SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)
7 ta’ Frar 2019 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal – Ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz – Ugwaljanza fit-trattament – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għal smigħ – Dmir ta’ premura – Responsabbiltà”
Fil-Kawża T‑11/17,
RK, ex uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn L. Levi u A. Tymen, u sussegwentement minn L. Levi, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Troupiotis u J. A. Steele, bħala aġenti,
intervenjent,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni mingħajr data tal-Kunsill li toħroġ lir-rikorrenti fuq leave fl-interess tas-servizz fuq il-bażi tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u, sa fejn huwa neċessarju, tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2016 li tiċħad l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),
komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg (Relatur), F. Schalin, B. Berke u M. J. Costeira, Imħallfin,
Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2018,
tagħti l-prezenti
Sentenza
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ġew emendati, partikolarment, bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126). |
|
2 |
Il-premessi 1, 3, 7 u 12 tar-Regolament Nru 1023/2013 jistabbilixxu:
[…]
[…]
[…]
|
|
3 |
Il-punt 24 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013 ippreveda ż-żieda, fil-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal, tat-Taqsima 7, intitolata “Leave fl-interessi tas-servizz”, li fiha dispożizzjoni waħda biss, l-Artikolu 42c. Skont din id-dispożizzjoni: “Mhux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli, uffiċjal li għandu tal-anqas għaxar snin servizz jista’ jingħata l-leave, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra, fl-interessi tas-servizz għal ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda fi ħdan l-istituzzjonijiet. In-numru totali ta’ uffiċjali li jiġu assenjati l-leave fl-interessi tas-servizz kull sena ma għandux ikun aktar minn 5% tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha, li rtiraw matul is-sena ta’ qabel. In-numru totali kkalkulat b’dan il-mod għandu jkun allokat lil kull istituzzjoni skont in-numru rispettiv ta’ uffiċjali tagħha fil-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Ir-riżultat ta’ tali allokazzjoni għandu jitqarreb ’il fuq sal-eqreb numru sħiħ li jkun imiss f’kull istituzzjoni. It-tali leave ma għandux jikkostitwixxi miżura dixxiplinari. It-tul ta’ żmien tal-leave għandu jikkorrispondi, bħala prinċipju, mal-perjodu sakemm l-uffiċjal jilħaq l-età pensjonabbli. Madankollu, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, l-awtorità tal-ħatra tista’ tiddeċiedi li ttemm il-leave u terġa’ ddaħħal l-uffiċjal. Meta l-uffiċjal li ġie assenjat il-leave fl-interessi tas-servizz jilħaq l-età pensjonabbli, huwa għandu jirtira awtomatikament. Il-leave fl-interessi tas-servizz għandu jkun regolat permezz tar-regoli li ġejjin:
Uffiċjal assenjat bil-leave b’dan il-mod għandu jirċievi allowance maħduma skont l-Anness IV. Fuq talba tal-uffiċjal, l-allowance għandha tkun suġġetta għall-kontribuzzjonijiet magħmulin għall-iskema tal-pensjoni, ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dik l-allowance. F’tali każ, il-perjodu ta’ servizz bħala uffiċjal bil-leave fl-interessi tas-servizz għandu jiġi kkunsidrat għall-fini tal-kalkolu tas-snin ta’ servizz pensjonabbli fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Anness VIII. L-allowance għandha [ma għandhiex] tkun suġġetta għal koeffiċjent tal-korrezzjoni.” |
|
4 |
Ir-Regolament Nru 1023/2013 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2013 u l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal sar applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014. |
|
5 |
Ir-rikorrenti, RK, hija ex uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Hija daħlet fis-servizz fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (iktar ’il quddiem is-“SĠK”) fis-16 ta’ Marzu 1989 u nħatret bħala uffiċjal fis-16 ta’ Settembru 1989. Waqt il-karriera tagħha, hija kienet assenjata f’diversi direttorati ġenerali u servizzi. Mill-1 ta’ April 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2016, hija kienet assenjata f’pożizzjoni ta’ assistent fl-unità “Żvilupp tal-persunal” (iktar ’il quddiem l-“UŻP”) fi ħdan id-Direttorat Ġenerali A (Amministrazzjoni). |
|
6 |
Permezz tal-Komunikazzjoni lill-Persunal Nru 71/15, tat-23 ta’ Ottubru 2015 (iktar ’il quddiem il-“KP 71/15”), is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ipprovda informazzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal mill-istituzzjoni. Skont din il-komunikazzjoni: “[…] L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom kontinwament jinnovaw u jimmodernizzaw ruħhom, u dan jimplika li l-uffiċjali għandhom jakkwistaw kompetenzi ġodda u jaġġornaw l-għarfien tagħhom sabiex jadattaw ruħhom għal żviluppi ġodda. Dawn il-kompetenzi ġodda jistgħu jkunu marbuta, pereżempju, ma’ għodda tal-informatika ġodda, ma’ sistemi implimentati għall-produzzjoni ta’ dokumenti tal-Kunsill Ewropew/tal-Kunsill, ma’ proċeduri ġodda fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ verifika interna, ma’ metodi ta’ ħidma ġodda jew ma’ metodi ta’ ġestjoni jew ta’ organizzazzjoni ġodda. Il-leave fl-interess tas-servizz huwa intiż sabiex jippermetti lill-uffiċjali li għandhom xi diffikultajiet sabiex jiksbu kompetenzi ġodda u sabiex jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent fix-xogħol sabiex joħorġu fuq leave qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. […] Għall-2015 huma disponibbli ħames (5) possibbiltajiet fi ħdan il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
7 |
Fit-12 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti kellha laqgħa mal-Kap tal-UŻP fejn dan tal-aħħar informaha bl-intenzjoni tiegħu li jissuġġerixxi lill-amministrazzjoni tikkunsidra li r-rikorrenti tinħareġ fuq leave fl-interess tas-servizz, konformement mal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
8 |
Hemm sunt tal-iżvolġiment u tal-kontenut ta’ din il-laqgħa f’nota tal-Kap tal-UŻP tat-18 ta’ Novembru 2015, indirizzata lid-Direttriċi tar-Riżorsi Umani u tal-Amministrazzjoni tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“Direttriċi RUAP”). Fil-kuntest ta’ din in-nota, il-Kap tal-UŻP talab lill-amministrazzjoni sabiex ir-rikorrenti tinħareġ fuq leave fl-interess tas-servizz abbażi tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
9 |
Fil-25 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti ntlaqgħet mid-Direttriċi RUAP, fil-preżenza ta’ uffiċjal li kien qiegħed jakkumpanja lir-rikorrenti, ta’ osservatur maħtur mill-Kumitat tal-Persunal u mill-Kap tal-Unità tal-konsulenti legali tal-amministrazzjoni. Waqt din il-laqgħa, id-Direttriċi RUAP ippreżentat il-kuntest legali tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal lir-rikorrenti u tatha sunt tar-raġunijiet li minħabba fihom ikkunsidrat li din id-dispożizzjoni setgħet tapplika għaliha. Ir-rikorrenti esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-miżura kkunsidrata. |
|
10 |
Wara din il-laqgħa, fil-25 ta’ Novembru 2015, id-Direttriċi RUAP indirizzat nota lid-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”), fejn irrakkomandat il-ħruġ tar-rikorrenti fuq leave fl-interess tas-servizz fuq il-bażi tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2015. Ma’ din in-nota kienu annessi n-nota tal-Kap tal-UŻP tat-18 ta’ Novembru 2015 kif ukoll rendikont tal-istorja tal-karriera tar-rikorrenti. |
|
11 |
Permezz ta’ nota tat-30 ta’ Novembru 2015, id-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li joħroġha fuq leave fl-interess tas-servizz u stedinha sabiex tifformula l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol. |
|
12 |
Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fis-7 ta’ Diċembru 2015, li fihom hija talbet lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tirrevedi l-intenzjoni tagħha li tapplikalha l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u, fi kwalunkwe każ, sabiex tikkunsidra mill-ġdid din l-applikazzjoni għas-sena 2015 sabiex tkun tista’ tiddisponi minn terminu suffiċjenti sabiex tipprepara għall-ħruġ fuq leave tagħha minn perspettiva finanzjarja u psikoloġika. |
|
13 |
Fit-8 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti nstemgħet mid-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni. |
|
14 |
Permezz ta’ deċiżjoni mingħajr data tad-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, li r-rikorrenti ddikjarat li rċeviet fl-4 ta’ Frar 2016, hija nħarġet fuq leave fl-interess tas-servizz mit-30 ta’ Ġunju 2016. Sar sunt tar-raġunijiet mogħtija lir-rikorrenti għall-adozzjoni ta’ din il-miżura fil-punt 10 tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq. |
|
15 |
Fl-ewwel lok, fil-punt 10(a) tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, ġie indikat li l-UŻP, li kienet assenjata magħha r-rikorrenti, kienet ipproċediet għall-adattament tal-metodi ta’ ħidma tagħha, f’konformità mar-riformi mwettqa wkoll fid-dipartimenti l-oħra tad-Direttorat Riżorsi Umani u Amministrazzjoni tal-Persunal. Dawn il-bidliet kienu jikkonsistu, prinċipalment, fl-istabbiliment ta’ proċessi u ta’ proċeduri awtomatizzati, fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ġodda, fid-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-kompiti u ta’ proċeduri oħra, kif ukoll fl-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ informatika interistituzzjonali applikabbli għas-sistemi kollha ta’ mmonitorjar tar-riżorsi umani. Ġie indikat li r-ritmu ta’ din l-evoluzzjoni kellu jinżamm sabiex jiġu osservati l-approċċi ġodda fil-qasam tar-riżorsi umani u tal-amministrazzjoni tal-persunal implimentati fi ħdan is-SĠK. |
