DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

29 ta’ April 2025 ( *1 )

“Appell – Klawżola ta’ arbitraġġ – Ammissjoni tal-appelli – Artikolu 170b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Talba li ma turix l-importanza ta’ kwistjoni għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni – Ammissjoni parzjali tal-appell”

Fil-Kawża C‑881/24 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid‑19 ta’ Diċembru 2024,

SC, irrappreżentata minn A. Kunst, Rechtsanwältin,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Eulex Kosovo, stabbilita fi Pristina (Kosovo),

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, N. Jääskinen u M. Condinanzi (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proposta tal-Imħallef Relatur u wara li semgħet l-Avukata Ġenerali, J. Kokott,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tagħha, SC titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Novembru 2024, SC vs Eulex Kosovo (T‑242/17 RENV-OP, iktar ’il quddiem is “sentenza appellata, EU:T:2024:772), li permezz tagħha din annullat is-sentenza fil-kontumaċja tad‑19 ta’ Ottubru 2022, SC vs Eulex Kosovo (T‑242/17 RENV, EU:T:2022:637) u ċaħdet it-talbiet ta’ SC.

Fuq it-talba għall-ammissjoni tal-appell

2

Skont il-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eżami tal-appelli ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jkunu jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ, fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, għandu jkun suġġett għall-ammissjoni tagħhom minn qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja.

3

Konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a ta’ dan l-Istatut, l-appell għandu jkun ammess, kompletament jew parzjalment, skont ir-regoli ddettaljati li jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta dan ikun iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

4

Skont l-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-sitwazzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 58a tal-imsemmi Statut, l-appellant għandu jannetti mal-appell tiegħu talba għall-ammissjoni tal-appell li fiha jesponi l-kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-appell u li tinkludi l-elementi kollha meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar din it-talba.

5

Skont l-Artikolu 170b(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi t-talba għall-ammissjoni tal-appell fl-iqsar żmien possibbli permezz ta’ digriet motivat.

L-argumenti tal-appellant

6

Insostenn tat-talba tagħha għall-ammissjoni tal-appell, l-appellanti ssostni li l-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravju tiegħu, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il- “Karta”) kif ukoll it-tielet aggravju ta’ dan l-appell, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, iqajmu kwistjonijiet importanti għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

7

Fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżit ta’ imparzjalità, kemm oġġettiv kif ukoll suġġettiv, li jirriżulta mill-Artikolu 41(1) tal-Karta.

8

Fl-ewwel lok, hija ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta wettqet, fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata, eżami konġunt, fid-dawl tal-Artikolu 41(1) tal-Karta, tat-tieni u tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, li jirrigwardaw rispettivament l-eżistenza allegata ta’ kunflitt ta’ interessi u l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta eżiġiet, fil-punti 65 u 66 tas-sentenza appellata, li hija turi l-eżistenza ta’ “indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti” ta’ kunflitt ta’ interessi jew ta’ parzjalità, filwaqt li l-kriterju rilevanti, stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Il‑Parlament vs UZ (C‑894/19 P, EU:C:2021:863, punt 54) u tal‑11 ta’ Jannar 2024, Hamers vs Cedefop (C‑111/22 P, EU:C:2024:5, punti 47 u 52), huwa dak tad-“dubju leġittimu” fir-rigward ta’ kunflitt ta’ interess eventwali jew ta’ nuqqas ta’ imparzjalità min-naħa ta’ uffiċjal.

9

Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, sa fejn kisret il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Il‑Parlament vs UZ (C‑894/19 P, EU:C:2021:863, punti 59 u 63), dwar l-assenza ta’ imparzjalità oġġettiva, li minnha jirriżulta li l-għarfien minn qabel tal-fatti tal-każ u l-parteċipazzjoni minn qabel fil-proċeduri amministrattivi ta’ superjur dirett jistgħu jqajmu dubju leġittimu dwar l-imparzjalità ta’ dan tal-aħħar. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali b’hekk naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni kemm l-għarfien minn qabel tal-fatti tal-każ mis-superjur dirett tal-appellanti u l-fatt li, minħabba dan l-għarfien, din is-superjur dirett setgħet ikollha opinjoni negattiva mfassla minn qabel fir-rigward tal-appellanti.

