European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1436

17.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1436

tat-8 ta’ Lulju 2025

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati dwar id-dispożizzjonijiet dwar ir-rati tal-imgħax

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”), żviluppati fil-qafas tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), ġew trasposti, u b’hekk magħmula legalment vinkolanti fl-Unjoni bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(2)

F’konformità mal-Anness XII tal-Arranġament, Rata ta’ Referenza tal-Imgħax Kummerċjali (“CIRR”) hija stabbilita għall-munita ta’ kull Parteċipant fl-Arranġament. CIRR, li hija rata tal-imgħax minima fissa li tista’ tiġi offruta bħala parti minn kuntratt ta’ finanzjament tal-esportazzjoni appoġġat mill-gvern, hija magħmula minn rata bażi u marġini.

(3)

Il-Parteċipanti fl-Arranġament (il-“Parteċipanti”) użaw il-London InterBank Offered Rate (“LIBOR”) bħala l-parametru referenzjarju biex jiġi kkalkolat il-marġini tas-CIRR. Wara li l-LIBOR ma tkomplietx fl-2021, il-Parteċipanti qablu dwar soluzzjonijiet temporanji għall-istabbiliment tal-marġini tas-CIRR.

(4)

Il-Parteċipanti għandhom jaqblu bi proċedura bil-miktub dwar emendi għad-dispożizzjonijiet tal-Arranġament dwar l-istabbiliment tal-marġini tas-CIRR.

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub tal-Parteċipanti, peress li d-deċiżjoni tal-Parteċipanti ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar emendi għad-dispożizzjonijiet dwar ir-rati tal-imgħax ta’ dak l-Arranġament għandha tkun li tappoġġa deċiżjoni abbażi tal-abbozz tat-test mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1233/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1436/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)