SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – ANNESS VIII – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni Ewropea – Trasferiment lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Talba għat-trasferiment tal-ħaddiem – Irrevokabbiltà ta’ dan it-trasferiment – Arrikkiment indebitu”

Fil-Kawża C‑776/24 [Bopuis] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal du travail francophone de Brussell (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Novembru 2024, fil-proċedura

CJ

vs

Service fédéral des Pensions (SFP),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal CJ, minn J.‑F. Neven, avocat,

–

għall-Gvern Belġjan, minn C. Jacob, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Baeckelmans u J.‑F. Brakeland, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif emendati mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 571/92 tat‑2 ta’ Marzu 1992 (ĠU 1992, L 62, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CJ u s-service fédéral des Pensions (is-Servizz Federali tal-Pensjonijiet, il-Belġju) (iktar ’il quddiem is-“SFP”) dwar it-talba ta’ CJ għat-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni Ewropea lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem is-“SPIUE”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir‑Regolamenti tal‑Persunal

3

L-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li:

“Uffiċjal li ta mill-anqas 10 snin servizz għandu jkun intitolat għal pensjoni tal-irtirar. […]

Il-pensjoni massima tal-irtirar għandha tkun 70 % tal-aħħar salarju bażiku marbut mal-aħħar grad li fih l-uffiċjal kien ikklassifikat għal mill-anqas sena. 1,80 % ta’ dak is-salarju bażiku finali għandu jitħallas lil uffiċjal għal kull sena ta’ servizz maħdum skont l-Artikolu 3 tal-Anness VIII.”

4

Skont l-Artikolu 2 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Pensjoni ta’ l-irtirar għandu jitħallas fuq il-bażi tan-numru totali ta’ snin tas-servizz tal-pensjoni akkwistati mill-uffiċjal. Kull sena tas-servizz maħduma kif ipprovdut fl-Artikolu 3 għandha tintitolah għal sena ta’ servizz tal-pensjoni u kull xahar sħiħ għal wieħed minn tnax ta’ sena ta’ servizz tal-pensjoni.

L-ogħla numru ta’ snin ta’ servizz tal-pensjoni li jista’ jkun ikkunidrat għall-kalkolu tad-drittijiet tal-pensjoni ta’ l-irtirar ikun ta’ in-numru meħtieġ biex tinkiseb l-ogħla pensjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal.”

5

L-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabilixxi li:

“1.   Uffiċjal li jitlaq mis-servizz tal-Komunitajiet biex:

–

jidħol fis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali li kkonkludiet ftehim mal-Komunitajiet;

–

biex isegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jhew għal rasu, li bis-saħħa tagħha jakkwista d-drittijiet għal pensjoni taħt skema li l-korpi amministrattivi tagħha kkonkludew ftehim mal-Komunitajiet,

għandu jkun intitolat li jkollu l-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ l-irtirar tiegħu fil-Komunitajiet ittrasferiti għal ġol-fond tal-pensjoni ta’ dik l-organizzazzjoni jew għal ġol-fond tal-pensjoni li fiha jakkwista d-drittijiet għal pensjoni ta’ l-irtirar bis-saħħa ta’ l-attività segwita f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu.

2.   Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Komunitajiet wara:

–

li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali; jew

– jew

–

li jsegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu;

għandu jkun intitolat meta jkun stabbilit li ħallas [jiġu mħallsa] lill-Komunitajiet jew l-ekwivalenza attwarjali jew il-valur tar-redenzjoni b’rata fissa tad-drittijiet tal-pensjoni ta’ l-irtirar akkwistati bis-saħħa tat-tali servizz jew attivitajiet. Fit-tali każ l-istituzzjoni li fiha jervi l-uffiċjal għandha, wara li tikkunsidra l-grad tiegħu ma’ l-istabbiliment, tistabbilixxi n-numru ta’ snin tas-servizz tal-pensjoni li għandu jkun ikkreditat bihom taħt l-iskema tal-pensjoni tiegħu stess dwar il-perjodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi ta’ l-ammont ta’ l-ekwivalenza attwarjali jew is-somom li tħallsu lura kif imsemmi qabel.”

