|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2282 |
14.10.2026 |
DEĊIŻJONI Nru 048/26 A
tal-Assemblea tal-Kumitat Ekonomiku
u Soċjali Ewropew dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji [2026/2282]
IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83 tal-1 ta’ Frar 1983 dwar il-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (Mejju 2022) (2) (minn issa ’l quddiem msejjaħ “il-Kumitat”) u b’mod partikolari r-Regola 10(2) tagħhom,
BILLI:
|
(1) |
Ir-rekords miżmuma mill-Kumitat jiffurmaw il-bażi tal-operat u l-ħidma ta’ kuljum tiegħu. Dawn huma parti mill-assi tal-Kumitat u jissodisfaw il-funzjonijiet li jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni, jipprovdu evidenza tal-azzjoni meħuda, jissodisfaw l-obbligi legali tal-istituzzjoni u jippreservaw il-memorja tiegħu. Għalhekk, dawn iridu jiġu ġestiti f’konformità mar-regoli effettivi applikabbli għall-persunal u d-dipartimenti kollha. |
|
(2) |
Il-Kumitat iżomm rekords li jinħolqu, jiġu riċevuti u ġestiti b’rabta mal-attivitajiet tiegħu. Ir-rekords kollha, irrispettivament mill-format tagħhom u l-ambjent teknoloġiku li fih jinġabru, jinħolqu jew jiġu ġenerati, għandhom jinqabdu, jiġu rreġistrati u ppreservati f’repożitorju elettroniku uffiċjali tar-rekords. |
|
(3) |
Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji jistabblixxu prinċipji biex jiġi żgurat: il-ħolqien, l-ilqigħ u l-preservazzjoni jew l-eliminazzjoni adegwata tar-rekords u l-konsultazzjoni u l-komunikazzjoni tagħhom; l-awtentiċità, l-affidabbiltà, l-integrità, u l-leġġibbiltà matul iż-żmien tar-rekords u l-metadata li takkumpanjahom; l-identifikazzjoni ta’ kull rekord, flimkien mal-estrazzjoni u l-allokazzjoni tal-metadata, sabiex tkun tista tiġi ffajljata, imfittxija u traċċata faċilment; l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-aġġornar tal-istruttura tas-sistemi ta ġestjoni tar-rekords u l-arkivji tal-Kumitat, ir-repożitorji elettroniċi tiegħu u r-repożitorji tiegħu għall-media analoga. |
|
(4) |
Dawn il-prinċipji huma maħsuba biex ikopru ċ-ċiklu tal-ħajja tar-rekords tal-Kumitat, irrispettivament mit-tip tagħhom. |
|
(5) |
Il-ġestjoni u l-arkivjar konsistenti tar-rekords jgħinu biex jintlaħqu l-obbligi ta’ trasparenza tal-Kumitat, b’mod partikolari billi jiffaċilitaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti. |
|
(6) |
Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji għandhom jiġu allinjati mal-obbligu li jingħata aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Kumitat f’konformità mal-prinċipji, l-arranġamenti u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), implimentat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Nru 603/2003. |
|
(7) |
Il-Kumitat joħloq u jżomm l-arkivji storiċi tiegħu u jiftaħhom għall-pubbliku skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83. |
|
(8) |
Skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (5), il-Kumitat huwa meħtieġ jipprovdi informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernahom u jirrispetta d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data. Madankollu, il-Kumitat għandu jibbilanċja dawn id-drittijiet mal-objettivi tal-arkivjar fl-interess pubbliku f’konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. |
|
(9) |
L-Artikoli 16(5)(b) u 19(3)(d) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprevedu eċċezzjonijiet għad-dritt tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni u d-dritt għat-tħassir fir-rigward tal-ipproċessar tad-data għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku. Dawk l-eċċezzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data għandhom japplikaw fil-prinċipju fil-kuntest partikolari tal-arkivji storiċi tal-Kumitat, b’kont meħud tan-natura tal-arkivjar fl-interess pubbliku f’konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. Biex jagħti dawn id-drittijiet, il-Kumitat ikun meħtieġ jagħmel sforz sproporzjonat u ma jkunx jista’ jagħmel dan, speċjalment ladarba l-fajls u r-rekords tiegħu magħżula għall-preservazzjoni permanenti jkunu ġew trasferiti fl-arkivji storiċi tiegħu. Barra minn hekk, it-tħassir ta’ data personali li tinsab f’dawn ir-rekords, b’mod partikolari, jikkomprometti l-validità, l-integrità u l-awtentiċità tal-arkivji tal-Kumitat u għalhekk ifixkel serjament il-kisba tal-objettivi tal-arkivjar fl-interess pubbliku. |
|
(10) |
Il-Kumitat għandu jipprevedi derogi soġġetti għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725 (6). |
|
(11) |
Sabiex tiġi ggarantita l-akbar protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tas-suġġetti tad-data u f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kumitat għandu jiġi kkonsultat mill-aktar fis possibbli qabel ma tiġi applikata kwalunkwe deroga skont din id-Deċiżjoni. |
|
(12) |
Ir-regoli tal-Kumitat dwar ir-rekords u l-arkivjar għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, ir-rekwiżiti rigward it-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti, kif ukoll oqfsa rilevanti oħra rigward l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji fl-UE kollha bħall-eIDAS (7), |
|
(13) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat dwar din id-Deċiżjoni u ta opinjoni fid-9 ta’ Jannar 2026, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar:
|
(a) |
il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji tal-Kumitat; |
|
(b) |
il-preservazzjoni u l-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji tal-Kumitat u d-depożitu tal-arkivji storiċi tal-Kumitat fl-Arkivji Storiċi tal-Unjoni Ewropea fl-Istitut Universitarju Ewropew (EUI) f’Firenze; |
|
(c) |
il-governanza, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rigward l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji. |
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni tapplika għar-rekords u l-arkivji miżmuma mill-persunal tal-Kumitat, inklużi l-korpi kostitwenti tiegħu – u l-membri tal-Kumitat tiegħu – il-korpi u l-entitajiet l-oħra li jiffurmaw parti mill-Kumitat jew li huma stabbiliti minnu, irrispettivament mill-format jew it-tip (eż. karta, diġitali, viżiv, awdjo, fotografiku).
2. Din id-Deċiżjoni tapplika għar-rekords kollha miżmuma mill-Kumitat, inklużi dawk maħluqa jew riċevuti fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Kumitat mid-dipartimenti kondiviżi mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (“is-Servizzi Konġunti”).
