European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/66

6.1.2026

AVVIŻ TA’ POST VAKANTI ECA/2026/1

Direttur — post wieħed (Grupp tal-funzjoni AD, grad 14)

Awla V

(C/2026/66)

 

MIN AĦNA

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ġiet stabbilita fl-1975 bħala l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea. Hija waħda mis-7 istituzzjonijiet tal-UE, is-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu u għandha madwar 1 000 membru tal-persunal, min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE, impjegati magħha fil-qasam tal-awditjar, f’dak tal-appoġġ u f’dak amministrattiv (1).

Il-QEA topera bħala korp kolleġġjali ta’ 27 Membru, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE. L-awdituri tagħna jiċċekkjaw li l-kontijiet tal-UE jinżammu tajjeb u li din tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b’mod korrett, kif ukoll li l-politiki u l-programmi tagħha jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom u jipprovdu valur għall-flus.

Permezz ta’ xogħolna, nikkontribwixxu għat-titjib tal-governanza, l-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-azzjoni li tittieħed mill-UE. Inwissu dwar il-possibbiltà ta’ riskji, nipprovdu aċċertament, nidentifikaw fejn ikun hemm nuqqasijiet u suċċessi, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE. Aħna nippreżentaw l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.

Il-QEA hija organizzata f’10 direttorati, dawk tal-awditjar u dawk amministrattivi li jiffunzjonaw b’timijiet flessibbli bbażati fuq il-kompiti. Id-direttorati tal-awditjar jittrattaw oqsma differenti ta’ politika li għalihom il-membri tal-persunal jiġu assenjati skont il-prijoritajiet li jirriżultaw mill-programm ta’ ħidma.

L-Awla V tikkoordina d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni annwali mogħtija mill-QEA dwar id-dħul tal-baġit (kemm riżorsi proprji kif ukoll finanzjament ieħor) u n-nefqa tal-UE. Hija tawditja wkoll il-legalità u r-regolarità tal-infiq mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — li hija l-komponent prinċipali tal-pjan ta’ rkupru NextGenerationEU — u tipprovdi gwida għal awditi oħra, kemm dawk tal-konformità kif ukoll dawk finanzjarji.

X’QED NOFFRU

Dan l-avviż ta’ post vakanti qed jinħareġ abbażi tal-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

Il-kandidat li jirnexxi jiġi rreklutat fil-grad AD14. Is-salarju bażiku ta’ kull xahar f’dak il-grad bħalissa huwa ta’ EUR 18 695,13. Skont ir-Regolamenti tal-Persunal, ċerti benefiċċji jaf jiġu miżjuda mas-salarju bażiku, li huwa suġġett għat-taxxa tal-UE u eżentat mit-taxxa nazzjonali.

Ir-responsabbiltajiet prinċipali relatati ma’ dan il-post se jinkludu:

—

għoti ta’ orjentament strateġiku kumplessiv għad-Direttorat tal-Awla V skont ir-regoli interni tal-QEA, l-objettivi strateġiċi tagħha u l-programm ta’ ħidma annwali tagħha;

—

sorveljanza tal-ġestjoni tar-riżorsi tad-Direttorat, kemm dawk b’rabta mal-persunal kif ukoll dawk finanzjarji;

—

għoti ta’ kontribut għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali tal-QEA, u rappurtar dwar l-awditi mwettqa taħt il-mandat tad-Direttorat;

—

sorveljanza tal-fasla u l-implimentazzjoni tal-ġestjoni tal-għarfien għall-oqsma taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat;

—

twettiq ta’ superviżjoni u kontroll tal-awditjar skont ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-QEA u l-prattiki u l-istandards tal-awditjar tagħha;

—

ħolqien ta’ proposti ta’ gwida u struzzjonijiet għax-xogħol tal-QEA b’rabta mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni u mar-rapport annwali tagħha;

—

għoti ta’ kontribut għal kompiti trażversali fil-QEA kollha.

X’QED INFITTXU

I.   KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

Il-pożizzjoni ppubblikata hija miftuħa għall-kandidati li, sad-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet, jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà li ġejjin.

1.   Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati jeħtiġilhom, fid-data tal-applikazzjoni tagħhom:

—

ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

—

igawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

—

ikunu wettqu kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet ta’ reklutaġġ dwar is-servizz militari; u

—

jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-karattru meħtieġa għad-dmirijiet involuti.

2.   Kwalifiki

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’lawrja meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ 4 snin jew aktar, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’lawrja kif ukoll esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas 3 snin (din l-esperjenza professjonali ma tistax tingħadd mal-esperjenza professjonali ta’ wara l-kwalifika, meħtieġa hawn taħt).

