SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

[Test irrettifikat b’digriet tal-15 ta’ Jannar 2025]

“Appell – Azzjoni esterna – Ftehimiet internazzjonali – Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk – Deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu – Allegazzjonijiet dwar ksur tad-dritt internazzjonali minħabba l-applikabbiltà tal-imsemmi ftehim għall-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi in judicio – Locus standi – Kundizzjoni li tgħid li rikorrent għandu, f’ċerti każijiet, ikun ikkonċernat direttament u individwalment mill-miżura kontenzjuża – Prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati – Prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni – Territorji mhux awtonomi – Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Dritt internazzjonali konswetudinarju – Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Kunsens tal-poplu ta’ territorju mhux awtonomu li għandu d-dritt għall-awtodeterminazzjoni bħala terz għal ftehim internazzjonali”

Fil-Kawżi magħquda C‑778/21 P u C‑798/21 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl‑14 ta’ Diċembru 2021,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn A. Bouquet, F. Castillo de la Torre u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti, sussegwentement minn A. Bouquet, D. Calleja Crespo u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

appellanti fil-Kawża C‑778/21 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Front populaire pour la libération de la Saguia-el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario), irrappreżentat minn G. Devers, avocat,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

konvenut fl-ewwel istanza,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn J.‑L. Carré, A.‑L. Desjonquères u T. Stéhelin, bħala aġenti, sussegwentement minn G. Bain, B. Herbaut, T. Stéhelin u B. Travard, bħala aġenti,

Chambre des pêches maritimes de la Méditerranée,

Chambre des pêches maritimes de l’Atlantique Nord,

Chambre des pêches maritimes de l’Atlantique Centre,

Chambre des pêches maritimes de l’Atlantique Sud,

irrappreżentati minn N. Angelet, G. Forwood u A. Hublet, avocats, kif ukoll N. Forwood, BL,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn F. Naert u V. Piessevaux, bħala aġenti, sussegwentement minn F. Naert, A. Nowak-Salles u V. Piessevaux, bħala aġenti,

rikorrent fil-Kawża C‑798/21 P,

sostnut minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat inizjalment minn J.‑C. Halleux, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, sussegwentement minn C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn P. Barros da Costa u A. Pimenta, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata inizjalment minn B. Ricziová, bħala aġent, sussegwentement minn S. Ondrášiková, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Front populaire pour la libération de la Saguia-el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario), irrappreżentat minn G. Devers, avocat,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn J.‑L. Carré, A.‑L. Desjonquères u T. Stéhelin, bħala aġenti, sussegwentement minn G. Bain, B. Herbaut, T. Stéhelin u B. Travard, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn A. Bouquet, F. Castillo de la Torre u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti, sussegwentement minn A. Bouquet, D. Calleja Crespo u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

Chambre des pêches maritimes de la Méditerranée,

Chambre des pêches maritimes de l’Atlantique Nord,

Chambre des pêches maritimes de l’Atlantique Centre,

Chambre des pêches maritimes de l’Atlantique Sud,

irrappreżentati minn N. Angelet, G. Forwood u A. Hublet, avocats, kif ukoll N. Forwood, BL,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, E. Regan, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen (Relatur), M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tat‑23 u tal‑24 ta’ Ottubru 2023,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Marzu 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea (Kawża C‑778/21 P) u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Kawża C‑798/21 P) jitolbu l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑344/19 u T‑356/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2021:640), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/441, tal-4 ta’ Marzu 2019, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u tal-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim (ĠU 2019, L 77, p. 4, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”).

2

Fil-Kawża C‑798/21 P, il-Kunsill talab ukoll, sussidjarjament, li jinżammu l-effetti tad-Deċiżjoni kontenzjuża għal perjodu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-għoti tas-sentenza li għandha tingħata.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

Il‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti

3

L-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco fis‑26 ta’ Ġunju 1945 (iktar ’il quddiem il-“Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”), jistabbilixxi:

“L-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti huma s-segwenti:

[…]

2.

L-iżvilupp bejn in-nazzjonijiet ta’ relazzjonijiet ta’ ħbiberija bbażati fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ drittijiet tal-popli u tad-dritt tagħhom li jiddeċiedu għalihom infushom, u jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex tiġi kkonsolidata l-paċi fid-dinja;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Il-Kapitolu XI tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolat “Dikjarazzjoni dwar it-teritorji mhux awtonomi”, jinkludi l-Artikolu 73 tagħha, li jipprevedi:

“Il-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom jew li jassumu r-responsabbiltà sabiex jamministraw territorji li l-popolazzjonijiet tagħhom għadhom ma jamministrawx lilhom infushom kompletament għandhom jirrikonoxxu l-prinċipju ta’ supremazija tal-interessi tal-abitanti ta’ dawn it-territorji. Huma għandhom jaċċettaw bħala missjoni sagra l-obbligu li jiffavorixxu b’kull mod possibbli l-prosperità tagħhom, fil-kuntest tas-sistema ta’ paċi u ta’ sigurtà internazzjonali stabbilita minn din il-karta […]

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il‑Konvenzjoni ta’ Vjenna

5

Skont it-termini tal-aħħar paragrafu tal-Preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, konkluż fi Vjenna fit‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), il-partijiet għal din il-konvenzjoni “jsostnu li r-regoli tad-dritt konswetudinarju internazzjonali għandhom ikomplu jirregolaw kwistjonijiet li ma humiex irregolati mid-dispożizzjonijiet [tal-imsemmija] konvenzjoni ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6

L-Artikolu 3 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Ftehimiet internazzjonali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni”, jipprovdi:

“Il-fatt li din il-konvenzjoni ma tapplikax għal ftehimiet internazzjonali konklużi bejn Stati u suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali jew bejn tali suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali, jew għal ftehimiet internazzjonali li ma jkunux f’forma miktuba, ma għandux jaffettwa:

[…]

(b)

l-applikazzjoni għal dawn il-ftehimiet ta’ kwalunkwe regoli li huma stabbiliti f’din il-konvenzjoni li kienu jkunu suġġetti għalihom taħt id-dritt internazzjonali b’mod indipendenti mill-Konvenzjoni;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ trattati” jipprovdi:

“Sakemm intenzjoni differenti ma tirriżultax mit-trattat jew ma tkunx stabbilita b’mod ieħor, trattat jorbot lil kull Parti fir-rigward tat-territorju kollu tagħha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-Artikolu 34 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Regola ġenerali dwar Stati terzi”, jistabbilixxi:

“Trattat la joħloq obbligi u lanqas drittijiet għal Stat terz mingħajr il-kunsens tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

L-Artikolu 35 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Trattati li jipprevedu obbligi għal Stati terzi”, huwa fformulat kif ġej:

“Dispożizzjoni ta’ trattat tagħti lok għal obbligu għal Stat terz jekk għall-Partijiet fit-trattat din id-dispożizzjoni tkun intiża li tistabbilixxi l-obbligu u jekk l-Istat terz jaċċetta b’mod espress dan l-obbligu bil-miktub.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

Skont l-Artikolu 36 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Trattati li jipprevedu drittijiet għal Stati terzi”:

“1.   Dispożizzjoni ta’ trattat tagħti lok għal dritt għal Stat terz jekk għall-Partijiet fit-trattat din id-dispożizzjoni tkun intiża li tagħti dan id-dritt lil Stat terz, lil grupp ta’ Stati li jagħmel parti minnu, jew lill-Istati kollha, u jekk dan l-Istat terz jagħti l-kunsens tiegħu għal dan. Sakemm it-trattat ma jipprovdix mod ieħor, il-kunsens tiegħu għandu jiġi preżunt sakemm ma jkunx indikat l-oppost.

2.   Stat li jeżerċita dritt konformement mal-paragrafu 1 għandu josserva l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tiegħu previsti fit-trattat jew stabbiliti konformement mat-trattat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir‑Riżoluzzjoni III tal‑Att Finali tat‑Tielet Konferenza tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar il‑Liġi tal‑Baħar

11

Ir-Riżoluzzjoni III tal-Att Finali tat-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tat‑30 ta’ April 1982 tipprevedi li “fil-każ ta’ territorju li l-poplu tiegħu ma għandux l-indipendenza sħiħa jew sistema ta’ awtonomija oħra rrikonoxxuta min-Nazzjonijiet Uniti, jew ta’ territorju taħt dominju kolonjali, id-dispożizzjonijiet relatati ma’ drittijiet jew interessi msemmija fil-[Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, konkluż f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar”),] huma applikati għall-benefiċċju tal-poplu ta’ dan it-territorju bil-għan li jippromwovu l-prosperità u l-iżvilupp tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Il‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

12

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis‑26 ta’ Frar 1996, daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2000 (ĠU 2000, L 70, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

13

L-Artikolu 1(1) ta’ dan il-ftehim jipprovdi:

“Hija stabbilita assoċjazzjoni bejn il-[Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar] u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Marokk, min-naħa l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

L-Artikolu 94 tal-imsemmi ftehim jipprevedi:

“Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa, għat-territorji fejn jiġu applikati t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u skont il-kundizzjonijiet li huma stabbiliti fl-imsemmija trattati u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tar-Renju tal-Marokk.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il‑Ftehim dwar is‑Sajd tal‑2006

15

Fit‑22 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 764/2006 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2006, L 294M, p. 131). L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk huwa approvat f’isem il-Komunità.”

16

Kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu u mill-Artikoli 1 u 3 tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2006, L 294M, p. 134, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006”) huwa intiż li jintensifika r-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, billi jistabbilixxi, fis-settur tas-sajd, sħubija intiża sabiex tippromwovi sajd responsabbli fiż-żoni tas-sajd Marokkini u sabiex timplimenta b’mod effikaċi l-politika tas-sajd Marokkina.

17

L-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006 jistipula li dan għandu japplika, f’dak li jirrigwarda r-Renju tal-Marokk, għat-“territorju tal-Marokk u fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tal-Marokk”.

18

L-Artikolu 2(a) ta’ dan il-ftehim jiddefinixxi li l-kunċett ta’ “żoni tas-sajd Marokkini”, għall-finijiet tal-imsemmi ftehim, tal-Protokoll tiegħu u tal-anness tiegħu, bħala li jirreferi għall-“ibħra rilevanti taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk”.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

19

Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jissemmew b’mod partikolari fil-punti 1 sa 72 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

Il‑kuntest internazzjonali

20

Is-Saħara tal-Punent hija territorju li jinsab fil-Majjistral tal-kontinent Afrikan, li ġie kkolonizzat mir-Renju ta’ Spanja fi tmiem is-seklu XIX qabel ma sar provinċja Spanjola. Fl‑1963, dan it-territorju ġie inkluż mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-“lista preliminari tat-territorji li għalihom tapplika d-Dikjarazzjoni dwar l-għoti tal-Indipendenza lill-pajjiżi u lill-popli kolonjali [Riżoluzzjoni 1514 (XV) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bħala territorju mhux awtonomu amministrat mir-Renju ta’ Spanja, fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Sal-lum għadu fuq il-lista tat-territorji mhux awtonomi stabbilita mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti abbażi ta’ informazzjoni mibgħuta skont l-Artikolu 73(e) ta’ din il-karta.

21

Fl‑20 ta’ Diċembru 1966, fl‑1 500 seduta plenarja tagħha, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni 2229 (XXI) dwar il-kwistjoni tal-Ifni u tas-Saħara Spanjola, li fiha “[r]eġa’ ġie affermat] id-dritt inaljenabbli [tal-poplu] […] tas-Saħara Spanjol għall-awtodeterminazzjoni skont ir-Riżoluzzjoni 1514 (XV) tal-Assemblea Ġenerali [tan-Nazzjonijiet Uniti]” u talbet lir-Renju ta’ Spanja, fil-kapaċità tiegħu bħala poter amministrattiv, “sabiex kemm jista’ jkun malajr, jistabbilixxi l-modalitajiet tal-organizzazzjoni ta’ referendum li għandu jinżamm taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex il-popolazzjoni awtoktona tat-territorju tkun tista’ teżerċita liberament id-dritt tagħha għall-awtodeterminazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

22

Fl‑24 ta’ Ottubru 1970, fl‑1 883 seduta plenarja tagħha, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni 2625 (XXV), li permezz tagħha approvat id-“Dikjarazzjoni dwar il-prinċipji tad-dritt internazzjonali relatati mar-relazzjonijiet ta’ ħbiberija u l-kooperazzjoni bejn l-Istati skont il-[K]arta tan-Nazzjonijiet Uniti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li t-test tagħha huwa anness mal-imsemmija riżoluzzjoni. Din id-dikjarazzjoni “tipproklama solennement”, b’mod partikolari, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza tad-drittijiet tal-popli u tad-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

23

Il-Front populaire pour la libération de la Saguia-el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario) huwa organizzazzjoni maħluqa fl‑10 ta’ Mejju 1973 fis-Saħara tal-Punent. Fl-Artikolu 1 tal-Istatuti tiegħu, huwa ddefinit bħala “moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali” li l-membri tiegħu “jiġġieldu għall-indipendenza totali u għall-kisba tas-sovranità tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fuq it-territorju kollu tar-Repubblika Għarbija Demokratika tas-Saħara” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24

Fl‑20 ta’ Awwissu 1974, ir-Renju ta’ Spanja bagħat ittra lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fejn ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jorganizza, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, referendum intiż sabiex jippermetti lill-poplu tas-Saħara tal-Punent jeżerċita d-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni.

25

Fis‑16 ta’ Ottubru 1975, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ), fil-kapaċità tagħha ta’ organu ġudizzjarju prinċipali tan-Nazzjonijiet Uniti u wara talba mressqa mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-kuntest tax-xogħlijiet tagħha dwar id-dekolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent, tat opinjoni konsultattiva “Saħara tal-Punent” (QIĠ Ġabra 1975, p. 12, iktar ’il quddiem l-“Opinjoni Konsultattiva dwar is-Saħara tal-Punent”). Fil-punt 162 ta’ din l-opinjoni, il-QIĠ ikkunsidrat is-segwenti:

“Il-provi u l-informazzjoni prodotti quddiem il-[QIĠ] juru l-eżistenza, fil‑mument tal-kolonjalizzazzjoni Spanjola, ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ alleanza bejn is‑sultan tal‑Marokk u xi tribujiet li jgħixu fit-territorju tas-Saħara tal‑Punent. Juru wkoll l‑eżistenza ta’ drittijiet, inkluż ċerti drittijiet relatati mal-art, li jikkostitwixxu rabtiet ġuridiċi bejn it-territorju tal‑Mawritanja, fis-sens mifhum mill-[QIĠ], u t‑territorju tas-Saħara tal‑Punent. Min-naħa l-oħra, il-[QIĠ] tikkonkludi li l-provi u l‑informazzjoni prodotti quddiemha ma jistabbilixxu l-eżistenza tal-ebda rabta ta’ sovranità territorjali bejn it-territorju tas-Saħara tal‑Punent minn naħa waħda, ir‑Renju tal-Marokk jew it-territorju tal-Mawritanja, min-naħa l-oħra. Il-[QIĠ] għalhekk ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ natura li jibdlu l‑applikazzjoni tar‑Riżoluzzjoni 1514 (XV) [tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti] fir‑rigward tad‑dekolonjalizzazzjoni tas-Saħara tal‑Punent u b’mod partikolari tal‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni permezz tal‑espressjoni libera u awtentika tar-rieda tal-popolazzjonijiet tat‑territorju. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

26

Fil-punt 163 tal-Opinjoni Konsultattiva dwar is-Saħara tal-Punent, il-QIĠ indikat, b’mod partikolari:

“[Il-Qorti hija tal-opinjoni], [f’]dak li jirrigwarda d-domanda I, […] li s-Saħara tal-Punent (Rio de Oro u Sakiet El Hamra) ma kinitx territorju mingħajr sid (terra nullius) fil-mument tal-kolonjalizzazzjoni minn Spanja; […] f’dak li jirrigwarda d-domanda II, […] li t-territorju kellu, mar-Renju tal-Marokk, rabtiet ġuridiċi li għandhom il-karatteristiċi indikati fil-paragrafu 162 ta’ din l-opinjoni [u] li t-territorju kellu, mat-territorju tal-Mawritanja, rabtiet ġuridiċi li għandhom il-karatteristiċi indikati fil-punt 162 ta’ din l-opinjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

27

F’diskors mogħti fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tal-Opinjoni Konsultattiva dwar is-Saħara tal-Punent, ir-Re tal-Marokk iddikjara li “d-dinja kollha [kienet] irrikonoxxiet li s-Saħara [tal-Punent] kienet fil-pussess” tar-Renju tal-Marokk u li “kien l-obbligu tiegħu li jirkupra b’mod paċifiku dan it-territorju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li appella, għal dan l-għan, li tiġi organizzata mixja.