Id-dritt Belġjan

6

Il-loi établissant certaines relations entre des régimes belges de pension et ceux d’institutions de droit international public, du 21 mai 1991 (il-Liġi li Tistabbilixxi Ċerti Relazzjonijiet Bejn Skemi Belġjani ta’ Pensjoni u Dawk ta’ Istituzzjonijiet Irregolati mid-Dritt Internazzjonali Pubbliku, tal‑21 ta’ Mejju 1991) (Moniteur belge tal‑20 ta’ Ġunju 1991, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑21 ta’ Mejju 1991”), stabbilixxiet sistema ta’ trasferiment speċjali, imsejħa “surroga”, li tirriżulta mill-formula tat-trasferiment tal-ekwivalenza attwarjali prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

7

Skont l-Artikolu 3 tal-Liġi tal‑21 ta’ Mejju 1991:

“Kull uffiċjali jista’, bi ftehim mal-istituzzjoni, jitlob li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar relatat mas-servizzi u mal-perijodi ta’ qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-istituzzjoni jitħallas lil din l-istituzzjoni”.

8

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jipprevedi li:

“Hekk kif jiġu ffinalizzati mill-amministrazzjoni, l-ammont annwali ta’ pensjoni tal-irtirar li għandu jiġi ttrasferit kif ukoll id-diversi elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tiegħu, għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna kkonċernata permezz ta’ ittra rreġistrata.”

9

L-Artikolu 7 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi li:

“Hekk kif l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar isir definittiv:

1°

ma jistax jiġi mibdul għal xi raġuni oħra […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Bejn l‑1972 u l‑1993, CJ ħadem prinċipalment fil-Belġju bħala impjegat. Matul dan il-perijodu, huwa ħallas kontribuzzjonijiet lis-SFP.

11

CJ daħal fis-servizz tal-Unjoni Ewropea fl‑1 ta’ April 1994 u sussegwentement inħatar uffiċjal b’effett mill‑1 ta’ Jannar 1995.

12

Fid‑29 ta’ Mejju 1995, CJ talab it-trasferiment lejn s-SPIUE tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba bħala ħaddiem impjegat Belġjan.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 1996, is-SFP ikkomunika lil CJ, permezz ta’ ittra rreġistrata, l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni trasferibbli.

14

Fl‑4 ta’ Novembru 1996, is-SFP informa lill-Kummissjoni Ewropea b’dan l-ammont.

15

Fl‑14 ta’ Settembru 2007, CJ ġie informat mis-servizzi tal-Unjoni b’kalkolu mill-ġdid tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni ttrasferiti minħabba r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, fl‑2004, b’mod li s-snin ta’ servizz li setgħu jiġu rrikonoxxuti fis-SPIUE naqsu għal 4 snin, 4 xhur u 24 jum.

16

Fl‑1 ta’ Lulju 2020, fl-età ta’ 63 sena u 11‑il xahar, permezz tal-kalkolu mill-ġdid tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni tal‑14 ta’ Settembru 2007, CJ laħaq il-massimu ta’ 70 % tar-rata ta’ pensjoni. Madankollu, huwa kompla jaħdem sal‑31 ta’ Lulju 2022.

17

Fit‑8 ta’ Marzu 2022, CJ talab lis-SFP il-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar li tikkorrispondi għad-drittijiet miksuba qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni.

18

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal‑25 ta’ Mejju 2022, is-SFP ta lil CJ, rispettivament, pensjoni tal-irtirar ta’ ammont gross fix-xahar ta’ EUR 533.85 mill‑1 ta’ Awwissu 2021 u pensjoni tal-irtirar ta’ ammont gross fix-xahar ta’ EUR 577.85 mill‑1 ta’ Awwissu 2022, li hija d-data meħuda inkunsiderazzjoni mis-SFP bħala d-data tat-tmiem tal-attivitajiet ta’ CJ bħala uffiċjal.

19

Fil‑5 ta’ Lulju 2022, l-awtorità tal-Unjoni inkarigata mill-likwidazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ CJ bagħtitlu avviż li jistabbilixxi d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni fid-dawl tal-irtirar tiegħu fil‑31 ta’ Lulju 2022 filgħaxija, jiġifieri fl-aħħar jum tax-xahar li matulu huwa laħaq l-età ta’ 66 sena. Dan l-avviż jistipula li 4 snin, 4 xhur u 24 jum kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni minħabba t-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni Belġjani tiegħu u indika li CJ kien akkumula total ta’ 79.21667 % tad-drittijiet għall-pensjoni, b’mod partikolari minħabba l-bonus ta’ 13.75 % miksub minħabba li ħadem 5 snin u 6 xhur wara l-età tal-irtirar statutorja. Dawn id-drittijiet kienu suġġetti għal-limitu massimu ta’ 70 % kif previst mir-Regolamenti tal-Persunal.