3. L-uffiċjal tal-ġestjoni tad-dokumenti kif imsemmi fl-Artikolu 20 għandu jistabbilixxi ftehim mal-kontroparti tiegħu fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar proċeduri u prattiki komuni u/jew koordinati, biex jiġu evitati l-inkonsistenza, l-inċertezza u l-kunflitt fil-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“rekord” tfisser informazzjoni, riċevuta u maħluqa fil-forma ta’ dokument (8), ġabra ta’ data jew f’forma oħra f’mezz diġitali jew analogu li tinqabad f’repożitorju uffiċjali u ġestita u miżmuma bħala evidenza u bħala assi. |
|
(2) |
“metadata” tfisser kwalunkwe informazzjoni li tiddeskrivi l-kuntest, il-kontenut u l-istruttura tar-rekords u l-ġestjoni tagħhom maż-żmien għall-finijiet ta’, fost l-oħrajn, l-irkupru, l-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid; |
|
(3) |
“diġitalizzazzjoni” tfisser il-proċess tat-trasformazzjoni ta’ rekord fuq il-karta jew fi kwalunkwe mezz tradizzjonali ieħor f’rendizzjoni elettronika; |
|
(4) |
“awtur” tfisser l-entità li toħloq, individwu, grupp jew organizzazzjoni li tipproduċi rekord; |
|
(5) |
“repożitorju/i uffiċjali tar-rekords” tfisser sistema (jew sistemi), rikonoxxuti u approvati mill-awtorità kompetenti, li fihom ir-rekords miżmuma mill-Kumitat jinġabru, jiġu organizzati, irreġistrati u kkategorizzati biex jiġu ffaċilitati l-irkupru, id-distribuzzjoni u l-użu tar-rekords; |
|
(6) |
“qbid” tfisser l-inserzjoni ta’ dokument f’repożitorju elettroniku uffiċjali billi jiġu kkombinati identifikatur uniku u metadata (9); |
|
(7) |
“identifikatur uniku” tfisser sekwenza ta’ ċifri jew ittri, jew it-tnejn, assenjati b’mod mhux ambigwu lil rekord minn magna jew persuna u li tidentifika dak ir-rekord b’mod uniku u distint mir-rekords l-oħra kollha; |
|
(8) |
“reġistrazzjoni” tfisser il-qbid ta’ rekord f’reġistru, li jistabbilixxi li huwa komplut u kostitwit kif suppost minn perspettiva amministrattiva u/jew legali u li jiċċertifika li ntbagħat minn awtur lil destinatarju f’data partikolari, bħala posta dieħla jew ħierġa, jew li ġie inkorporat f’wieħed mir-repożitorji uffiċjali tal-Kumitat; |
|
(9) |
“fajl” tfisser aggregazzjoni ta’ rekords organizzati f’konformità mal-attivitajiet tal-Kumitat, għal raġunijiet ta’ prova, ġustifikazzjoni jew informazzjoni u biex tiġi ggarantita l-effiċjenza fix-xogħol; il-grupp ta’ rekords li jiffurmaw il-fajl huwa organizzat b’tali mod li jifforma unità koerenti u rilevanti f’termini tal-attivitajiet imwettqa mill-Kumitat jew mid-dipartimenti tiegħu; |
|
(10) |
“pjan ta’ ffajljar” tfisser strument bi struttura ġerarkika u loġika, fil-forma ta’ dendogramma b’għadd ta’ intestaturi interkonnessi, li jippermetti li r-rekords jiġu organizzati b’mod intellettwali u marbuta mal-kuntest li fih tfasslu, abbażi tal-funzjonijiet, l-attivitajiet u l-proċessi ta’ ħidma; |
|
(11) |
“lista ta’ żamma” hija d-dokument li jiddeskrivi l-perjodu ta’ ritenzjoni amministrattiva għall-fajls u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu wara l-iskadenza tagħhom. Din tistabbilixxi l-perjodu minimu għaż-żamma tar-rekords u tal-fajls skont ir-rekwiżiti legali, kummerċjali u ta’ responsabbiltà u l-valur storiku tagħhom; |
|
(12) |
“awtentiċità” tfisser il-fatt li rekord jista’ jiġi ppruvat li huwa dak li huwa maħsub li huwa, li nħoloq jew intbagħat mill-persuna li allegatament ħolqitu jew bagħtitu u li nħoloq jew intbagħat fid-data allegata (10); |
|
(13) |
“affidabbiltà” tfisser il-fatt li l-kontenut ta’ rekord jista’ jiġi fdat bħala rappreżentazzjoni sħiħa u preċiża tat-tranżazzjonijiet, tal-attivitajiet jew tal-fatti li dawn jattestaw u li r-rekord jibqa’ affidabbli matul it-tranżazzjonijiet jew l-attivitajiet sussegwenti (11); |
|
(14) |
“integrità” tfisser il-fatt li rekord huwa komplut u mhux mibdul (12); |
|
(15) |
“validità” tfisser il-fatt li dokument li għandu l-karatteristiċi intrinsiċi u estrinsiċi kollha meħtieġa mill-kuntest tal-produzzjoni tiegħu, meħtieġa sabiex jiġi aċċettat bħala espressjoni tal-awtur tiegħu bil-konsegwenzi legali kollha tiegħu; |
|
(16) |
“ammissibbiltà” tfisser il-fatt li dokument għandu l-karatteristiċi intrinsiċi u estrinsiċi kollha meħtieġa mill-kuntest tal-ilqigħ tiegħu, meħtieġa biex jiġi aċċettat bħala espressjoni tal-awtur tiegħu bil-konsegwenzi legali kollha tiegħu; |
|
(17) |
“preservazzjoni” tfisser il-proċessi u l-operazzjonijiet tekniċi kollha li jagħmluha possibbli li jinżammu rekords maż-żmien, li jinżammu l-integrità u l-awtentiċità tagħhom u li jiġi ggarantit l-aċċess għall-kontenut tagħhom; |
|
(18) |
“arkivju” tfisser ir-rekords, il-fajls u l-metadata kollha maħluqa, riċevuti, maqbuda, iffajljati u ppreservati minn organizzazzjoni; |
|
(19) |
“żamma” tfisser l-att taż-żamma ta’ rekord skont ir-rekwiżiti għall-evidenza dwar funzjoni, attività jew tranżazzjoni u għall-proċessi tar-rekords, inkluż kif, u għal kemm żmien, jeħtieġ li jinżammu r-rekords; |
|
(20) |
“perjodu ta’ żamma amministrattiva” tfisser il-perjodu ta’ żmien wara l-għeluq ta’ fajl li matulu d-dipartiment ikun meħtieġ jippreserva l-fajl abbażi tal-utilità amministrattiva tiegħu u r-rekwiżiti legali statutorji assoċjati; |
