|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1149 |
26.5.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1149
tas-26 ta’ Mejju 2026
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-27 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 (1). |
|
(2) |
Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi stipulati fiha jiġġeddu sat-28 ta’ Mejju 2027. |
|
(3) |
Il-Kunsill iqis li l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ta’ seba’ persuni fiżiċi jenħtieġ li jiġu emendati. |
|
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 11, l-ewwel paragrafu, id-data “28 ta’ Mejju 2026” hija sostitwita bid-data “28 ta’ Mejju 2027”. |
|
(2) |
l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. RAOUNA
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1484 tas-27 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja (ĠU L, 2024/1484, 27.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1484/oj)
ANNESS
Fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484, taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”, l-entrati 1, 2, 3, 12, 13, 36 u 43 huma sostitwiti bl-entrati korrispondenti li ġejjin:
|
|
Isem |
Informazzjoni għall-identifikazzjoni |
Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
“1. |
Nikolai Pavlovich DUBOVIK (Николай Павлович ДУБОВИК) |
Pożizzjoni: Imħallef tas-Supreme Court tal-Federazzjoni Russa Nazzjonalità: Russa Sess: raġel Data tat-twelid: 23.4.1956 |
Nikolai Pavlovich Dubovik huwa mħallef tas-Supreme Court tal-Federazzjoni Russa. Fil-pożizzjoni tiegħu, irrifjuta li jikkunsidra l-appell ta’ kassazzjoni ta’ Alexei Navalny kontra l-verdett fil-proċess ‘malafama ta’ veteran’. B’hekk, huwa skredita politikament lil Alexei Navalny qabel ir-referendum kostituzzjonali tal-2020 fir-Russja. Għalhekk, Nikolai Dubovik huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni. |
27.5.2024 |
|
2. |
Eduard Borisovich ERDYNIEV (Эдуард Борисович ЭРДЫНИЕВ) |
Pożizzjoni: Imħallef tas-Supreme Court tal-Federazzjoni Russa Nazzjonalità: Russa Sess: raġel Data tat-twelid: 16.3.1964 |
Eduard Borisovich Erdyniev huwa mħallef tas-Supreme Court tal-Federazzjoni Russa. Fil-pożizzjoni tiegħu, irrifjuta li jikkunsidra l-appell ta’ kassazzjoni ta’ Alexei Navalny kontra d-deċiżjoni li s-sentenza ta’ probation tiġi ssostitwita b’sentenza sħiħa. Konsegwentement, Alexei. Navalny instab ħati u, snin wara, ġie inkarċerat f’kolonja penali ta’ sigurtà għolja sabiex ma jkunx jista’ jinvolvi ruħu f’attività politika. Għalhekk, Eduard Borisovich Erdyniev huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni. |
27.5.2024 |
|
3. |
Andrey Vladimirovich FEDOROV (Андрей Владимирович ФЕДОРОВ/ФЁДОРОВ) |
Pożizzjoni: Viċi President tal-Kirovsky District Court ta’ Tomsk Imħallef tal-Kirovsky District Court, il-belt ta’ Tomsk Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Andrey Vladimirovich Fedorov huwa mħallef Russu li jaħdem fil-Kirovsky District Court, il-belt ta’ Tomsk. Fil-pożizzjoni tiegħu, ċaħad l-ilment dwar in-nuqqas ta’ azzjoni tal-uffiċjali tal-Investigative Committee of the Russian Federation tat-Tomsk Oblast fir-rigward tal-avvelenament ta’ Alexei Navalny. Id-deċiżjoni tiegħu wasslet għall-inkarċerazzjoni ta’ Alexei Navalny. Huwa ġie promoss għal Viċi President tal-Kirovsky District Court ta’ Tomsk. Għalhekk, Andrey Vladimirovich Fedorov huwa responsabbli għal attivitajiet li jdgħajfu serjament l-istat tad-dritt fir-Russja. |
27.5.2024 |
|
12. |
Sergey Vladimirovich BLINOV (Сергей Владимирович БЛИНОВ) |
Pożizzjoni: President tas-Slobodskoy District Court tar-Reġjun ta’ Kirov Eks imħallef tal-Leninsky District Court ta’ Kirov Nazzjonalità: Russa Sess: raġel Data tat-twelid: 1978 |