28

Fis‑6 ta’ Novembru 1975, fl‑1 854 seduta tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 380 (1975) fuq is-Saħara tal-Punent, fejn “[iddeplora] l-mixja” imħabbra u “[talab] li[r-Renju tal-]Marokk jirtira immedjatament mit-territorju tas-Saħara tal-Punent il-parteċipanti kollha għal [din] il-mixja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

29

Fis‑26 ta’ Frar 1976, ir-Renju ta’ Spanja informa lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li, b’effett minn din id-data, huwa kien qiegħed itemm il-preżenza tiegħu fit-territorju tas-Saħara tal-Punent u li minn dak il-mument kien qiegħed iqis ruħu ħieles minn kull responsabbiltà ta’ natura internazzjonali relatata mal-amministrazzjoni ta’ dan it-territorju.

30

Sadanittant inqala’ kunflitt armat f’dan ir-reġjun bejn ir-Renju tal-Marokk, ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u l-Front Polisario. F’dan il-kuntest, parti mill-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent, il-biċċa l-kbira membri tal-poplu Saħrawi, ħarbet minn dan it-territorju u sabet kenn fil-kampijiet fit-territorju Alġerin, qrib il-fruntiera mas-Saħara tal-Punent.

31

L-għada tat-tmiem tal-preżenza tar-Renju ta’ Spanja fis-Saħara tal-Punent, il-Front Polisario ddikjara l-ħolqien tar-Repubblika Għarbija Demokratika tas-Saħara (RGħDS). La l-Unjoni u lanqas l-Istati Membri tagħha ma jirrikonoxxu, sal-lum, ir-RGħDS.

32

Fl‑14 ta’ April 1976, ir-Renju tal-Marokk ikkonkluda mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja trattat dwar it-tqassim tat-territorju tas-Saħara tal-Punent, u għamel annessjoni tal-parti minn dan it-territorju li kienet allokata lilu permezz ta’ dan it-trattat. Fl‑10 ta’ Awwissu 1979, ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja kkonkludiet ftehim ta’ paċi mal-Front Polisario, li permezz tiegħu hija rrinunzjat għal kull pretensjoni territorjali fis-Saħara tal-Punent. Wara din il-konklużjoni, ir-Renju tal-Marokk ħa l-kontroll tat-territorju evakwat mill-forzi tal-Mawritanja.

33

Fil‑21 ta’ Novembru 1979, fil‑75 seduta plenarja tagħha, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni 34/37 dwar il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, li fiha “[r]eġgħet affermat id-dritt inaljenabbli tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-awtodeterminazzjoni u għall-indipendenza, b’mod konformi mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti […] u mal-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1514 (XV) [tagħha]”, hija “ddeplora[t] bil-qawwa l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta mill-persistenza tal-okkupazzjoni tas-Saħara tal-Punent mill-Marokk”, “talbet immedjatament lill-Marokk biex jinvolvi ruħu hu wkoll fid-dinamika tal-paċi u jtemm l-okkupazzjoni tat-territorju tas-Saħara tal-Punent” u “rrakkomandat għal dan l-għan li l-[Front Polisario], rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, jipparteċipa bis-sħiħ f’kull tiftixa ta’ soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u definittiva tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, skont ir-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din ir-riżoluzzjoni ġiet segwita mir-Riżoluzzjoni 35/19, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti matul is‑56 seduta plenarja tagħha, li nżammet fl‑11 ta’ Novembru 1980. Fil-punt 10 ta’ din ir-riżoluzzjoni, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti “[talbet] b’urġenza lill-Marokk u lill-[Front Polisario], rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, jibdew negozjati diretti sabiex il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent tiġi rregolata b’mod definittiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

34

Il-kunflitt bejn ir-Renju tal-Marokk u l-Front Polisario baqa’ għaddej sakemm, fit‑30 ta’ Awwissu 1988, il-partijiet aċċettaw, bħala prinċipju, proposti ta’ regolament li ħarġu b’mod partikolari mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u li jipprevedu b’mod partikolari t-tħabbir ta’ waqfien mill-ġlied kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ referendum għall-awtodeterminazzjoni taħt il-kontroll tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, peress li ma nstabet l-ebda soluzzjoni politika, il-ġlied tkompla fl‑2020.

35

Sabiex jissorvelja, fost aspetti oħra, il-waqfien mill-ġlied u jikkontribwixxi għall-organizzazzjoni ta’ dan ir-referendum, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilixxa, f’April tal‑1991, il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-organizzazzjoni ta’ referendum fis-Saħara tal-Punent (Minurso), li l-mandat tagħha jiġi estiż kull sena u għadu jeżisti sal-lum. Ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti regolarment ifakkru li kull soluzzjoni politika għandha tipprevedi “l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fil-qafas ta’ arranġamenti kompatibbli mal-prinċipji u l-għanijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara, fl-aħħar lok, ir-Riżoluzzjoni 2703 (2023) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑30 ta’ Ottubru 2023, punt 4).

36

L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fit‑82 seduta plenarja tagħha tas‑6 ta’ Diċembru 1995, adottat ir-Riżoluzzjoni 50/33, intitolata “Attivitajiet ta’ interessi barranin, ekonomiċi u oħrajn, li jostakolaw l-applikazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti tal-indipendenza lill-pajjiżi u lill-popli kolonjali fit-territorji li jinsabu taħt dominju kolonjali”, li fiha, b’mod partikolari, “[r]eġgħet affermat id-dritt inaljenabbli tal-popli tat-territorji kolonjali jew mhux awtonomi għall-awtodeterminazzjoni, għall-indipendenza u għat-tgawdija tar-riżorsi naturali tat-territorji tagħhom, kif ukoll id-dritt tagħhom li jiddisponu minn dawn ir-riżorsi fl-aħjar interessi tagħhom”, “[affermat] il-valur tal-investimenti ekonomiċi barranin magħmula b’kollaborazzjoni mal-popolazzjonijiet tat-territorji mhux awtonomi u skont ix-xewqat tagħhom sabiex jingħata kontribut validu għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku tat-territorji”, “[iddikjarat] mill-ġdid li l-isfruttament negattiv u s-serq ta’ riżorsi marittimi u ta’ riżorsi naturali oħra tat-territorji kolonjali jew mhux awtonomi minn interessi ekonomiċi barranin, bi ksur tar-riżoluzzjoni rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti, [kienu jikkompromettu] l-integrità u l-prosperità ta’ dawn it-territorji” u “[stiednet] lill-gvernijiet kollha u lill-organi kollha tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jiżguraw li s-sovranità permanenti tal-popolazzjonijiet tat-territorji kolonjali u mhux awtonomi fuq ir-riżorsi naturali tagħhom tkun osservata u salvagwardata kompletament” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

37

Sal-lum, tali referendum għadu ma sarx u r-Renju tal-Marokk jikkontrolla l-parti l-kbira tat-territorju tas-Saħara tal-Punent, li ħajt tar-ramel mibni u kkontrollat mill-armata tiegħu jissepara mill-bqija ta’ dan it-territorju, ikkontrollat mill-Front Polisario.

Il‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il‑Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni u d‑diversi ftehimiet dwar is‑sajd konklużi bejn l‑Unjoni u r‑Renju tal‑Marokk kif ukoll il‑konsegwenzi ġuridiċi tagħhom

38

Fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, ġie ffirmat, fit‑13 ta’ Diċembru 2010, Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2012, L 241, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni”). Dan il-ftehim ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/497/UE tat‑8 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 241, p. 2).

39

Fil-qasam tas-sajd, il-Komunità Ekonomika Ewropea ntrabtet, fl‑1985, li tassumi r-responsabbiltà tal-ftehimiet tas-sajd eżistenti, konklużi mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Portugiża mar-Renju tal-Marokk, wara l-adeżjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri mal-Komunità Ekonomika Ewropea (dak iż-żmien) (ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/442/KE tat‑13 ta’ Awwissu 1987 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-arranġamenti tas-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tal-Marokk, applikabbli b’mod preliminari mill‑1 ta’ Awwissu sal‑31 ta’ Diċembru 1987 (ĠU 1987, L 232, p. 18), u l-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-arranġamenti tas-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tal-Marokk, applikabbli b’mod preliminari mill‑1 ta’ Awwissu sal‑31 ta’ Diċembru 1987 (ĠU 1987, L 232, p. 19).

40

Fl‑1988, fl‑1992 u fl‑2006, il-Komunità Ekonomika Ewropea kkonkludiet il-ftehimiet tagħha stess dwar is-sajd mar-Renju tal-Marokk, jiġifieri l-Ftehim dwar ir-relazzjonijiet fir-rigward tas-sajd fil-baħar bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 1988, L 99, p. 49, iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑1988”), il-Ftehim dwar ir-relazzjonijiet fir-rigward tas-sajd fil-baħar bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 1992, L 407, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑1992”) u l-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006.

41

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet kien ikopri t-“territorju tal-Marokk u l-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni Marokkina” [traduzzjoni mhux uffiċjali], mingħajr ma jiċċara speċifikament il-fruntiera taż-żoni marittimi koperti (ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 1 tal-Ftehim tal‑1988; l-Artikolu 1 tal-Ftehim tal‑1992, u l-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006).

42

Element essenzjali tal-imsemmija ftehimiet kollha kien il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji lir-Renju tal-Marokk, parzjalment inkambju għall-għoti, mill-awtoritajiet Marokkini, ta’ liċenzji lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tal‑1988; l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 7 tal-Ftehim tal‑1992, kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 tal-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006).

43

Protokolli separati, li huma validi rispettivament għal perijodu ta’ erba’ snin u li jifformaw parti integrali mill-istess ftehimiet, stabbilixxew ukoll l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, it-tul ta’ żmien tagħhom u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom (l-Artikoli 5 u 7 tal-Ftehim tal‑1988 kif ukoll il-Protokoll Nru 1 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija mill-Marokk u l-kumpens mogħti mill-Komunità għall-perijodu mill‑1 ta’ Marzu 1988 sad‑29 ta’ Frar 1992 (ĠU 1988, L 99, p. 61); l-Artikoli 7 u 9 tal-Ftehim tal‑1992 kif ukoll il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kumpens finanzjarju u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija mill-Komunità (ĠU 1992, L 407, p. 15); u l-Artikoli 5 sa 7 tal-Ftehim tal‑2006 kif ukoll il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kumpens Finanzjarju fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk fis-settur tas-sajd (ĠU 2006, L 294M, p. 131).

44

Skont il-premessa 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-protokoll tal-aħħar li jistabbilixxi l-opportunitajiet għas-sajd u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji, jiġifieri l-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2013, L 328, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal‑2013”), li kien jakkumpanja l-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006, skada fl‑14 ta’ Lulju 2018.

45

Fid‑19 ta’ Novembru 2012, il-Front Polisario ppreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2012/497, billi allega, b’mod partikolari, ċertu numru ta’ każijiet ta’ ksur, mill-Kunsill, tal-obbligi tiegħu fir-rigward tad-dritt internazzjonali, minħabba li kien approva, permezz tal-imsemmija deċiżjoni, l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Permezz tas-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2012/497 inkwantu kienet approvat l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fis-Saħara tal-Punent, minħabba li l-Kunsill kien naqas mill-obbligu tiegħu li jeżamina, qabel l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, l-elementi kollha tal-każ inkwistjoni, billi ma vverifikax jekk il-kummerċ ta’ prodotti li joriġinaw minn dan it-territorju esportati lejn l-Unjoni kienx isir għad-detriment tal-popolazzjoni tal-imsemmi territorju u kienx jinvolvi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

46

Adita b’appell ippreżentat mill-Kunsill fid‑19 ta’ Frar 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), annullat is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), u ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tal-Front Polisario ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-tieni aggravju tal-appell, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tal-locus standi ta’ Front Polisario u, b’mod iktar partikolari, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kien japplika għas-Saħara tal-Punent. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b’mod partikolari li, skont il-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, u d-dritt għall-awtodeterminazzjoni li jirriżulta minnu għall-poplu tas-Saħara tal-Punent, li huwa territorju mhux awtonomu, fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-imsemmi territorju għandu status separat u distint meta mqabbel ma’ dak ta’ kwalunkwe Stat ieħor, inkluż dak tar-Renju tal-Marokk. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-kliem “territorju tar-Renju tal-Marokk”, li jinsab fl-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, ma setax jiġi interpretat b’tali mod li s-Saħara tal-Punent jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan il-ftehim.

47

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha wkoll, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), fuq il-fatt li l-poplu tas-Saħara tal-Punent għandu jitqies bħala “terz”, fis-sens tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati. Fil-fatt, il-kunsens ta’ dan it-terz kien meħtieġ sabiex l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tkun tista’ taffettwah fil-każ li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, u dan mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk tali implimentazzjoni tkunx ta’ natura li tippreġudikah jew, għall-kuntrarju, li tkunlu ta’ benefiċċju. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), ma wrietx li l-poplu tas-Saħara tal-Punent wera tali kunsens fir-rigward tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

48

Fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod partikolari, fl-ewwel lok, li l-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006 kien jifforma parti minn ġabra konvenzjonali li għandha bħala kuntest il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ din il-ġabra konvenzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien hemm lok li l-kunċett ta’ “territorju tal-Marokk”, li jinsab fl-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006, jiġi interpretat bl-istess mod bħall-kunċett ta’ “territorju tar-Renju tal-Marokk”, li jinsab fl-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u minn dan ikkonkludiet li t-territorju tas-Saħara tal-Punent ma kienx jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “territorju tar-Renju tal-Marokk”, fis-sens tal-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006.

49

Fit-tieni lok, sabiex tinterpreta l-espressjoni “ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li mill-Artikolu 2(1) u mill-Artikoli 55 u 56 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar jirriżulta li l-ibħra li fuqhom l-Istat kostali għandu sovranità jew ġurisdizzjoni huma limitati għall-ibħra li jmissu mat-territorju tiegħu u li jaqgħu fil-baħar territorjali tiegħu jew fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE). Konsegwentement, u fid-dawl tal-fatt li t-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jifformax parti mit-territorju tar-Renju tal-Marokk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jaqgħux fiż-żona ta’ sajd Marokkina msemmija fl-Artikolu 2(a) tal-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006.

