|
14.6.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 156/18 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-5 ta' Ġunju 2008
dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri ta' emerġenza fil-ġlieda kontra l-bluetongue fil-Ġermanja fl-2007
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2363)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
(2008/444/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Tratatt li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE ta' l-20 ta' Novembru 2000 li tistipula d-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-qerda tal-bluetongue (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 3(5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Bil-ħsieb li tingħata għajnuna biex il-bluetongue tinqered mill-aktar fis possibbli, l-Istati Membri għandhom jingħataw kontribuzzjoni finanzjarja għan-nefqa fir-rigward ta’ ċerti miżuri fil-ġlieda kontra t-tifqigħ tal-bluetongue. |
|
(2) |
L-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE jistabbilixxi regoli dwar il-persentaġġ tan-nefqa li jġarrab l-Istat Membru li jista’ jkun kopert mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità. |
|
(3) |
Il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-bluetongue huwa soġġett għar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistipula regoli dwar l-iffinanzjar Komunitarju ta’ miżuri ta’ emerġenza u tal-kampanja kontra ċertu mard ta’ l-annimali taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (3). Dan ir-Regolament japplika għal kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità mogħtija lill-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam man-nefqa eliġibbli, kif definita hemmhekk, għal ċerti miżuri għall-qerda ta’ mard fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE. |
|
(4) |
Fl-2007, kien hemm tifqigħa tal-bluetongue fil-Ġermanja. Il-preżenza ta’ din il-marda tirrappreżenta riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità. |
|
(5) |
Għaldaqstant, il-Ġermanja ħadet il-miżuri meħtieġa ta' emerġenza sabiex tevita l-firxa tal-bluetongue. |
|
(6) |
Fit-28 ta’ Novembru 2007, il-Ġermanja pprovdiet it-tagħrif finanzjarju mitlub qabel l-għotja ta’ l-appoġġ finanzjarju tal-Komunità skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005. |
|
(7) |
Il-Ġermanja kienet konformi għal kollox ma’ l-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħha kif stipulati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005. |
|
(8) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lill-Ġermanja
Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità tista' tingħata lill-Ġermanja għan-nefqa li ġarrab dan l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE fl-2007 fil-ġlieda kontra l-bluetongue.
Artikolu 2
Arranġamenti għall-ħlas
L-ewwel porzjon ta' EUR 950 000,00 għandu jitħallas bħala parti mill-kontribut finanzjarju tal-Komunità stipulat fl-Artikolu 1.
Artikolu 3
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, 5 ta’ Ġunju 2008.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/729/KE (ĠU L 294, 13.11.2007, p. 26).
(2) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).