Sergey Vladimirovich Blinov kien imħallef tal-Leninsky District Court ta’ Kirov. Fl-2013, huwa ikkundanna lil Alexei Navalny għal 5 snin u lin-negozjant Pyotr Ofitserov għal 4 snin ħabs fuq akkużi ta’ miżapproprjazzjoni fil-proċess politikament motivat tal-‘kawża Kirovles’. Barra minn hekk, weħlu multa ta’ 500 000 rublu kull wieħed. Għalhekk, Sergey Vladimirovich Blinov huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni. Bħalissa qed iservi bħala l-president tas-Slobodskoy District Court tar-Reġjun ta’ Kirov. |
27.5.2024 |
|
13. |
Evgeny Vladimirovich BORISOV (Евгений Владимирович БОРИСОВ) |
Pożizzjoni: imħallef tan-Nikulinsky District Court ta’ Moska Nazzjonalità: Russa Sess: raġel Data tat-twelid:13.3.1984 |
Evgeny Vladimirovich Borisov huwa mħallef tan-Nikulinsky District Court ta’ Moska. Fl-2015, huwa aċċetta l-pretensjoni tal-kumpanija Kirovles, biex tirkupra 16-il miljun rublu minn Alexei Navalny u żewġ konvenuti oħra fil-kawża politikament motivata ‘Kirovles’. Għalhekk, Evgeny Vladimirovich Borisov huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni. |
27.5.2024 |
|
36. |
Denis Gennadievich POPOV (Денис Геннадьевич ПОПОВ) |
Pożizzjoni: Viċi Ministru tal-Federazzjoni Russa għad-Difiża Ċivili, l-Emerġenzi, u l-Eliminazzjoni tal-Konsegwenzi tad-Diżastri Naturali Eks prosekutur tal-belt ta’ Moska Data tat-twelid: 12.1.1972 Post tat-twelid: Sverdlovsk Nazzjonalità: Russa Sess: raġel TIN: 770970517335 |
Denis Popov kien il-prosekutur tal-belt ta’ Moska. Inħatar mill-President Putin fl-2019. Is-Sur Popov kien responsabbli għall-organizzazzjoni tal-prosekuzzjoni tal-istat ta’ Alexei Navalny u mexxejja oħra tal-oppożizzjoni u attivisti politiċi f’Moska. Issorvelja direttament ir-rikonoxximent bħala strutturi estremisti tal-organizzazzjonijiet maħluqa minn Alexei Navalny biex jiffinanzja l-attivitajiet politiċi tiegħu. Għalhekk, Denis Popov huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika u għal attivitajiet li jdgħajfu serjament l-istat tad-dritt fir-Russja. Bħalissa qed iservi ta’ Viċi Ministru tal-Federazzjoni Russa għad-Difiża Ċivili, l-Emerġenzi, u l-Eliminazzjoni tal-Konsegwenzi tad-Diżastri Naturali. |
20.5.2025 |
|
43. |
Ekaterina Feliksovna TIAMINA (Екатерина Феликсовна ТЯМИНА) |
Pożizzjoni: Imħallef tas-Saint. Petersburg City Court Eks Imħallef tal-Kalininsky District Court ta’ Saint Petersburg Nazzjonalità: Russa Sess: mara |
Bħala mħallef tal-Kalininsky District Court ta’ Saint Petersburg, Ekaterina Tiamina kkundanat lil Ioann Kurmoyarov, blogger u qassis, għal tliet snin priġunerija fuq akkużi politikament motivati talli xerred hekk imsejħa ‘aħbarijiet foloz’ dwar l-armata Russa. Ioann Kurmoyarov ġie arrestat għall-pubblikazzjoni ta’ kontenut vidjo fuq pjattaformi ta’ media soċjali differenti, fejn ikkritika l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna minn lenti Kristjana paċifista u Ortodossa teoloġika. Ekaterina Tiamina estendiet ukoll il-priġunerija ta’ Viktoria Petrova, maniġer, fuq akkużi politikament motivati għat-tixrid ta’ hekk imsejħa ‘aħbarijiet foloz’ dwar l-armata Russa. Is-Sa Petrova ġiet arrestata għall-kondiviżjoni ta’ filmati YouTube kontra l-gwerra bħal materjal minn Maksim Kants, Aleksanrd Nevzorov u l-president Ukren Zelensky fuq il-paġna VK tagħha personali. Għalhekk, Ekaterina Tiamina hija responsabbli għal ksur serju, tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni, għar-repressjoni tas-soċjetà u għal attivitajiet li jdgħajfu serjament l-istat tad-dritt fir-Russja. Bħalissa qed isservi bħala mħallef tas-Saint Petersburg City Court. |
20.5.2025.” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1149/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)