20

Fis‑6 ta’ Lulju 2022, CJ informa lis-SFP li, fin-nuqqas ta’ riċezzjoni fl‑1995, fl‑1996 jew fl‑1997, tal-komunikazzjoni tal-ammont annwali tal-pensjoni tal-irtirar trasferibbli, l-ammont definittiv ta’ din il-pensjoni ma setax jitqies li ġie stabbilit u t-talba tiegħu għal trasferiment kellha titqies bħala revokabbli. Għaldaqstant, huwa wera x-xewqa tiegħu li ma jibqax jipproċedi bit-trasferiment lejn is-SPIUE tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni.

21

Permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2022, is-SFP ikkonferma li CJ kellu dritt għal pensjoni tal-irtirar abbażi tad-drittijiet tiegħu miksuba bħala ħaddiem fil-Belġju, u dan mill‑1 ta’ Awwissu 2021.

22

Fuq talba tas-SFP, il-Kummissjoni informat lil dan is-servizz, permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑23 ta’ Marzu 2023, li CJ kien jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar skont is-SPIUE, u dan mill‑1 ta’ Awwissu 2022. Din l-istituzzjoni kkonfermat lis-SFP, permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑31 ta’ Marzu 2023, li din il-pensjoni kienet tieħu inkunsiderazzjoni s-snin ta’ servizz li jirriżultaw mit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni mwettaq mis-SFP.

23

Konsegwentement, is-SFP informa lil CJ bis-sospensjoni tal-pagamenti tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu taħt l-iskema nazzjonali Belġjana. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ April 2023, is-SFP irtira d-deċiżjonijiet tiegħu tal‑25 ta’ Mejju 2022 imsemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza. Filwaqt li rrikonoxxa li wettaq żball amministrattiv, is-SFP ma talabx mingħand CJ ir-rimbors tal-ammonti mħallsa indebitament, iżda informah li ma setax jitlob pensjoni tal-irtirar taħt l-iskema nazzjonali Belġjana mill‑1 ta’ Awwissu 2021.

24

CJ adixxa lit-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), li huwa l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tas‑17 ta’ April 2023, sabiex il-ħlas tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu taħt l-iskema nazzjonali Belġjana jiġi stabbilit mill-ġdid.

25

CJ isostni li jekk it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni huwa irrevokabbli, id-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba bis-saħħa tal-attivitajiet professjonali tiegħu fil-Belġju bejn l‑1972 u l‑1992 ikunu ntilfu, essenzjalment, peress li, għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu skont is-SPIUE, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn id-drittijiet għall-pensjoni ma jkunx neċessarju. Fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ surroga, l-Istat Belġjan iħallas kull xahar lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar li jikkorrispondi għad-drittijiet miksuba minn CJ, filwaqt li l-pensjoni tal-irtirar mogħtija lilu skont is-SPIUE ma tiħux inkunsiderazzjoni s-snin ta’ servizz miksuba minn CJ qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni, li jippermettilha tarrikkixxi ruħha għad-detriment ta’ CJ.

26

CJ jallega li ma rċeviex il-komunikazzjonijiet, permezz ta’ ittri rreġistrati, tal-ammonti annwali ta’ pensjoni tal-irtirar li għandha tiġi ttrasferita kif ukoll tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dawn l-ammonti, fatt li la ppermettielu jikkontestahom u lanqas jivvalidahom, u għaldaqstant, isostni li l-imsemmija ammonti għandhom jitqiesu li ma humiex definittivi. Konsegwentement, huwa jqis li t-talba tiegħu għal trasferiment lejn is-SPIUE tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba taħt l-iskema nazzjonali Belġjana tista’ tiġi rrevokata sakemm is-surroga tidħol fis-seħħ.

27

Is-SFP isostni li ma għadx għandu l-prova li bagħat l-imsemmija komunikazzjonijiet permezz ta’ ittra rreġistrata u jsostni, essenzjalment, li CJ għażel li jitlob it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba taħt l-iskema nazzjonali Belġjana lejn is-SPIUE, li għaliha huwa għandu jieħu r-responsabbiltà.