50

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati li jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim, bħala “ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità […] tar-Renju tal-Marokk” imsemmija fl-Artikolu 2(a) tal-imsemmi ftehim dwar is-sajd, l-ilmijiet li jmissu direttament mal-kosta tat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

51

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-espressjoni “ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità […] tar-Renju tal-Marokk” li tinsab fl-Artikolu 2(a) tal-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Kunsill u l-Kummissjoni pprevedew, b’mod partikolari, li r-Renju tal-Marokk ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala “awtorità amministrattiva de facto” jew awtorità okkupanti tat-territorju tas-Saħara tal-Punent u li tali klassifikazzjoni tista’ tkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, anki mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk intenzjoni komuni possibbli tal-partijiet tal-imsemmi ftehim li din l-espressjoni tingħata sens partikolari, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni tali ċirkustanzi, kinitx konformi mar-regoli ta’ dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni, tali intenzjoni komuni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi kkonstatata f’dan il-każ, peress li r-Renju tal-Marokk kien kategorikament eskluda li huwa awtorità okkupanti jew awtorità amministrattiva tat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

52

Fil-ħames lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Protokoll tal‑2013, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-espressjoni “żoni tas-sajd Marokkini” kienet użata kemm fil-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006 kif ukoll f’dan il-protokoll, u kienet tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħhom. Hija kkunsidrat li din l-espressjoni għandha tinftiehem li tirreferi għall-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk u li, konsegwentement, ma tinkludix l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

53

Fis-sitt lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-komunikazzjoni tal-koordinati ġeografiċi tal-linji ta’ bażi u taż-żoni tas-sajd tar-Renju tal-Marokk, imsemmija mid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal‑2013, twettqet biss fis‑16 ta’ Lulju 2014. Peress li dan il-protokoll daħal fis-seħħ fil‑15 ta’ Lulju 2014, minn dan hija kkonkludiet li dawn il-koordinati ġeografiċi ma kinux jifformaw parti mit-test tiegħu, kif miftiehem bejn il-partijiet. Fi kwalunkwe każ, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk l-imsemmija koordinati ġeografiċi kienu ġew ikkomunikati qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi protokoll, dawn ma setgħu bl-ebda mod iqajmu dubju dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “żoni tas-sajd Marokkini” li hija użat fil-punt 79 tas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118) jew jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess protokoll b’mod li jinkludi fih l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li la l-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006, u lanqas il-Protokoll tal‑2013 ma kienu applikabbli għall-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent, l-eżami tiegħu ma żvela l-ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tal-atti ta’ konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet fid-dawl tal-Artikolu 3(5) TUE.

Il‑Ftehim kontenzjuż u d‑Deċiżjoni kontenzjuża

55

Wara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118), il-Kunsill, permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2018, awtorizza lill-Kummissjoni tibda negozjati, f’isem l-Unjoni, mar-Renju tal-Marokk, sabiex jiġi emendat il-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006 u, b’mod partikolari, sabiex jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Fl‑24 ta’ Lulju 2018, fi tmiem dawn in-negozjati, ġew inizjalati ftehim ta’ sħubija ġdid fis-settur tas-sajd sostenibbli bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, protokoll ġdid ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, inkluż l-anness u l-appendiċi ta’ dan il-protokoll, u l-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-imsemmi ftehim.

56

Fl‑14 ta’ Jannar 2019, fi Brussell, l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk iffirmaw il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2019, L 77, p. 8, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar is-Sajd”), il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU 2019, L 77, p. 18, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Implimentazzjoni”) kif ukoll l-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim (ĠU 2019, L 77, p. 53, iktar ’il quddiem l-“iskambju ta’ ittri”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“Ftehim kontenzjuż”).

57

Skont l-Artikolu 1(h) tal-Ftehim dwar is-Sajd, għall-finijiet ta’ dan il-ftehim, “żona tas-sajd” għandha tfisser “l-ilmijiet tal-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant li jinsabu bejn il-paralleli 35°47’18’’ fit-Tramuntana u 20°46’13’’ fit-Tramuntana, inkluż l-ilmijiet tal-madwar [fi]s-Saħara tal-Punent li jkopru ż-żoni kollha ta’ ġestjoni”. Huwa wkoll spjegat li “din id-definizzjoni ma għandhiex taffettwa n-negozjati possibbli dwar id-demarkazzjoni taż-żoni marittimi tal-Istati kostali li jikkonfinaw maż-żona tas-sajd u, b’mod ġenerali, id-drittijiet ta’ Stati terzi”.

58

L-Artikolu 5(1) u (2) tal-Ftehim dwar is-Sajd jipprevedi:

“1.   Il-bastimenti tal-Unjoni jistgħu jistadu fiż-żona tas-sajd koperta b’dan il-Ftehim dment li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd li tkun inħarġet skont dan il-Ftehim. Għandha tkun ipprojbita kull attività tas-sajd li ssir fiż-żona tas-sajd u li ma tkunx koperta minn dan il-Ftehim.

2.   L-awtoritajiet tar-Renju tal-Marokk ma għandhomx joħorġu awtorizzazzjonijiet għas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni ħlief skont dan il-Ftehim. Għandu jkun ipprojbit il-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni barra mill-qafas ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari fl-għamla ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd diretta.”

59

L-Artikolu 6(1) tal-Ftehim dwar is-Sajd jistipula:

“Biex jiġi ġġarantit qafas regolatorju għas-sajd sostenibbli, il-bastimenti tal-Unjoni li joperaw fiż-żona tas-sajd għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Marokk li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd f’dik iż-żona, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan il-Ftehim […]”

60

Skont l-Artikolu 12(1) sa (4) tal-Ftehim dwar is-Sajd:

“1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja hija definita fil-Protokoll.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

kumpens finanzjarju mogħti mill-Unjoni għall-aċċess mill-bastimenti tal-Unjoni għaż-żona tas-sajd;

(b)

l-imposti li għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni;

(c)

appoġġ settorjali mogħti mill-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ politika tas-sajd sostenibbli u governanza tal-oċeani, soġġett għall-programmazzjoni annwali u pluriennali.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Unjoni għandha titħallas kull sena skont il-Protokoll [ta’ Implimentazzjoni].

4.   Il-Partijiet għandhom jeżaminaw l-allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta tal-benefiċċji soċjoekonomiċi li jirriżultaw minn dan il-Ftehim, b’mod partikolari f’termini ta’ infrastruttura, servizzi soċjali bażiċi, twaqqif ta’ negozji, taħriġ vokazzjonali, u proġetti ta’ żvilupp u ta’ modernizzazzjoni tas-settur tas-sajd, sabiex jiġi żgurat li din l-allokazzjoni tkun ta’ benefiċċju għall-persuni kkonċernati b’mod proporzjonali mal-attivitajiet tas-sajd.”

61

L-Artikolu 13(1) tal-Ftehim dwar is-Sajd jipprevedi:

“Għandu jiġi stabbilit Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Dan il-Kumitat għandu jkun responsabbli mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u jista’ jemenda l-Protokoll [ta’ Implimentazzjoni].”

62

L-Artikolu 14 tal-Ftehim dwar is-Sajd jistipula:

“Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorji fejn japplikaw, minn naħa t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u min-naħa l-oħra il-liġijiet u r-regolamenti msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan il-Ftehim.”

63

Skont l-Artikolu 16 tal-Ftehim dwar is-Sajd:

“Il-Protokoll [ta’ Implimentazzjoni] u l-iskambju ta’ ittri […] għandhom ikunu parti integrali ta’ dan il-Ftehim […]”

64

L-Artikolu 6(1) u (2) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni jipprevedi:

“1.   Il-kumpens finanzjarju msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 12(2) tal-Ftehim dwar is-Sajd u l-imposti msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 12(2) tal-Ftehim dwar is-Sajd għandhom ikunu soġġetti għal allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta tal-benefiċċji soċjoekonomiċi sabiex jiġi żgurat li l-kumpens ikun ta’ benefiċċju għall-komunitajiet lokali kkonċernati, skont l-Artikolu 12(4) tal-Ftehim dwar is-Sajd.

2.   Sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-awtoritajiet tar-Renju tal-Marokk għandhom jippreżentaw metodu li jwassal għall-allokazzjoni ġeografika u soċjali msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll kriterju tal-allokazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu allokati, li għandhom jiġu eżaminati mill-Kumitat Konġunt.”

65

L-iskambju ta’ ittri jindika, fit-tieni paragrafu tiegħu:

“Wara n-negozjati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li:

1.

Fir-rigward tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, il-Partijiet itennu l-appoġġ tagħhom għall-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti u l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali [tan-Nazzjonijiet Uniti] biex tinkiseb soluzzjoni politika definittiva, skont il-prinċipji u l-għanijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u abbażi tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà [tan-Nazzjonijiet Uniti].

2.

Il-Ftehim dwar is-Sajd huwa konkluż mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet rispettivi:

–

għall-[Unjoni], fir-rigward tal-istatut tat-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent, fejn l-ilmijiet tal-madwar huma koperti miż-żona tas-sajd kif definita fil-punt (h) tal-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar is-Sajd, u tad-dritt tagħha għall-awtodeterminazzjoni, kull referenza fil-Ftehim dwar is-Sajd għal-liġijiet u r-regolamenti tal-Marokk ma tippreġudikax il-pożizzjoni tagħha;

–

għar-Renju tal-Marokk, ir-reġjun tas-Saħara huwa parti integrali tat-territorju nazzjonali li fuqu jeżerċita sovranità sħiħa bħal fuq il-bqija tat-territorju nazzjonali. Il-Marokk iqis li kull soluzzjoni għal din it-tilwima reġjonali jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-inizjattiva tiegħu ta’ awtonomija.”

66

Fl‑4 ta’ Marzu 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni kontenzjuża. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dik id-deċiżjoni jipprovdi:

“Il-Ftehim [dwar is-Sajd], il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni […] u l-iskambju ta’ ittri […] huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni.”

67

Il-premessi 3 sa 5 u 7 sa 12 tad-Deċiżjoni kontenzjuża jipprovdu:

“(3)

Fis-sentenza tagħha fil-kawża C‑266/16 b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-Ftehim [dwar is-Sajd tal‑2006] u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu, il-Qorti ddeċidiet li la [dan i]l-Ftehim u lanqas il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ma japplikaw għall-ilmijiet li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

(4)

L-Unjoni ma tippreġudikax l-eżitu tal-proċess politiku dwar l-istatus finali tas-Saħara tal-Punent li qed iseħħ taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, u hija rriaffermat b’mod kostanti l-impenn tagħha għal soluzzjoni tat-tilwim fis-Saħara tal-Punent, li bħalissa huwa elenkat min-Nazzjonijiet Uniti bħala territorju mhux awtonomu u li huwa amministrat prinċipalment mir-Renju tal-Marokk. Hija tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-mibgħut personali tiegħu biex jgħin lill-partijiet jaslu għal soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u aċċettabbli b’mod reċiproku, li tippermetti l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent bħala parti mill-arranġamenti konformi mal-finijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u kif stabbilit fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti […]

(5)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-flotot tal-Unjoni jkomplu bl-attivitajiet tas-sajd li ilhom iwettqu mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim [dwar is-Sajd tal‑2006], u jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim jiġi ddefinit b’mod li jinkludi l-ilmijiet li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, il-kontinwazzjoni tas-sħubija dwar is-sajd hija essenzjali sabiex dak it-territorju jkun jista’ jkompli jgawdi mill-appoġġ settorjali pprovdut taħt il-Ftehim [dwar is-Sajd tal‑2006], f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali, inkluż id-drittijiet tal-bniedem, u għall-benefiċċju tal-popolazzjoni kkonċernata.

[…]

(7)

L-objettiv tal-Ftehim dwar is-Sajd huwa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Renju tal-Marokk jaħdmu flimkien aktar mill-qrib rigward il-promozzjoni ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd definita fil-Ftehim dwar is-Sajd u li jiġu appoġġati l-isforzi tar-Renju tal-Marokk biex jiżviluppa s-settur tas-sajd u l-ekonomija blu. B’dan il-mod il-Ftehim jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 [TUE].

(8)

Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt potenzjali tal-Ftehim dwar is-Sajd fuq l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-benefiċċji għall-popolazzjoni kkonċernata u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati.

(9)

Konformement ma’ dik l-evalwazzjoni, jidher li l-Ftehim dwar is-Sajd ikun ta’ benefiċċju kbir għall-popolazzjoni kkonċernata minħabba l-impatt soċjoekonomiku pożittiv għal dik il-popolazzjoni, b’mod partikolari f’termini ta’ impjiegi u ta’ investiment, u f’termini tal-impatt tiegħu fuq l-iżvilupp tas-settur tas-sajd u s-settur tal-ipproċessar tal-ħut.

(10)

Bl-istess mod, jidher li l-Ftehim dwar is-Sajd jirrappreżenta l-aqwa garanzija għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi naturali tal-ilmijiet li jmissu mas-Saħara tal-Punent, peress li l-attivitajiet tas-sajd jikkonformaw mal-aqwa parir u rakkomandazzjonijiet xjentifiċi f’dan il-qasam u huma soġġetti għal miżuri xierqa ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll.

(11)

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ifformulati fis-[sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118)], il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna [(SEAE)], ħadet il-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali biex il-popolazzjoni kkonċernata tiġi involuta b’mod xieraq sabiex jiġi determinat il-kunsens tagħhom. Saru konsultazzjonijiet estensivi fis-Saħara tal-Punent u fir-Renju tal-Marokk, u l-atturi soċjoekonomiċi u politiċi li ħadu sehem fil-konsultazzjonijiet kienu b’mod ċar favur il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd. Madankollu, il-Front Polisario u xi partijiet oħra ma aċċettawx li jieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni.

(12)

Dawk li ma aċċettawx li jieħdu sehem fil-proċess ma aċċettawx l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu għall-ilmijiet li jmissu mas-Saħara tal-Punent, għaliex ħassew essenzjalment li dawk l-atti jikkonfermaw il-pożizzjoni tal-Marokk fir-rigward tat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Madankollu, mhemm xejn fit-termini tal-Ftehim dwar is-Sajd jew tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu li jimplika rikonoxximent tas-sovranità jew tad-drittijiet sovrani tar-Renju tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent u l-ilmijiet li jmissu magħha. L-Unjoni ser tkompli wkoll tintensifika l-isforzi tagħha b’appoġġ għall-proċess, mibdi u mmexxi taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, ta’ riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim.”

68

Skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim dwar is-Sajd, dan il-ftehim, il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni u l-iskambju ta’ ittri daħlu fis-seħħ fit‑18 ta’ Lulju 2019 (ĠU 2019, L 195, p. 1).

69

Il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, li jirregola l-kundizzjonijiet għall-aċċess għaż-żoni tas-sajd li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent, skada erba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri fis‑17 ta’ Lulju 2023.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

70

Permezz ta’ rikorsi rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fl‑10 u fit‑12 ta’ Ġunju 2019, il-Front Polisario ppreżenta żewġ rikorsi intiżi rispettivament, fil-Kawża T‑344/19, għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża u, fil-Kawża T‑356/19, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/440 tad‑29 ta’ Novembru 2018 dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd skont il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU 2019, L 77, p. 1) jikkostitwixxi miżura intermedja li tipprekludi lill-Front Polisario milli jkun jista’ jitqies li huwa direttament ikkonċernat mid-Deċiżjoni kontenzjuża, għall-annullament ta’ dan ir-regolament.

71

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat b’mod partikolari d-Deċiżjoni kontenzjuża u ddeċidiet li l-effetti ta’ dik id-deċiżjoni huma miżmuma matul perijodu li ma jistax jeċċedi t-terminu msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, jekk jiġi ppreżentat appell matul dan it-terminu, sal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dan l-appell.

72

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat iż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma, prinċipalment, kontra r-rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, mill-Kunsill, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Kummissjoni kif ukoll mix-hambre des pêches maritimes de l’Atlantique Nord, ix-Chambre des pêches maritimes de l’Atlantique Centre u mix-Chambre des pêches maritimes de l’Atlantique Sud (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, iċ-“CPMM”), ibbażati, waħda, fuq in-nuqqas ta’ locus standi in judicio tal-Front Polisario quddiem il-qrati tal-Unjoni u, l-oħra, fuq in-nuqqas ta’ locus standi tiegħu kontra d-Deċiżjoni kontenzjuża, u ċaħdithom, rispettivament, fil-punti 132 sa 159 u fil-punti 171 sa 268 tas-sentenza appellata.