3.   Għarfien ta’ lingwi

—

Ħakma eċċellenti (lingwa materna jew livell minimu C2 fil-fehim, fl-espressjoni orali u fil-kitba) ta’ lingwa uffiċjali waħda tal-UE, u għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2 fil-fehim, fl-espressjoni orali u fil-kitba) ta’ lingwa oħra tal-UE.

—

Billi l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi uffiċjali ta’ ħidma tal-QEA, huwa meħtieġ għarfien tajjeb ħafna f’waħda minn dawn il-lingwi (livell minimu C1 fil-fehim, fl-espressjoni orali u fil-kitba), kif ukoll għarfien tajjeb fil-lingwa l-oħra (livell minimu B2 fl-istess kategoriji).

—

Jekk il-lingwa materna tal-kandidat hija l-Ingliż jew il-Franċiż, huwa meħtieġ għarfien tajjeb ħafna tal-lingwa ta’ ħidma l-oħra (livell minimu C1 fil-fehim, fl-espressjoni orali u fil-kitba).

Biex tivvaluta ħilietek fil-lingwi barranin, ara: https://europa.eu/europass/mt/common-european-framework-reference.

Fis-CV tiegħek, jekk jogħġbok indika ħilietek fil-lingwi abbażi ta’ dan il-mudell ta’ evalwazzjoni.

4.   Esperjenza professjonali

Mill-anqas 18-il sena esperjenza professjonali dokumentata li tkun inkisbet wara l-kisba tal-kwalifika msemmija hawn fuq, inklużi mill-anqas 10 snin fl-awditjar.

Minn dawn it-18-il sena, mill-inqas 4 snin iridu jkunu tqattgħu f’kariga maniġerjali b’responsabbiltà mir-riżorsi kemm umani kif ukoll baġitarji (3) (fil-kuntest tal-UE: mill-inqas kap ta’ unità jew l-ekwivalenti).

5.   Limitu ta’ età

Il-kandidati jeħtiġilhom ma jkunux laħqu l-età regolari tal-irtirar li, għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, hija ddefinita bħala l-aħħar ġurnata tax-xahar li fih il-persuna tilħaq l-età ta’ 66 sena (ara l-Artikolu 52(a) tar-Regolamenti tal-Persunal).

II.   KRITERJI TAL-GĦAŻLA

Il-kandidati jeħtiġilhom ikunu jistgħu juru:

1.

Għarfien tajjeb ħafna tal-istandards u l-metodoloġija tal-awditjar fl-oqsma tal-awditjar finanzjarju, tal-prestazzjoni u tal-konformità, bl-approċċ tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-QEA inkluż.

2.

Għarfien tajjeb ħafna tal-awditjar tal-finanzi pubbliċi tal-UE u l-awditjar tas-settur pubbliku.

3.

Ħiliet ta’ ġestjoni strateġika — l-abbiltà li jirnexxielhom ifasslu u jimplimentaw strateġija kif ukoll isawru l-objettivi futuri tad-Direttorat.

4.

Esperjenza fil-ġestjoni tar-riżorsi umani u dawk finanzjarji, inklużi l-ippjanar u l-allokazzjoni effiċjenti u effettivi tar-riżorsi.

5.

Kapaċità eċċellenti fit-tmexxija u f’dak li jirrigwarda l-immotivar ta’ timijiet multilingwi u multikulturali.

6.

Ħiliet ta’ komunikazzjoni — il-kapaċità li jikkomunikaw b’mod ċar kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, li jitkellmu fil-pubbliku, li jikkonvinċu u li jinnegozjaw.

7.

Ħiliet interpersonali eċċellenti.

8.

Għarfien tar-Regolament Finanzjarju (4) tal-Unjoni Ewropea jitqies vantaġġ.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

I.   ELIĠIBBILTÀ U FAŻI TA’ QABEL L-GĦAŻLA

Il-Kumitat tal-Għażla (5) se jkun magħmul minn erba’ Membri u s-Segretarju Ġenerali tal-QEA.

Il-Kumitat l-ewwel jiddetermina jekk l-applikanti jissodisfawx il-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà stabbiliti hawn fuq.

Imbagħad jevalwa u jqabbel l-esperjenza professjonali u dik maniġerjali tal-kandidati eliġibbli kollha abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjonijiet tagħhom, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kriterji tal-għażla speċifiċi min-numru 1 sa 4. 6 u 8.