|
16 |
Fit-tieni lok, fil-punt 10(b) tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, kien ġie ppreċiżat li t-twettiq ta’ tali riformi kien jeħtieġ min-naħa tal-persunal għarfien adattat u ċertu grad ta’ flessibbiltà u ta’ adattabbiltà. |
|
17 |
[kunfidenzjali] |
|
18 |
[kunfidenzjali] |
|
19 |
[kunfidenzjali] |
|
20 |
[kunfidenzjali] |
|
21 |
L-Awtorità tal-Ħatra ppreċiżat ukoll li d-deċiżjoni prevista fil-punt 14 iktar ’il fuq kellha tieħu effett fit-30 ta’ Ġunju 2016 sabiex tagħti lir-rikorrenti ż-żmien neċessarju sabiex tipprepara ruħha għall-ħruġ fuq leave tagħha minn perspettiva psikoloġika u finanzjarja. |
|
22 |
Permezz ta’ nota tat-8 ta’ Frar 2016, il-Kap tal-Unità “Drittijiet Individwali” ikkomunika lir-rikorrenti l-informazzjoni dwar id-drittijiet finanzjarji tagħha li jirrigwardaw il-leave fl-interess tas-servizz. |
|
23 |
Fid-29 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan l-ilment ġie miċħud b’deċiżjoni espliċita tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2016. |
II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
24 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors. |
|
25 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti talbet l-anonimità, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2017, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba. |
|
26 |
Fl-4 ta’ April 2017, il-Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu. |
|
27 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Mejju 2017, il-Parlament Ewropew talab sabiex jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
|
28 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li kien hemm fir-rikors u fl-annessi tiegħu tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali fir-rigward tal-Parlament. |
|
29 |
Fl-14 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika. |
|
30 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li kien hemm fir-replika u fl-annessi tagħha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali fir-rigward tal-Parlament. |
|
31 |
Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2017, il-Parlament ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Ġie ppreċiżat li l-komunikazzjoni lill-intervenjent tad-dokumenti nnotifikati u, jekk ikun il-każ, li għad għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet prinċipali kellha tkun limitata għal verżjoni mhux kunfidenzjali u li deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-talba għal kunfidenzjalità kienet, jekk ikun il-każ, ser tittieħed sussegwentement, fid-dawl tal-oġġezzjonijiet li setgħu jiġu ppreżentati f’dan ir-rigward. |
|
32 |
Il-Parlament ma ppreżentax oġġezzjoni fit-terminu mogħti dwar it-talbiet għal trattament kunfidenzjali msemmija iktar ’il fuq magħmula mir-rikorrenti. |
|
33 |
Fit-28 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill ippreżenta l-kontroreplika. |
|
34 |
Fit-18 ta’ Awwissu 2017, il-Parlament ippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu. |
|
35 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li kien hemm fil-kontroreplika u fl-annessi tagħha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali fir-rigward tal-Parlament. Dan ma ppreżentax oġġezzjoni fit-terminu mogħti kontra din it-talba. |
|
36 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill indika li ma kellux osservazzjonijiet x’jippreżenta fuq in-nota ta’ intervent tal-Parlament. |
|
37 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-Parlament. |
|
38 |
Fit-18 ta’ Ottubru 2017, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali nnotifika lill-partijiet bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. |
|
39 |
Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat talba motivata, skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tinstema’ waqt il-fażi orali tal-proċedura. |
|
40 |
Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-10 ta’ April 2018, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż. |
|
41 |
Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet u sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din l-istedina fit-terminu mogħti. |
|
42 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2018. |
|
43 |
Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet b’deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Lulju 2018, wara l-preżentazzjoni mill-Kunsill taż-żewġ settijiet ta’ dokumenti mitluba mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta u permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. |
|
44 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
45 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
46 |
Il-Parlament jitlob li r-rikors jiġi miċħud. |
III. Id-dritt
A. Fuq is-suġġett tar-rikors
|
47 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq u, “sa fejn ikun neċessarju”, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. B’hekk, huwa meħtieġ li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u li jiġi ddeterminat, għaldaqstant, is-suġġett ta’ dan ir-rikors. |
|
48 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, huma parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni minn qabel għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors, anki jekk ikun formalment ippreżentat kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jressaq quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju u li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8), ħlief fil-każ fejn iċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu dan l-ilment ġie ppreżentat (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il-Kummissjoni, T‑281/04, EU:T:2006:334, punt 26). |
|
49 |
Fil-fatt, kull deċiżjoni li tiċħad ilment, kemm jekk hija impliċita jew espliċita, kulma tagħmel, jekk hija pura u sempliċi, huwa li tikkonferma l-att jew in-nuqqas li l-lanjanti jilmenta dwarhom, u ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, att li jista’ jiġi kkontestat, b’tali mod li t-talbiet diretti kontra din id-deċiżjoni mingħajr kontenut awtonomu meta mqabbla mad-deċiżjoni inizjali għandhom jiġu kkunsidrati bħala diretti kontra l-att inizjali (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑88/13 P, EU:T:2015:393, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Deċiżjoni espliċita li tiċħad ilment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att ikkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li tieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew tikkunsidrah bħala att li jikkawża preġudizzju li jieħu post dan tal-aħħar (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2017, Skareby vs SEAE,T‑585/16, EU:T:2017:613, punt 18). |
|
51 |
Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ssostni li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment hija ammissibbli, peress li din id-deċiżjoni fiha elementi ġodda meta mqabbla mad-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, mingħajr ma tippreċiża, madankollu, liema huma dawn l-elementi. Il-Kunsill u l-Parlament ma ħadux pożizzjoni dwar il-problema tad-definizzjoni tas-suġġett tar-rikors u, b’mod iktar ġenerali, ma kkontestawx l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament imressqa kontra ż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel punt tat-talbiet tar-rikorrenti. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-ilment u r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ġew ippreżentati fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
53 |
It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkonferma d-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq u l-motivazzjoni tagħha. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, mingħajr ma tagħmel eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, tirrispondi għall-ilmenti mqajma mir-rikorrenti fl-ilment u, f’din l-okkażjoni, tikkompleta l-motivazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-uniku att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti huwa d-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u li l-legalità ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, HQ vs CPVO, T‑592/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:897, punti 20 u 21). |
B. Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti dokumenti ppreżentati mill-Kunsill fis-6 ta’ Ġunju 2018
|
54 |
Għandu jitfakkar li, waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kunsill sabiex jippreżenta, f’terminu ta’ ġimgħa, id-dokumenti ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 8 u 9 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. Issa, fis-6 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill ippreżenta mhux biss iż-żewġ dokumenti msemmija (Annessi E.1 u E.6 tal-att proċedurali tas-6 ta’ Ġunju 2018), iżda wkoll erba’ dokumenti oħra li ma kinux koperti mit-talba tal-Qorti Ġenerali (Annessi E.2 sa E.5 tal-att proċedurali tas-6 ta’ Ġunju 2018) u ppreżenta l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti tal-aħħar fil-punti 4 sa 7 tal-att proċedurali tas-6 ta’ Ġunju 2018. Minn dan isegwi li d-dokumenti li hemm fl-Annessi E.2 sa E.5 msemmija iktar ’il fuq, id-dokument li hemm fl-Anness E.1 li jikkonċerna l-laqgħa tal-UŻP tad-29 ta’ Jannar 2015, li lanqas ma kien kopert mit-talba tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll l-iżviluppi magħmula fil-punti 4 sa 7 tal-att proċedurali tas-6 ta’ Ġunju 2018 huma inammissibbli abbażi tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn dawn ma humiex koperti mit-talba tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta u sa fejn il-Kunsill ma pprovda l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġuni għaliex ma ġewx ippreżentati preċedentement. |