28

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk in-natura irrevokabbli tal-mekkaniżmu ta’ surroga tmurx kontra l-għan imfittex mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, dan il-mekkaniżmu huwa ta’ natura li jiddisswadi ħaddiem milli jidħol fis-servizz tal-istituzzjonijiet Ewropej, fid-dawl tar-riskju li jitlef il-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar li huwa seta’ jippretendi li kieku ma daħalx fis-servizz tal-Unjoni, riskju li jseħħ jekk, bħal f’dan il-każ, l-uffiċjal ikollu dritt għall-ammont massimu tal-pensjoni taħt is-SPIUE, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet għall-pensjoni ttrasferiti. Hija tistaqsi għalhekk jekk huwiex possibbli li jiġi kkontestat l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu sakemm iseħħ it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, permezz tas-surroga. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinvoka s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 1999, Kristensen et vs Il‑Kunsill (T‑103/98, T‑104/98, T‑107/98, T‑113/98 u T‑118/98, EU:T:1999:289), li tipprovdi li d-drittijiet għall-pensjoni ttrasferiti li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom jiġu rrimborsati lill-uffiċjal.

29

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk it-trasferiment tal-imsemmija drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni, permezz tal-mekkaniżmu ta’ surroga, jikkostitwixxix arrikkiment indebitu tal-istituzzjonijiet Ewropej.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi li t-trasferiment tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-[Regolamenti tal-Persunal] ma jseħħx permezz tat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet fil-mument tal-ħatra tal-uffiċjal tal-Unjoni, iżda permezz ta’ surroga favur l-istituzzjonijiet Ewropej, b’effett mid-data li fiha l-uffiċjal kien ikollu aċċess għal din il-pensjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba f’dan l-Istat Membru, l-imsemmi Artikolu 11(2) u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) [TUE] għandhom jiġu interpretati; fid-dawl tal-fatt li l-għanijiet tat-trasferiment huma li jippermetti li d-drittijiet li dan l-uffiċjal tal-Unjoni kiseb fi Stat Membru jkunu jistgħu jinżammu favur dan l-uffiċjal u li tiġi ggarantita l-attrazzjoni tas-servizz pubbliku Ewropew; fis-sens li jimponu li din il-leġiżlazzjoni għandha tippermetti li t-talba ta’ trasferiment tkun tista’ tiġi revokata sad-data ta’ meta tibda tapplika s-surroga u ta’ meta l-uffiċjal effettivament isir konxju mir-riskju li ma jkunx jista’ jikseb il-benefiċċju ta’ parti mid-drittijiet ikkostitwiti akkarigu ta’ dan l-Istat Membru?”

Fuq id-domanda preliminari

31

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha d-deċiżjoni tal-uffiċjal tal-Unjoni li jittrasferixxi lis-SPIUE d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba fi skema nazzjonali ta’ pensjoni qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni hija irrevokabbli, meta din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix it-trasferiment effettiv ta’ tali drittijiet għall-pensjoni fid-data ta’ din id-deċiżjoni, iżda tipprevedi tali trasferiment permezz tas-surroga tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dawn id-drittijiet miksuba mid-data li fiha l-uffiċjal jista’ jitlob il-pensjoni tal-irtirar tiegħu, bir-riskju ta’ arrikkiment indebitu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

32

Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-Regolamenti tal-Persunal, li għandhom portata ġenerali, jorbtu fl-intier tagħhom u huma direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Minn dan jirriżulta li, minbarra l-effetti li għandhom fl-ordinament intern tal-amministrazzjoni tal-Unjoni, ir-Regolamenti tal-Persunal jobbligaw ukoll lill-Istati Membri sa fejn il-parteċipazzjoni tagħhom hija neċessarja għall-implimentazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, Ministre de la Transition écologique et solidaire u Ministre de l’Action et des Comptes publics, C‑903/19, EU:C:2021:95, punti 36 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kull uffiċjal jew membru tal-persunal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni wara li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni amministrattiva, ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali jew ta’ impriża, għandu jkun intitolat, meta jinħatar bħala uffiċjal permanenti, li tiġi mħallsa lill-Unjoni l-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar li jkun kiseb fl-amministrazzjoni, fl-organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali jew fl-impriża li magħha huwa kien affiljat.