|
(21) |
“eliminazzjoni” tfisser l-azzjoni kkontrollata li twassal għall-qerda fiżika tal-mezzi tal-ħżin u t-tħassir u s-sostituzzjoni tal-istanzi magħrufa kollha tal-materjal li għandhom jiġu eliminati, biex jiġi żgurat li l-informazzjoni titħassar b’mod permanenti u irrevokabbli; |
|
(22) |
“oriġinal” tfisser dokument li jesprimi r-rieda tal-awtur tiegħu u li kapaċi jiġġenera l-konsegwenzi maħsuba minnhom fl-ewwel verżjoni definittiva tad-dokument li jkun fih l-informazzjoni kollha kif espressa mill-awtur tiegħu kif ukoll l-elementi kollha meħtieġa mill-kuntest tal-produzzjoni tiegħu. L-oriġinal jista’ jkun multiplu; |
|
(23) |
“kopja” tfisser duplikazzjoni, sħiħa jew parzjali, ta’ dokument oriġinali jew ta’ kopja oħra ta’ oriġinal, irrispettivament mill-mezz li fih jinħoloq l-oriġinal jew il-kopja. Kopja tista’ tkun rendizzjoni mhux elettronika ta’ oriġinal elettroniku jew rendizzjoni elettronika ta’ oriġinal analogu, fost l-oħrajn; |
|
(24) |
“evalwazzjoni” tfisser il-proċess li jivvaluta l-attivitajiet tan-negozju biex jiġi ddeterminat liema rekords jeħtieġ li jinħolqu u jinqabdu, u għal kemm żmien jeħtieġ li jinżammu r-rekords; |
|
(25) |
“sensittiva mhux klassifikata” tfisser informazzjoni sensittiva li, jekk tiġi żvelata, tista’ tikkomprometti l-interessi tal-istituzzjonijiet Ewropej, ta’ partijiet terzi, bħal negozji u kumpaniji, jew ta’ individwi privati, iżda mhux sensittiva tant li tagħmel ħsara lill-interessi tal-UE jew tal-Istati Membri; |
|
(26) |
“data personali sensittiva” tfisser data, li, min-natura tagħha, jistħoqqilha protezzjoni msaħħa peress li l-ipproċessar mhux awtorizzat tagħha jista’ jikkostitwixxi inkonvenjenza jew riskju għas-suġġetti tad-data (għalkemm mhux neċessarjament jappartjeni għal kategoriji speċjali ta’ data personali skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725), bħal data dwar l-imġiba, data personali finanzjarja, data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati jew miżuri ta’ sigurtà relatati, u data personali operazzjonali fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija; |
KAPITOLU II
Ġestjoni tar-rekords
Artikolu 4
Ħolqien
1. Abbażi tar-rekwiżiti formali stabbiliti għal kull tip ta’ rekord, l-awtur ta’ kwalunkwe qbid u reġistrazzjoni għandu jidentifika s-sistema ta’ ġestjoni elettronika li biha għandha tiġi ġestita l-informazzjoni u r-repożitorju uffiċjali li fih għandha tiġi ppreservata.
2. Ir-rekords tal-Kumitat għandhom jinħolqu bħala rekords elettroniċi u għandhom jinżammu fir-repożitorji elettroniċi uffiċjali tiegħu.
Madankollu, fis-sitwazzjonijiet li ġejjin, ir-rekords jistgħu jinħolqu f’mezz differenti jew jinżammu b’mod differenti:
|
(a) |
meta dispożizzjoni tal-liġi tal-UE jew nazzjonali tkun teħtieġ dan, |
|
(b) |
fejn il-konvenjenza tal-protokoll timponi mezz tal-karta, |
|
(c) |
fejn raġunijiet prattiċi jimpedixxu d-diġitizzazzjoni tad-dokument, |
|
(d) |
fejn il-preservazzjoni tad-dokument analogu oriġinali għandha valur miżjud minħabba l-forma tiegħu jew il-materjal li minnu huwa magħmul jew għal raġunijiet storiċi. |
Artikolu 5
Reġistrazzjoni
1. Id-dokumenti għandhom jiġu rreġistrati jekk ikunu relatati ma’ każ taħt l-isfera ta’ responsabbiltà ta’ dipartiment tal-Kumitat, jew jekk jistgħu jinvolvu azzjoni jew segwitu mill-Kumitat jew minn wieħed mid-dipartimenti tiegħu. L-informazzjoni b’ħajja qasira ma għandhiex tiġi rreġistrata.
2. Għandhom jiġu stabbiliti reġistri biex jiġġeneraw identifikaturi uniċi għal kull rekord irreġistrat u biex jiggarantixxu l-inalterabbiltà, l-awtentiċità, l-affidabbiltà, l-integrità, u l-preservazzjoni tagħhom u l-aċċess għalihom maż-żmien.
3. Ir-reġistri għandhom ikunu konnessi ma’ repożitorju elettroniku wieħed jew aktar. Jistgħu jsiru eċċezzjonijiet għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Artikolu 6
Diġitalizzazzjoni
1. Ir-rekords fil-media analoga maħluqa jew riċevuti mill-Kumitat għandhom jiġu diġitalizzati b’mod sistematiku. Ir-rendizzjonijiet elettroniċi li jirriżultaw għandhom jissostitwixxu d-dokumenti analogi oriġinali korrispondenti, sakemm ma jkunx fihom firem bl-idejn li ma jistgħux jiġu sostitwiti b’firem elettroniċi kwalifikati.
2. L-istruzzjonijiet interni adottati skont l-Artikolu 24 għandhom jistabbilixxu d-dettalji proċedurali u tekniċi relatati mad-diġitalizzazzjoni, l-eċċezzjonijiet applikabbli u l-eliminazzjoni ta’ rekords analogi wara d-diġitalizzazzjoni tagħhom.
Artikolu 7
Fajls u ffajljar
1. Ir-rekords għandhom jiġu organizzati f’fajls malli jinħolqu jew jiġu riċevuti.
2. Għandu jiġi stabbilit fajl wieħed għal kull każ li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ dipartiment partikolari tal-Kumitat. Dak il-fajl għandu jkun fih ir-rekords maħluqa jew riċevuti b’rabta mal-każ.
3. Għal kull fajl tal-Kumitat għandu jiġi identifikat dipartiment ewlieni wieħed. Id-dipartiment ewlieni huwa l-entità amministrattiva responsabbli għall-fajl matul l-eżistenza tiegħu, u għandu jikkoopera mad-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji fir-rigward tal-preservazzjoni, it-trasferiment u l-eliminazzjoni tiegħu.
