|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/66 |
6.1.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/66
tat-23 ta’ Diċembru 2025
li temenda d-Deċiżjonijiet 2014/350/UE, 2014/391/UE, (UE) 2016/1332, (UE) 2016/1349 u (UE) 2017/176 fir-rigward tal-perjodu ta’ validità tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati għall-prodotti tessili, għas-saqqijiet tas-sodda, għall-għamara, għax-xedd tas-saqajn u għall-kisi tal-art b’bażi tal-injam, tas-sufra u tal-bambù
(notifikata bid-dokument C(2025) 9163)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprevedi li l-Ekotikketta tal-UE tista’ tingħata lill-prodotti b’impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom. Għandhom jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għal kull grupp ta’ prodotti. |
|
(2) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/350/UE (2), il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE ġew stabbiliti għall-grupp ta’ prodotti “prodotti tessili”. Il-validità ta’ dawk il-kriterji u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2025. |
|
(3) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/391/UE (3), il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE ġew stabbiliti għall-grupp ta’ prodotti “saqqijiet tas-sodda”. Il-validità ta’ dawk il-kriterji u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026. |
|
(4) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1332 (4), il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE ġew stabbiliti għall-grupp ta’ prodotti “għamara”. Il-validità ta’ dawk il-kriterji u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026. |
|
(5) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1349 (5), il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE ġew stabbiliti għall-grupp ta’ prodotti “xedd tas-saqajn”. Il-validità ta’ dawk il-kriterji u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2025. |
|
(6) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/176 (6), il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE ġew stabbiliti għall-grupp ta’ prodotti “kisi tal-art b’bażi tal-injam, tas-sufra u tal-bambù”. Il-validità ta’ dawk il-kriterji u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026. |
|
(7) |
F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-Ekotikketta tal-UE (REFIT) tat-30 ta’ Ġunju 2017 (7), il-Kummissjoni, flimkien mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-UE, ivvalutat u kkonfermat ir-rilevanza tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-gruppi ta’ prodotti msemmija hawn fuq għall-iskema tal-Ekotikketta tal-UE, filwaqt li implimentat soluzzjonijiet biex jittejbu s-sinerġiji bejn il-gruppi ta’ prodotti u biex jiżdied l-użu tal-Ekotikketta tal-UE. |
|
(8) |
Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq żvelaw li, għas-saqqijiet tas-sodda, għall-għamara, għax-xedd tas-saqajn u għall-kisi tal-art b’bażi tal-injam, tas-sufra u tal-bambù, il-kriterji tqiesu li kienu għadhom aġġornati u li x’aktarx se jibqgħu hekk fil-futur qrib. Konsegwentement, jenħtieġ li r-reviżjonijiet tal-kriterji u tar-rekwiżit ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatat għal dawk il-gruppi ta’ prodotti jiġu differiti, biex il-leġiżlazzjoni settorjali li qed tevolvi tkun tista’ tiġi integrata u biex jiġi żgurat li ikun hemm allinjament u koerenza ma’ politiki oħra għall-prodotti li qed twettaq l-UE bħalissa. Għall-prodotti tessili, ir-reviżjoni li għaddejja jeħtieġ li tiġi ffinalizzata wara li jinħareġ l-att delegat relatat skont ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-rekwiżiti stabbiliti f’tali att delegat u l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE, filwaqt li titqies il-possibbiltà li l-Ekotikketta tal-UE tintuża fil-futur bħala prova ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-ekodisinn stabbiliti f’dak l-att delegat sa fejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti tal-Ekotikketta tal-UE. Sa dak iż-żmien, jenħtieġ li l-kriterji u r-rekwiżit ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatat għall-prodotti tessili jibqgħu validi. |
|
(9) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tal-Kummissjoni tal-proċess ta’ reviżjoni flimkien mal-inizjattivi leġiżlattivi li ġejjin, u biex jiġu kkonsolidati l-isforzi kull meta jkun fattibbli, jeħtieġ li tiġi estiża l-validità tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE, kif ukoll tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 2014/350/UE, 2014/391/UE, (UE) 2016/1332, (UE) 2016/1349 u (UE) 2017/176. |
|
(10) |
Sabiex ikun hemm biżżejjed żmien biex jiġu ffinalizzati l-proċessi ta’ reviżjoni, is-sett ta’ kriterji maħruġ fl-istess sena f’Deċiżjoni unika tal-Kummissjoni u biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-suq għad-detenturi tal-liċenzji bejn il-verżjonijiet attwali u l-verżjonijiet riveduti tal-kriterji, jenħtieġ li l-perjodu ta’ validità tal-kriterji attwali u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2028 għall-prodotti tessili u għax-xedd tas-saqajn, sal-31 ta’ Diċembru 2029 għall-għamara u għall-kisi tal-art b’bażi tal-injam, tas-sufra u tal-bambù u sal-31 ta’ Diċembru 2030 għas-saqqijiet tas-sodda. |
|
(11) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjonijiet 2014/350/UE, 2014/391/UE, (UE) 2016/1332, (UE) 2016/1349 u (UE) 2017/176 jiġu emendati kif xieraq. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emenda għad-Deċiżjoni 2014/350/UE
L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/350/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 6
Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti ‘prodotti tessili’ u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati għandhom ikunu validi sal-31 ta’ Diċembru 2028.”.
Artikolu 2
Emenda għad-Deċiżjoni 2014/391/UE
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2014/391/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 4
Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti ‘saqqijiet tas-sodda’, u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati, għandhom ikunu validi sal-31 ta’ Diċembru 2030.”.
Artikolu 3
Emenda għad-Deċiżjoni (UE) 2016/1332
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1332 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 4
Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti ‘għamara’, u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati, għandhom ikunu validi sal-31 ta’ Diċembru 2029.”.
Artikolu 4
Emenda għad-Deċiżjoni (UE) 2016/1349
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1349 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 4
Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti ‘xedd tas-saqajn’ u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati għandhom ikunu validi sal-31 ta’ Diċembru 2028.”.
Artikolu 5
Emenda għad-Deċiżjoni (UE) 2017/176
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/176 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 4
Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti ‘kisi tal-art b’bażi tal-injam, tas-sufra u tal-bambù’, u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati, għandhom ikunu validi sal-31 ta’ Diċembru 2029.”.
Artikolu 6
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Jessika ROSWALL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/66/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/350/UE tal-5 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tessili (ĠU L 174, 13.6.2014, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/350/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/391/UE tat-23 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għas-saqqijiet tas-sodda (ĠU L 184, 25.6.2014, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/391/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1332 tat-28 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-għamara (ĠU L 210, 4.8.2016, p. 100, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1332/oj).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1349 tal-5 ta’ Awwissu 2016 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għax-xedd tas-saqajn (ĠU L 214, 9.8.2016, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1349/oj).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/176 tal-25 ta’ Jannar 2017 li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE, għall-kisi tal-art b’bażi tal-injam, tas-sufra u tal-bambù (ĠU L 28, 2.2.2017, p. 44, ELI: ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/176/oj).
(7) Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) u tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE [COM(2017) 355 final].
(8) Ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, li jemenda d-Direttiva (UE) 2020/1828 u r-Regolament (UE) 2023/1542 u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (ĠU L, 2024/1781, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1781/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/66/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)