10

Skont l-appellanti, l-ewwel u t-tieni aggravji jqajmu, minn naħa, il-kwistjoni tal-livell ta’ prova xieraq sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi, bħala “varjant” tal-assenza ta’ imparzjalità ta’ uffiċjal. Din il-kwistjoni hija importanti għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din tqum ukoll f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni.

11

Min-naħa l-oħra, dawn l-aggravji jirrigwardaw il-kwistjoni, ukoll sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Il‑Parlament vs UZ (C‑894/19 P, EU:C:2021:863) u tal‑11 ta’ Jannar 2024, Hamers vs Cedefop (C‑111/22 P, EU:C:2024:5) tapplikax mhux biss għall-investigazzjonijiet amministrattivi fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari, iżda wkoll għal kull tip ieħor ta’ proċeduri amministrattivi, inkluża dik li hija s-suġġett ta’ din il-kawża.

12

Permezz tat-tielet aggravju, li jirrigwarda l-intervista dwar il-kompetizzjoni interna tal‑2016, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża meta qieset, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm lok li tiġi ordnata l-komunikazzjoni ta’ noti tal-intervista, minħabba li n-noti miktuba bl-idejn allegatament illeġibbli tas-superjur ġerarkiku tagħha, u ta’ spjegazzjonijiet dwar il-mod kif ġew stabbiliti l-marki.

13

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li l-komunikazzjoni minn qabel tal-kompożizzjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, tal-inqas fuq talba ta’ kandidat, taqa’ taħt ir-rekwiżit ta’ imparzjalità previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta. Tali komunikazzjoni minn qabel tippermetti lill-kandidati jikkontestaw il-kompożizzjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni jekk jissuspettaw l-eżistenza ta’ parzjalità jew ta’ kunflitt ta’ interessi u jressqu lment fi stadju bikri. Skont l-appellanti, il-kwistjoni mqajma b’dan il-mod tmur lil hinn mill-kuntest tar-raba’ aggravju, sa fejn l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi indikazzjonijiet importanti għal kawżi oħra.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

14

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa l-appellant li għandu juri li l-kwistjonijiet imqajma fl-appell tiegħu huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 170a(1) u mal-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tinkludi l-elementi neċessarji kollha sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-ammissjoni tal-appell u tiddetermina, fil-każ ta’ ammissjoni parzjali tal-appell, l-aggravji jew il-partijiet tal-appell li fir-rigward tagħhom għandha ssir ir-risposta. Fil-fatt, peress li l-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli previst fl-Artikolu 58a ta’ dan l-istatut huwa intiż li jillimita l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li jkunu sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, huma biss l-aggravji li jqajmu tali kwistjonijiet u li huma stabbiliti mill-appellant li għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (digrieti tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 21 u tat‑30 ta’ Jannar 2023, bonnanwalt vs EUIPO, C‑580/22 P, EU:C:2023:126, punt 11).

16

B’hekk, talba għall-ammissjoni tal-appell għandha, fi kwalunkwe każ, tindika b’mod ċar u preċiż l-aggravji li fuqhom l-appell ikun ibbażat, tidentifika bl-istess preċiżjoni u ċarezza l-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn kull aggravju, tispeċifika jekk din il-kwistjoni hijiex sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u tindika b’mod speċifiku r-raġunijiet li għalihom l-imsemmija kwistjoni hija sinjifikattiva fir-rigward tal-kriterju invokat. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-aggravji, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tispeċifika d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-ġurisprudenza li s-sentenza jew id-digriet appellati jkunu kisru, tispjega b’mod konċiż fiex jikkonsisti l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali u tindika sa fejn dan l-iżball kellu influwenza fuq l-eżitu tas-sentenza jew tad-digriet appellati. Fejn l-iżball ta’ liġi invokat ikun jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tal-ġurisprudenza, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tfisser, b’mod konċiż iżda ċar u preċiż, l-ewwel, fejn tinsab il-kontradizzjoni allegata, billi tidentifika kemm il-punti tas-sentenza jew tad-digriet appellati li l-appellant qiegħed jikkontesta, kif ukoll dawk tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li allegatament ġew miksura, u, it-tieni, ir-raġunijiet konkreti għaliex tali kontradizzjoni tqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digrieti tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 22 u tat‑30 ta’ Jannar 2023, bonnanwalt vs EUIPO, C‑580/22 P, EU:C:2023:126, punt 12).