II.   ĊENTRU TA’ EVALWAZZJONI U INTERVISTA/I

L-erba’  (6) kandidati li jiksbu l-ogħla marka fl-evalwazzjoni kumparattiva jiġu mistiedna biex, b’mod obbligatorju, jattendu għal ċentru ta’ evalwazzjoni, u għal intervista mal-Kumitat tal-Għażla fil-Lussemburgu. L-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-organizzazzjoni taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni u tal-intervista tingħata fl-ittra/i ta’ stedina lill-kandidati li jkunu fil-lista mqassra.

Iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni jiffoka fuq il-ġestjoni strateġika, il-komunikazzjoni u l-ħiliet interpersonali tal-kandidati li jkunu fil-lista mqassra, fid-dawl tal-kriterji tal-għażla stabbiliti hawn fuq. Iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni jirriżulta f’rapport li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kumitat tal-Għażla qabel l-istadju tal-intervista.

L-intervista tiffoka fuq il-motivazzjoni ta’ kull kandidat, u tevalwa kemm il-profil tagħhom jaqbel tajjeb mal-kriterji tal-għażla.

Jekk ikun meħtieġ, il-Kumitat tal-Għażla jaf jiddeċiedi li jorganizza intervisti addizzjonali mal-erba’ kandidati li jkunu fil-lista mqassra, u jaf ukoll jitlobhom jipprovdu ittri ta’ referenza u/jew rapporti annwali ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni.

III.   ĦATRA

Wara li jlesti l-evalwazzjoni tiegħu, il-Kumitat tal-Għażla jippreżenta lill-Kulleġġ tal-Membri rapport motivat li jidentifika l-kandidat(i) li jqis li huwa/huma l-aktar kwalifikat(i) għall-kariga.

Fil-kapaċità konġunta tagħhom bħala Awtorità tal-Ħatra, il-Membri mbagħad jistgħu jadottaw deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ kandidat.

APPLIKAZZJONIJIET

Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet hija s-20 ta’ Jannar 2026 f’12:00 (nofsinhar) fil-ħin tal-Lussemburgu.

L-applikazzjonijiet iridu jitfasslu bl-Ingliż jew bil-Franċiż u jintbagħtu biss permezz tal-formola online li hija pprovduta isfel nett fl-avviż ta’ post vakanti (bl-Ingliż jew bil-Franċiż) disponibbli fil-paġna Opportunitajiet ta’ Impjieg, tal-QEA (taħt “Open positions”): https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/JobOpportunities.aspx

L-applikazzjoni trid tinkludi d-dokumenti li ġejjin, imfassla bl-Ingliż jew bil-Franċiż:

—

ittra ta’ akkumpanjament (mhux itwal minn erba’ paġni);

—

CV aġġornat (mhux itwal minn seba’ paġni), li preferibbilment ikun fil-format “Europass” (ara https://europa.eu/europass/).

Tiġi rifjutata kwalunkwe applikazzjoni li tasal wara d-data ta’ skadenza jew li ma tiġix ippreżentata permezz tal-formola online.

Billi jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom, il-kandidati jiddikjaraw li l-informazzjoni pprovduta fl-ittra ta’ akkumpanjament tagħhom u fis-CV tagħhom jikkonforma mar-rekwiżiti tal-eliġibbiltà. Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċess tal-għażla, il-Kumitat tal-Għażla: jidentifika dikjarazzjonijiet foloz jew inkompleti, l-applikazzjoni tiġi rifjutata u l-kandidat jiġi skwalifikat.

Il-Kumitat tal-Għażla jevalwa l-applikazzjonijiet abbażi biss tal-informazzjoni mogħtija fid-dokumenti meħtieġa. Fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, il-Kumitat jaf jitlob lill-kandidati biex jipprovdu evidenza ta’ sostenn għad-dikjarazzjonijiet magħmula fl-applikazzjonijiet tagħhom. Fi kwalunkwe stadju jista’ jagħti segwitu għall-informazzjoni pprovduta. Jekk kwalunkwe kandidat jonqos milli jipprovdi din l-evidenza meta tintalab, l-applikazzjoni tagħhom tiġi rifjutata, u jiġu skwalifikati.