C. Fuq it-talba għal annullament
|
55 |
Insostenn tat-talba għal annullament tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, fejn l-ewwel wieħed jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal; it-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-KP 71/15, fuq żbalji ta’ fatt u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni; it-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ; u r-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. |
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal
a) Osservazzjonijiet preliminari
|
56 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa illegali sa fejn jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat, b’mod partikolari, fuq l-età, stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), u fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
57 |
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn japplika espliċitament għall-uffiċjali u għall-aġenti “[m]hux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli”, jintroduċi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età kif iddefinita fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Skont ir-rikorrenti, din id-differenza fit-trattament ma hijiex oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Barra minn hekk, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandu għan leġittimu, il-mezzi użati sabiex jintlaħaq la huma xierqa u lanqas ma huma neċessarji fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. |
|
58 |
Il-Kunsill u l-Parlament jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti u jitolbu ċ-ċaħda ta’ dan il-motiv. |
|
59 |
Qabel kollox, għandhom jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet li fid-dawl tagħhom għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tiegħu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) ta’ din il-Karta huwa espressjoni partikolari (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 29). |
|
61 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati, b’mod partikolari, lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni, b’osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. |
|
62 |
Minn dan isegwi li l-legalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li ġie introdott fir-Regolamenti tal-Persunal permezz tar-Regolament Nru 1023/2013, għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-norma superjuri li jikkostitwixxi l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, previst mill-argument tar-rikorrenti, li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età. |
|
63 |
F’dak li jirrigwarda l-invokazzjoni mir-rikorrenti tad-Direttiva 2000/78, hemm lok li jiġu ppreżentati, preliminarjament, id-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha. |
|
64 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Skop”, jipprevedi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
|
65 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
|
|
66 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
|
|
67 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li d-direttivi jorbtu lill-Istati Membri destinatarji f’dak li jirrigwarda r-riżultat li jrid jintlaħaq. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2000/78, kif inhu ppreċiżat fl-Artikolu 21 tagħha, hija indirizzata lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet. Bħala konsegwenza, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux jitqiesu bħala li jimponu, bħala tali, obbligi fuq l-istituzzjonijiet, fl-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi jew deċiżjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C‑25/02, EU:C:2003:435, punt 24, u tal-21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, EU:T:2008:160, punt 43), u lanqas ma jistgħu, bħala tali, ikunu l-bażi ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 52). |
|
68 |
Madankollu, anki jekk id-Direttiva 2000/78 ma tistax, bħala tali, tkun is-sors ta’ obbligi għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi jew deċiżjonali tagħhom sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet ta’ xogħol bejniethom u l-membri tal-persunal tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li r-regoli jew il-prinċipji stabbiliti jew żviluppati f’din id-direttiva jistgħu jiġu invokati kontra dawn l-istituzzjonijiet meta, fihom innifishom, jidhru li huma biss l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-Trattati u ta’ prinċipji ġenerali li japplikaw direttament għall-imsemmija istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, Todorova Androva vs Il-Kunsill et, T‑366/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:729, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li d-Direttiva 2000/78 tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
70 |
Minn dan isegwi li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 ma jistgħux, bħala tali, ikunu l-bażi ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn jistgħu jkunu sors ta’ ispirazzjoni għad-determinazzjoni tal-obbligi tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan is-servizz pubbliku. Huwa b’dan il-mod li l-Qorti Ġenerali ser tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kawża preżenti, id-Direttiva 2000/78. |
|
71 |
F’dak li jikkonċerna l-invokazzjoni mir-rikorrenti tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, b’mod partikolari d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-dispożizzjoni ddaħħlet fir-Regolamenti tal-Persunal permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130). |
|
72 |
Sa fejn l-Artikolu 1d tar-Regolamenti jinsab fl-istess att, ta’ natura regolamentari, bħall-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri fir-Regolamenti tal-Persunal, u għandu għalhekk l-istess importanza bħal dan tal-aħħar fil-ġerarkija tan-normi, din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix regola li fid-dawl tagħha tista’ tiġi evalwata l-legalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ċċarat li r-referenza għall-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal kienet saret biss sa fejn din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età. |
|
73 |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-legalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-limiti esposti fil-punt 70 iktar ’il fuq, id-Direttiva 2000/78. |
|
74 |
Kif diġà ġie nnotat (ara l-punt 60 iktar ’il fuq), l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta. |
|
75 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
76 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età u, fit-tieni lok, jekk dan huwa l-każ, jekk din id-differenza fit-trattament hijiex madankollu konformi mal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 35). |
b) Fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età
|
77 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal japplika “[m]hux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli” tal-uffiċjali kkonċernati. Il-Kunsill ippreċiża li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għal uffiċjali li jinsabu fl-età ta’ bejn 55 u 66 sena. Mill-kuntest regolamentari applikabbli u mill-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill mogħtija fil-kuntest tat-tweġiba bil-miktub tiegħu għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li din il-kategorija ta’ etajiet hija ddeterminata abbażi tar-raġunament li ġej. |
|
78 |
F’dak li jikkonċerna l-uffiċjali li daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, għandu jiġi kkunsidrat il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi: “Għall-uffiċjali fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, l-età pensjonabbli li għandha tkun ikkunsidrata għar-referenzi kollha tal-età tal-pensjoni f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, għajr jekk ikun previst b’mod ieħor fir-Regolamenti tal-Persunal.” |
|
79 |
L-età tal-pensjoni tvarja bejn 60 u 65 sena skont l-età tal-uffiċjal fl-1 ta’ Mejju 2014, kif jirriżulta mill-kontenut tal-ewwel erba’ subparagrafi tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
80 |
F’dak li jikkonċerna l-uffiċjali li daħlu fis-servizz wara l-1 ta’ Jannar 2014, l-età tal-irtirar hija ta’ 66 sena skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
81 |
Minn dan isegwi li, peress li l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz jista’ jiġi applikat għall-uffiċjali li jkollhom 10 snin ta’ servizz u li jkunu jinsabu, l-iktar kmieni, ħames snin bogħod mill-età tal-irtirar, dan potenzjalment jikkonċerna lill-uffiċjali li għandhom bejn 55 sena (għal dawk li kellhom 60 sena jew iktar fl-1 ta’ Mejju 2014 u li l-età tal-irtirar tagħhom kienet għalhekk stabbilita bħala 60 sena) u 66 sena (għal dawk li ġew irreklutati wara l-1 ta’ Jannar 2014 u li l-età tal-irtirar tagħhom kienet għalhekk stabbilita bħala 66 sena). |
|
82 |
Peress li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal japplika biss għall-uffiċjali li jkollhom l-età ta’ bejn 55 sena u 66 sena u ma japplikax għall-uffiċjali ta’ età iżgħar li ma jaqgħux taħt l-età msemmija iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni toħloq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. |
|
83 |
Għandu jiġi osservat li l-Kunsill għandu dubji dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, peress li huwa ma jagħmilx referenza għal “età partikolari”, iżda għall-età tal-irtirar tal-uffiċjali kkonċernati, li tista’ tvarja. Għaldaqstant, din hija miżura ta’ akkumpanjament għall-ħruġ bil-pensjoni, intiża sabiex jittaffa l-“effett ta’ giljottina” ta’ dan il-ħruġ u mhux sabiex issir diskriminazzjoni abbażi ta’ età partikolari fil-konfront ta’ età oħra. Sabiex isaħħaħ dan l-argument, il-Kunsill jinnota wkoll li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għal kundizzjoni sekondarja li hija indipendenti mill-età, li hija dik tal-eżistenza ta’ anzjanità ta’ mill-inqas għaxar snin. |