73

Fit-tieni lok, wara li ċaħdet l-ewwel motiv għal annullament invokat mill-Front Polisario insostenn tat-talbiet tiegħu, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 276 sa 364 tas-sentenza appellata, it-tielet motiv għal annullament, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur, mill-Kunsill, tal-obbligu tiegħu li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti dedotti mill-Qorti tal-Ġustizzja mill-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u mill-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati, kif ippreċiżati fis-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), u tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118). Fil-punt 364 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, billi adotta d-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kunsill ma kienx ħa inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-elementi rilevanti kollha relatati mas-sitwazzjoni tas-Saħara tal-Punent u kien ikkunsidra, b’mod żbaljat, li huwa kellu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok li jikkonforma ruħu mar-rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju kellu jesprimi l-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tal-Ftehim kontenzjuż għalih, bħala terz fir-rigward ta’ dan il-ftehim, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati flimkien mal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

74

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Frar 2022, il-Kawżi C‑778/21 P u C‑798/21 P ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

75

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Mejju 2022, l-Ungerija, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill fil-Kawża C‑798/21 P.

76

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Ġunju 2022, ir-Renju tal-Belġju ġie wkoll awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill fil-Kawża C‑798/21 P. Madankollu, dan l-Istat Membru sussegwentement ma pparteċipax fil-fażi bil-miktub tal-proċedura.

77

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni (Kawża C‑778/21 P) titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla l-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

–

tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza mill-Front Polisario, jew, jekk il-Qorti Ġenerali tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–

tikkundanna lill-Front Polisario għall-ispejjeż kollha fiż-żewġ istanzi, inklużi dawk tal-appellanti.

78

Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill (Kawża C‑798/21 P) jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tannulla d-Deċiżjoni kontenzjuża;

–

tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-appell u tiċħad l-appell ippreżentat mill-Front Polisario fil-Kawża T‑344/19;

–

tikkundanna lill-Front Polisario għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u tal-Kawża T‑344/19, u

–

sussidjarjament, iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni kontenzjuża għal perjodu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-għoti tas-sentenza li għandha tingħata.

79

Il-Front Polisario jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appelli;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha sostnuti mill-Front Polisario fil-kuntest ta’ din il-kawża, u

–

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha sostnuti mill-Front Polisario fil-kuntest ta’ din il-kawża u quddiem il-Qorti Ġenerali fl-ewwel istanza.

80

Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tannulla d-Deċiżjoni kontenzjuża;

–

tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dawn l-appelli u tiċħad ir-rikors tal-Front Polisario, jew, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–

sussidjarjament, għar-raġunijiet invokati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni kontenzjuża għal perijodu ta’ tmintax-il xahar mid-data tal-għoti tas-sentenza li għandha tingħata.

81

Iċ-CPMM jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tiddikjara r-rikors tal-Front Polisario inammissibbli jew, tal-inqas, infondat, u

–

tiddeċiedi li l-Front Polisario għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

82

Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑778/21 P kif ukoll dak tal-Kunsill fil-Kawża C‑798/21 P. Ir-Renju tal-Belġju, l-Ungerija, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-Kunsill.

Fuq l‑appelli

83

Insostenn tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni, l-appellanti fil-Kawża C‑778/21 P, u l-Kunsill, l-appellant fil-Kawża C‑798/21 P, jinvokaw, rispettivament, ħames u erba’ aggravji. L-ewwel tliet aggravji fil-Kawża C‑778/21 P u l-ewwel żewġ aggravji fil-Kawża C‑798/21 P huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiemha mill-Front Polisario, filwaqt li r-raba’ u l-ħames aggravju fil-Kawża C‑778/21 P kif ukoll it-tielet u r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑798/21 P huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors.

Fuq l‑ewwel aggravju fil‑Kawża C‑778/21 P u l‑ewwel aggravju fil‑Kawża C‑798/21 P, ibbażati fuq in‑nuqqas ta’ locus standi in judicio tal‑Front Polisario

L‑argumenti tal‑partijiet

84

Permezz tal-ewwel aggravji rispettivi tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta rrikonoxxiet il-locus standi tal-Front Polisario, fil-punti 142 sa 158 tas-sentenza appellata, quddiem il-qorti tal-Unjoni.

85

Dawn iż-żewġ istituzzjonijiet, l-istess bħar-Repubblika Franċiża u ċ-CPMM, isostnu b’mod partikolari, essenzjalment, li l-Front Polisario la għandu personalità ġuridika skont id-dritt internazzjonali u lanqas skont id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, huma jipprekludu li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkun jista’ jiġi invokat sabiex jiġi rrikonoxxut lill-Front Polisario l-kapaċità li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiddefendi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, bir-riskju li kull rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni, bħala qorti “interna”, isir ammissibbli, anki jekk tali rikors jirrigwarda tilwima internazzjonali, li taqa’ taħt id-dritt internazzjonali u hija ppreżentata minn suġġett tad-dritt internazzjonali, li ma tistax titressaq quddiem qorti internazzjonali. Skont il-Kunsill, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jimplikax aċċess universali għall-qorti tal-Unjoni li jinjora l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

86

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, għalkemm huwa minnu li l-Front Polisario jipparteċipa f’“soluzzjoni politika” tal-kwistjoni tal-istatus definittiv tat-territorju tas-Saħara tal-Punent kif indikat fil-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata, l-importanza tar-Riżoluzzjoni 34/37 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, iċċitata mill-Qorti Ġenerali u msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, għandha titqiegħed fil-perspettiva. Huwa minnu li din ir-riżoluzzjoni tirrakkomanda l-parteċipazzjoni tal-Front Polisario bħala “rappreżentant” tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fis-soluzzjoni politika tal-kunflitt relatat ma’ dan it-territorju. Peress li ma għandhiex valur vinkolanti, hija madankollu tippreċedi l-ħolqien ta’ ċerta forma ta’ rappreżentattività lokali tal-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent permezz ta’ elezzjonijiet b’vot dirett universali. L-Unjoni qatt ma rrikonoxxiet lill-Front Polisario ħlief bħala wieħed mill-“partijiet” f’proċess ta’ paċi mwettaq fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti u l-proporzjon preċiż tal-poplu tas-Saħara tal-Punent li sal-lum iqis li huwa rrappreżentat minnu għadu pjuttost inċert.

87

Il-Kunsill iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta tat interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “persuna ġuridika” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-limiti tar-rwol u tar-rappreżentattività tal-Front Polisario fid-dritt internazzjonali, u billi ċaħdet, fil-punt 155 tas-sentenza appellata u fil-punt 103 tas-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19, EU:T:2021:639), l-argumenti tal-Kunsill f’dan ir-rigward. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li r-rappreżentattività tal-Front Polisario fil-kuntest tal-proċess ta’ riżoluzzjoni politika tat-tilwima fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti kienet tiġġustifika l-għoti lil dan tal-aħħar tal-kwalità ta’ “persuna ġuridika” sabiex ikun jista’ jikkontesta l-validità ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim li ma għandhiex effett fuq ir-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima. Ir-rwol tal-Front Polisario fil-livell internazzjonali huwa limitat għall-kapaċità tiegħu li jipparteċipa, bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, fin-negozjati mmexxija taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istatus definittiv tas-Saħara tal-Punent konformement mar-Riżoluzzjoni 34/37 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza. Il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ tilwima li hija s-suġġett ta’ negozjati fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti bl-ebda mod ma jfisser li l-Unjoni jew l-istituzzjonijiet tagħha jirrikonoxxu lill-Front Polisario bħala l-interlokutur tagħhom, peress li l-Unjoni ma hijiex parti f’dawn in-negozjati.

88

Il-Front Polisario jiċħad dawn l-argumenti.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

89

Kif fakkret, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali fil-punti 135 u 136 tas-sentenza appellata, għalkemm, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, tippreżenta rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu diġà rrikonoxxiet il-locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni lil entitajiet indipendentement mill-kwistjoni tal-kostituzzjoni tagħhom bħala persuna ġuridika fid-dritt intern.

90

Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 137 tas-sentenza appellata, dan kien, b’mod partikolari, il-każ meta, minn naħa, l-entità inkwistjoni kellha rappreżentattività biżżejjed fir-rigward tal-persuni li tagħhom hija allegatament kienet tiddefendi d-drittijiet misluta mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-awtonomija u r-responsabbiltà neċessarji sabiex taġixxi fil-kuntest tar-relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti minn dan id-dritt u li, min-naħa l-oħra, hija kienet ġiet rikonoxxuta mill-istituzzjonijiet bħala interlokutriċi waqt in-negozjati relatati ma’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ottubru 1974, Union syndicale – Service public européen et vs Il‑Kunsill, 175/73, EU:C:1974:95, punti 9 sa 17, kif ukoll tat‑8 ta’ Ottubru 1974, Syndicat général du personnel des organismes européens vs Il‑Kummissjoni, 18/74, EU:C:1974:96, punti 5 sa 13).

91

Dan kien ukoll il-każ, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 138 tas-sentenza appellata, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ttrattaw din l-entità bħala suġġett distint, bi drittijiet u b’obbligi tagħha stess. Fil-fatt, il-koerenza u l-ġustizzja jirrikjedu li għandu jiġi rrikonoxxut il-locus standi in judicio ta’ tali entità sabiex tikkontesta l-miżuri li jillimitaw id-drittijiet tagħha u d-deċiżjonijiet sfavorevoli meħuda kontra tagħha mill-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni, 135/81, EU:C:1982:371, punti 9 sa 11; tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punti 107 sa 112, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Al-Faqih et vs Il‑Kummissjoni, C‑19/16 P, EU:C:2017:466, punt 40).

92

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jistax jingħata interpretazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 44).

93

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni vs Front Polisario u Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑779/21 P u C‑799/21 P, EU:C:2024:260), li l-Front Polisario huwa pproklamat minnu nnifsu bħala moviment ta’ liberazzjoni li nħoloq bl-għan li jiġġieled għal tip partikolari ta’ mudell ta’ governanza futura tat-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent, jiġifieri dak tal-indipendenza ta’ dan it-territorju, attwalment fir-rigward tar-Renju tal-Marokk, u tal-ħolqien ta’ Stat Saħrawi sovran. Dan il-moviment ifittex għalhekk li jistabbilixxi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tat-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent, Stat indipendenti.

94

Sa fejn l-imsemmi moviment ifittex preċiżament, billi jibbaża ruħu fuq id-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, li jistabbilixxi ordinament ġuridiku Statali għal dan it-territorju, huwa ma jistax jintalab, sabiex jingħata locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni, li dan ikun ikkostitwit bħala persuna ġuridika konformement ma’ ordinament ġuridiku nazzjonali partikolari.

95

Barra minn hekk, il-Front Polisario huwa wieħed mill-interlokuturi leġittimi fil-kuntest tal-proċess immexxi, bl-għan tad-determinazzjoni tal-futur tas-Saħara tal-Punent, taħt il-patroċinju tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, imsemmi fil-punt 35 ta’ din is-sentenza u li d-deċiżjonijiet tiegħu jorbtu lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u dan minkejja l-fatt li qatt ma ngħata l-istatus ta’ “moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali” min-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha.

96

Minn dan jirriżulta li l-Front Polisario, li jipparteċipa wkoll f’diversi fora internazzjonali, b’mod partikolari dawk Afrikani, u li għandu relazzjonijiet ġuridiċi bilaterali fil-livell internazzjonali, għandu eżistenza ġuridika suffiċjenti sabiex ikun jista’ jressaq proċeduri ġudizzjarji quddiem il-qrati tal-Unjoni.

97

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din l-entità tistax leġittimament tirrappreżenta l-interessi tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, din il-kwistjoni tikkonċerna l-locus standi tagħha fil-kuntest ta’ rikors għal annullament dirett kontra d-Deċiżjoni kontenzjuża, u mhux il-locus standi tagħha quddiem il-qorti tal-Unjoni.

98

Fl-aħħar nett, l-argumenti dwar l-assenza ta’ rikonoxximent tal-personalità ġuridika tal-Front Polisario fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri jew dwar il-fatt li l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma rrikonoxxiet il-locus standi in judicio tiegħu huma ineffettivi. Fil-fatt, bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, minkejja li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” li jinsab fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jimplika, bħala prinċipju, l-eżistenza tal-personalità ġuridika, li għandha tiġi vverifikata fid-dawl tad-dritt nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-persuna ġuridika inkwistjoni hija kkostitwita, huwa mhux neċessarjament jikkoinċidi ma’ dawk tad-diversi ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri. Għandu jiġi rrilevat ukoll, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li Stat terz, bħala Stat li għandu personalità ġuridika internazzjonali, għandu jitqies bħala “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 53).

99

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonkludi li l-Front Polisario kellu locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

100

Konsegwentement, l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑778/21 P u l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑798/21 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq it‑tieni u t‑tielet aggravju fil‑Kawża C‑778/21 P u t‑tieni aggravju fil-Kawża C‑798/21 P, ibbażati fuq il‑fatt li l‑Front Polisario ma huwiex direttament u individwalment ikkonċernat mid‑Deċiżjoni kontenzjuża

101

Il-Kummissjoni, permezz tat-tieni u tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑778/21 P, u l-Kunsill, permezz tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑798/21 P, isostnu li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 259 tas-sentenza appellata, li l-Front Polisario kien direttament ikkonċernat mid-Deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u, fil-punt 268 tas-sentenza appellata, li huwa kien ikkonċernat individwalment minn dik id-deċiżjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑778/21 P u l‑ewwel parti tat‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑798/21 P, ibbażati fuq il‑fatt li l‑Front Polisario ma huwiex direttament ikkonċernat mid‑Deċiżjoni kontenzjuża

– L‑argumenti tal‑partijiet

102

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-punt 259 tas-sentenza appellata, li l-Front Polisario kien direttament ikkonċernat mid-Deċiżjoni kontenzjuża.

103

Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni meta ddeċidiet li ċerti effetti tad-Deċiżjoni kontenzjuża u tal-Ftehim kontenzjuż kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-Front Polisario kien direttament ikkonċernat mid-Deċiżjoni kontenzjuża, minkejja li l-Ftehim kontenzjuż, li dik id-deċiżjoni kellha l-għan li tapprova f’isem l-Unjoni, sempliċement jagħti aċċess għall-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent bi skambju għal korrispettiv finanzjarju li jinkludi kumpens relatat mal-aċċess, it-tariffi mħallsa mis-sidien tal-bastimenti u appoġġ settorjali filwaqt li jieħu ħsieb jirrikonoxxi l-istatus separat ta’ dan it-territorju u billi jħalli kompletament miftuħ r-riżultat tal-proċess imwettaq fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti li jirrigwarda l-imsemmi territorju mhux awtonomu.

104

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad, fil-punti 197 sa 235 tas-sentenza appellata, l-argumenti tal-istituzzjonijiet fir-realtà ma huwiex intiż li jistabbilixxi li l-Front Polisario huwa direttament ikkonċernat mid-Deċiżjoni kontenzjuża, iżda pjuttost li l-Ftehim kontenzjuż huwa applikabbli għat-territorju tas-Saħara tal-Punent kif ukoll għall-ibħra li jmissu miegħu u għalhekk jista’ jaffettwa l-poplu tas-Saħara tal-Punent. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 201 sa 216 tas-sentenza appellata, kif ukoll fil-punti 255 sa 258 tagħha, peress li, sabiex ikun hemm sfruttament ta’ riżorsi jew użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja, ċerti miżuri huma neċessarji. Fin-nuqqas ta’ dan, l-ebda sfruttament ta’ dawn ir-riżorsi u l-ebda kumpens finanzjarju ma jkun ta’ benefiċċju għas-Saħara tal-Punent. Is-sempliċi fatt li l-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim kontenzjuż huma rregolati minnu ma jfissirx li l-pożizzjoni legali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent tinbidel direttament. Il-punt 217 tas-sentenza appellata huwa wkoll ivvizzjat bi żball ta’ liġi, peress li l-operaturi ma jkunux ikkonċernati direttament mill-Ftehim kontenzjuż, mingħajr l-adozzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri mill-korpi kompetenti.