34

L-ewwel nett, is-sistema ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni, kif prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, billi tippermetti koordinazzjoni bejn l-iskemi nazzjonali u l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, għandha l-għan li tiffaċilita ċ-ċaqliq minn impjiegi nazzjonali, fis-settur pubbliku jew privat, lejn l-amministrazzjoni tal-Unjoni u sabiex b’hekk tiggarantixxi lill-Unjoni l-aħjar possibbiltajiet ta’ għażla ta’ persunal ikkwalifikat li diġà jkollu esperjenza professjonali xierqa (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2004, My, C‑293/03, EU:C:2004:821, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fil-fatt, jekk jirrifjuta li jieħu l-miżuri neċessarji għat-trasferiment lejn is-SPIUE tal-ekwivalenza attwarjali jew tal-valur ta’ riakkwist b’rata fissa tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-iskema tal-pensjoni nazzjonali, previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, Stat Membru jista’ jirrendi iktar diffiċli r-reklutaġġ, mill-Unjoni, ta’ uffiċjali nazzjonali li għandhom ċerta anzjanità, peress li tali passaġġ mis-servizz nazzjonali għas-servizz tal-Unjoni jkollu l-effett li jċaħħadhom mid-drittijiet għall-pensjoni li kien ikollhom dritt għalihom li kieku ma aċċettawx li jidħlu fis-servizz tal-Unjoni (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, Ministre de la Transition écologique et solidaire u Ministre de l’Action et des Comptes publics, C‑903/19, EU:C:2021:95, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Tali konsegwenzi ma jistgħux jiġu aċċettati fid-dawl tad-dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza leali li għandhom l-Istati Membri fil-konfront tal-Unjoni u li huwa espress fl-obbligu, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, li jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tagħha (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, Ministre de la Transition écologique et solidaire u Ministre de l’Action et des Comptes publics, C‑903/19, EU:C:2021:95, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

It-tieni nett, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intiż li d-drittijiet miksuba mill-uffiċjali fi Stat Membru, minkejja n-natura eventwalment limitata tagħhom, jew anki kundizzjonali jew futura, jew l-insuffiċjenza tagħhom sabiex jippermettu l-benefiċċju immedjat ta’ pensjoni, ikunu jistgħu jinżammu għall-benefiċċju tal-uffiċjal ikkonċernat u jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-iskema ta’ pensjoni li huwa jkun affiljat magħha fi tmiem il-karriera professjonali tiegħu (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 1981, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 137/80, EU:C:1981:237, punt 12).

38

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandha l-għan li tagħti għall-benefiċċju tal-uffiċjali dritt li l-eżerċizzju tiegħu jiddependi biss mill-għażla tagħhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 1981, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 137/80, EU:C:1981:237, punt 13, u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski, C‑408/14, EU:C:2015:591, punt 52).

39

Peress li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġi rrevokat l-eżerċizzju tal-possibbiltà msemmija f’din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni lejn is-SPIUE hija ta’ natura definittiva u irrevokabbli. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li trasferiment ġdid tad-drittijiet għall-pensjoni jista’ jseħħ biss fil-każijiet previsti fl-Artikolu 11(1), li jippreżupponu t-tmiem tas-servizz tal-persuna kkonċernata.

40

Madankollu, in-natura definittiva u irrevokabbli tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni ma tmurx kontra l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri ż-żamma tad-drittijiet miksuba u l-attraenza tas-servizz pubbliku Ewropew.

41

Fil-fatt, fir-rigward taż-żamma tad-drittijiet miksuba, għandu jiġi rrilevat li s-snin ta’ servizz miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni jippermettu li jiżdied in-numru ta’ snin ta’ servizz meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-perċentwal tal-aħħar salarju bażiku li jikkostitwixxi l-pensjoni tal-irtirar u għalhekk li jintlaħaq iktar malajr il-limitu ta’ 70 % tal-aħħar salarju bażiku stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, minn dan ma jistax jiġi dedott telf tad-drittijiet miksuba.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-possibbiltà ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni tiggarantixxi lill-uffiċjal ikkonċernat li dawn id-drittijiet ser jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt is-SPIUE, din il-possibbiltà min-naħa l-oħra ma tagħtih ebda ċertezza li dan it-teħid inkunsiderazzjoni jkollu bħala konsegwenza żieda tal-ammont tal-pensjoni tiegħu li tikkorrispondi kompletament għall-kapital ittrasferit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, KY vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, C‑100/22 P, EU:C:2023:377, punt 69).

43

Fir-rigward tal-attraenza tas-servizz pubbliku, għandu jitfakkar li t-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni huwa possibbiltà mogħtija lill-uffiċjal, li l-uffiċjal għandu jeżerċita b’għarfien sħiħ tal-fatti.

