11.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 377/10


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1669

tal-10 ta’ Novembru 2020

dwar proġett pilota biex jiġu implimentati ċerti dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropea permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 hija applikazzjoni tassoftware online żviluppata mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tgħin lill-Istati Membri jikkonformaw mad-dmirijiet tagħhom ta’ kooperazzjoni amministrattiva, inklużi r-rekwiżiti ta’ skambju ta’ informazzjoni f’atti tal-Unjoni. Dan tagħmlu billi tipprovdi mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni ċentralizzat biex jiġi ffaċilitat l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni u assistenza reċiproka.

(2)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 jippermetti lill-Kummissjoni twettaq proġetti pilota biex tivvaluta jekk l-IMI ikunx strument effettiv fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fl-atti tal-Unjoni li mhumiex elenkati fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi l-moviment liberu tad-data minbarra d-data personali fl-Unjoni. Barra minn hekk, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data għall-awtoritajiet kompetenti, dwar kif tintalab l-għajnuna, u dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bil-ħsieb li jiġi pprovdut aċċess għal data pproċessata u maħżuna fi Stat Membru ieħor. Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2018/1807, awtorità kompetenti tista’ titlob assistenza minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, meta l-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba ma tiksibx aċċess għal data u jekk ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni speċifiku skont id-dritt tal-Unjoni jew ftehimiet internazzjonali għall-iskambju ta’ data bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti.

(4)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2018/1807, l-Istati Membri jistgħu, f’ċirkostanzi urġenti u taħt ċerti kundizzjonijiet, jimponu miżuri temporanji biex id-data tiġi rilokalizzata. Jekk miżura temporanjabħal din timponi rilokalizzazzjoni ta’ data għal aktar minn 180 jum wara r-rilokalizzazzjoni, din għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiskambja informazzjoni mal-Istati Membri dwar l-esperjenza rilevanti miksuba.

(5)

L-IMI tista’ tkun strument effettiv għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u (4) u fl-Artikolu 7(2) sa (5) tar-Regolament (UE) 2018/1807. Għaldaqstant, dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għal proġett pilota skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012.

(6)

Il-kooperazzjoni amministrattiva skont ir-Regolament (UE) 2018/1807 tista’ tinvolvi l-punti uniċi ta’ kuntatt deżinjati f’konformità mal-Artikolu 7(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 3(6) ta’ dak ir-Regolament, u kwalunkwe entità responsabbli għall-komunikazzjoni ta’ miżuri skont l-Artikolu 5(4) ta’ dak ir-Regolament. Skont il-punt (f) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, dawn jenħtieġ li għalhekk jiġu kkunsidrati bħala awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-proġett pilota.

(7)

Jenħtieġ li l-IMI tipprovdi l-funzjonalità teknika li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, lill-punti ta’ kuntatt uniċi, lill-entitajiet responsabbli għall-komunikazzjoni ta’ miżuri skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2018/1807, u lill-Kummissjoni jissodisfaw l-obbligi ta’ kooperazzjoni amministrattiva u ta’ komunikazzjoni tagħhom skont dak ir-Regolament.

(8)

Skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2018/1807, awtorità kompetenti li tirċievi talba għal aċċess għal data hija obbligata li jew tikkomunika d-data rikjesta jew tinforma lill-awtorità li tkun għamlet it-talba li ma tikkunsidrax li l-kundizzjonijiet biex tintalab assistenza ġew issodisfati. Biex jitħaddem l-iskambju tad-data, l-Istat Membru li jkun irċieva r-rikjesta jrid jipprovdi lill-Istati Membru rikjedenti d-dettalji neċessarji biex jaċċessa d-data rikjesta, jew id-dettalji ta’ kif u meta jkun se jiġi effettwat it-trasferiment tad-data. L-Istat Membru li lilu tkun ġiet indirizzata r-rikjesta jista’ wkoll iforni d-data mitluba immedjatament bi tweġiba għat-talba, jekk dan jitqies bħala l-aktar mod effiċjenti biex wieħed jipproċedi.

(9)

Talbietgħal assistenza, kif ukoll il-miżuri temporanji notifikati lill-Kummissjoni permezz tal-IMI, jistgħu jinkludu l-iskambju ta’ settijiet ta’ data li jkun fihom kemm data personali kif ukoll dik mhux personali. Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2018/1807, ir-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’sett ta’ data li fih tkun marbuta b’mod inseparabbli ma’ data mhux personali. Dan huwa żgurat mill-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, li jistabbilixxi r-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali fl-IMI.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, il-Kummissjoni trid tippreżenta evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Huwa xieraq li tiġi speċifikata d-data sa meta l-evalwazzjoni trid tiġi ppreżentata. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, id-data speċifikata għandha tkun l-istess bħad-data li fiha jenħtieġ li jiġi ppreżentat ir-rapport mitlub mill-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2018/1807.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proġett pilota

Għandu jitwettaq proġett pilota sabiex jiġi vvalutat jekk is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) tkunx strument effettiv biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u (4) u fl-Artikolu 7(2) sa (5) tar-Regolament (UE) 2018/1807.

Artikolu 2

Awtoritajiet kompetenti

Għall-finijiet tal-proġett pilota, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (UE) 2018/1807, il-punti ta’ kuntatt uniċi msemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ dak ir-Regolament u l-entitajiet responsabbli għall-komunikazzjoni ta' miżuri skont l-Artikolu 5(4) ta’ dak ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala awtoritajiet kompetenti skont it-tifsira tal-punt (f) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012.

Artikolu 3

Il-kooperazzjoni amministrattiva

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 7(2) sa (5) tar-Regolament (UE) 2018/1807, l-IMI għandha tipprovdi l-funzjonalità teknika, b’mod partikolari, għal dan li ġej:

(a)

is-sottomissjoni, skont dawk l-Artikoli, tat-talba għal assistenza, li għaliha għandha tiġi pprovduta ġustifikazzjoni, inkluż kwalunkwe informazzjoni ta’ akkumpanjament u spjegazzjoni bil-miktub;

(b)

il-bgħit tat-talba lill-awtorità kompetenti rilevanti fl-Istat Membru li lilu għandha tintbagħat it-talba;

(c)

l-għitu ta' tweġiba li tikkomunika d-data mitluba billi tipprovdi waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

id-dettalji meħtieġa biex id-data tiġi aċċessata u titniżżel;

(ii)

id-dettalji ta’ kif u meta se jsir it-trasferiment tad-data;

(iii)

id-data mitluba;

(d)

it-tgħarrif lill-awtorità li tagħmel it-talba li l-kondizzjonijiet biex tintalab l-għajnuna ma jkunux ġew issodisfati.

2.   Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2018/1807, l-IMI għandha tipprovdi l-funzjonalità teknika, b’mod partikolari, għal dan li ġej:

(a)

in-notifika tal-miżura temporanja lill-Kummissjoni;

(b)

il-komunikazzjoni tal-miżuri meħtieġa meħuda mill-Kummissjoni, fejn xieraq;

(c)

il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-esperjenza miksuba u l-iskambju ta’ kull informazzjoni rilevanti mal-punti uniċi ta’ kuntatt fl-Istati Membri.

Artikolu 4

Żamma tad-data personali

Meta l-informazzjoni skambjata permezz tal-IMI jkun fiha sett ta’ data li jinkludi kemm data personali kif ukoll dik mhux personali, id-data personali għandha tiġi pproċessata fl-IMI skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012.

Artikolu 5

Evalwazzjoni

L-evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota msemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 għandha tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sad-29 ta’ Novembru 2022.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).