|
84 |
Dan l-argument tal-Kunsill jikkonċerna l-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, li tinsab fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, u ma jdaħħalx fid-dubju l-eżistenza ta’ din id-differenza fit-trattament. Sa fejn din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss l-uffiċjali li jaqgħu taħt kategorija ta’ etajiet partikolari, identifikata b’mod ċar, hija tintroduċi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, minkejja ċ-ċirkustanza li l-kategorija ta’ etajiet prevista iktar ’il fuq hija ddeterminata skont l-età tal-irtirar tal-uffiċjali kkonċernati. Il-kwistjoni dwar jekk din id-differenza fit-trattament tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija kwistjoni distinta minn dik li tirrigwarda l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament. |
|
85 |
Barra minn hekk, dejjem b’risposta għall-argument tal-Kunsill espost fil-punt 83 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi kundizzjonijiet oħra mhux marbuta mal-età, bħal dik dwar l-anzjanità tal-uffiċjali kkonċernati u dik dwar l-eżistenza ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, ma jbiddilx il-fatt li, meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, l-uffiċjali li jaqgħu fil-kategorija ta’ etajiet inkwistjoni huma ttrattati b’mod differenti mill-uffiċjali li ma jaqgħux fl-imsemmija kategorija. |
|
86 |
Skont il-ġurisprudenza, sabiex ikun jista’ jiġi lmentat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li huwa jkun ittratta b’mod differenti sitwazzjonijiet komparabbli, li jwassal għal żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li għandu jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, toħloqx żvantaġġ għal uffiċjali li jaqgħu fil-kategorija ta’ etajiet inkwistjoni meta mqabbla ma’ dawk li ma jaqgħux fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 33). |
|
87 |
Fil-kawża preżenti, l-uffiċjali li jaqgħu fil-kategorija ta’ etajiet inkwistjoni u li għalhekk huma potenzjalment suġġetti għall-miżura prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jkunu suġġetti, kontra r-rieda tagħhom, għal bidla fil-pożizzjoni amministrattiva tagħhom fis-sens li ma jibqgħux f’“imjieg attiv” fis-sens tal-Artikolu 36 tar-Regolamenti tal-Persunal u jsibu ruħhom fuq “leave fl-interess tas-servizz”. Barra minn hekk, dawn l-uffiċjali ma jibqgħux jibbenefikaw mill-evoluzzjoni tal-karrieri tagħhom sa fejn, skont il-punt (b) tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ma jibqgħux intitolati sabiex jipparteċipaw fl-avvanzament lejn skala ogħla u fil-promozzjoni fil-grad. |
|
88 |
L-uffiċjali li ma humiex suġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ma jsofrux minn żvantaġġi bħal dawn fuq il-livell tal-karriera tagħhom. |
|
89 |
Barra minn hekk, l-uffiċjali li jinħargu fuq leave fl-interess tas-servizz ibatu inkontestabbilment tnaqqis fid-dħul professjonali tagħhom li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li huma ma jibqgħux jirċievu s-salarju bażiku, peress li dan jinbidel f’kumpens previst fis-seba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din id-dispożizzjoni, dan il-kumpens huwa kkalkolat konformement mal-Anness IV tar-Regolamenti tal-Persunal, li jfisser li l-uffiċjali li jinħarġu fuq leave fl-interess tas-servizz jirċievu matul l-ewwel tliet xhur tal-applikazzjoni tal-miżura, allowance fix-xahar li hija daqs is-salarju bażiku tagħhom, mir-raba’ sas-sitt xahar tal-applikazzjoni tal-miżura allowance fix-xahar ta’ 85 % tas-salarju bażiku, u mis-seba’ xahar sat-tmiem tal-leave, jiġifieri sakemm jilħqu l-età tal-irtirar, allowance ta’ kull xahar ta’ 70 % tas-salarju bażiku. Skont id-disa’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ebda koeffiċjent ta’ korrezzjoni ma għandu jkun applikabbli fuq dan il-kumpens. Barra minn hekk, id-dannu finanzjarju msemmi iktar ’il fuq huwa potenzjalment aggravat mill-fatt li l-uffiċjali kkonċernati ma jibqgħux intitolati sabiex javvanzaw għal skala ogħla jew għal promozzjoni fil-grad, kif diġà ġie nnotat. |
|
90 |
L-uffiċjali li ma jaqgħux fil-kategorija ta’ età inkwistjoni u li, għaldaqstant, ma jistgħux ikunu suġġetti għall-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jsofrux l-iżvantaġġi finanzjarji identifikati fil-punt 89 iktar ’il fuq. |
|
91 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. |
c) Fuq l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
|
92 |
Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din tal-aħħar għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. |
|
93 |
Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, hija prevista minn “liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sa fejn din id-dispożizzjoni toriġina mir-Regolament Nru 1023/2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 37). |
|
94 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament imsemmija iktar ’il fuq tikkonċerna kwistjoni ta’ portata limitata fil-kuntest tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, li hija dik ta’ ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz ta’ ċerti uffiċjali li jissodisfaw numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom dik relatata mal-età. Konsegwentement, din id-differenza fit-trattament “tirrispetta l-essenza” tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
95 |
Sabiex tiġi kkorroborata din il-konklużjoni, għandu jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li n-numru totali ta’ uffiċjali li jinħarġu fuq il-leave fl-interess tas-servizz kull sena ma għandux ikun ta’ iktar minn 5 % tan-numru totali ta’ uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha li rtiraw matul is-sena preċedenti. B’hekk, jirriżulta li, fid-dawl ta’ dan il-limitu massimu u tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, previsti fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, in-numru annwali ta’ uffiċjali li jistgħu jinħarġu fuq leave fl-interess tas-servizz huwa limitat ħafna, kif jirriżulta wkoll mit-tweġibiet bil-miktub tal-Kunsill u tal-Parlament għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali. Bħala eżempju, il-Kunsill indika li, fi ħdanu, erba’ uffiċjali nħarġu fuq leave fl-interess tas-servizz matul kull sena bejn l-2015 u l-2017 minn total ta’ 2757 uffiċjal fis-servizz tal-Kunsill fil-31 ta’ Diċembru 2017. |
|
96 |
Il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jippermettu li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, humiex issodisfatti f’dan il-każ. Dawn il-kundizzjonijiet huma dik dwar l-eżistenza ta’ għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni li huwa ssodisfatt mid-differenza fit-trattament u dik dwar il-proporzjonalità. |
1) Fuq il-kwistjoni jekk id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tissodisfax għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni
|
97 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Parlament, essenzjalment isostni li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, issegwi tliet għanijiet ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Fl-ewwel lok, din id-differenza fit-trattament issegwi l-għan tal-ottimizzazzjoni tal-investiment tal-istituzzjonijiet fir-rigward tat-taħriġ professjonali billi tippermettilhom jiffokaw l-investiment tagħhom fuq l-uffiċjali li jkun fadlilhom perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar. Fit-tieni lok, id-differenza fit-trattament imsemmija iktar ’il fuq issegwi l-għan ta’ akkumpanjament tal-uffiċjali li jkunu waslu sabiex jirtiraw u li la jirnexxilhom jiksbu kompetenzi ġodda u lanqas ma jirnexxilhom jadattaw għal bidliet fl-ambjent tax-xogħol tal-istituzzjonijiet. Fit-tielet lok, din id-differenza fit-trattament issegwi, essenzjalment, l-għan taż-żamma ta’ struttura tal-età bbilanċjata bejn uffiċjali ta’ età iżgħar u uffiċjali ta’ età ikbar, li tiffavorixxi, min-naħa tagħha, ir-reklutaġġ u l-promozzjoni tal-imsemmija uffiċjali ta’ età iżgħar, l-iskambju ta’ esperjenza u l-innovazzjoni kif ukoll id-diversità ġeografika. |
|
98 |
Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza tat-tliet għanijiet imsemmija iktar ’il fuq. Hija ssostni li l-uniku għan imfittex mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa dak tat-tnaqqis tal-ispejjeż u tal-persunal tal-istituzzjonijiet “billi jeħilsu” mill-uffiċjali li jinsabu l-eqreb għall-irtirar u li jibbenefikaw minn remunerazzjoni għolja. Issa, dan l-għan ma jikkostitwixxix għan leġittimu ta’ “politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li jiġġustifika d-differenza fit-trattament abbażi tal-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
99 |
Fl-ewwel lok, jeħtieġ li tiġi vverifikata l-eżistenza tal-għanijiet invokati mill-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u, jekk ikun il-każ, il-kuntest ġenerali tiegħu li jippermetti li jiġi identifikat l-għan li huwa l-bażi tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita minnu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punti 56 u 57; tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 39; u tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687, punt 58). |
|
100 |
F’dak li jikkonċerna l-ewwel għan invokat, dak tal-ottimizzazzjoni tal-investiment fit-taħriġ professjonali, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”. Ir-referenza għal “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” turi r-rabta bejn id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq u t-taħriġ professjonali. |