105

Il-Kunsill iżid b’mod partikolari li l-konklużjoni, li tinsab fil-punt 196 tas-sentenza appellata, li tgħid li, fid-dawl tan-natura ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali u tal-effetti legali tiegħu stess, l-eżistenza ta’ effetti diretti tad-Deċiżjoni kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni legali tal-Front Polisario, minħabba l-kontenut tal-Ftehim kontenzjuż, ma tistax tiġi miċħuda mill-ewwel hija bbażata fuq motivi vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

106

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punti 184 u 192 tas-sentenza appellata, li deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija element kostituttiv ta’ dan il-ftehim u tipproduċi effetti legali fir-rigward tal-partijiet l-oħra “inkwantu tifformalizza l-aċċettazzjoni, mill‑Unjoni, ta’ obbligi li hija aċċettat fil-konfront tagħhom”. Id-Deċiżjoni kontenzjuża ma tipproduċix effetti legali barra mill-ordinament ġuridiku intern tal-Unjoni. Permezz tagħha, l-Unjoni tesprimi l-kunsens tagħha fl-ordinament ġuridiku intern tal-Unjoni, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali fil-punt 192 tas-sentenza appellata.

107

Huwa l-att ta’ komunikazzjoni mill-Unjoni, imsemmi espressament kemm fl-Artikolu 17 tal-Ftehim dwar is-Sajd u fl-Artikolu 15 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni kif ukoll fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-Front Polisario kellu jikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali – u dan preżunt li l-kundizzjonijiet kollha għall-ammissibbiltà huma ssodisfatti. Barra minn hekk, il-Kunsill jikkontesta li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ.

108

Il-Kunsill jikkontesta wkoll il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 250 tas-sentenza appellata, li tgħid li, sa fejn il-konklużjoni tal-Ftehim kontenzjuż taffettwa lill-poplu tas-Saħara tal-Punent u għandha tkun suġġetta għall-kunsens tiegħu, id-Deċiżjoni kontenzjuża tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-Front Polisario bħala rappreżentant ta’ dan il-poplu.

109

Ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet l-ewwel sensiela ta’ żbalji ta’ liġi dwar l-effetti legali ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Bħall-Kunsill, hija tenfasizza li, għalkemm il-konklużjoni, li tinsab fil-punt 184 tas-sentenza appellata, li deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tikkonkretizza l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat b’dan il-ftehim hija eżatta fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, hija biss il-komunikazzjoni tal-ikkompletar tal-proċeduri interni għall-parti kkonċernata li madankollu tesprimi, fuq il-livell internazzjonali, il-kunsens li tkun marbuta bi ftehim. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet it-tieni sensiela ta’ żbalji ta’ liġi meta allegat li s-sitwazzjoni legali tal-Front Polisario tinbidel direttament mill-Ftehim kontenzjuż innifsu.

110

Bl-istess mod, iċ-CPMM jappoġġaw, fl-ewwel lok, l-argumenti tal-Kunsill fir-rigward tal-iżbalji ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali fil-punti 185 sa 190 tas-sentenza appellata, peress li d-deċiżjoni li jiġi konkluż trattat ma timplikax id-dħul fis-seħħ tiegħu. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex intiż sabiex jestendi d-drittijiet ta’ azzjoni ta’ rikorrent mhux Ewropew sabiex jiddefendi drittijiet kollettivi li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali. Fit-tieni lok, billi kkunsidrat li l-Front Polisario kien affettwat “direttament” mid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ħawdet lill-Front Polisario mal-poplu tas-Saħara tal-Punent.

111

Il-Front Polisario jiċħad dawn l-argumenti.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

112

Kif tfakkar fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, tippreżenta rikors kontra l-atti indirizzati lilha jew li jikkonċernawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

113

Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 179 tas-sentenza appellata, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors tagħha teħtieġ li żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti kumulattivament, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji inkarigati mill-implimentazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

114

F’dan il-każ, permezz tar-rikors għal annullament tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Front Polisario ried jipproteġi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, diġà rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 88, 91 u 105 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973). Issa, huwa fid-dawl tal-effetti tad-Deċiżjoni kontenzjuża u, għaldaqstant, tal-Ftehim kontenzjuż fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dan il-poplu, irrappreżentat għall-finijiet ta’ dawn il-kawżi mill-Front Polisario, li hemm lok li jiġi eżaminat jekk dan tal-aħħar huwiex direttament ikkonċernat minn dik id-deċiżjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

115

Fil-fatt, filwaqt li ma ġiex uffiċjalment irrikonoxxut bħala r-rappreżentant esklużiv tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, il-Front Polisario huwa, konformement mar-riżoluzzjonijiet tal-ogħla korpi tan-Nazzjonijiet Uniti, fosthom dawk tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, interlokutur ipprivileġġat fil-kuntest tal-proċess immexxi taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-għan tad-determinazzjoni tal-istatus futur tas-Saħara tal-Punent. Huwa jipparteċipa wkoll f’fora internazzjonali oħra sabiex jiddefendi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-imsemmi poplu.

116

Dawn iċ-ċirkustanzi partikolari jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Front Polisario jista’ jikkontesta quddiem il-qorti tal-Unjoni l-legalità ta’ att tal-Unjoni li jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fil-kwalità tiegħu ta’ detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni meta l-imsemmi att jikkonċerna individwalment lil dan il-poplu jew, fir-rigward ta’ att regolatorju, ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

117

F’tali ċirkustanzi, il-kundizzjoni, prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors tagħha għandha tiġi evalwata, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fir-rigward tas-sitwazzjoni legali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, irrappreżentat għall-finijiet ta’ dawn il-kawżi mill-Front Polisario.

118

F’dan il-każ, id-Deċiżjoni kontenzjuża u, b’estensjoni, il-Ftehim kontenzjuż jissodisfaw, permezz tal-effett li huma għandhom fuq id-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-awtodeterminazzjoni, il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 113 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 106).

119

Fil-fatt, minn naħa, dik id-deċiżjoni għandha bħala għan il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li l-applikazzjoni tiegħu hija prevista fl-ibħra li jmissu ma’ territorju li fir-rigward tiegħu l-poplu tas-Saħara tal-Punent għandu d-dritt għall-awtodeterminazzjoni. Għalhekk hija neċessarjament għandha effett fuq id-drittijiet li għandu dan il-poplu fir-rigward ta’ dan it-territorju, inkluż dak li jisfrutta r-rikkezzi naturali tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u mill-prinċipju ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali (ara, f’dan is-sens, QIĠ, Kawża tal-Attivitajiet Armati fit-territorju tal-Kongo (Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo vs L-Uganda), is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2005, Ġabra 2005, p. 168, punt 244).

120

B’mod partikolari, minkejja li l-Unjoni ma tirrikonoxxix, permezz tal-Ftehim kontenzjuż, l-allegazzjonijiet tar-Renju tal-Marokk fir-rigward tas-sovranità fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent, dan il-ftehim jirrikonoxxi madankollu effetti legali, fid-dritt tal-Unjoni, għal atti mwettqa f’dan it-territorju mhux awtonomu mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tal-Marokk fir-rigward taż-“żona tas-sajd”, fis-sens tal-imsemmi ftehim, li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 111 tas-sentenza appellata, hija ddefinita fl-Artikolu 1(h) tiegħu bħala li tkopri kemm l-ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk kif ukoll l-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ sistema konvenzjonali li tistabbilixxi dritt inkundizzjonat għal kontribuzzjoni finanzjarja relatata mal-aċċess tal-bastimenti tal-Unjoni għaż-żona tas-sajd li tinkludi l-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent, irċevuta minn suġġett tad-dritt internazzjonali li ma huwiex parti mill-poplu tat-territorju mhux awtonomu kkonċernat, u mhux f’isem u għall-benefiċċju ta’ dan tal-aħħar, jikkonċerna direttament lil dan il-poplu sa fejn jippreġudika s-sovranità tiegħu fuq ir-riżorsi naturali tal-imsemmi territorju.

121

Fil-fatt, peress li s-Saħara tal-Punent huwa territorju mhux awtonomu, l-isfruttament tar-rikkezzi naturali tagħha jaqa’ taħt l-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u taħt il-prinċipju ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali. F’dan ir-rigward, ir-Riżoluzzjoni III tal-Att Finali tat-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, imsemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, tipprevedi li, “fil-każ ta’ territorju li l-poplu tiegħu ma għandux l-indipendenza sħiħa jew sistema ta’ awtonomija oħra rrikonoxxuta min-Nazzjonijiet Uniti, jew ta’ territorju taħt dominju kolonjali, id-dispożizzjonijiet relatati ma’ drittijiet jew interessi msemmija fil-[Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar] huma applikati għall-benefiċċju tal-poplu ta’ dan it-territorju bil-għan li jippromwovu l-prosperità u l-iżvilupp tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan il-kuntest, l-isfruttament ta’ riżorsi naturali ta’ territorju mhux awtonomu, inkluż l-isfruttament tas-sajd tal-ibħra li jmissu ma’ dan it-territorju, għandu jibbenefika lill-poplu tiegħu.

122

Il-fatt, imqajjem miċ-CPMM, li l-Ftehim kontenzjuż ma jorbotx is-Saħara tal-Punent, fil-każ li dan isir indipendenti, jew li dan il-ftehim ma jkunx jista’, fi kwalunkwe każ, ikun infurzat għas-Saħara tal-Punent jew għall-Front Polisario ma jikkontestax l-evalwazzjoni li l-poplu tas-Saħara tal-Punent huwa direttament ikkonċernat mid-Deċiżjoni kontenzjuża u, b’estensjoni, mill-Ftehim kontenzjuż, sa fejn id-drittijiet tal-popli tat-territorji mhux awtonomi jeżistu, bis-saħħa tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, anki qabel l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni.

123

Min-naħa l-oħra, wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim kontenzjuż, l-Unjoni għandha l-obbligu li tirrikonoxxi l-validità tad-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mogħtija mill-awtoritajiet Marokkini fir-rigward tal-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar is-Sajd, il-bastimenti tal-Unjoni jistgħu jeżerċitaw attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd koperta minn dan il-ftehim biss jekk ikollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa fil-kuntest tiegħu u l-awtoritajiet tar-Renju tal-Marokk għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni biss fil-kuntest tal-imsemmi ftehim.

124

Fil-kuntest tal-Ftehim kontenzjuż, il-proċedura li tippermetti li tinkiseb awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastiment tal-Unjoni hija ddefinita fil-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, li l-anness tiegħu jipprevedi li l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom jissottomettu, lid-Dipartiment tas-Sajd Marittimu tal-Ministeru għall-Agrikoltura, għas-Sajd Marittimu, għall-Iżvilupp Rurali u għall-Ilmijiet u l-Foresti tar-Renju tal-Marokk, il-listi tal-bastimenti tal-Unjoni li jitolbu li jeżerċitaw l-attivitajiet tas-sajd tagħhom fiż-żona tas-sajd li tinkludi l-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent.

125

Din is-sistema torbot lill-Unjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi adottat kwalunkwe att addizzjonali għad-Deċiżjoni kontenzjuża li jinvolvi setgħa ta’ evalwazzjoni għall-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tal-imsemmi ftehim, peress li din għandha, f’dan ir-rigward, natura purament awtomatika.

126

F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill u tar-Repubblika Franċiża, dirett kontra l-punti 184 u 192 tas-sentenza appellata, li jgħid li r-rikors tal-Front Polisario quddiem il-Qorti Ġenerali kellu jiġi ppreżentat mhux kontra d-deċiżjoni li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim kontenzjuż, iżda kontra l-att ta’ komunikazzjoni mill-Unjoni lir-Renju tal-Marokk tal-approvazzjoni minnha ta’ dan il-ftehim.

127

Fil-fatt, id-deċiżjoni li tikkonċerna l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tikkostitwixxi att definittiv fl-ordinament ġuridiku intern tal-Unjoni, li jesprimi r-rieda tal-Unjoni li tintrabat b’dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00 (Il-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà), tas‑6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 5). Dik id-deċiżjoni tikkostitwixxi, skont ġurisprudenza stabbilita, att li jista’ jiġi kkontestat, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tannulla ftehim internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punti 45 sa 51). Min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ tali ftehim lill-parti kontraenti l-oħra tikkostitwixxi miżura ta’ implimentazzjoni li, bħala prinċipju, għandha titqies bħala att li ma jistax jiġi kkontestat.

128

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 259 tas-sentenza appellata, li l-Front Polisario kien direttament ikkonċernat mid-Deċiżjoni kontenzjuża.

129

Konsegwentement, it-tieni aggravju fil-Kawża C‑778/21 P u l-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑798/21 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq it‑tielet aggravju fil‑Kawża C‑778/21 P u t‑tieni parti tat‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑798/21 P, ibbażati fuq il‑fatt li l‑Front Polisario ma huwiex ikkonċernat individwalment mid‑Deċiżjoni kontenzjuża

– L‑argumenti tal‑partijiet

130

Il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-istess bħar-Repubblika Franċiża u ċ-CPMM, iqisu li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-punt 268 tas-sentenza appellata, li l-Front Polisario kien ikkonċernat individwalment mid-Deċiżjoni kontenzjuża.

131

Il-Kummissjoni tirrileva b’mod partikolari li, fil-punt 265 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement tirreferi għall-argumenti dwar il-kundizzjoni dwar jekk il-Front Polisario kienx direttament ikkonċernat mid-Deċiżjoni kontenzjuża, li, kif sostniet fil-kuntest tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑779/21 P, huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi. Bl-istess mod, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw ukoll il-konklużjoni li l-Front Polisario huwa individwalment ikkonċernat mid-Deċiżjoni kontenzjuża.

132

Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Kummissjoni t-tnejn li huma jikkontestaw iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 266 tas-sentenza appellata, tar-rilevanza tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-interess ġenerali li pajjiż jew territorju extra-Ewropew (PTEE), bħala entità kompetenti għall-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali fit-territorju tiegħu, jista’ jkollu sabiex jikseb riżultat favorevoli għall-prosperità ekonomika ta’ dan tal-aħħar ma jistax, waħdu, ikun suffiċjenti sabiex PTEE jitqies bħala individwalment ikkonċernat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

133

Il-Kummissjoni tenfasizza f’dan ir-rigward li d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din is-sentenza u dik inkwistjoni f’dan il-każ hija artifiċjali u żbaljata fid-dritt, peress li l-miżura kkontestata fl-imsemmija sentenza tikkonċerna biss lill-PTEE, li wħud minnhom huma jew kienu territorji mhux awtonomi. Ma jistax jiġi aċċettat li l-Gvern tal-Antilli Olandiżi ma jistax jikkontesta att tal-Unjoni li jikkonċerna ekonomikament it-territorju tiegħu, filwaqt li l-Front Polisario jista’, ħlief sabiex jikkunsidra li movimenti li jirrigwardaw l-indipendenza ta’ territorju, jew li jinsabu f’kunflitt ma’ Stat, ikollhom iktar garanziji minn gvernijiet reġjonali.

134

Il-Kunsill iqis, min-naħa tiegħu, li r-raġunijiet ikkunsidrati mill-Qorti Ġenerali ma jwiġbux l-argument li huwa kien silet mis-sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217), li jfakkar li huwa kien sostna, fil-kontroreplika tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, li minn dik is-sentenza kien jirriżulta li, anki jekk jitqies li l-Front Polisario huwa entità kompetenti għall-kwistjonijiet ekonomiċi li jikkonċernaw is-Saħara tal-Punent, quod non, din il-kwalità ma hijiex suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala kkonċernat individwalment mill-Ftehim kontenzjuż.

135

Il-Front Polisario jiċħad dawn l-argumenti.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

136

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk l-att li jintalab l-annullament tiegħu jaffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni, C‑145/17 P, EU:C:2018:839, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 114 sa 118 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-poplu tas-Saħara tal-Punent, irrappreżentat f’dawn il-kawżi mill-Front Polisario, huwa individwalment ikkonċernat mid-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn l-inklużjoni espressa tat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim kontenzjuż, li jorbot lill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni kontenzjuża, tbiddel is-sitwazzjoni legali ta’ dan il-poplu minħabba l-kwalità tiegħu ta’ detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni fir-rigward ta’ dan it-territorju. Fil-fatt, din il-kwalità tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna jew entità oħra, inkluż fir-rigward ta’ kull suġġett ieħor tad-dritt internazzjonali.