4. Id-dipartimenti għandhom iżidu metadata affidabbli u dejjiema fil-livell ta’ fajls li tista’ tintuża, fost l-oħrajn, biex jitwettqu operazzjonijiet li jirriżultaw minn obbligi legali, b’mod partikolari skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u r-Regolament (ECC, Euratom) Nru 354/83.
5. Kull dipartiment, bl-appoġġ tad-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji, għandu jistabbilixxi lista tat-tipi ta’ fajls u rekords li jżomm u jirrevedi regolarment it-tipi ta’ informazzjoni maħluqa jew riċevuti matul l-attivitajiet tiegħu biex jidentifika liema għandhom jinqabdu f’repożitorju elettroniku uffiċjali u, waqt li jqis il-kuntest li fih ikunu ġew prodotti, biex jorganizza l-ġestjoni tagħhom matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom.
6. Ma għandux isir tibdil tar-rekords. Dawn jistgħu jitneħħew jew jiġu sostitwiti b’verżjonijiet sussegwenti sakemm jingħalaq il-fajl li jappartjenu għalih.
Artikolu 8
Pjan ta’ ffajljar
1. L-uffiċjal tal-ġestjoni tad-dokumenti kif imsemmi fl-Artikolu 20 għandu jfassal, jimmodifika u jaġġorna pjan ta’ ffajljar u, fejn adegwat, iħejji proposti għal deċiżjonijiet dwar il-pjan ta’ ffajljar u l-lista ta’ żamma fil-livell tal-Kumitat.
2. Il-pjan ta’ ffajljar tal-Kumitat għandu juża klassifikazzjoni komuni tal-fajls fid-dipartimenti kollha tal-Kumitat. Din il-klassifikazzjoni għandha tifforma parti mill-ġestjoni bbażata fuq l-attività tal-Kumitat.
3. Kull fajl tal-Kumitat, tkun xi tkun is-sistema ta’ informazzjoni elettronika li timmaniġġjah u jkun xi jkun ir-repożitorju uffiċjali li jiġi ppreservat fih, għandu jinhemeż ma’ waħda mill-intestaturi tiegħu skont l-attività li jkun relatat magħha.
Artikolu 9
Proċessi u sistemi kompjuterizzati
Il-Kumitat għandu jżomm u jimmaniġġja r-rekords tiegħu permezz ta’ proċessi kompjuterizzati u sistemi u strutturi kompjuterizzati b’interfaċċi biex jiżgura l-ħżin tar-rekords, l-aċċess għalihom u l-irkupru tagħhom, dment li ma jkunx meħtieġ mod ieħor minn dispożizzjoni tal-Kumitat.
Artikolu 10
Effetti legali ta’ firem elettroniċi, siġilli, kronogrammi u servizzi ta’ konsenja rreġistrati
1. Firma elettronika kwalifikata (13) għandu jkollha l-effett legali ekwivalenti ta’ firma miktuba bl-idejn.
2. Siġill elettroniku kwalifikat (14) għandu jgawdi l-preżunzjoni tal-integrità tad-data u l-korrettezza tal-oriġini ta’ dik id-data li magħha huwa marbut is-siġill elettroniku kwalifikat.
3. Kronogramma elettronika kwalifikata (15) għandha tgawdi l-preżunzjoni tal-preċiżjoni tad-data u l-ħin li tindika u l-integrità tad-data li magħha jkunu marbutin id-data u l-ħin.
4. Data trażmessa u riċevuta bl-użu ta’ servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja li huwa reġistrat għandha tgawdi l-preżunzjoni tal-integrità tad-data, tat-trażmissjoni ta’ dik id-data mill-emittent identifikat, tar-riċeviment tagħha mid-destinatarju identifikat u tal-eżattezza tad-data u tal-ħin tat-trasmissjoni u tar-riċeviment indikati mis-servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja rreġistrat.
Artikolu 11
Validità tad-dokumenti u l-proċeduri
1. Dokument maħluq jew riċevut mill-Kumitat għandu jitqies li jissodisfa l-kriterji ta’ validità jew ta’ ammissibbiltà jekk jiġu ssidisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
tiġi identifikata l-persuna li joriġina minnha; |
|
(b) |
il-kuntest li fih ġie prodott id-dokument huwa affidabbli u d-dokument jissodisfa l-kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-integrità tiegħu; |
|
(c) |
id-dokument jikkonforma mar-rekwiżiti formali stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali applikabbli; |
|
(d) |
fil-każ ta’ dokument elettroniku, id-dokument jinħoloq b’mod li jiggarantixxi l-integrità, l-affidabbiltà u l-użabbiltà tal-kontenut tiegħu u tal-metadata li takkumpanjah. |
2. Rendizzjoni elettronika maħluqa mid-diġitalizzazzjoni ta’ dokument analogu maħluq jew riċevut mill-Kumitat għandha titqies valida jew ammissibbli għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-ebda firma ma tkun meħtieġa minn dispożizzjoni tad-dritt tal-UE jew mil-liġi ta’ Stat Membru jew pajjiż terz ikkonċernat; |
|
(b) |
il-format tiegħu jipprovdi garanziji ta’ integrità, affidabbiltà, durabbiltà, leġġibbiltà maż-żmien u faċilità ta’ aċċess għall-informazzjoni li fih. |
Meta dokument analogu ffirmat ma jkunx meħtieġ, tali rendizzjoni elettronika tista’ tintuża għal kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni u għal kwalunkwe proċedura interna fi ħdan il-Kumitat.
3. Fejn dispożizzjoni tal-liġi tal-UE jew dik nazzjonali teħtieġ oriġinal iffirmat ta’ dokument, dokument imfassal jew riċevut mill-Kumitat għandu jissodisfa dak ir-rekwiżit jekk id-dokument ikun fih xi wieħed minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
firma waħda jew aktar miktuba bl-idejn jew elettronika kwalifikata, |
|
(b) |
firma elettronika waħda jew aktar, mhux kwalifikata, li tipprovdi biżżejjed garanziji dwar l-identifikazzjoni tal-firmatarju u l-espressjoni tar-rieda tiegħu fid-dokument iffirmat. |
4. Fejn proċedura speċifika għall-Kumitat teħtieġ il-firma ta’ persuna awtorizzata, jew l-approvazzjoni ta’ persuna fi stadju wieħed jew aktar tal-proċedura, il-proċedura tista’ tiġi ġestita minn sistemi tal-kompjuter, dment li kull persuna tkun identifikata b’mod ċar u mhux ambigwu u li s-sistema inkwistjoni tipprovdi garanziji li l-kontenut ma jinbidilx matul il-proċedura.