|
101 |
Sussegwentement, mill-proċess u, b’mod partikolari, mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013 jirriżulta li r-Regolament Nru 1023/2013 u, għaldaqstant, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ġew adottati f’kuntest ta’ dixxiplina baġitarja tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea, ta’ rieda tal-Istati Membri li jtejbu l-effiċjenza u l-prestazzjoni tagħha u ta’ tnaqqis progressiv tal-persunal tal-istituzzjonijiet b’5 % għall-perijodu 2013–2017. |
|
102 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 1, 3, 7 u 12 tar-Regolament Nru 1023/2013 jenfasizzaw, l-ewwel nett, il-ħtieġa għall-Unjoni li tkun mgħammra b’amministrazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja (premessa 1) li tkun kapaċi twettaq il-kompiti mogħtija lill-istituzzjonijiet f’kuntest ta’ tnaqqis fil-persunal (premessa 3); it-tieni nett, il-ħtieġa ta’ ottimizzazzjoni fil-ġestjoni tar-riżorsi umani (premessa 7); u, it-tielet nett, filwaqt li tirreferi għall-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Kunsill Ewropew, il-ħtieġa ta’ titjib fl-effettività u fl-effiċjenza, il-bżonn ta’ adattament għat-tibdil fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi u sforz sabiex jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn in-nefqa u l-effiċjenza (premessa 12). |
|
103 |
Il-premessi msemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 1023/2013 juru r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jilħaq l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tan-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea f’termini ta’ bilanċ bejn in-nefqa u l-effiċjenza, u li jippermetti għalhekk li jinżamm il-livell ta’ kwalità għolja ta’ din l-amministrazzjoni u li jippermetti, fl-aħħar mill-aħħar, li l-Unjoni tilħaq l-għanijiet tagħha, timplimenta l-politiki tagħha u twettaq il-missjonijiet tagħha f’kuntest ta’ dixxiplina baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni u tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 100 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza tal-għan ta’ ottimizzazzjoni tal-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali tal-uffiċjali, segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, hija stabbilita. |
|
104 |
Fit-tieni lok, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi vverifikata l-eżistenza taż-żewġ għanijiet l-oħra invokati mill-istituzzjonijiet, għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel għan invokat, li l-eżistenza tiegħu ġiet stabbilita, jikkostitwixxix għan “ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
|
105 |
L-ewwel għan invokat jikkonċerna, essenzjalment, il-ġestjoni tajba tal-fondi pubbliċi f’termini ta’ bilanċ bejn in-nefqa u l-effiċjenza, f’kuntest ta’ dixxiplina baġitarji u ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 310(5) TFUE, il-baġit tal-Unjoni għandu jiġi implimentat skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Barra minn hekk, l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1) jipprovdi li l-approprjazzjonijiet għandhom jintużaw f’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, jiġifieri skont il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja. It-tieni subpargrafu tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 966/2012 jippreċiża li l-prinċipju ta’ effiċjenza jikkonċerna l-aqwa relazzjoni bejn ir-riżorsi użati u r-riżultati miksuba. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura, permezz tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ottimizzazzjoni tal-infiq tal-istituzzjonijiet fir-rigward tat-taħriġ professjonali jikkostitwixxi għan “ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni”. |
|
106 |
Barra minn hekk, sa fejn l-ewwel għan invokat jikkonċerna l-politika ta’ taħriġ professjonali tal-istituzzjonijiet, huwa jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li jsemmi, fost l-għanijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età imposti minn miżuri nazzjonali, dak tat-taħriġ professjonali. Minn dan isegwi li, abbażi wkoll tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq, li tikkostwixxi sors ta’ ispirazzjoni għad-determinazzjoni tal-obbligi tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-każ (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), l-ewwel għan invokat jikkostitwixxi għan ta’ “interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punti 42 u 43). |
|
107 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkorrispondi għal, mill-inqas, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
|
108 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti espost fil-punt 98 iktar ’il fuq. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni, imqajma minn dan l-argument, dwar jekk l-għan ta’ tnaqqis tal-ispejjeż u tal-persunal tal-istituzzjonijiet jistax jikkostitwixxi, bħala tali, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma turix li dan jikkostitwixxi l-uniku għan segwit mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’, mill-inqas, għan leġittimu ieħor segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan il-każ l-għan ta’ ottimizzazzjoni tal-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali tal-uffiċjali, ġiet stabbilita. |
|
109 |
Peress li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tissodisfa, mill-inqas, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 39). |
2) Fuq il-proporzjonalità
|
110 |
L-eżami tal-proporzjonalità tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jimplika li jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan il-għan (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 44). |
|
111 |
F’dan ir-rigward, b’analoġija mal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lil-leġiżlatur nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg (sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 68; tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 51; u tad-9 ta’ Settembru 2015, Unland, C‑20/13, EU:C:2015:561, punt 57), għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu għan ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Fid-dawl ta’ dan il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ tal-qorti għandu jirrigwarda, f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk jidhirx li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tista’ tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu invokat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 72; tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 70; u tad-9 ta’ Settembru 2015, Unland, C‑20/13, EU:C:2015:561, punt 65). |
|
112 |
F’dak li jikkonċerna l-ewwel għan invokat, dwar l-ottimizzazzjoni tal-investimenti relatati mat-taħriġ professjonali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ġie adottat f’kuntest ta’ dixxiplina baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet. Kif jirriżulta mill-proċess, dan jirrigwarda tnaqqis progressiv tal-persunal b’5 % għall-perijodu 2013–2017, li huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji kollha tal-Unjoni. Id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq ġiet adottata wkoll f’kuntest ta’ rieda li tittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea fir-rigward tal-bilanċ bejn in-nefqa u l-effiċjenza, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 1023/2013. |
|
113 |
Il-Kunsill ippreċiża li, f’kuntest bħal dan, u sabiex jiġu żgurati l-missjonijiet li qegħdin jevolvu b’numru dejjem inqas ta’ persunal, l-istituzzjonijiet għandhom jimmodifikaw il-metodi ta’ ħidma tagħhom u huwa meħtieġ li l-uffiċjali jadattaw u jiżviluppaw kompetenzi ġodda regolarment. Ma’ dawn iċ-ċirkustanzi jiżdiedu wkoll il-possibbiltajiet offerti permezz tal-kompjuterizzazzjoni u d-dematerjalizzazzjoni tal-proċeduri, li jwasslu għal tnaqqis fil-ħtiġijiet f’dak li jikkonċerna l-impjieg ta’ persunal inqas ikkwalifikat. Dawn iċ-ċirkustanzi kollha jobbligaw lill-istituzzjonijiet sabiex jinvestu b’mod qawwi fit-taħriġ kontinwu tal-uffiċjali tagħhom. |
|
114 |
Il-Kunsill sostna li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lill-istituzzjonijiet jiffokaw l-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali fuq l-uffiċjali li għad fadlilhom tul ta’ karriera raġonevoli qabel l-irtirar u joffru forma ta’ rtirar kmieni lill-uffiċjali fit-tmiem tal-karriera tagħhom. |
|
115 |
Fil-fatt, ma jistax jiġi kkontestat li, fil-preżenza ta’ ħtiġijiet ta’ akkwist ta’ kompetenzi ġodda mill-uffiċjali u, għaldaqstant, tal-ħtieġa għall-istituzzjonijiet li jinvestu fit-taħriġ professjonali f’kuntest ta’ dixxiplina baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal, il-ħruġ fuq leave tal-uffiċjali li qegħdin joqorbu lejn l-età tal-irtirar jillibera fondi marbuta mat-taħriġ professjonali tagħhom li jistgħu jiġu allokati għat-taħriġ professjonali tal-uffiċjali ta’ età iżgħar, li għandhom quddiemhom karriera itwal fi ħdan l-istituzzjonijiet. Minn dan isegwi li dan il-leave jikkontribwixxi għall-ottimizzazzjoni tal-investimenti relatati mat-taħriġ professjonali, peress li jservi sabiex jittejjeb il-bilanċ bejn l-ispejjeż relatati ma’ dawn l-investimenti u l-benefiċċji miksuba mill-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li jibbenefika minnu l-leġiżlatur tal-Unjoni (ara l-punt 111 iktar ’il fuq), id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jintlaħaq l-ewwel għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
116 |
F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk id-differenza fit-trattament imsemmija iktar ’il fuq tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, din għandha titqiegħed fil-kuntest leġiżlattiv li tinsab fih u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dannu li hija tista’ tikkawża lill-uffiċjali kkonċernati u kemm il-benefiċċji li jiksbu permezz tagħha, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 53). |