138

L-argument tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar is-sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-interess ġenerali li PTEE, bħala entità kompetenti għall-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali fit-territorju tiegħu, jista’ jkollu sabiex jikseb riżultat favorevoli għall-prosperità ekonomika ta’ dan tal-aħħar ma jistax, waħdu, ikun suffiċjenti sabiex jitqies li huwa kkonċernat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li sar ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE), għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha li l-Front Polisario huwa individwalment ikkonċernat mid-Deċiżjoni kontenzjuża u, b’estensjoni, mill-Ftehim kontenzjuż, mhux fuq l-effetti ekonomiċi ta’ dan il-ftehim, iżda pjuttost fuq il-fatt li din l-organizzazzjoni tirrappreżenta lill-poplu tas-Saħara tal-Punent bħala detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni fir-rigward ta’ dan it-territorju.

139

Konsegwentement, it-tielet aggravju fil-Kawża C‑778/21 P għandu jiġi miċħud bħala infondat. Bl-istess mod, it-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑798/21 P għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq ir‑raba’ aggravju fil‑Kawża C‑778/21 P u r‑raba’ aggravju fil‑Kawża C‑798/21 P, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi fir‑rigward tal‑portata tal‑istħarriġ ġudizzjarju u tal‑kunsens tal‑poplu tas‑Saħara tal‑Punent għall‑Ftehim kontenzjuż

L‑argumenti tal‑partijiet

140

Permezz tar-raba’ aggravji rispettivi tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet sensiela ta’ żbalji ta’ liġi marbuta ma’ interpretazzjoni u ma’ applikazzjoni żbaljati tad-dritt internazzjonali, mal-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent f’dan il-każ, mal-ksur tal-bona fide dovuta għall-atti, mal-iżnaturament tal-argumenti tal-Kunsill u mal-ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tiegħu.

141

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 304 sa 365 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, effett assolut u estrem għall-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati, moqri flimkien mad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, billi interpretat b’mod żbaljat is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), u billi injorat il-ġurisprudenza dwar il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu l-Kunsill fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt internazzjonali konswetudinarju.

142

Skont il-Kummissjoni, dawn l-iżbalji huma bbażati fuq erba’ lmenti prinċipali, jiġifieri, l-ewwel nett, żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet u n-neċessità li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball manifest sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tad-Deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-allegata inkompatibbiltà tagħha mar-regoli tad-dritt internazzjonali, it-tieni nett, żbalji ta’ liġi bbażati fuq l-assenza, fil-kuntest partikolari tal-kawża, ta’ rekwiżit ta’ kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, it-tielet nett, anki jekk jitqies li tali kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent huwa neċessarju sabiex tiġi kkonfermata l-validità tad-Deċiżjoni kontenzjuża, żbalji ta’ liġi sa fejn il-kunċett ta’ “kunsens” adottat mill-Qorti Ġenerali huwa wisq strett, u, ir-raba’ nett, żbalji ta’ liġi bbażati fuq l-identifikazzjoni tal-Front Polisario bħala entità li għandha tesprimi tali kunsens, fid-dawl tal-istatus limitat tiegħu u tar-rappreżentattività limitata tiegħu. Il-Kummissjoni ssostni, fil-kuntest ta’ dawn l-erba’ lmenti, li l-Qorti Ġenerali ma ddeterminatx b’mod korrett id-dritt internazzjonali konswetudinarju, minkejja li kienet marbuta li tagħmel dan fil-kuntest ta’ din il-kawża.

143

Il-Kummissjoni tirrileva li kull deċiżjoni li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim ma’ pajjiż terz timplika li jiġu evalwati, fl-osservanza tal-prinċipji u tal-għanijiet ta’ azzjoni esterna stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, l-interessi tal-Unjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet mal-pajjiż terz ikkonċernat u li jsiru arbitraġġi bejn l-interessi diverġenti li jaqgħu taħt dawn ir-relazzjonijiet. Il-Kunsill għandu marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ sabiex jibbilanċja l-għan li tiġi promossa l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem mal-għanijiet l-oħra li fuqhom hija bbażata l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali u l-interessi l-oħra tal-Unjoni. L-istħarriġ ġudizzjarju f’dan ir-rigward għandu neċessarjament ikun limitat għall-punt dwar jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta adottaw l-att inkwistjoni, wettqux żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji.

144

Issa, il-Qorti Ġenerali xejnet il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill billi tat valur assolut lill-kundizzjoni ta’ kunsens espress tal-Front Polisario, li l-bażi tagħha fid-dritt internazzjonali pubbliku ma hijiex stabbilita. Hija injorat il-portata u d-diversità tal-għanijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fil-kuntest tal-Artikolu 21 TUE, billi ma għamlet l-ebda riferiment għal dan l-artikolu. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

145

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973). Ma jistax jiġi dedott mid-dritt għall-awtodeterminazzjoni tas-Saħara tal-Punent, ikkonfermat f’dik is-sentenza, rekwiżit ta’ kunsens espress tal-poplu ta’ dan it-territorju permezz tal-uniku intermedjarju tal-Front Polisario sabiex ftehim internazzjonali, konkluż mill-Unjoni ma’ Stat li jaġixxi fl-imsemmi territorju bħala awtorità amministrattiva u li għandu l-kompetenza sabiex jagħmel dan, ikun jista’ jkopri tali territorju.

146

Il-kunċett ta’ “poplu” u l-kunċett ta’ “kunsens” f’dan il-każ għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u fattwali madwar l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża u l-konklużjoni tal-Ftehim kontenzjuż, li minnu jirriżulta li s-soluzzjoni finalment adottata hija konformi mar-regoli kollha tad-dritt internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari mal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li huwa intiż sabiex jippromwovi l-prosperità tal-abitanti tat-territorji mhux awtonomi, kif ukoll mal-Artikolu 21(2)(d) u (e) TUE. Għalkemm il-punt 310 tas-sentenza appellata, li jirreferi għall-punti 311 u 312 tas-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19, EU:T:2021:639), jikkonferma li d-dritt applikabbli għat-territorji mhux awtonomi għadu sal-lum indeterminat f’ċerti aspetti, il-Kummissjoni tirrileva li, minn dan il-punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sussegwentement wettqet sensiela ta’ żbalji, miġbura fil-qosor fil-punti 141, 142, 144 u 145 ta’ din is-sentenza.

147

Il-Kunsill isostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 364 tas-sentenza appellata, il-konsultazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet Marokkini, minn naħa, u mill-Kummissjoni u mis-SEAE, min-naħa l-oħra, ippermettew li jinkiseb il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Huwa jqis li dak il-punt, kif ukoll il-punti 307 sa 363 tas-sentenza appellata, li jsostnu l-konklużjoni stabbilita fl-imsemmi punt 364, huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi, peress li l-Qorti Ġenerali żbaljat fir-rigward tal-kontenut tal-kunċett ta’ “kunsens” ta’ poplu ta’ territorju mhux awtonomu, u saħansitra fir-rigward tan-neċessità li jinkiseb dan il-kunsens, u li, barra minn hekk, hija kisret il-bona fide dovuta għas-sottomissjonijiet tal-Kunsill jew żnaturat l-argumenti li huwa ppreżenta. Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

148

Il-Front Polisario jitlob li dawn l-aggravji jiġu miċħuda.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

– Osservazzjonijiet preliminari

149

Kif jirriżulta mill-punt 276 tas-sentenza appellata, il-Front Polisario sostna, fil-kuntest tat-tielet motiv tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, li, billi kkonkluda mar-Renju tal-Marokk ftehim internazzjonali espliċitament applikabbli għat-territorju tas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu miegħu mingħajr il-kunsens tiegħu, il-Kunsill kien kiser l-obbligu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-inklużjoni impliċita ta’ dan it-territorju fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk kienet, minħabba l-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati, legalment impossibbli. Minn dan isegwi li, a fortiori, applikazzjoni espliċita ta’ tali ftehimiet għall-imsemmi territorju kienet eskluża. Il-Front Polisario sostna, b’mod partikolari, li l-konklużjoni tal-Ftehim kontenzjuż kienet tmur kontra l-ġurisprudenza sa fejn hija ma kinitx tosserva l-istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent kif ukoll ir-rekwiżit tal-kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju.

150

Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 295 tas-sentenza appellata, dan il-motiv kien jinkludi, essenzjalment, tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq l-impossibbiltà, għall-Unjoni u għar-Renju tal-Marokk, li jikkonkludu ftehim applikabbli għas-Saħara tal-Punent, it-tieni, fuq il-ksur tal-istatus separat u distint ta’ dan it-territorju, bi ksur tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, u, it-tielet, fuq il-ksur tar-rekwiżit tal-kunsens tal-poplu tal-imsemmi territorju, bħala terz fir-rigward tal-Ftehim kontenzjuż, fis-sens tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati.

151

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tat-tielet motiv, iżda laqgħet it-tielet parti ta’ dan il-motiv. Hija għalhekk qieset li kien hemm lok, mingħajr ma kien hemm bżonn li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-imsemmi motiv u l-motivi l-oħra tar-rikors, li tiġi annullata d-Deċiżjoni kontenzjuża.

152

Il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor kif ġej, fil-punt 364 tas-sentenza appellata, ir-raġunament tagħha bi tweġiba għat-tielet parti tat-tielet motiv tar-rikors tal-Front Polisario:

“[…] meta adotta d-[Deċiżjoni kontenzjuża], il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l‑elementi rilevanti kollha relatati mas-Saħara tal-Punent u kkunsidra, b’mod żbaljat, li huwa kellu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok li jikkonforma ruħu mar-rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju kellu jesprimi l‑kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tal-[Ftehim kontenzjuż] għalih, bħala terz fir‑rigward tiegħu, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati flimkien mal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni. B’mod partikolari, l‑ewwel nett, il-Kunsill ikkunsidra b’mod żbaljat li s-sitwazzjoni attwali ta’ dan it-territorju ma kinitx tippermetti li tiġi żgurata l-eżistenza tal‑kunsens ta’ dan il-poplu u, b’mod partikolari, permezz [tal-Front Polisario]. It-tieni, billi kkunsidra li l-konsultazzjonijiet li saru mill‑Kummissjoni u mis-SEAE ppermettew li jikkonformaw ruħhom mal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati kif interpretat mill-Qorti tal‑Ġustizzja, b’mod partikolari fil-punt 106 tas‑sentenza [tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973)], il-Kunsill interpreta b’mod żbaljat kemm il-portata ta’ dawn il-konsultazzjonijiet kif ukoll dik tar-rekwiżit imsemmi f’dan il‑punt. It-tielet, il-Kunsill ikkunsidra, b’mod żbaljat, li seta’ jissostitwixxi dan ir-rekwiżit bil-kriterji allegatament stipulati fl‑ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal-[Konsulent Legali, id-Deputat Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Legali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar’ il quddiem l-“ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal-Konsulent Legali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti)].”

153

Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-ilmenti tal-appellanti dwar il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent permezz ta’ konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-popolazzjonijiet tas-Saħara tal-Punent kif ukoll il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-Deċiżjoni kontenzjuża u, b’estensjoni, tal-Ftehim kontenzjuż fir-rigward tal-imsemmi kunsens, inkluż l-argumenti tagħhom dwar il-portata tal-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal-Konsulent Legali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tagħhom dwar in-neċessità ta’ tali kunsens u l-identifikazzjoni tal-Front Polisario bħala l-entità li lilha dan il-kunsens għandu jiġi espress.

– Fuq l‑ilmenti li jikkonċernaw il‑kunsens tal‑poplu tas‑Saħara tal‑Punent permezz tal‑konsultazzjonijiet tar‑rappreżentanti tal‑popolazzjonijiet tas‑Saħara tal‑Punent u l‑portata tal‑istħarriġ ġudizzjarju tad‑Deċiżjoni kontenzjuża

154

Għandu jitfakkar li, fil-punt 106 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kliem “territorju tar-Renju tal-Marokk” li jinsab fl-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li l-poplu tas-Saħara tal-Punent kellu jitqies bħala “terz”, fis-sens tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati, u li, bħala tali, dan it-terz seta’ jiġi affettwat mill-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fil-każ tal-inklużjoni tat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, mingħajr ma kien neċessarju li jiġi ddeterminat jekk tali implimentazzjoni kinitx ta’ natura li tippreġudikah jew għall-kuntrarju li kienet ta’ benefiċċju għalih. Fil-fatt, hija kkunsidrat li, f’kull każ, l-imsemmija implimentazzjoni kellha tirċievi l-kunsens ta’ tali terz. Issa, is-sentenza appellata fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), ma wrietx li l-poplu tas-Saħara tal-Punent wera tali kunsens.

155

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-premessi 11 u 12 tad-Deċiżjoni kontenzjuża jindikaw dan li ġej:

“(11)

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ifformulati fis-[sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118)], il-Kummissjoni, flimkien mas-[SEAE], ħadet il-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali biex il-popolazzjoni kkonċernata tiġi involuta b’mod xieraq sabiex jiġi determinat il-kunsens tagħhom. Saru konsultazzjonijiet estensivi fis-Saħara tal-Punent u fir-Renju tal-Marokk, u l-atturi soċjoekonomiċi u politiċi li ħadu sehem fil-konsultazzjonijiet kienu b’mod ċar favur il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd. Madankollu, il-Front Polisario u xi partijiet oħra ma aċċettawx li jieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni.

(12)

Dawk li ma aċċettawx li jieħdu sehem fil-proċess ma aċċettawx l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu għall-ilmijiet li jmissu mas-Saħara tal-Punent, għaliex ħassew essenzjalment li dawk l-atti jikkonfermaw il-pożizzjoni tal-Marokk fir-rigward tat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Madankollu, mhemm xejn fit-termini tal-Ftehim dwar is-Sajd jew tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu li jimplika rikonoxximent tas-sovranità jew tad-drittijiet sovrani tar-Renju tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent u l-ilmijiet li jmissu magħha. L-Unjoni ser tkompli wkoll tintensifika l-isforzi tagħha b’appoġġ għall-proċess, mibdi u mmexxi taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, ta’ riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim.”

156

F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, wara l-bidu tal-kunflitt armat bejn b’mod partikolari r-Renju tal-Marokk u l-Front Polisario fis-snin 70, parti kbira tal-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent ħarbet minn dan il-kunflitt u sabet kenn fit-territorju Alġerin. Ir-rappreżentant tal-Front Polisario indika f’dan ir-rigward waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma ġie kontradett, li, sal-lum, minn total ta’ madwar 500000 Saħrawi, madwar 250000 jgħixu f’kampijiet tar-refuġjati fl-Alġerija, kwart fiż-żona tas-Saħara tal-Punent taħt kontroll Marokkin u madwar kwart xi mkien ieħor fid-dinja.

157

Minn dan isegwi li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni attwali tas-Saħara tal-Punent ma tagħmilx parti mill-poplu detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, jiġifieri l-poplu tas-Saħara tal-Punent. Issa, dan tal-aħħar, fil-parti l-kbira spostat, huwa l-uniku detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni fir-rigward tat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Fil-fatt, id-dritt għall-awtodeterminazzjoni jappartjeni lill-poplu kkonċernat, u mhux lill-popolazzjoni ta’ dan it-territorju b’mod ġenerali, li minnha, skont l-istimi pprovduti waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni, 25 % biss huma ta’ oriġini Saħrawi.

158

[Kif irrettifikat b’digriet tal‑15 ta’ Jannar 2025] Kif ġie rrilevat fil-punt 129 tas-sentenza tal-lum, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑779/21 P u C‑799/21 P), teżisti f’dan ir-rigward differenza bejn il-kunċett ta’ “popolazzjoni” ta’ territorju mhux awtonomu u dak ta’ “poplu” ta’ dan it-territorju. Fil-fatt, dan tal-aħħar jirreferi għal unità politika, li għandha d-dritt għall-awtodeterminazzjoni, filwaqt li l-kunċett ta’ “popolazzjoni” jirreferi għall-abitanti ta’ territorju.