5. Meta proċedura tinvolvi l-Kumitat u entitajiet oħra, u teħtieġ il-firma ta’ persuna awtorizzata jew l-approvazzjoni ta’ persuna fi stadju wieħed jew aktar tal-proċedura, il-proċedura tista’ tiġi ġestita minn sistemi tal-kompjuter li jissodisfaw il-kundizzjonijiet u li jipprovdu assigurazzjonijiet tekniċi ddeterminati bi ftehim reċiproku.
Artikolu 12
Għoti ta’ data u informazzjoni fi ħdan il-Kumitat
1. Id-data u l-informazzjoni għandhom ikunu disponibbli u kondiviżi bl-aktar mod wiesa’ possibbli fi ħdan il-Kumitat, dment li l-obbligi legali ma jirrikjedux li l-aċċess ikun limitat.
2. Fl-interess tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni, id-dipartimenti għandhom jiżguraw li l-fajls tagħhom ikunu aċċessibbli b’mod wiesa’ sakemm tippermetti s-sensittività tal-kontenut tagħhom.
Artikolu 13
Sigurtà u protezzjoni tal-informazzjoni
1. Ir-rekords għandhom jiġu ġestiti f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà tal-Kumitat applikabbli għall-protezzjoni tal-informazzjoni. Għal dan l-għan, rekords, fajls, sistemi ta’ informazzjoni u arkivji, inklużi n-networks u l-mezzi ta’ trażmissjoni tagħhom, għandhom ikunu protetti b’miżuri ta’ sigurtà adatti għall-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata, informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u data personali.
2. Ir-rekords li jkun fihom informazzjoni sensittiva għandhom ikunu soġġetti għal din id-Deċiżjoni u għar-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha.
3. Id-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji, b’kooperazzjoni mad-dipartimenti responsabbli għas-sigurtà u t-teknoloġija tal-informazzjoni, għandu jfassal sett ta’ regoli dwar l-ipproċessar ta’ informazzjoni sensittiva fil-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji.
4. L-informazzjoni klassifikata għandha tiġi proċessata skont ir-regoli fis-seħħ dwar is-sigurtà.
KAPITOLU III
Preservazzjoni u arkivji storiċi
Artikolu 14
Preservazzjoni
1. Il-preservazzjoni għandha ssir skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
ir-rekords jiġu ppreservati fil-forma li fiha jkunu nħolqu, intbagħtu jew ġew riċevuti jew f’forma li tippriserva l-awtentiċità, l-affidabbiltà u l-integrità tal-kontenut tagħhom u tal-metadata li takkumpanjahom; |
|
(b) |
il-kontenut tar-rekords u l-metadata rilevanti tagħhom jridu jkunu leġibbli matul il-perjodu kollu tal-ħażna tagħhom minn kwalunkwe persuna awtorizzata li jkollha aċċess għalihom; |
|
(c) |
fejn ir-rekords jintbagħtu jew jiġu riċevuti b’mod elettroniku, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu ddeterminati l-oriġini jew id-destinazzjoni tar-rekord u d-data u l-ħin tal-qbid jew tar-reġistrazzjoni, għandha tkun parti mill-metadata minima li għandha tiġi ppreservata; |
|
(d) |
fir-rigward tal-proċeduri elettroniċi ġestiti minn sistemi tal-IT, l-informazzjoni dwar l-istadji formali tal-proċedura għandha tiġi ppreservata taħt tali kundizzjonijiet sabiex ikun żgurat li dawk l-istadji u l-awturi u l-parteċipanti jkunu jistgħu jiġu identifikati; |
2. Il-Kumitat għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ preservazzjoni diġitali biex jiġi żgurat aċċess fit-tul għar-rekords elettroniċi abbażi tal-listi ta’ żamma msemmija hawn fuq. L-istrateġija għandha tiżgura li jkun hemm fis-seħħ il-proċessi, l-għodod u r-riżorsi biex jiġu żgurati l-awtentiċità, l-affidabbiltà u l-integrità tar-rekords u l-aċċessibbiltà tagħhom.
Artikolu 15
Żamma, trasferiment u eliminazzjoni
1. Il-perjodu ta’ żamma għad-diversi kategoriji ta’ fajls għandu jiġi stabbilit għall-Kumitat kollu permezz ta’ strument regolatorju, bħal-listi ta’ żamma mfassla abbażi tal-kuntest organizzattiv, il-leġiżlazzjoni eżistenti u l-obbligi legali tal-Kumitat.
2. Kull dipartiment tas-segretarjat ġenerali tal-Kumitat, inklużi s-Servizzi Konġunti fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Kumitat, għandu jwettaq regolarment evalwazzjoni tar-rekords u l-fajls ġestiti minnu biex jivvaluta jekk għandhomx jiġu ttrasferiti lis-servizz tal-arkivji tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 16, jew eliminati.
3. Ir-rekords u l-fajls li jiġu ppreservati, meta jintemm il-perjodu ta’ utilità amministrattiva, għandhom jiġu ttrasferiti lid-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u tal-arkivji, u jiġu indikati l-arranġamenti ta’ trasferiment.
Sett ta’ metadata dwar ir-rekords u l-fajls għandu jinżamm fir-repożitorju elettroniku oriġinali bħala evidenza ta’ rekords u fajls bħal dawn u t-trasferiment jew l-eliminazzjoni tagħhom.