44

Għaldaqstant, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tipprevedix li t-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni jsir permezz ta’ surroga tal-istituzzjonijiet Ewropej f’dawn id-drittijiet fid-data li fiha l-uffiċjal jirtira jew li l-imsemmija drittijiet għall-pensjoni jiġu ttrasferiti lis-SPIUE fid-data li fiha l-uffiċjal ikun iddeċieda dwar tali trasferiment, dawn l-istess drittijiet huma fiż-żewġ każijiet meħuda inkunsiderazzjoni u l-attraenza tas-servizz pubbliku Ewropew ma hija, f’dawn iż-żewġ każijiet, bl-ebda mod ostakolata.

45

Konsegwentement, l-osservanza tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tirrikjedix li jiġi previst id-dritt li tiġi rrevokata t-talba għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni sad-data tad-dħul fis-seħħ tas-surroga tal-istituzzjonijiet Ewropej f’dawn id-drittijiet.

46

Din l-interpretazzjoni ma tistax tkun differenti fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li huwa espress fl-obbligu, previst fl-Artikolu 4 TUE, li jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-missjonijiet tal-Unjoni.

47

Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-partikolarità ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tinsab fil-mod li bih ir-Renju tal-Belġju ried josserva l-obbligi tiegħu fir-rigward tar-Regolamenti tal-Persunal billi stabbilixxa, permezz tal-Liġi tal‑21 ta’ Mejju 1991, mekkaniżmu ta’ surroga, li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet Ewropej jirċievu l-ammonti tal-pensjonijiet tal-irtirar taħt l-iskema nazzjonali tal-uffiċjali rtirati tagħhom, minflok ipproċeda bit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni fid-data li fiha dawn l-uffiċjali jkunu talbu t-trasferiment tad-drittijiet tagħhom. Din il-liġi kellha l-għan li ttemm il-proċedura ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ osservanza mir-Renju tal-Belġju tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, proċedura li wasslet għall-kundanna doppja tar-Renju tal-Belġju permezz tas-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 1981, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (137/80, EU:C:1981:237), u tat‑3 ta’ Ottubru 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (383/85, EU:C:1989:356). Peress li l-mekkaniżmu ta’ surroga previst mil-Liġi tal‑21 ta’ Mejju 1991 jippermetti ż-żamma effettiva tad-drittijiet miksuba mingħand is-SPF wara t-trasferiment tagħhom lis-SPIUE, minn dan jirriżulta li r-Renju tal-Belġju osserva l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

48

Fir-rigward tal-argument dwar l-arrikkiment indebitu, għandu jitfakkar li l-pensjoni tal-irtirar prevista fl-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal hija kkalkolata, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 77 u mill-Artikolu 2 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, abbażi tan-numru totali tas-snin ta’ servizz miksuba mill-uffiċjal, li għalih huwa applikat il-perċentwal previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal u, jekk ikun il-każ, fil-limitu massimu ffissat f’din id-dispożizzjoni.

49

Dawn is-snin ta’ servizz jikkorrispondu għall-perijodu li matulu l-uffiċjal ikkonċernat kien fis-servizz tal-Unjoni u l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lill-uffiċjal il-possibbiltà li jittrasferixxi lejn is-SPIUE d-drittijiet għall-pensjoni li jkun kiseb qabel ma daħal fis-servizz tal-Unjoni sabiex dawn id-drittijiet, akkreditati minn snin ta’ servizz korrispondenti, ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni li għandha tingħata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, KY vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, C‑100/22 P, EU:C:2023:377, punt 60).

50

Għandu jingħad ukoll li l-metodu ta’ kalkolu tan-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont is-SPIUE, wara t-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt skema nazzjonali, huwa bbażat fuq il-parametri msemmija fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

51

Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, għalkemm il-possibbiltà ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni toffri lill-uffiċjal inkwistjoni l-garanzija li dawn id-drittijiet ser jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt is-SPIUE, din il-possibbiltà ma tagħtih ebda ċertezza li dan it-teħid inkunsiderazzjoni ser ikollu bħala konsegwenza żieda tal-ammont tal-pensjoni tiegħu li tikkorrispondi kompletament għall-kapital ittrasferit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, KY vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, C‑100/22 P, EU:C:2023:377, punt 69).