159

F’dan il-każ, il-Kummissjoni u s-SEAE wettqu konsultazzjonijiet mal-“popolazzjonijiet milquta”, li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 329 tas-sentenza appellata, essenzjalment jinkludu l-popolazzjonijiet li jinsabu attwalment fit-territorju tas-Saħara tal-Punent, indipendentement minn jekk jappartjenux jew le għall-poplu ta’ dan it-territorju. Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 354 tas-sentenza appellata, dawn il-konsultazzjonijiet ma jistgħux għalhekk ikunu ekwivalenti għall-kisba tal-kunsens tal-“poplu” tat-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent.

160

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fost ir-regoli rilevanti li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet fi ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz, hemm il-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ effett relattiv tat-Trattati, li jgħid li t-Trattati la għandhom jippreġudikaw u lanqas jibbenefikaw lil suġġetti terzi (pacta tertiis nec nocent nec prosunt). Dan il-prinċipju ta’ dritt internazzjonali ġenerali huwa espress b’mod partikolari fl-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jgħid li trattat la joħloq obbligi u lanqas drittijiet għal Stat terz mingħajr il-kunsens tiegħu (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 44).

161

L-imsemmi prinċipju, imsemmi wkoll fil-punt 106 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), għandu portata usa’ minn dik ta’ sempliċi regola ta’ interpretazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali. Fil-fatt, anki jekk, kif ġustament isostnu l-appellanti, ftehim li jaffettwa d-drittijiet jew l-obbligi ta’ terz ma jkunx, fin-nuqqas tal-kunsens ta’ dan tal-aħħar, infurzabbli fil-konfront tiegħu fid-dritt internazzjonali konvenzjonali, dan it-terz jista’ madankollu jiġi affettwat mill-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-każ tal-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ta’ territorju li fir-rigward tiegħu l-imsemmi terz huwa sovran jew detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni. Tali implimentazzjoni tista’, f’dan ir-rigward, tikser alternattivament, fir-rigward ta’ Stat, is-sovranità tiegħu fit-territorju tiegħu u, fir-rigward ta’ poplu, id-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni fit-territorju li miegħu huwa marbut l-imsemmi dritt. Għalhekk, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmi punt 106, l-implimentazzjoni ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk dwar it-territorju tas-Saħara tal-Punent għandha tirċievi l-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent.

162

Minn dan isegwi li l-assenza ta’ kunsens ta’ dan il-poplu għal tali ftehim, li l-implimentazzjoni tiegħu testendi fuq l-imsemmi territorju jew fuq l-ibħra li jmissu miegħu, tista’ taffettwa l-validità tal-att tal-Unjoni, bħad-Deċiżjoni kontenzjuża, dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 21(1) TUE, l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali tikkontribwixxi, b’mod partikolari, għall-osservanza stretta tal-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari għall-osservanza tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

163

Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu l-Kunsill. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 349 tas-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19, EU:T:2021:639), li hija s-sentenza appellata fil-Kawżi magħquda C‑779/21 P u C‑799/21 P, li għaliha jirreferi l-punt 335 tas-sentenza appellata, dan il-marġni ta’ evalwazzjoni huwa rregolat ġuridikament, minn naħa, mill-obbligu, dedott mill-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, li jiġi osservat, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, l-istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent u, min-naħa l-oħra, mir-rekwiżit, dedott mill-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati, li l-poplu ta’ dan it-territorju kellu jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk li ser jiġi implimentat fl-imsemmi territorju.

164

Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet, ġustament, fl-imsemmi punt 335, li huwa minnu li l-Kunsill li kellu jevalwa jekk is-sitwazzjoni attwali tal-istess territorju kinitx tiġġustifika adattament tal-modalitajiet tal-espressjoni ta’ dan il-kunsens u jekk il-kundizzjonijiet kinux issodisfatti sabiex jiġi kkunsidrat li l-poplu tas-Saħara tal-Punent kien esprima lil dan tal-aħħar, iżda li dik l-istituzzjoni ma kinitx libera li tiddeċiedi jekk setax jingħata dan il-kunsens, ħlief bi ksur tar-rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju kellu jagħti l-kunsens tiegħu għal tali ftehim.

165

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Unjoni li jaqgħu taħt l-azzjoni esterna tagħha fid-dawl tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, kif stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar in-neċessità tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent.

166

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-portata tal-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal-Konsulent Legali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tar-rekwiżit tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

167

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat essenzjalment, fil-punt 362 tas-sentenza appellata, li din l-ittra ma tikkostitwixxix sors tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi invokat quddiem il-qorti tal-Unjoni, peress li ma hijiex simili, bħala tali, la għal regola tad-dritt internazzjonali konvenzjonali li torbot lill-Unjoni u lanqas għal regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni Ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

168

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tal-Kummissjoni dwar l-approssimazzjoni, imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 330 tas-sentenza appellata, bejn il-konsultazzjonijiet inkwistjoni mwettqa mill-Kummissjoni u mis-SEAE, minn naħa, u l-konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati, imsemmija fl-Artikolu 11(3) TUE u fl-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, fi kwalunkwe każ, kif indikat essenzjalment il-Qorti Ġenerali, tali konsultazzjonijiet, li għandhom jippreċedu b’mod partikolari l-preżentazzjoni ta’ proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni, jiddistingwixxu ruħhom fundamentalment, minħabba n-natura u l-għan tagħhom, mir-rekwiżit, li jirriżulta mid-dritt internazzjonali konswetudinarju, li poplu detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni jagħti l-kunsens għall-applikazzjoni, fit-territorju li għalih jirreferi l-imsemmi dritt, ta’ ftehim internazzjonali li fir-rigward tiegħu huwa għandu l-kwalità ta’ terz.

169

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi, fil-punt 364 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-Kunsill, billi qies li l-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni u mis-SEAE kienu ppermettew li jkun hemm konformità mal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 106 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), kien interpreta b’mod żbaljat kemm il-portata ta’ dawn il-konsultazzjonijiet kif ukoll dik tar-rekwiżit stabbilit f’dan il-punt 106 u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill żbalja meta qies li huwa seta’ jibbaża ruħu fuq l-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal-Konsulent Legali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jissostitwixxi dan ir-rekwiżit bil-kriterji allegatament stabbiliti f’din l-ittra.

– Fuq l‑ilmenti li jikkonċernaw in‑neċessità tal‑kunsens tal‑poplu tas‑Saħara tal‑Punent u l‑identifikazzjoni tal‑Front Polisario bħala l‑entità li lilha dan il‑kunsens għandu jiġi espress

170

Kif tfakkar fil-punt 152 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 364 tas-sentenza appellata, li, billi adotta d-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kunsill ma kienx ħa inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-elementi rilevanti kollha relatati mas-sitwazzjoni tas-Saħara tal-Punent u kien ikkunsidra, b’mod żbaljat, li huwa kellu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok li jikkonforma ruħu mar-rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju kellu jesprimi l-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tal-Ftehim kontenzjuż għalih, bħala terz għall-imsemmi ftehim, konformement mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati b’rabta mal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni. B’mod partikolari, hija qieset li kien b’mod żbaljat li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu kkunsidraw li s-sitwazzjoni attwali tat-territorju tas-Saħara tal-Punent ma kinitx tippermetti li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ dan il-kunsens.

171

B’mod iktar preċiż, hija rrilevat, fil-punt 317 tas-sentenza appellata, li r-Renju tal-Marokk ma jassumix ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tiegħu skont il-Ftehim kontenzjuż, sa fejn it-territorju tas-Saħara tal-Punent u l-ibħra li jmissu miegħu huma kkonċernati, sabiex jeżerċita d-drittijiet tal-poplu ta’ dan it-territorju għall-benefiċċju tiegħu. Fil-fatt, hija qieset li r-Renju tal-Marokk ma għandux l-intenzjoni li jirrikonoxxi drittijiet lil dan il-poplu “f’dak li jirrigwarda l‑isfruttament tar-riżorsi tas-sajd f’dawn l-ibħra u l-allokazzjoni tal‑benefiċċji li jirriżultaw minnha” u li, barra minn hekk, id-drittijiet li dan il-ftehim jista’ possibbilment joħloq għall-operaturi stabbiliti fl-imsemmi territorju jikkonċernaw individwi u mhux suġġett terz li għandu jagħti l-kunsens tiegħu. Fir-rigward tal-benefiċċji għall-popolazzjonijiet tal-istess territorju li jistgħu jirriżultaw minnu, dawn huma, skont il-Qorti Ġenerali, “effetti purament soċjo‑ekonomiċi, li huma iktar indiretti, […] li ma għandhomx jiġu assimilati ma’ drittijiet”. Hija kompliet billi indikat dan li ġej, fil-punt 318 tas-sentenza appellata:

“Għall-kuntrarju, inkwantu jagħti lil waħda mill-partijiet kompetenza fit‑territorju ta’ terz, li huwa għalhekk ma għandux dritt jeżerċita hu stess jew, jekk ikun il-każ, li jiddelega l-eżerċizzju tagħha, il-ftehim ikkontestat jimponi fuq it-terz ikkonċernat, kif jenfasizza r-rikorrent, obbligu, indipendentement mill-fatt, allegat mill-Kunsill, li f’dan l‑istadju, huwa ma huwiex f’pożizzjoni li jeżerċita hu stess jew permezz tar-rappreżentant tiegħu dawn il-kompetenzi. Il-kunsens tiegħu għall‑ftehim ikkontestat għandu għalhekk ikun espliċitu”.

172

Issa, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punt 318 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

173

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, kif ġie kkonstatat fil-punti 161 sa 164 u 169 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament, essenzjalment, li, abbażi tal-prinċipji ta’ dritt għall-awtodeterminazzjoni u ta’ effett relattiv tat-Trattati, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-implimentazzjoni tal-Ftehim kontenzjuż f’dan it-territorju kien kundizzjoni għall-validità tad-Deċiżjoni kontenzjuża u li l-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni u mis-SEAE ma setgħux jistabbilixxu tali kunsens ta’ dan il-poplu.

174

Min-naħa l-oħra, hija interpretat b’mod żbaljat il-Ftehim kontenzjuż meta kkonstatat essenzjalment, fil-punt 318 tas-sentenza appellata, li dan il-ftehim ikollu l-effett li jimponi obbligu fuq il-poplu tas-Saħara tal-Punent, billi tat lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Marokk ċerti kompetenzi li l-eżerċizzju tagħhom huwa previst fit-territorju tas-Saħara tal-Punent.

175

Fil-fatt, għalkemm l-implimentazzjoni tal-Ftehim kontenzjuż timplika li l-atti tal-awtoritajiet Marokkini mwettqa fit-territorju tas-Saħara tal-Punent għandhom effetti legali bħal dawk deskritti fil-punti 119 sa 125 ta’ din is-sentenza, li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tal-poplu ta’ dan it-territorju, il-fatt li dan il-ftehim jirrikonoxxi lil dawn l-awtoritajiet ċerti kompetenzi amministrattivi eżerċitati fl-imsemmi territorju ma jippermettix madankollu li jiġi kkunsidrat li l-imsemmi ftehim joħloq obbligi legali fuq dan il-poplu, bħala suġġett tad-dritt internazzjonali.

176

F’dan ir-rigward, kif ġie enfasizzat fl-iskambju ta’ ittri, il-Ftehim kontenzjuż ma jimplikax ir-rikonoxximent mill-Unjoni tal-allegata sovranità tar-Renju tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, il-poplu tas-Saħara tal-Punent la huwa d-destinatarju tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd jew ta’ atti amministrattivi oħra stabbiliti mill-awtoritajiet Marokkini fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, li huwa obbligat jirrikonoxxi, u lanqas ma huwa d-destinatarju ta’ miżuri meħuda mill-awtoritajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tagħhom.

177

Minn dan isegwi li huwa billi bbażat ruħha fuq premessa żbaljata li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 318 tas-sentenza appellata, li l-espressjoni tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-Ftehim kontenzjuż kellha tkun espliċita.

178

Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher li jkun fondat minħabba motivi legali oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jimplika l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni u jkollha ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn dan annulla d-Deċiżjoni kontenzjuża, jidhirx li huwa fondat għal motivi ta’ liġi minbarra dawk ivvizzjati bl-iżball identifikat fil-punti 174 sa 177 ta’ din is-sentenza.

180

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt internazzjonali konswetudinarju ma jipprovdix forma partikolari għall-espressjoni tal-kunsens ta’ persuna terza għal ftehim li jagħtiha dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali tas‑7 ta’ Ġunju 1932, Kawża taż-“Żoni Ħielsa tal-Haute-Savoie u tal-Pays de Gex”, Ġabra CPJI 1927, serje A/B, Nru 46, p. 148). Minn dan isegwi li dan l-istess dritt ma jeskludix li tali kunsens jista’ jingħata b’mod impliċitu f’ċerti ċirkustanzi. B’hekk, fis-sitwazzjoni partikolari ta’ poplu ta’ territorju mhux awtonomu, il-kunsens ta’ dan il-poplu għal ftehim internazzjonali li fir-rigward tiegħu huwa għandu l-kwalità ta’ terz u li l-applikazzjoni tiegħu hija prevista fit-territorju li għalih jirreferi d-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni jista’ jiġi preżunt sakemm jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet.

181

Minn naħa, il-ftehim inkwistjoni ma għandux joħloq obbligu impost fuq l-imsemmi poplu. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi ftehim għandu jipprevedi li l-poplu kkonċernat innifsu, li jista’ ma jkunx adegwatament irrappreżentat mill-popolazzjoni tat-territorju li għalih jirreferi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni li għandu dan il-poplu, jirċievi vantaġġ preċiż, konkret, sostanzjali u verifikabbli li jirriżulta mill-isfruttament tar-riżorsi naturali ta’ dan it-territorju, u li huwa proporzjonali għall-importanza ta’ dan l-isfruttament. Dan il-vantaġġ għandu jkun akkumpanjat minn garanziji fir-rigward tal-fatt li l-imsemmi sfruttament isir f’kundizzjonijiet konformi mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi naturali mhux rinnovabbli jibqgħu disponibbli b’mod estensiv u li r-riżorsi naturali li jiġġeddu, bħall-istokkijiet tal-ħut, jiġu rrikostitwiti b’mod permanenti. Fl-aħħar nett, il-ftehim inkwistjoni għandu jipprevedi wkoll mekkaniżmu ta’ kontroll regolari li jippermetti li tiġi vverifikata r-realtà tal-vantaġġ mogħti bl-applikazzjoni tiegħu lill-poplu kkonċernat.

182

L-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà ta’ tali ftehim mal-prinċipju, li jirriżulta mill-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u li huwa stabbilit fid-dritt internazzjonali konswetudinarju, ta’ supremazija tal-interessi tal-popli ta’ territorji mhux awtonomi. B’hekk din tikkontribwixxi sabiex l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali tkun ibbażata, kif jipprevedi l-Artikolu 21(1) TUE, fuq il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

183

Fl-ipoteżi fejn iż-żewġ kundizzjonijiet esposti fil-punt 181 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti, il-kunsens tal-poplu kkonċernat għandu jitqies bħala miksub. Il-fatt li moviment li jippreżenta ruħu bħala r-rappreżentant leġittimu ta’ dan il-poplu jipprekludi dan il-ftehim ma jistax, bħala tali, ikun suffiċjenti sabiex jikkontesta l-eżistenza ta’ tali kunsens preżunt.