Artikolu 16
Is-servizz tal-arkivji tal-Kumitat
Il-kompiti tas-servizz tal-arkivji tal-Kumitat għandhom ikunu li:
|
(a) |
jiggarantixxi l-awtentiċità, l-affidabbiltà u l-integrità tar-rekords, il-fajls u l-arkivji tal-Kumitat li jkunu ġew trasferiti lilu u l-aċċess għalihom; |
|
(b) |
jiżgura l-protezzjoni materjali u l-integrità tal-metadata tar-rekords u l-fajls ipprovduti mid-dipartimenti li jittrasferuhom; |
|
(c) |
jagħmel ir-rekords u l-fajls disponibbli lid-dipartimenti, meta jintalab dan; |
|
(d) |
iwettaq, fejn ikun meħtieġ u f’kooperazzjoni mad-dipartiment ta’ oriġini jew is-suċċessur tiegħu, it-tieni rieżami tar-rekords, il-fajls u l-arkivji trasferiti kollha; |
|
(e) |
jiftaħ l-arkivji storiċi tal-Kumitat għall-pubbliku wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 30 sena, ħlief għal dawk ir-rekords koperti minn eċċezzjonijiet relatati mal-privatezza u l-integrità tal-individwi, jew l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluża l-proprjetà intellettwali; |
|
(f) |
jiddepożita l-arkivji storiċi tal-Kumitat li nfetħu għall-pubbliku fl-Arkivji Storiċi tal-Unjoni Ewropea fl-EUI. Is-servizz tal-arkivji tal-Kumitat għandu jkun ġestit mid-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji. |
Artikolu 17
Proċessar ta’ data personali li tinsab fl-arkivji tal-Kumitat
1. Id-derogi li ġejjin mid-drittijiet tas-suġġetti tad-data għandhom japplikaw f’konformità mal-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2018/1725 biss sa fejn l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament il-kisba ta’ finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, u biss sa fejn ikunu meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk il-finijiet:
|
(a) |
id-deroga għad-dritt ta’ aċċess (16); meta jivvaluta jekk talba għal aċċess hijiex probabbli li telimina l-possibbiltà jew tfixkel serjament il-kisba ta’ finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, il-kontrollur għandu jikkunsidra, fost l-oħrajn, jekk huwiex il-każ li t-talba għal aċċess ma tistax tingħata mingħajr ma tinvolvi sforz amministrattiv sproporzjonat, b’mod partikolari minħabba li t-talba ma tippermettix l-identifikazzjoni ta’ rekords speċifiċi mingħajr tali sforz sproporzjonat. Fil-valutazzjoni tal-azzjoni li għandha tittieħed fuq talba tas-suġġett tad-data u l-isforz amministrattiv meħtieġ, għandha titqies b’mod partikolari l-informazzjoni pprovduta mis-suġġett tad-data u n-natura, l-ambitu u d-daqs tar-rekords potenzjalment ikkonċernati; |
|
(b) |
id-deroga mid-dritt ta’ rettifika (17); sa fejn ir-rettifika tagħmilha impossibbli li jiġu ppreservati l-integrità u l-awtentiċità tar-rekords magħżula għall-preservazzjoni permanenti fl-arkivji storiċi tal-Kumitat mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ dikjarazzjoni jew annotazzjoni supplimentari għar-rekord ikkonċernat, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew jinvolvi sforz sproporzjonat; |
|
(c) |
id-deroga mid-dritt ta’ oġġezzjoni għall-ipproċessar (18); sa fejn id-data personali tkun tinsab f’rekords magħżula għall-preservazzjoni permanenti fl-arkivji storiċi tal-Kumitat bħala parti integrali u indispensabbli minn dawn ir-rekords, u l-għoti tad-dritt ta’ oġġezzjoni għall-ipproċessar ta’ data personali li tinsab f’tali rekords jagħmel impossibbli l-kisba tal-finijiet tal-arkivjar fl-interess pubbliku. L-eċċezzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data msemmija fl-Artikolu 16(5), punt (b) u fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandhom japplikaw sa fejn l-issodisfar tal-obbligi korrispondenti jkun impossibbli jew ikun jinvolvi sforz sproporzjonat. |
2. Il-Kumitat għandu jimplimenta salvagwardji adegwati biex jiżgura l-konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Dawk is-salvagwardji għandhom jinkludu miżuri tekniċi u organizzattivi b’mod partikolari sabiex jiżguraw ir-rispett tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data. Is-salvagwardji għandhom jinkludu:
|
(a) |
il-fajls li għandhom jiġu ttrasferiti fl-arkivji storiċi tal-Kumitat għandhom jintgħażlu wara valutazzjoni ta’ każ b’każ skont il-listi ta’ żamma tal-Kumitat; bħala miżura ta’ proporzjonalità, fid-dawl tal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, id-data personali li tkun għadha miżmuma fir-rekords u fil-fajls ittrasferiti fl-arkivji storiċi u fil-metadata li takkumpanjahom għandha tkun biss dik li tkun meħtieġa biex jiġu ppreservati l-awtentiċità, l-affidabbiltà, l-integrità, l-użabbiltà u l-leġġibbiltà matul iż-żmien tar-rekords u tal-fajls. Il-fajls l-oħra kollha, inklużi fajls strutturati ta’ data personali, bħal fajls personali u mediċi, għandhom jiġu eliminati fi tmiem il-perjodu taż-żamma amministrattiva; |
|
(b) |
il-listi ta’ żamma għandhom jipprevedu l-eliminazzjoni amministrattiva ta’ ċerti tipi ta’ rekords qabel tmiem il-perjodu ta’ żamma amministrattiva; dawn huma:
Konsegwentement, dawn it-tipi ta’ rekords m’għandhomx jiġu pproċessati għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku; |
|
(c) |
qabel l-ipproċessar għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, id-dipartiment ta’ oriġini għandu jirrapporta lis-servizz tal-arkivji tal-Kumitat – permezz ta’ memo interna b’lista tad-dokumenti kkonċernati mehmuża – il-preżenza potenzjali ta’ rekords koperti mill-ewwel eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83 fil-fajls li għandhom jiġu ttrasferiti lill-arkivji storiċi tal-Kumitat; |
|
(d) |
qabel ma kwalunkwe fajl tal-Kumitat jinfetaħ għall-pubbliku, is-servizz tal-arkivji tal-Kumitat għandu jwettaq rieżami tiegħu biex jivverifika l-preżenza possibbli ta’ rekords koperti mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83, inkluż abbażi tal-proċedura ta’ mmarkar imsemmija fil-punt (c) hawn fuq bl-għan li tiġi protetta d-data personali. |
3. Il-Kumitat għandu jirreġistra r-raġunijiet għad-derogi applikati skont din id-Deċiżjoni. Ir-rekord u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jikkonċernaw il-kuntest fattwali jew legali għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.
4. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Kumitat għandu jiġi kkonsultat malajr kemm jista’ jkun f’każijiet fejn ikun previst li jiġu applikati derogi mid-drittijiet tas-suġġett tad-data f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Kwalunkwe deroga mid-drittijiet tas-suġġett tad-data għandha tiġi ddokumentata u d-dokumentazzjoni għandha tinkludi l-opinjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. Kull darba li l-kontrolluri jkollhom l-intenzjoni li jieħdu kwalunkwe deċiżjoni biex jidderogaw mid-drittijiet tas-suġġett tad-data f’każ partikolari, huma għandhom:
|
(a) |
jikkonsultaw lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Kumitat b’mod adegwat u fil-ħin; |
|
(b) |
jinvolvu lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data matul il-proċedura u jiddokumentaw din il-konsultazzjoni; |
|
(c) |
fuq talba, jipprovdu lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data b’aċċess għar-rekords assoċjati u kwalunkwe dokument li jistabbilixxi l-kuntest fattwali jew legali; |
|
(d) |
fuq talba u bil-kunsens tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, jassoċjaw lill-uffiċjal tal-ġestjoni tad-dokumenti mal-aċċess għal dawk ir-rekords. |
5. Kull meta jkun fattibbli, u possibbilment qabel ma tinġabar id-data personali, il-Kumitat għandu jinforma lis-suġġetti tad-data dwar il-fatt li r-rekords li jkun fihom id-data personali tagħhom jistgħu jiġu ttrasferiti fl-arkivji storiċi fi tmiem il-perjodu ta’ żamma identifikat għal dawk ir-rekords.
6. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni għal din id-Deċiżjoni jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi għal protezzjoni msaħħa ta’ data personali sensittiva, inkluża data li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Artikolu 18
Depożitu tal-arkivji storiċi tal-Kumitat fl-Istitut Universitarju Ewropew (EUI)
1. Id-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji għandu jipprovdi lill-EUI, fejn possibbli, b’aċċess għal kopji diġitalizzati tar-rekords miżmuma f’mezz analogu.
2. L-EUI għandu jkun il-punt ta’ aċċess ewlieni għall-arkivji storiċi tal-Kumitat li huma miftuħa għall-pubbliku.
3. It-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji għandu jibgħat id-deskrizzjonijiet tal-arkivji ddepożitati lill-EUI.
4. L-EUI jaġixxi bħala proċessur (19) f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725, fuq struzzjonijiet mill-Kumitat, li jaġixxi bħala l-kontrollur (20) tad-data personali li tinsab fl-arkivji storiċi tiegħu, iddepożitati fl-EUI. Is-servizz tal-arkivji tal-Kumitat jipprovdi, f’isem il-Kumitat, l-istruzzjonijiet meħtieġa għall-ipproċessar mill-EUI tad-data personali li tinsab fl-arkivji ddepożitati tal-Kumitat u jimmonitorja l-prestazzjoni tiegħu.
KAPITOLU IV
Governanza u implimentazzjoni
Artikolu 19
Governanza fil-livell tal-Kumitat
1. Il-membri kollha tal-korpi kostitwenti u l-persunal tal-Kumitat għandhom ikunu responsabbli għall-ħolqien u l-ġestjoni tajba tar-rekords relatati mal-politiki, il-proċessi u l-proċeduri li huma responsabbli għalihom.
2. Kull dipartiment tal-Kumitat, inklużi s-Servizzi Konġunti fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Kumitat, għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-istruttura organizzattiva, amministrattiva u fiżika meħtieġa u jipprovdi t-taħriġ meħtieġ lill-persunal biex jimplimenta din id-Deċiżjoni.
3. Is-Segretarju Ġenerali għandu jkun responsabbli biex jiżgura li din id-Deċiżjoni u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha jiġu applikati.
4. Id-dipartiment responsabbli għat-teknoloġija tal-informatika għandu jkun responsabbli biex jipprovdi l-infrastruttura teknoloġika għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha.
Artikolu 20
Uffiċjal tal-ġestjoni tad-dokumenti
1. Is-Segretarju Ġenerali għandu jaħtar uffiċjal (u deputati) għall-ġestjoni tad-dokumenti biex iżomm sistema moderna u effiċjenti ta’ ġestjoni tar-rekords fil-Kumitat u biex jiżgura l-koordinazzjoni bejn id-dipartimenti u mal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi Ewropej l-oħra.
2. L-uffiċjal tal-ġestjoni tad-dokumenti u d-deputati tiegħu għandhom ikunu parti mid-dipartiment inkarigat mill-implimentazzjoni tal-politiki tal-ġestjoni tar-rekords u tal-arkivji.
3. Il-kompiti ewlenin tal-uffiċjal tal-ġestjoni tad-dokumenti għandhom ikunu dawn:
|
(a) |
tfassil ta’ regoli u proċeduri għall-ġestjoni tar-rekords, tal-fajls u tal-arkivji, |
|
(b) |
sorveljanza tal-applikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tal-ġestjoni tar-rekords mid-dipartimenti, |
|
(c) |
sorveljanza tal-attività tar-reġistrazzjoni u l-iffajljar tar-rekords, |
|
(d) |
tfassil u aġġornament tal-pjan ta’ ffajljar tal-Kumitat, |
|
(e) |
abbozzar u proponiment ta’ aġġornamenti tal-lista ta’ żamma, |
|
(f) |
disponiment tar-rekords u tal-fajls skont il-lista ta’ żamma, u |
|
(g) |
koordinazzjoni tan-network interdipartimentali tal-korrispondenti tal-ġestjoni tad-dokumenti kif imsemmi fl-Artikolu 22. |
Artikolu 21
Dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji
1. Id-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji għandu jiżgura li r-rekords maħluqa jew riċevuti, il-fajls u l-arkivji jiġu ġestiti f’konformità mar-regoli ta’ din id-Deċiżjoni u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha.
2. Il-kompiti ġenerali tad-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u tal-arkivji għandhom ikunu li:
|
(a) |
jappoġġjaw u jipprovdu gwida lill-uffiċjal tal-ġestjoni tad-dokumenti fil-kompiti tiegħu; |
|
(b) |
jipprovdu ċerti servizzi relatati mal-attivitajiet ta’ ġestjoni tar-rekords fejn ikunu kompletament jew parzjalment ċentralizzati. |
|
(c) |
jipprovdu appoġġ lill-korrispondenti tal-ġestjoni tad-dokumenti għal kwalunkwe kwistjoni proċedurali jew teknika b’rabta mal-ġestjoni tar-rekords u l-arkivjar fi ħdan id-dipartimenti tagħhom; |
|
(d) |
jippreservaw ir-rekords u l-fajls tal-Kumitat li jkunu ġew trasferiti lejn l-arkivji storiċi sakemm jinfetħu għall-pubbliku u jiggarantixxu l-awtentiċità, l-affidabbiltà, l-integrità, l-użu tagħhom u l-aċċess għalihom; |
|
(e) |
iwettqu, fejn applikabbli, it-tieni rieżami tal-fajls, jew billi jitolbu l-kooperazzjoni tad-dipartiment tal-oriġini jew tas-suċċessur tiegħu jew tal-anqas billi jinformaw lil dan tal-aħħar qabel ma jeliminaw kwalunkwe fajl; |
|
(f) |
jiddepożitaw l-arkivji storiċi tal-Kumitat li nfetħu jew li ser jinfetħu għall-pubbliku fl-Arkivji Storiċi tal-Unjoni Ewropea fl-EUI. |
Artikolu 22
Korrispondenti għall-ġestjoni tad-dokumenti
1. Kull dipartiment tal-Kumitat għandu jaħtar korrispondent għall-ġestjoni tad-dokumenti biex iżomm sistema moderna u effiċjenti ta’ ġestjoni tar-rekords u jikkoordina fi ħdan id-dipartiment tiegħu, mad-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u mad-dipartimenti l-oħra tal-Kumitat.