52

Fil-fatt, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa ma huwiex marbut b’mod proporzjonali mal-ammont tal-pensjoni rċevuta, peress li dan l-ammont huwa kkalkolat abbażi tan-numru totali ta’ snin ta’ servizz li matulhom ikunu tħallsu l-kontribuzzjonijiet, inklużi dawk miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-istituzzjonijiet Ewropej, li għalihom jiġi applikat perċentwal u, jekk ikun il-każ, sa limitu massimu, konformement mal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, OA vs Il‑Parlament, C‑32/24 P, EU:C:2025:118, punt 50). Fil-fatt, is-SPIUE huwa organizzat abbażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà u ma huwiex maħsub fis-sens li l-pensjoni rċevuta minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal tikkorrispondi eżattament għall-ammont tal-kontribuzzjonijiet għal din l-iskema.

53

F’dan ir-rigward, il-mekkaniżmu ta’ surroga favur is-SPIUE, previst mil-Liġi tal‑21 ta’ Mejju 1991, ma jistax jitqies bħala li jwassal għall-arrikkiment indebitu tal-istituzzjonijiet Ewropej minħabba s-sempliċi fatt li d-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jiġu ttrasferiti lis-SPIUE fil-forma ta’ pagamenti bin-nifs pjuttost milli fil-forma ta’ kapital fil-mument tad-deċiżjoni mill-uffiċjal li jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni. Dan il-fatt ma jaffettwax id-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrent u l-kalkolu tal-pensjoni mħallsa lilu mis-SPIUE.

54

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 1999, Kristensen et vs Il‑Kunsill (T‑103/98, T‑104/98, T‑107/98, T‑113/98 u T‑118/98, EU:T:1999:289), invokata mill-qorti tar-rinviju, tikkonċerna kwistjoni differenti minn dik li tqum f’dan il-każ. Fil-fatt, din is-sentenza kienet tirrigwarda d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li skonthom in-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar kien ikkalkolat abbażi tat-totalità tal-ammont ittrasferit mingħajr ma dan in-numru jkun jista’ jaqbeż in-numru ta’ snin li matulhom il-persuna kkonċernata kienet affiljata ma’ skemi oħra ta’ pensjoni qabel ma bdiet taħdem fl-Unjoni. Fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, li kienet tikkonċerna uffiċjal tal-Kunsill, in-numru ta’ snin ta’ servizz li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-servizz abbażi tal-kapital ittrasferit kien ġie limitat, konformement mad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni adottati minn din l-istituzzjoni, għan-numru ta’ snin li matulhom il-persuna kkonċernata kienet affiljata ma’ skemi oħra ta’ pensjoni qabel ma bdiet taħdem fis-servizz tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, KY vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, C‑100/22 P, EU:C:2023:377, punt 70). Issa, fil-kawża prinċipali, id-drittijiet għall-pensjoni li kienu s-suġġett tat-trasferiment ittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom. Għaldaqstant, l-istess sentenza tal-Qorti Ġenerali ma hijiex rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha d-deċiżjoni tal-uffiċjal tal-Unjoni li jittrasferixxi lis-SPIUE d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba fi skema nazzjonali ta’ pensjoni qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni hija irrevokabbli, meta din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix it-trasferiment effettiv ta’ tali drittijiet għall-pensjoni fid-data ta’ din id-deċiżjoni, iżda tipprevedi tali trasferiment permezz tas-surroga tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dawn id-drittijiet miksuba mid-data li fiha l-uffiċjal jista’ jitlob il-pensjoni tal-irtirar tiegħu, sakemm id-drittijiet tal-pensjoni ttrasferiti jiġu effettivament ikkunsidrati fil-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni mogħtija.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif emendati mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 571/92 tat‑2 ta’ Marzu 1992, u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha d-deċiżjoni tal-uffiċjal tal-Unjoni Ewropea li jittrasferixxi lill-iskema ta’ pensjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba fi skema nazzjonali ta’ pensjoni qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni hija irrevokabbli, meta din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix it-trasferiment effettiv ta’ tali drittijiet għall-pensjoni fid-data ta’ din id-deċiżjoni, iżda tipprevedi tali trasferiment permezz tas-surroga tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dawn id-drittijiet miksuba mid-data li fiha l-uffiċjal jista’ jitlob il-pensjoni tal-irtirar tiegħu, sakemm id-drittijiet tal-pensjoni ttrasferiti jiġu effettivament ikkunsidrati fil-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni mogħtija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.