17

Konformement mal-prinċipju li l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-awtur ta’ talba għall-ammissjoni ta’ appell, l-appellant għandu juri li dan tal-aħħar iqajjem kwistjoni jew diversi kwistjonijiet li huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, fejn il-portata ta’ dan il-kriterju tmur lil hinn mill-kuntest tas-sentenza appellata u, fl-aħħar mill-aħħar, dak tal-appell tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tas‑16 ta’ Novembru 2022, EUIPO vs Nowhere, C‑337/22 P, EU:C:2022:908, punt 32 u tat‑30 ta’ Jannar 2023, bonnanwalt vs EUIPO, C‑580/22 P, EU:C:2023:126, punt 15).

18

Din il-prova timplika li għandhom jiġu stabbiliti kemm l-eżistenza kif ukoll in-natura sinjifikattiva ta’ tali kwistjonijiet, permezz ta’ elementi konkreti u speċifiċi għall-każ inkwistjoni, u mhux sempliċement permezz ta’ argumenti ta’ natura ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tas‑16 ta’ Novembru 2022, EUIPO vs Nowhere, C‑337/22 P, EU:C:2022:908, punt 33 u tat‑30 ta’ Jannar 2023, bonnanwalt vs EUIPO, C‑580/22 P, EU:C:2023:126, punt 16).

19

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li t-talba għall-ammissjoni tal-appell tistabbilixxi bi preċiżjoni u ċarezza l-erba’ aggravji invokati fil-kuntest tal-appell, ibbażati, l-ewwel, it-tieni u r-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta u, it-tielet, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

20

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni aggravju, dwar l-allegata evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tar-rekwiżit ta’ imparzjalità li jirriżulta mill-Artikolu 41(1) tal-Karta, għandu jitqies li t-talba għall-ammissjoni tal-appell tesponi b’mod suffiċjenti fiex jikkonsistu l-allegati żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li jirriżultaw min-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn dawn l-allegati żbalji eżerċitaw influwenza fuq ir-riżultat tas-sentenza appellata u r-raġunijiet konkreti li għalihom tali żbalji, jekk jitqiesu stabbiliti, iqajmu, kull waħda minnhom, kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

21

Fil-fatt, minn naħa, kif ġie rrilevat fil-punt 8 ta’ dan id-digriet, minn din it-talba jirriżulta li l-ewwel żball ta’ liġi allegat jinsab fil-fatt li, fil-punti 65 u 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikjediet, b’mod kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-appellanti turi l-eżistenza ta’ “indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti” ta’ kunflitt ta’ interessi jew ta’ parzjalità, filwaqt li l-kriterju rilevanti, kif jirriżulta minn din il-ġurisprudenza, huwa dak tad-“dubju leġittimu” fir-rigward ta’ eventwali kunflitt ta’ interessi jew ta’ nuqqas ta’ imparzjalità min-naħa ta’ uffiċjal, li ma jistgħux jiġu eliminati. Issa, skont l-imsemmija talba, li kieku ma twettaqx tali żball, it-talbiet tal-appellanti kienu jintlaqgħu.