2. Ir-rwol tan-network tal-korrispondenti tal-ġestjoni tad-dokumenti għandu jkun li:
|
(a) |
jassigura l-applikazzjoni uniformi u korretta ta’ din id-Deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti; |
|
(b) |
jittratta kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ mill-applikazzjoni tagħha, |
|
(c) |
jikkondividi r-rekwiżiti tad-dipartimenti fir-rigward tal-miżuri ta’ taħriġ u appoġġ. |
Artikolu 23
Informazzjoni, taħriġ u appoġġ
Id-dipartiment tal-Kumitat responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji, f’kooperazzjoni mill-qrib mad-dipartimenti responsabbli għat-teknoloġija tal-informazzjoni u għar-riżorsi umani, għandu jistabbilixxi l-miżuri ta’ informazzjoni, taħriġ u appoġġ meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti.
Artikolu 24
Struzzjonijiet interni
1. Is-Segretarju Ġenerali jista’ jadotta struzzjonijiet interni f’koordinazzjoni mad-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji u għandu jiżgura l-implimentazzjoni tagħhom.
2. Is-Segretarju Ġenerali jista’ jiddelega dan u kompiti relatati oħra lid-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji kif ukoll lill-uffiċjal tal-ġestjoni tad-dokumenti.
Artikolu 25
Diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni
Il-Kumitat għandu jadotta u jimplimenta teknoloġiji, għodod u proċessi diġitali fil-ġestjoni tar-rekords u tal-arkivji tiegħu biex itejjeb l-effiċjenza tiegħu u jevita li ma jżommx il-pass ma’ trasformazzjonijiet simili li jseħħu f’istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħra tal-UE u fis-soċjetà ċivili b’mod ġenerali.
Artikolu 26
Kondiviżjoni ta’ data u informazzjoni sensittiva fi ħdan il-Kumitat
1. Id-data u l-informazzjoni għandhom ikunu disponibbli u kondiviżi bl-aktar mod wiesa’ possibbli fi ħdan il-Kumitat. Għandhom jintużaw sistemi u għodod effettivi biex jiffaċilitaw it-tiftix għad-data u l-informazzjoni fir-repożitorji elettroniċi uffiċjali kollha.
2. Minkejja l-applikazzjoni wiesgħa tal-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni f’ċerti fajls għandha tkun limitata fuq terminu qasir, medju jew twil, skont is-sensittività tas-suġġett u l-każijiet li jkunu qed jiġu ttrattati, għal raġunijiet relatati mas-sigurtà tal-informazzjoni, il-protezzjoni tad-data u l-kunfidenzjalità settorjali, bħal kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, investigazzjonijiet u interessi kummerċjali, fost l-oħrajn.
3. Meta jitqies meħtieġ għall-protezzjoni effettiva tal-kunfidenzjalità tagħhom, ir-rekords sensittivi mhux klassifikati għandhom jiġu identifikati permezz ta’ marki tas-sigurtà (jiġifieri tikketti mehmuża mal-informazzjoni biex jiġi żgurat li jiġu applikati l-miżuri ta’ sigurtà adegwati, u li jindikaw il-livell ta’ kunfidenzjalità tal-informazzjoni).
4. Is-Segretarju Ġenerali, f’kooperazzjoni mad-dipartimenti responsabbli għat-teknoloġija tal-informazzjoni, għar-riżorsi umani u għas-sigurtà tal-informazzjoni u mad-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji, għandu jadotta wkoll struzzjonijiet interni dwar l-ipproċessar ta’ informazzjoni sensittiva fil-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji. Ir-regoli speċifiċi għandhom ikopru l-ġestjoni tar-rekords klassifikati jekk ikun meħtieġ.
Artikolu 27
Informazzjoni, taħriġ u appoġġ
Is-Segretarju Ġenerali, f’kooperazzjoni mad-direttorati responsabbli għat-teknoloġija tal-informazzjoni, għar-riżorsi umani u għas-sigurtà tal-informazzjoni u mad-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji, għandu jistabbilixxi l-miżuri ta’ informazzjoni, taħriġ u appoġġ meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti.
Artikolu 28
Dispożizzjoni finali
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2026.
L-Assemblea
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) ĠU L 43, 15.2.1983, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1983/354/oj.
(2) ĠU L 149, 31.5.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2022/531/oj.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(5) Artikolu 10(2) “L-assemblea għandha setgħat residwi: tappartjeni għaliha kull setgħa mhux attribwita lil korp ieħor permezz tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kodiċi ta’ kondotta jew l-Istatut tal-Membri.”
(6) Artikolu 13: “Salvagwardji relatati mal-ipproċessar għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika – L-ipproċessar għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika, għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni, għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Dawk is-salvagwardji għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu psewdonimizzazzjoni, dment li dawk il-finijiet ikunu jistgħu jiġu ssodisfati b’dak il-mod. Meta dawk il-finijiet ikunu jistgħu jiġu ssodisfati bi pproċessar ulterjuri li ma jippermettix jew ma jkunx għadu jippermetti l-identifikazzjoni ta’ suġġetti tad-data, dawk il-finijiet għandhom jiġu ssodisfati b’dak il-mod.”
(7) Regolament eIDAS: Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj).
(8) “Dokument” tfisser kwalunkwe informazzjoni stabbilita fuq mezz permezz ta’ regoli formali ta’ rappreżentazzjoni (eż. bil-miktub). Dokument jista’ jinħoloq, jiġi riċevut u jinħażen jew f’forma elettronika (“dokument elettroniku”) jew f’forma mhux elettronika (“dokument analogu”).
(9) ISO 15489-1:2016, punt 9.3.
(10) ISO 15489-1:2016, punt 5.2.2.1.
(11) ISO 15489-1:2016, punt 5.2.2.2.
(12) ISO 15489-1:2016, punt 5.2.2.3.
(13) “Firma elettronika” hija mifhuma fis-sens tal-Artikolu 3(10) sa (12) tar-Regolament Nru 910/2014.
(14) “Identifikazzjoni elettronika” hija mifhuma fis-sens tal-Artikolu 3(25) sa (27) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.
(15) “Kronogramma elettronika” hija mifhuma fis-sens tal-Artikolu 3(33) u (34) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.
(16) Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
(17) Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
(18) Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
(19) “Proċessur” huwa mifhum fis-sens tal-Artikolu 3(12) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
(20) “Kontrollur” huwa mifhum fis-sens tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2026/2282/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)