|
117 |
Fir-rigward tal-benefiċċji miksuba mill-istituzzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-ottimizzazzjoni tal-investimenti relatati mat-taħriġ professjonali, prevista mid-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, tgħin sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu, fl-aħħar mill-aħħar, ikomplu jwettqu l-missjonijiet tagħhom f’kuntest ta’ dixxiplina baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal. |
|
118 |
Barra minn hekk, meta d-differenza fit-trattament imsemmija iktar ’il fuq titqiegħed fil-kuntest tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod ġenerali, għandu jiġi osservat li l-ħruġ ta’ uffiċjal fuq leave fl-interess tas-servizz huwa, fl-aħħar mill-aħħar, strument għall-ġestjoni tal-persunal li qiegħed għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet, sa fejn jikkostitwixxi pożizzjoni amministrattiva addizzjonali li fiha l-uffiċjali jistgħu jitqiegħdu, minbarra l-pożizzjonijiet amministrattivi l-oħra li huma, skont l-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-impjieg attiv, l-issekondar, il-leave minħabba raġunijiet personali, id-disponibbiltà, il-leave għal servizz militari u l-leave tal-ġenituri jew tal-familja. |
|
119 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ma jeżistux dispożizzjonijiet fir-Regolamenti tal-Persunal li jikkostitwixxu “alternattivi” għall-miżura prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, u sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-inkompetenza professjonali, għandu jiġi nnotat li din id-dispożizzjoni hija maħsuba sabiex jiġi kkonstatat u ssanzjonat it-twettiq mhux sodisfaċenti tal-kompiti minn uffiċjal u topera b’mod indipendenti mill-kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess tas-servizz, filwaqt li l-miżura adottata skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal topera fl-interess tas-servizz. |
|
120 |
Bħala għodda addizzjonali ta’ ġestjoni tal-persunal, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa, ipso facto, ta’ benefiċċju għall-istituzzjonijiet. |
|
121 |
Fir-rigward tad-dannu kkawżat lill-uffiċjali kkonċernati, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 87 sa 89 iktar ’il fuq. |
|
122 |
Fl-istess ħin, għandu jiġi nnotat, kif isostni wkoll ġustament il-Kunsill, li dawn l-uffiċjali jinħarġu fuq leave fl-interessi tas-servizz taħt kundizzjonijiet finanzjarji raġonevoli. Fil-fatt, hemm lok, partikolarment, li jitfakkar li l-uffiċjali jirċievu allowance ta’ kull xahar sat-tmiem tal-leave li l-kalkolu tagħha, li huwa ppreċiżat fil-punt 89 iktar ’il fuq, ma huwiex ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali bħala mhux raġonevoli. Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tmien paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali kkonċernati jistgħu jkomplu jikkontribwixxu fl-iskema tal-pensjoni u jżidu, b’hekk, l-ammont tal-pensjoni tagħhom. Il-kundizzjoni dwar l-għaxar snin ta’ anzjanità, prevista mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkontribwixxi wkoll għan-natura proporzjonali tal-miżura prevista minn din id-dispożizzjoni, sa fejn, kif innota ġustament il-Parlament, twassal sabiex tirriżerva l-applikazzjoni ta’ din il-miżura għal uffiċjali li għandhom livell ta’ paga u ta’ drittijiet għall-pensjoni li huwa tali li jnaqqas l-iżvantaġġi finanzjarji tal-ħruġ fuq leave. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-miżura prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għal sensiela ta’ kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni; it-tieni nett, li l-adozzjoni tagħha ma hijiex obbligatorja għall-istituzzjonijiet, li għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ din l-adozzjoni; u, it-tielet nett, li l-għadd totali ta’ uffiċjali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ din il-miżura huwa limitat għal 5 % tat-total tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha li rtiraw matul is-sena preċedenti (ara l-punt 95 iktar ’il fuq). |
|
123 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jinsabu fil-punti 117 sa 122 iktar ’il fuq, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis neċessarju li jipprevedi l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz għall-uffiċjali biss li jaqgħu fil-kategorija ta’ etajiet inkwistjoni u mhux għall-uffiċjali li ma jaqgħux f’din il-kategorija, bl-iskop li jintlaħaq l-għan leġittimu li jiġu ottimizzati l-investimenti relatati mat-taħriġ professjonali. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, hija proporzjonali għall-ewwel għan leġittimu invokat. |
|
124 |
Sa fejn il-proporzjonalità tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ġiet stabbilita fir-rigward tal-ewwel għan leġittimu invokat, għandu jiġi konkluż li din id-differenza fit-trattament, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tmurx kontra l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata kontra l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi miċħuda. |
2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-KP 71/15 kif ukoll fuq żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni
|
125 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u l-KP 71/15 u li hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u bi żbalji ta’ fatt. F’dan il-kuntest, hija tikkontesta, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-“ħtiġijiet organizzattivi”, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm fi ħdan l-UŻP u kemm fi ħdan is-SĠK kollu, u ssostni li l-Kunsill baqa’ ma weriex kif l-allegati bidliet fil-metodi ta’ ħidma tas-SĠK wasslu għal iktar diffikultajiet ta’ adattament għaliha milli għal kull uffiċjal ieħor tal-istituzzjoni. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha ma jurux nuqqas ta’ kapaċità ta’ adattament min-naħa tagħha għal rekwiżiti ġodda tas-servizz. |
|
126 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jitlob li dan l-ilment jiġi miċħud. |
a) Fuq id-determinazzjoni tal-kuntest ġuridiku applikabbli f’dan il-każ u fuq l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju
|
127 |
Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi b’mod espliċitu li l-ħruġ fuq leave tal-uffiċjali kkonċernati għandu jsir fl-interess tas-servizz. Huwa jipprevedi wkoll, bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tiegħu, l-eżistenza ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda fi ħdan l-istituzzjonijiet”. |
|
128 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, permezz tal-KP 71/15, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ipprovda informazzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal minn din l-istituzzjoni. Minn din il-komunikazzjoni u mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti fil-kuntest tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment (ara, b’mod partikolari, il-punt 29 ta’ din id-deċiżjoni) jirriżulta li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ elementi li ġejjin: minn naħa, il-kunsiderazzjoni tal-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” fi ħdan l-istituzzjoni, fis-sens li jevalwa jekk l-istituzzjoni għandhiex tadatta u timmodernizza l-metodi ta’ ħidma tagħha u l-organizzazzjoni tagħha u jekk din il-modernizzazzjoni teħtieġx l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda min-naħa tal-uffiċjali kkonċernati, u, min-naħa l-oħra, jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità tal-imsemmija uffiċjali sabiex jakkwistaw tali kompetenzi u sabiex jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol. |
|
129 |
Fil-punt 29(ii) tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, il-Kunsill ippreċiża li l-evalwazzjoni tat-tieni element identifikat fil-punt 128 iktar ’il fuq kienet tinvolvi neċessarjament element ta’ tbassir fis-sens li jrid jiġi evalwat, fuq il-bażi tal-informazzjoni li jkollha l-Awtorità tal-Ħatra meta hija tieħu deċiżjoni, jekk huwiex raġonevoli li wieħed jassumi li l-uffiċjali kkonċernati ser ikollhom diffikultajiet sabiex jadattaw għall-evoluzzjoni sussegwenti tal-ambjent tax-xogħol. |
|
130 |
Mill-kuntest ġuridiku, ikkostitwit f’dan il-każ mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal kif speċifikat permezz tal-KP 71/15, li torbot lill-Kunsill, jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ elementi identifikati fil-punt 128 iktar ’il fuq hija evalwazzjoni prospettiva. |
|
131 |
Ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal imwettqa mill-Kunsill. Minn naħa, hija ssostni li dan, abbażi tal-KP 71/15, żnatura lil din id-dispożizzjoni billi ppreveda li l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz ser japplika għall-“uffiċjali li għandhom xi diffikultajiet sabiex jiksbu kompetenzi ġodda u sabiex jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent fix-xogħol”. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, minħabba dan l-iżnaturament illegali, ir-raġunament tal-Kunsill, ippreżentat fil-punt 83 tar-risposta, li jipprovdi li dan jikkonċerna “l-evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ uffiċjal sabiex jakkwista kompetenzi ġodda u jadatta ruħu għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol”, għandu wkoll jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet mhux awtorizzati mill-kliem tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
132 |
Dan l-argument tar-rikorrenti jeżiġi li jkun hemm stħarriġ tal-kompatibbiltà tal-approċċ tal-Kunsill, kif deskritt fil-KP 71/15 u kif iċċarat fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, man-norma ogħla li jikkostitwixxi l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, Barnett vs KESE, F‑20/14, EU:F:2015:107, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
