES, is-sistemi magħżula wrew tipi differenti ta’ sfidi. Għal dak il-għan, it-tagħlimiet meħuda jistgħu jkunu applikabbli b’mod aktar wiesa’ f’ċirkostanzi simili. Il-Kummissjoni wriet, pereżempju, li tista’ tikkompleta b’suċċess sistemi kbar u kumplessi bħall-ICS2. Madankollu, l-implimentazzjoni gradwali, il-kooperazzjoni mill-qrib mas-settur privat u l-komunikazzjoni f’waqtha mal-partijiet ikkonċernati rriżultaw bħala kunsiderazzjonijiet importanti. Fl-istess ħin, it-twettiq b’suċċess tal-programm ta’ ħidma tal-KDU jiddependi wkoll fuq il-proġetti nazzjonali, li jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni iżda jibqgħu taħt il-kontroll tal-Istati Membri. Minħabba d-domandi paralleli fuq l-Istati Membri u fuq l-operaturi ekonomiċi, li jagħmlu pressjoni fuq ir-riżorsi, hemm ħtieġa kontinwa għall-appoġġ tal-programm f’dan il-qasam. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni interim tidentifika ambitu biex jittejjeb ulterjorment id-djalogu man-negozjanti billi tiġi pprovduta gwida teknika u operazzjonali aktar favorevoli għan-negozji biex jittaffa l-piż tal-introduzzjoni jew tat-tranżizzjoni lejn sistemi ġodda.

Tagħlima 2 – dwar l-azzjonijiet kollaborattivi

L-azzjonijiet kollaborattivi għandhom rwol vitali, billi jappoġġaw l-element uman tal-programm Dwana. Filwaqt li ħafna azzjonijiet jiffunzjonaw b’mod effettiv, dawk b’involviment limitat tal-Kummissjoni xi drabi ffaċċjaw sfidi relatati mas-sjieda u t-tmexxija mill-Istati Membri. Għalhekk ikun xieraq li jiġi rivedut l-approċċ attwali għall-governanza ta’ dawn l-azzjonijiet.

B’mod partikolari, dan jista’ jiġi appoġġat permezz ta’ sensibilizzazzjoni sabiex il-maniġment superjuri fl-amministrazzjonijiet nazzjonali jifhem aħjar l-importanza ta’ dawn l-attivitajiet, il-potenzjal tagħhom u l-prestiġju li jista’ jiġi assoċjat mat-tmexxija tagħhom (li huwa fejn tinsab il-kwistjoni ewlenija). Jekk dan il-mudell ma jkunx jista’ jiġi adottat fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, jista’ jiġi kkunsidrat fir-Riforma Doganali proposta.

Tagħlima 3 – dwar is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Apprendiment

Filwaqt li l-LMS bla dubju tejbet dak li sar qabel, xi funzjonalitajiet tal-LMS jistgħu jiġu rfinati u r-rabtiet mas-sistemi ta’ ġestjoni tal-apprendiment tal-Istati Membri jistgħu jittejbu. Dan jista’ jtejjeb l-effiċjenza u jimmassimizza r-redditu fuq l-investiment fir-riżorsi tat-taħriġ, filwaqt li jottimizza l-benefiċċji tas-sistema. Hemm ukoll opportunitajiet biex jiġu stabbiliti punti ta’ riferiment u miri, issa li s-sistema laħqet il-maturità u għal inizjattivi bi prezz baxx biex titwessa’ l-udjenza tas-settur privat.

Tagħlima 4 – dwar l-innovazzjoni

L-ewwel ftit snin tal-programm intużaw biex jiġi stabbilit fehim aktar ċar ta’ dak li għandu jinftiehem bħala innovazzjoni fil-qasam tal-politika doganali (b’mod partikolari għall-kuntrarju tal-innovazzjoni fl-iżvilupp tal-IT). Il-ħatra ta’ “promotur” tal-innovazzjoni maħsub apposta għal dan tista’ twassal għal progress aktar rapidu fil-futur. Il-promotur tal-innovazzjoni jkun responsabbli għall-promozzjoni ta’ kultura ffukata fuq l-innovazzjoni, it-tmexxija ta’ gruppi ta’ ħidma rilevanti u l-kollaborazzjoni ma’ kollegi fid-DĠ TAXUD, id-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME) – is-servizz inkarigat mill-aspetti ta’ politika tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni għas-sigurtà ċivili, inklużi l-ġestjoni tal-fruntieri u d-dwana – kif ukoll iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre) u d-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (DĠ RTD). Dan jinvolvi ruħu wkoll ma’ sħab esterni, inkluż il-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ TAXUD, proġetti ta’ riċerka rilevanti relatati mad-dwana ffinanzjati mill-UE fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO, World Customs Organization), biex jipprovdu direzzjoni strateġika u tmexxija koeżiva għall-partijiet ikkonċernati kollha.

Lezzjoni 5 – dwar il-ġestjoni tal-proġetti

Minħabba l-isfidi reċenti relatati mal-iżviluppi ġeopolitiċi, l-evoluzzjoni tal-kummerċ internazzjonali u d-diġitalizzazzjoni li għaddejja bħalissa, huwa meħtieġ li jinżamm l-ambitu għal appoġġ flessibbli u koerenti. Peress li ħafna mill-baġit tal-programm huwa allokat għal proġetti tal-IT fuq skala kbira, meta wieħed iħares ’il quddiem, jistgħu jinbnew eżempji tal-użu tal-aktar approċċi aġli għall-ġestjoni tal-proġetti biex tissaħħaħ ulterjorment il-flessibbiltà tal-appoġġ fid-dawl tal-ħtiġijiet li qed jinbidlu malajr.

Lezzjoni 6 – dwar il-Qafas ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni

L-evalwazzjoni interim tikkonferma li l-qafas attwali huwa eħfef mill-predeċessur tiegħu. Madankollu, xorta tagħti prijorità lil sett komprensiv ta’ indikaturi fuq verżjoni simplifikata aktar maniġġabbli. Sabiex l-MEF isir aktar effettiv fil-futur, għandu jiġi kkunsidrat serjament it-tnaqqis ulterjuri tal-għadd ta’ indikaturi u tal-frekwenza tar-rapportar. Għall-indikaturi relatati mal-EES, l-għoti ta’ narrattivi li jallinjaw mal-objettivi tal-programm jipprovdi għarfien aktar sinifikanti minn sempliċi data numerika. Xi subindikaturi jista’ jkollhom valur limitat u jistgħu jitneħħew, filwaqt li oħrajn jistgħu jibbenefikaw minn evalwazzjonijiet perjodiċi minflok minn stħarriġ annwali. Barra minn hekk, l-indikaturi relatati mal-attivitajiet kollaborattivi jistgħu jiġu allinjati aħjar mal-objettivi speċifiċi tal-programm u mat-tipi ta’ attivitajiet deskritti fir-Regolament dwar il-programm Dwana jew fil-programm ta’ ħidma. L-innovazzjoni tista’ tintwera permezz ta’ studji tal-każ speċifiċi aktar milli permezz ta’ opinjonijiet ta’ stħarriġ.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2565 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/444 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni.

(3)

  SWD(2023) 24 final

(4)

Ir-Regolament (UE) 2021/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2021/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm “Fiscalis” għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa.

(7)

Ara: https://commission.europa.eu/funding-tenders/find-funding/eu-funding-programmes/technical-support-instrument/technical-support-instrument-tsi_en .

(8)

Ara: https://commission.europa.eu/topics/eu-solidarity-ukraine/eu-assistance-ukraine/eu-ukraine-solidarity-lanes_mt .

(9)

  COM(2023) 257 final