Biex tkun ċert li l-applikazzjoni tiegħek titlesta fil-ħin, nirrakkomandaw ferm biex ma tistenniex sal-aħħar ftit sigħat biex tapplika. L-esperjenza turi li r-riskji ta’ konġestjoni fis-sistema jiżdiedu hekk kif toqrob id-data ta’ skadenza.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

OPPORTUNITAJIET INDAQS U AKKOMODAMENT RAĠONEVOLI

B’konformità mal-politika tagħha dwar id-Diversità u l-Inklużjoni, u mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, il-QEA tħaddan id-diversità u tippromwovi opportunitajiet indaqs. Aħna naċċettaw applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, u nieħdu passi biex niżguraw reklutaġġ ibbilanċjat ta’ rġiel u nisa, kif meħtieġ mill-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Jekk inti tkun teħtieġ xi arranġamenti speċjali għal diżabbiltà speċifika sabiex tkun tista’ tieħu sehem f’din il-proċedura tal-għażla, nitolbuk tibgħat email fi żmien xieraq lil ECA-Selection@eca.europa.eu.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Il-QEA hija impenjata li tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata b’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

Għal iktar informazzjoni, ara l-istqarrija ta’ privatezza speċifika tagħna dwar ir-reklutaġġ li tinsab fl-indirizz li ġej:

https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/Specific_Privacy_Statement_vacancies/Specific_Privacy_Statement_vacancies_MT.PDF.

TALBIET GĦAL REVIŻJONI — ILMENTI U APPELLI — ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Jekk, f’xi stadju fil-proċedura tal-għażla, inti tqis li xi deċiżjoni li tkun ittieħdet fir-rigward tiegħek tkun żbaljata, tista’ tuża l-mezzi li ġejjin:

I.   TALBA GĦAL REVIŻJONI TAD-DEĊIŻJONI LI TKUN ITTIEĦDET MILL-KUMITAT TAL-GĦAŻLA

Inti tista’ tippreżenta talba motivata, bil-miktub, biex deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Kumitat tal-Għażla tiġi riveduta mill-ġdid. Din it-talba trid tintbagħat, fi żmien 10 ijiem kalendarji min-notifika tad-deċiżjoni, lil ECA-Recours@eca.europa.eu. Meta l-aħħar jum ta’ dan il-perjodu jinzerta festa pubblika, is-Sibt jew il-Ħadd, il-perjodu għandu jintemm mal-iskadenza tal-aħħar siegħa tal-jum tax-xogħol li jmiss.

II.   ILMENTI

Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, inti tista’ tippreżenta lment bil-miktub kontra d-deċiżjoni tal-QEA li tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħek, fi żmien 3 xhur mid-data tan-notifika ta’ dik id-deċiżjoni, fl-indirizz li ġej:

Is-Segretarju Ġenerali

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

12, rue Alcide De Gasperi

L-1615 Lussemburgu

LUXEMBOURG

III.   APPELLI ĠUDIZZJARJI

Skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk l-ilment tiegħek jiġi rifjutat u din id-deċiżjoni taffettwak b’mod avvers, tista’ tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan l-appell irid jitressaq minn avukat fi żmien 3 xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment.

IV.   ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Jekk inti tqis li t-trattament tal-applikazzjoni tiegħek kien jinvolvi amministrazzjoni ħażina mill-QEA, tista’ tressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew, wara li l-ewwel tkun ikkuntattjajt lill-QEA bl-għan li ssolvi t-tilwima. Inti trid tippreżenta l-ilment tiegħek bil-miktub fi żmien sentejn minn meta ssir taf bil-fatti rilevanti. Formola online tal-ilmenti hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Ombudsman Ewropew. Rikors għall-Ombudsman Ewropew ma jirriżultax f’sospensjoni tad-dati ta’ skadenza tal-perjodu li fih jista’ jsir l-appell, kif indikati hawn fuq.


(1)  Għal aktar informazzjoni dwar il-QEA ara www.eca.europa.eu.

(2)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20250513.

(3)  L-esperjenza fil-ġestjoni tar-riżorsi umani trid tkun inkludiet il-ġestjoni ta’ unitajiet/dipartimenti, l-evalwazzjoni tal-persunal, u l-għoti ta’ appoġġ għall-iżvilupp professjonali tagħhom. Esperjenza fil-ġestjoni tar-riżorsi baġitarji tfisser li l-persuna tkun inħatret formalment biex timmaniġġja baġit, inklużi l-ippjanar, l-implimentazzjoni u r-rappurtar dwar l-użu tiegħu. Jenħtieġ li l-kandidati jipprovdu evidenza li mmaniġġjaw kemm ir-riżorsi umani kif ukoll dawk finanzjarji għal mill-inqas 4 snin kull wieħed, jew separatament jew inkella simultanjament.

(4)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=OJ:L_202402509.

(5)  Il-kandidati jiġu infurmati fi żmien xieraq dwar il-kompożizzjoni tal-Kumitat tal-Għażla.

(6)  Jew aktar, f’każ li jkun hemm kandidati li jġibu l-istess marka.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/66/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)