133 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal fih referenza espliċita għall-“interess tas-servizz”. Kif ippreċiża l-Kunsill fil-kuntest tat-tweġiba bil-miktub tiegħu għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, imsemmija wkoll minn dan l-artikolu, huma aspett speċifiku tal-interess tas-servizz. |
|
134 |
Sa fejn il-“ħtiġijiet organizzattivi” huma marbuta mal-“akkwist ta’ kompetenzi ġodda” u jikkostitwixxu biss aspett speċifiku tal-interess tas-servizz fil-kuntest tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi konkluż li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprekludix li l-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni, abbażi tal-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, il-kapaċità tal-uffiċjali kkonċernati “sabiex jiksbu kompetenzi ġodda u sabiex jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent fix-xogħol”, skont il-KP 71/15. |
|
135 |
Dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element partikolari għall-uffiċjali kkonċernati lanqas ma huwa kuntrarju għar-ratio legis tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, peress li ġie stabbilit li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li jiġu ottimizzati l-investimenti tal-istituzzjonijiet relatati mat-taħriġ professjonali f’termini ta’ bilanċ bejn in-nefqa u l-effiċjenza, jidher li huwa kompatibbli ma’ dan l-għan li l-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ispejjeż tal-investimenti relatati mat-taħriġ professjonali, il-kapaċità tal-uffiċjali kkonċernati sabiex jiksbu kompetenzi ġodda u sabiex jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element partikolari għall-uffiċjali kkonċernati jidher ukoll iġġustifikat mill-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ twassal għal konsegwenzi sfavorevoli għalihom u tista’ tiġi imposta kontra r-rieda tagħhom (ara l-punti 87 sa 89 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element partikolari għall-uffiċjali kkonċernati jrendi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni inqas riġida. |
|
136 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-evalwazzjoni mill-Kunsill tal-kapaċità tal-uffiċjali kkonċernati sabiex jakkwistaw għarfien ġdid u jadattaw għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol hija kompatibbli mal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
137 |
Barra minn hekk, sa fejn din l-evalwazzjoni titwettaq fit-tfittxija tal-interess tas-servizz, hija għandha bilfors tiffoka fuq il-kapaċità fil-futur (potenzjali) tal-uffiċjali kkonċernati sabiex jakkwistaw kompetenzi ġodda u jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol u għandha tinkludi, għaldaqstant, element ta’ tbassir, bħalma sostna ġustament il-Kunsill. Fil-każ kuntrarju, din l-evalwazzjoni ma ssegwix l-interess tas-servizz. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż ukoll li l-element ta’ tbassir li hemm fl-evalwazzjoni tat-tieni element identifikat fil-punt 128 iktar ’il fuq huwa kompatibbli mal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
138 |
Mill-kuntest ġuridiku kkostitwit mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-KP 71/15 jirriżulta li l-Kunsill kellu, f’dan il-każ, l-obbligu li jevalwa żewġ elementi skont il-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-ħtiġijiet organizzattivi futuri tal-istituzzjoni li jeħtieġu l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda u, fit-tieni lok, il-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista l-kompetenzi ġodda identifikati minn qabel, bil-għan li jiġi evalwat, fl-aħħar mill-aħħar, il-bilanċ bejn in-nefqa u l-effiċjenza li jirrappreżenta l-investiment dwar it-taħriġ professjonali tar-rikorrenti, konformement mal-għan segwit mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
139 |
F’dak li jikkonċerna l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni tal-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, ir-rikorrenti kkontestat il-kunsiderazzjoni magħmula fil-punt 27 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment li tipprovdi li l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont ir-rikorrenti, minħabba l-fatt li l-miżura adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni għandha konsegwenzi dannużi għall-uffiċjali kkonċernati, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din il-miżura għandu jkun stħarriġ fil-fond. |
|
140 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” jikkostitwixxu aspett speċifiku tal-interess tas-servizz fil-kuntest tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw l-interess tas-servizz, ikun xi jkun l-eżami li fil-kuntest tiegħu jew id-deċiżjoni li għaliha jrid jittieħed inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2018, Barnett vs KESE, T‑23/17, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2018:271, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, tali setgħa diskrezzjonali wiesgħa ġiet irrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet fir-rigward tax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, EU:T:2000:292, punt 53). Minn dan isegwi li, anki jekk tiġi segwita l-loġika tal-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 139 iktar ’il fuq, ma hemm l-ebda raġuni sabiex ma tiġix irrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz ma jirriżultax, għall-uffiċjali kkonċernati, f’konsegwenzi iktar diffiċli minn dawk ikkawżati minn xoljiment bikri ta’ kuntratt ta’ xogħol. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, kif osserva wkoll ġustament il-Kunsill, l-interess tal-uffiċjal ikkonċernat ma jikkostitwixxix element li jiddetermina l-portata tal-marġni diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni minnha skont id-dmir ta’ premura tagħha. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti msemmi fil-punt 139 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud. |
|
141 |
Mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-amministrazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax iddaħħal inkwistjoni din l-applikazzjoni ħlief fil-każ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, ta’ ineżattezza materjali jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, EU:T:2000:292, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Mejju 2018, Barnett vs KESE, T‑23/17, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2018:271, punti 36 u 38). |
b) Fuq l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi fil-futur
|
142 |
Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li mill-proċess jirriżulta li l-Kunsill evalwa, f’dan il-każ, il-ħtiġijiet organizzattivi mhux biss tal-unità li fiha r-rikorrenti kienet assenjata, jiġifieri l-UŻP, iżda wkoll dawk tal-istituzzjoni kollha, jiġifieri tas-SĠK kollu. Ir-rikorrenti kkontestat dan l-approċċ tal-Kunsill u sostniet li l-allegati ħtiġijiet organizzattivi li jiġġustifikaw deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu marbuta biss mal-unità fejn l-uffiċjali kkonċernati huma assenjati. Jekk dan ma jkunx il-każ, ikun hemm riskju ta’ arbitrarjetà eżerċitata mill-istituzzjonijiet. |
|
143 |
Din l-analiżi tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda. L-ewwel nett, hija ma ssibx sostenn mill-formulazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li jagħmel referenza għal “ħtiġijiet organizzattivi […] fi ħdan l-istituzzjonijiet”. Barra minn hekk, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li jibbenefika minnha l-Kunsill f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-interess tas-servizz, l-approċċ li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, mhux biss tal-ħtiġijiet organizzattivi tal-UŻP, iżda wkoll dawk tas-SĠK kollu, ma huwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, il-Kunsill spjega, mingħajr ma ġie kkontestat, li r-rikorrenti tokkupa pożizzjoni ġenerali u hija, għaldaqstant, tista’ tiġi assenjata, għall-ħtiġijiet organizzattivi u fl-interess tas-servizz, f’pożizzjoni barra mill-UŻP jew mid-Direttorat Ġenerali tal-Amministrazzjoni. Bħala konsegwenza, minħabba dan il-potenzjal ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti, il-Kunsill ma wettaqx żball manifest meta evalwa l-ħtiġijiet organizzattivi mhux biss tal-UŻP, iżda wkoll ta’ dawk tas-SĠK kollu. |
|
144 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta li l-Kunsill wera, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ ħtiġijiet organizzattivi futuri fil-livell tal-UŻP u tas-SĠK kollu. Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-ħtiġijiet organizzattivi fil-livell tal-UŻP, hija ssostni, b’mod partikolari, li t-tranżizzjoni minn sistema kompjuterizzata għal oħra ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, bidla “sostanzjali”, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Kunsill fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, peress li hija l-kompjuterizzazzjoni bħala tali li tikkostitwixxi tali bidla. Issa, skont ir-rikorrenti, din il-kompjuterizzazzjoni kienet diġà seħħet fi ħdan l-UŻP. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll ir-rilevanza, f’dak li jikkonċernaha, tal-bidliet fil-metodi ta’ ħidma fis-SĠK, invokati mill-Kunsill, u takkuża lil dan tal-aħħar li ma spjegax b’liema mod dawn il-bidliet jaffettwawha speċifikament. Fil-fatt, huwa l-Kunsill li għandu juri, minbarra r-realtà tar-riformi, li dawn ser iwasslu għal problemi għar-rikorrenti sabiex takkwista kompetenzi ġodda u tadatta ruħha għalihom. |
|
145 |