22

Barra minn hekk, billi tenfasizza li l-kwistjoni tal-livell ta’ prova xieraq sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi, bħala varjazzjoni tal-assenza ta’ imparzjalità ta’ uffiċjal, tqum ukoll f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni u li l-applikazzjoni uniformi ta’ dan il-livell tikkontribwixxi għall-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni, l-appellanti ssostni li l-kwistjoni ta’ liġi hekk imqajma tmur lil hinn mill-kuntest tal-appell tagħha, peress li r-risposta għal din il-kwistjoni jista’ jkollha konsegwenzi li jmorru lil hinn mill-każ inkwistjoni. B’dan il-mod, l-appellanti tindika r-raġunijiet konkreti għalfejn tali kwistjoni hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

23

Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punt 9 ta’ dan id-digriet, mit-talba għall-ammissjoni tal-appell jirriżulta li t-tieni żball ta’ liġi allegat huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata, naqset, b’mod kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, milli tqis li l-għarfien minn qabel tal-fatti tal-każ inkwistjoni u l-parteċipazzjoni minn qabel fil-proċeduri amministrattivi ta’ superjur dirett jistgħu jqajmu dubju leġittimu dwar l-imparzjalità ta’ dan tal-aħħar.

24

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li, permezz ta’ din il-kwistjoni, tqum ukoll dik dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Il‑Parlament vs UZ (C‑894/19 P, EU:C:2021:863) u tal‑11 ta’ Jannar 2024, Hamers vs Cedefop (C‑111/22 P, EU:C:2024:5) tapplikax mhux biss għall-investigazzjonijiet amministrattivi fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari, iżda wkoll għal kull tip ieħor ta’ proċeduri amministrattivi. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-portata ta’ din il-kwistjoni teċċedi l-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku jew tal-kuntratti ta’ xogħol.

25

Min-naħa l-oħra u fit-tielet lok, fir-rigward tat-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u relatat mar-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tordna l-komunikazzjoni ta’ noti ta’ intervista leġibbli u ta’ spjegazzjonijiet dwar il-mod kif ġew stabbiliti l-marki, għalkemm, ċertament, l-appellanti tinvoka żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt li hija sempliċement issemmi dan l-iżball u tippreżenta argumenti ta’ natura ġenerali, mingħajr ma tesponi r-raġunijiet konkreti li għalihom tali żball, jekk jiġi stabbilit, iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, li tiġġustifika l-ammissjoni tal-appell. Għaldaqstant, għandu jitqies li, f’dan ir-rigward, l-appellanti ma osservatx ir-rekwiżiti kollha msemmija fil-punt 16 ta’ dan id-digriet.

26

Bl-istess mod u fir-raba’ lok, fir-rigward tar-raba’ aggravju, dwar il-komunikazzjoni minn qabel tal-kompożizzjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, tal-inqas jekk kandidat jitlob dan, bħala li jaqa’ taħt ir-rekwiżit ta’ imparzjalità previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, għandu jiġi enfasizzat li l-appellanti, minn naħa, ma tidentifikax l-iżball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet u li wassalha sabiex tikser din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom tali żball, jekk jitqies li huwa stabbilit, iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-rigward, l-appellanti ma osservatx ir-rekwiżiti kollha msemmija fil-punt 14 sa 16 ta’ dan id-digriet.

27

Fid-dawl tal-elementi indikati mill-appellanti, din it-talba għall-ammissjoni tal-appell turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-ewwel u t-tieni aggravja jqajmu kwistjonijiet sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

28

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-appell jiġi ammess parzjalment, billi l-eżami tiegħu jiġi limitat għall-ewwel u t-tieni aggravju, li għandhom ikunu s-suġġett tar-risposta, u li l-kumplament tal-appell ma jiġix ammess.

Fuq l-ispejjeż

29

Skont l-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell jiġi ammess, kompletament jew parzjalment, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura għandha tkompli skont l-Artikoli 171 sa 190a ta’ dawn ir-Regoli.

30

Skont l-Artikolu 137 tal-imsemmija Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

31

Konsegwentement, peress li t-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tintlaqa’, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli) tordna:

 

1)

L-appell huwa ammess sa fejn jikkonċernaw l-ewwel u t-tieni aggravju, li fuqhom ir-risposta għandha tiffoka esklużivament.

 

2)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.