European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/269

8.2.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 228/2021

tat-28 ta’ Lulju 2021

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet [2024/269]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘il-Ftehim dwar iż-ŻEE’), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tiġi estiża għall-Ftehim dwar iż-ŻEE biex tinkludi r-Regolament (UE) Nru 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 2018/1092 (1).

(2)

Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 2021/697 tibda mill-1 ta’Jannar 2021, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, ikun innotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2021.

(3)

Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jkunu intitolati li jipparteċipaw f’attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata.

(4)

Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA u l-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tagħhom fil-programmi tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE u b’mod partikolari fl-Artikolu 81 tiegħu.

(5)

Jenħtieġ għalhekk, li l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat biex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dan li ġej jiżdied fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE:

“-

32021 R 0697: Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149).

L-ispejjeż imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021 jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mid-data tal-bidu tal-azzjoni msemmija fil-ftehim dwar l-għotja jew id-deċiżjoni dwar l-għotja kkonċernati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 228/2021 tat-28 ta’ Lulju 2021 tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.

L-Iżlanda u l-Liechtenstein għandhom ikunu eżentati mill-parteċipazzjoni fi, u mill-kontribuzzjoni finanzjarja għal, dan il-programm.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*1).

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Per SJAASTAD


(1)   ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149.

(*1)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.


Dikjarazzjoni mill-Istati tal-EFTA

għad-Deċiżjoni Nru 228/2021 tat-28 ta’ Lulju 2021 li temenda l-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE biex tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti biex tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fil-Fond Ewropew għad-Difiża

[għall-adozzjoni mad-Deċiżjoni u għall-pubblikazzjoni fil-ĠU]

Din id-Deċiżjoni testendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti biex tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fil-Fond Ewropew għad-Difiża. L-Istati tal-EFTA jqisu li kwistjonijiet ta’ difiża ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, u għalhekk li l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE biex tinkludi kwistjonijiet ta’ difiża lil hinn mill-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fil-Fond Ewropew għad-Difiża. L-Istati tal-EFTA jisħqu wkoll li l-Iżlanda u l-Liechtenstein ma għandhomx jipparteċipaw fi, jew jikkontribwixxu finanzjarjament għall-Fond Ewropew għad-Difiża.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/269/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)