184

[Kif irrettifikat b’digriet tal‑15 ta’ Jannar 2025] Din il-preżunzjoni ta’ kunsens tista’ madankollu tiġi kkonfutata sakemm rappreżentanti leġittimi tal-imsemmi poplu jistabbilixxu li s-sistema ta’ vantaġġ mogħtija lill-istess poplu mill-ftehim inkwistjoni, jew ukoll il-mekkaniżmu ta’ kontroll regolari li għandu jakkumpanjaha, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet esposti fil-punt 181 ta’ din is-sentenza. Fejn ikun meħtieġ, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiddeċiedi din il-kwistjoni, sabiex tevalwa, b’mod partikolari, jekk l-imsemmi ftehim jippreżervax b’mod adegwat id-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu kkonċernat jew is-sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali li tirriżulta minn dan id-dritt kif ukoll mill-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u kull Stat Membru jistgħu wkoll jiksbu, saħansitra qabel ma jiġi ffirmat jew konkluż ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk li jipprevedi tali sistema ta’ vantaġġ, l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim previst mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, b’mod partikolari l-Artikolu 21(1) TUE.

185

F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 181 ta’ din is-sentenza, din għandha titqies li hija ssodisfatta. Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punti 174 u 175 tal-istess sentenza, il-Ftehim kontenzjuż, minkejja li jbiddel is-sitwazzjoni legali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni li huwa għandu f’dan it-territorju, ma joħloqx obbligi ġuridiċi fuq dan il-poplu, bħala suġġett tad-dritt internazzjonali.

186

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li vantaġġ favur il-poplu tas-Saħara tal-Punent, li jissodisfa l-karatteristiċi msemmija fil-punt 181 ta’ din is-sentenza, huwa manifestament nieqes fil-Ftehim kontenzjuż.

187

B’mod partikolari, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 312 sa 314 tas-sentenza appellata, il-Ftehim kontenzjuż ma jagħti l-ebda dritt lill-poplu tas-Saħara tal-Punent, bħala terz fir-rigward ta’ dan il-ftehim. Fil-fatt, minn naħa, id-drittijiet tas-sajd mogħtija bis-saħħa tal-Ftehim dwar is-Sajd fl-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent huma għall-benefiċċju tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-ġestjoni ta’ attivitajiet tas-sajd f’dawn l-ibħra, b’mod partikolari fil-kuntest tad-definizzjoni taż-żoni ta’ ġestjoni li japplikaw għal dawn l-ibħra, hija eżerċitata mill-awtoritajiet Marokkini fil-kuntest tal-liġijiet u tar-regolamenti nazzjonali tagħhom, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi ftehim. Min-naħa l-oħra, id-diversi komponenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja jitħallsu lill-awtoritajiet Marokkini, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(4) u mill-Artikolu 8(3) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni u mill-punt E tal-Kapitolu I tal-Anness ta’ dan il-protokoll.

188

F’dan ir-rigward, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 145 u 147 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim kontenzjuż huwa stabbilit b’riferiment għal “żona tas-sajd” waħda ddefinita bħala li tkopri, essenzjalment, l-ibħra kollha li jmissu mar-Renju tal-Marokk u dawk tat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Madankollu, id-definizzjoni ta’ din iż-“żona tas-sajd” ma tagħmilx distinzjoni bejn l-ibħra li jmissu mat-territorju tar-Renju tal-Marokk u l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

189

Għaldaqstant, il-Ftehim kontenzjuż ma jistabbilixxix liema parti tad-drittijiet tas-sajd tal-Unjoni tikkorrispondi għall-ibħra li jmissu mar-Renju tal-Marokk u liema parti minn dawn id-drittijiet tikkorrispondi għall-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

190

Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 161 u 162 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa minnu li dan il-ftehim jipprevedi r-rekwiżit ta’ “allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta” tal-benefiċċji soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-Unjoni lir-Renju tal-Marokk.

191

Madankollu, kif ikkonstatat essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punt 316 tas-sentenza appellata, mingħajr ma din il-konstatazzjoni ġiet ikkontestata fil-mertu, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim kontenzjuż ma jindikawx kif il-prinċipju ta’ allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta tal-kontribuzzjoni finanzjarja huwa implimentat b’mod differenti fit-territorju tas-Saħara tal-Punent u fit-territorju tal-Marokk. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi ftehim ma jipprevedi l-għoti ta’ ebda kontribuzzjoni finanzjarja għall-benefiċċju, speċifikament, tal-poplu tas-Saħara tal-Punent.

192

Minn dan isegwi li l-poplu tas-Saħara tal-Punent ma jistax jiġi preżunt li ta l-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tal-Ftehim kontenzjuż fuq l-ibħra li jmissu ma’ dan it-territorju.

193

Hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-possibbiltà ta’ kunsens preżunt konformement mal-punti 180 sa 183 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi kkontestata minħabba l-fatt li l-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, dwar it-territorji mhux awtonomi, jirreferi għall-“popolazzjonijiet” u għall-“abitanti” ta’ dawn it-territorji u jiddefinixxi bħala “missjoni sagra” l-obbligu li tiġi ffavorita sa fejn possibbli l-prosperità tagħhom, u b’hekk ikopri, fil-każ tas-Saħara tal-Punent, parti mill-“popolazzjoni” ta’ dan it-territorju li ma hijiex inkluża fil-“poplu” tas-Saħara tal-Punent. F’dan ir-rigward, huwa kkunsidrat bħala essenzjali fir-Riżoluzzjoni 2703 (2023) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li n-negozjati javvanzaw sabiex il-kwalità tal-ħajja tal-abitanti tas-Saħara tal-Punent titjieb fl-oqsma kollha. Issa, li kieku ftehim kellu, fil-futur, jibbenefika lill-poplu tas-Saħara tal-Punent konformement mar-rekwiżiti esposti fil-punt 181 ta’ din is-sentenza, il-possibbiltà li dan il-ftehim jibbenefika wkoll lill-abitanti ta’ dan it-territorju b’mod ġenerali ma tkunx tista’ tipprekludi l-konstatazzjoni tal-kunsens preżunt ta’ dan il-poplu.

194

[Kif irrettifikat b’digriet tal‑15 ta’ Jannar 2025] Fid-dawl, barra minn hekk, tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 173 ta’ din is-sentenza, li l-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni u mis-SEAE ma setgħux jistabbilixxu tali kunsens tal-imsemmi poplu, għandha titqies li hija fondata l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 364 tas-sentenza appellata, li tgħid li, billi adotta d-Deċiżjoni kontenzjuża, minn naħa, il-Kunsill ma kienx ħa inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-elementi rilevanti kollha relatati mas-sitwazzjoni tas-Saħara tal-Punent u, min-naħa l-oħra, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu kkunsidraw, b’mod żbaljat, li s-sitwazzjoni attwali ta’ dan it-territorju ma kinitx tippermetti li tiġi żgurata l-eżistenza tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-Ftehim kontenzjuż.

195

Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju fil-Kawża C‑778/21 P u r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑798/21 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq il‑ħames aggravju fil‑Kawża C‑778/21 P u t‑tielet aggravju fil‑Kawża C‑798/21 P, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi fir‑rigward tal‑invokabbiltà tad‑dritt internazzjonali

L‑argumenti tal‑partijiet

196

Il-Kummissjoni, permezz tal-ħames aggravju tagħha, u l-Kunsill, permezz tat-tielet aggravju tiegħu, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-invokabbiltà ta’ regoli tad-dritt internazzjonali fil-kuntest ta’ rikors li jirrigwarda l-validità ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni. Dawn l-aggravji jirrigwardaw is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 294 tagħha, li l-Front Polisario seta’ jinvoka l-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati u li t-tielet motiv imqajjem quddiemha għalhekk ma kienx ineffettiv.

197

Dawn l-istituzzjonijiet ifakkru b’mod partikolari l-ġurisprudenza li tgħid li l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju jistgħu jiġu invokati minn parti f’kawża, għall-finijiet tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-validità ta’ att tal-Unjoni, biss jekk huma jistgħu jqiegħdu inkwistjoni l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta att u jekk l-att inkwistjoni jkun jista’ jaffettwa d-drittijiet li l-parti f’kawża tislet mid-dritt tal-Unjoni jew joħloq obbligi fir-rigward ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 107).

198

Il-Kunsill jenfasizza wkoll li, għalkemm jistgħu jiġu invokati r-regoli tad-dritt internazzjonali, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat, fi kwalunkwe każ, għall-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli konformement mas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 107). F’dan il-każ, il-prinċipji ta’ awtodeterminazzjoni u ta’ effett relattiv tat-Trattati ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni l-kompetenza tal-Unjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat impliċitament li d-dritt internazzjonali ma jeskludix li trattat jista’, b’deroga mir-regola ġenerali, jorbot Stat fir-rigward ta’ territorju ieħor, li hija ħaġa li l-Qorti Ġenerali kkonfermat espliċitament billi ċaħdet il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill sabiex jikkonkludi l-Ftehim kontenzjuż. Fi kwalunkwe każ, l-effett relattiv tat-Trattati ma jikkonċernax il-validità ta’ ftehim, iżda l-infurzabbiltà tiegħu.

199

Ir-Repubblika Franċiża tindika f’dan ir-rigward li, anki jekk il-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati seta’ jiġi invokat u kien miksur f’dan il-każ, tali ksur ma jkunx iwassal għan-nullità tad-Deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn, skont l-imsemmi prinċipju, il-kunsens ta’ terz ma jikkundizzjonax il-validità tat-trattat ikkonċernat.

200

Il-Front Polisario jiċħad dawn l-argumenti.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

201

Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 290 tas-sentenza appellata, b’riferiment għall-punti 282 sa 291 tas-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19, EU:T:2021:639), li, sabiex jiddefendi d-drittijiet li l-poplu tas-Saħara tal-Punent għandu abbażi tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati, il-Front Polisario kellu jkollu l-possibbiltà li jinvoka l-ksur tal-obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonati, imposti fil-kuntest tar-relazzjonijiet tal-Unjoni mar-Renju tal-Marokk u dedotti mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), mill-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fid-dawl tal-prinċipji ta’ awtodeterminazzjoni u ta’ effett relattiv tat-Trattati, kontra d-deċiżjoni li kienet ikkontestata fil-kawża li tat lok għal din l-ewwel sentenza, sa fejn tali ksur allegat seta’ jaffettwa lill-imsemmi poplu, bħala terz għal ftehim konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk.

202

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret li hija kienet ikkunsidrat fl-imsemmija sentenza li l-ġurisprudenza relatata mal-invokabbiltà tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, stipulata fil-punti 107 sa 109 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), ma kinitx tipprekludi din il-konklużjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’dawn il-punti kienu bbażati fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ relatati man-natura tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali invokati u tal-att ikkontestat kif ukoll mas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li ma kinux komparabbli ma’ dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19, EU:T:2021:639).

203

Il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu applikabbli għall-invokabbiltà kontra d-Deċiżjoni kontenzjuża tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati kontra d-Deċiżjoni kontenzjuża, fid-dawl tal-applikabbiltà tal-imsemmija prinċipji fil-kuntest ta’ ftehim dwar is-sajd konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 63 sa 72 tas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118).

204

Dan ir-raġunament ma huwiex ivvizzjat bi żbalji ta’ liġi.

205

Fil-fatt, l-Unjoni hija obbligata, skont ġurisprudenza stabbilita, teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza tad-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inklużi r-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali u konswetudinarju, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jorbtuha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, sabiex tevalwa jekk ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni huwiex kompatibbli mar-regoli tad-dritt internazzjonali li, konformement mat-Trattati, jorbtu lill-Unjoni. L-istħarriġ tal-validità li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha twettaq fir-rigward tal-att li permezz tiegħu l-Unjoni kkonkludiet tali ftehim internazzjonali jista’ jirrigwarda l-legalità ta’ dan l-att fid-dawl tal-kontenut stess tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punti 48 sa 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

207

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tikkunsidra li l-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati kienu invokabbli fil-kuntest tal-istħarriġ tal-validità tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

208

Għaldaqstant, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li għandu jiġi dedott mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), li dawn il-prinċipji ma jistgħux jiġu invokati fil-kuntest tal-istħarriġ tal-validità tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

209

Fir-rigward tal-ilment imressaq mill-Kunsill li l-istħarriġ, mill-qorti tal-Unjoni, tal-konformità ta’ att tal-Unjoni ma’ tali regoli tad-dritt internazzjonali għandu jkun limitat għal żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, dan jikkoinċidi, essenzjalment, ma’ dak, imressaq fil-kuntest tar-raba’ aggravji tal-appelli, ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu l-Kunsill fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni. Għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 162 ta’ din is-sentenza.

210

Konsegwentement, il-ħames aggravju fil-Kawża C‑778/21 P u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑798/21 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

211

Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji mqajma mill-Kummissjoni u mill-Kunsill insostenn tal-appelli fil-Kawżi C‑778/21 P u C‑798/21 P ma ntlaqa’, hemm lok li dawn jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

Fuq it‑talbiet imressqa sussidjarjament mill‑Kunsill u mill‑Kummissjoni

L‑argumenti tal‑partijiet

212

Sussidjarjament, il-Kunsill, filwaqt li jenfasizza r-riskju, fil-każ tal-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, ta’ konsegwenzi negattivi serji fuq l-azzjoni esterna tal-Unjoni u tat-tqegħid inkwistjoni taċ-ċertezza legali tal-impenji internazzjonali li din tat il-kunsens għalihom u li jorbtu lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri, iqis neċessarju, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell mis-sentenza appellata, li hija tordna ż-żamma tal-effetti ta’ dik id-deċiżjoni għal perijodu ta’ tnax-il xahar.

213

Il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li jkun mixtieq li jinżammu l-effetti tad-Deċiżjoni kontenzjuża għal sena u nofs, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni huwa ġġustifikat għal raġunijiet oħra minbarra dawk indikati fis-sentenza appellata u fejn ikun possibbli li mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi dedotta possibbiltà realistika li ftehim li jkopri s-Saħara tal-Punent jista’ madankollu jiġi konkluż mar-Renju tal-Marokk, sabiex ikunu jistgħu jseħħu n-negozjati neċessarji għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ tali ftehim.

214

Il-Front Polisario joġġezzjona dawn it-talbiet.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

215

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li huwa neċessarju, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi.

216

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tal-motivi relatati maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ tali att jistgħu jinżammu b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi serji għall-partijiet ikkonċernati (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mar-Repubblika tal-Korea), C‑275/20, EU:C:2022:142, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

217

F’dan il-każ, skont il-punt 369 tas-sentenza appellata, li ma ġiex ikkontestat permezz ta’ appell inċidentali, l-effetti tad-Deċiżjoni kontenzjuża nżammu sakemm tingħata din is-sentenza. Issa, kif jirriżulta mill-punt 69 ta’ din is-sentenza, il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni skada fis‑17 ta’ Lulju 2023. Mingħajr protokoll fis-seħħ, il-Ftehim dwar is-Sajd ma jawtorizzax l-aċċess tal-bastimenti tal-Unjoni għaż-“żona tas-sajd”, fis-sens tiegħu.

218

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-iskadenza tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, it-talbiet sussidjarji tal-Kummissjoni u tal-Kunsill saru mingħajr skop.

219

Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq dawn it-talbiet sussidjarji.

Fuq l‑ispejjeż

220

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

221

Konformement mal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

222

F’dan il-każ, peress li l-Front Polisario talab il-kundanna tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u dawn tal-aħħar tilfu l-kawżi, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Front Polisario fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

223

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawżi għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

224

F’dan il-każ, ir-Renju tal-Belġju, l-Ungerija, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka, intervenjenti fl-appell fil-Kawża C‑798/21 P, kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża, intervenjenti fl-ewwel istanza, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

225

Fl-aħħar nett, peress li l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa wkoll applikabbli għall-proċedura tal-appell abbażi tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, jipprovdi b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjenti li ma hijiex Stat Membru jew istituzzjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

226

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li ċ-CPMM għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għaż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/441, tal-4 ta’ Marzu 2019, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u tal-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Front populaire pour la libération de la Saguia-el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario) fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

 

4)

Ir-Renju tal-Belġju, l-Ungerija, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ix-Chambre des pêches maritimes de la Méditerranée, ix-Chambre des pêches maritimes de l’Atlantique Nord, ix-Chambre des pêches maritimes de l’Atlantique Centre u x-Chambre des pêches maritimes de l’Atlantique Sud għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.