Mill-punt 10(a) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kunsill identifika, abbażi tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri tal-UŻP, l-introduzzjoni ta’ metodi u ta’ proċeduri awtomatizzati, bħall-politika ta’ arkivjar elettroniku, u d-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-kompiti u tal-proċeduri. Barra minn hekk, fil-punt 30 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, ġie speċifikat li l-UŻP ilu jaħdem mix-xahar ta’ Novembru 2014, mill-inqas, fuq proġett li jipprevedi s-sostituzzjoni tal-għodda Ariane b’dik tal-Kummissjoni Ewropea, li jisimha Sysper, u fuq l-implimentazzjoni tal-għodda komuni Learning Management System. Din l-informazzjoni hija kkorroborata b’mod partikolari min-nota tal-Kap tal-UŻP tat-18 ta’ Novembru 2015 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). |
|
146 |
Fil-punt 10(d) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ippreċiża, b’mod partikolari, li s-servizzi kollha tas-SĠK kienu affettwati mill-evoluzzjoni kostanti fil-qasam tal-informatika. Fil-punt 31 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill spjega li diversi bidliet fil-metodi ta’ ħidma saru jew għadhom qegħdin isiru fis-SĠK, li għalihom il-persunal tas-SĠK, u b’mod partikolari l-persunal AST, kellhom jadattaw ruħhom. Dawn il-bidliet kienu jikkonsistu f’iktar kompjuterizzazzjoni tal-metodi ta’ ħidma, b’mod partikolari bis-sostituzzjoni tal-aġendi stampati bis-sistema Outlook, bil-finalizzazzjoni tat-testi permezz ta’ track-changes, bid-distribuzzjoni tat-testi permezz ta’ posta elettronika minflok posta interna u bis-sostituzzjoni tal-formoli fuq il-karta b’formoli elettroniċi. |
|
147 |
Mill-elementi preċedenti jirriżulta li l-Kunsill kien evalwa f’dan il-każ il-ħtiġijiet organizzattivi futuri tal-UŻP u tas-SĠK fit-totalità tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqitx elementi ta’ informazzjoni preċiżi u speċifiċi sabiex tikkontesta r-realtà ta’ dawn il-ħtiġijiet organizzattivi u sabiex turi l-eżistenza ta’ żbalji ta’ fatt jew ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. B’mod partikolari, l-allegazzjoni tagħha li tipprovdi li hija ma kinitx informata bl-eżistenza ta’ ħtiġijiet organizzattivi ġodda fi ħdan l-UŻP, ma turix in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dawn il-ħtiġijiet ġodda. Barra minn hekk, din l-allegazzjoni hija infondata sa fejn il-Kunsill ipproduċa quddiem il-Qorti Ġenerali d-dokumenti msemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 8 u 9 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment li juru li r-rikorrenti kienet ġiet informata bl-eżistenza ta’ proġetti tal-informatika li jaffettwaw l-UŻP, imsemmija fil-punt 145 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma rnexxilhiex iddaħħal inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Kunsill tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri. |
|
148 |
Sussegwentement, għandu jsir stħarriġ tal-legalità tal-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista l-kompetenzi ġodda meħtieġa u sabiex tadatta għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol. F’dan ir-rigward, l-argumenti tar-rikorrenti, ippreżentati fil-punt 144 iktar ’il fuq, dwar in-natura u l-importanza tar-riformi fi ħdan l-UŻP u tar-rilevanza tar-riformi tas-SĠK fil-konfront tagħha, ser jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan l-eżami, sa fejn dawn l-argumenti jimplikaw ibbilanċjar bejn il-ħtiġijiet organizzattivi u l-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista l-kompetenzi ġodda meħtieġa u sabiex tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol. |
c) Fuq il-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista kompetenzi ġodda u sabiex tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol
|
149 |
[kunfidenzjali] |
|
150 |
[kunfidenzjali] |
|
151 |
[kunfidenzjali] |
|
152 |
[kunfidenzjali] |
|
153 |
[kunfidenzjali] |
|
154 |
[kunfidenzjali] |
|
155 |
[kunfidenzjali] |
|
156 |
[kunfidenzjali] |
|
157 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-approċċ tal-Kunsill li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha għas-snin 2011 u 2012. Skont ir-rikorrenti, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn ir-rapporti ma kienx rilevanti peress li, minn naħa, huma kienu iktar antiki mir-rapporti ta’ evalwazzjoni għas-snin 2013 u 2014, li kienu ta’ kwalità tajba, u, min-naħa l-oħra, hija kienet ġiet assenjata mill-ġdid mill-1 ta’ April 2013. Skont ir-rikorrenti, il-kapaċità ta’ adattament tagħha kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-funzjonijiet reali tagħha u fir-rigward tal-ħtiġijiet reali tas-servizz u mhux fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-passat jew ipotetiċi. |
|
158 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kunsill tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti għas-snin 2011 u 2012, li, barra minn hekk, il-kontenut tagħhom ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti, ma huwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, għalkemm dawn ir-rapporti huma, ċertament, inqas rilevanti minn dawk l-iktar reċenti, xorta jibqa’ l-fatt li, b’mod ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ rapporti li jikkonċernaw diversi snin ta’ xogħol tal-uffiċjali kkonċernati, u mhux biss sena jew sentejn, jippermetti li wieħed jista’ jasal għal konklużjonijiet iktar konkreti fir-rigward tal-kapaċitajiet tagħhom ta’ adattament għall-bidliet fl-ambjent tax-xogħol. |
|
159 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha għas-snin 2013 u 2014 kienu ta’ kwalità tajba, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kompetenza “Adattament għall-ħtiġijiet tas-servizz”, u li l-Kunsill ipprova juża l-kritika rari f’dawn ir-rapporti sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata. Issa, din il-kritika ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità tagħha sabiex tadatta għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol. |
|
160 |
[kunfidenzjali] |
|
161 |
[kunfidenzjali] |
|
162 |
[kunfidenzjali] |
|
163 |
[kunfidenzjali] |
|
164 |
[kunfidenzjali] |
|
165 |
[kunfidenzjali] |
|
166 |
[kunfidenzjali] |
|
167 |
[kunfidenzjali] |
|
168 |
[kunfidenzjali] |
|
169 |
[kunfidenzjali] |
|
170 |
[kunfidenzjali] |
|
171 |
Fir-raba’ lok, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti espost fil-punt 144 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li mill-proċess ma jirriżultax li l-ħtiġijiet organizzattivi futuri tal-UŻP u tas-SĠK fit-totalità tiegħu kienu jikkonsistu f’bidla fl-ambjent tax-xogħol mhux ikkompjuterizzat għal ambjent tax-xogħol kompjuterizzat. Fi kliem ieħor, dawn il-ħtiġijiet organizzattivi ma implikawx tibdil radikali fil-metodi ta’ ħidma. Madankollu, fid-dawl tal-informazzjoni li għandu l-Kunsill dwar il-kompetenzi u l-attitudni professjonali tar-rikorrenti u li jkopru diversi snin u servizzi differenti, kif miġbura fil-qosor fil-punt 167 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill seta’, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, jippreżumi li r-rikorrenti kien ser ikollha diffikultajiet kbar sabiex tadatta għal xi bidliet ta’ metodi ta’ ħidma inqas radikali u li jikkonsistu fl-iżvilupp tas-sistemi tal-informatika. |
|
172 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista kompetenzi ġodda u sabiex tadatta għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol ma hijiex ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Minn dan isegwi li, fid-dawl ukoll tal-ilmenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-evalwazzjoni mill-Kunsill tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri, dan il-motiv għandu jiġi miċħud. |
3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ
|
173 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-dritt għal smigħ tagħha ġie miksur minħabba li n-nota tal-25 ta’ Novembru 2015 tad-Direttriċi RUAP ma ġietx ikkomunikata lilha matul il-proċedura prekontenzjuża. Din in-nota kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li ma kinitx taf b’din in-nota u lanqas bil-kontenut tagħha, ir-rikorrenti tafferma li ma setgħetx tiddefendi ruħha b’mod utli u effettiv qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
174 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jitlob li dan l-ilment jiġi miċħud. |
|
175 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata li tqiegħed lir-rikorrenti fuq leave fl-interess tas-servizz, kontra r-rieda tagħha, tikkostitwixxi mingħajr dubju att li jikkawżalha preġudizzju peress li din wasslet, b’mod partikolari, għal bidla fil-pożizzjoni amministrattiva tagħha u għall-waqfien tal-attività professjonali tagħha fi ħdan il-Kunsill u kkawżatilha dannu finanzjarju. Minn dan isegwi li l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni teħtieġ l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
176 |
Id-drittijiet tad-difiża, kif issa stabbiliti fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li, skont il-qorti tal-Unjoni, huma ta’ applikazzjoni ġenerali (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 84, u tal-11 ta’ Settembru 2013, L vs Il‑Parlament, T‑317/10 P, EU:T:2013:413, punt 81), ikopru, filwaqt li huma iktar estensivi, id-dritt proċedurali, previst fil-paragrafu 2(a) tal-imsemmi artikolu, ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed fil-konfront tagħha kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 31; u tal-5 ta’ Ottubru 2016, ECDC vs CJ, T‑395/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:598, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
177 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
178 |
Id-dritt għal smigħ mogħti lil kwalunkwe destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju għandu għan doppju: minn naħa, dan id-dritt iservi għall-istruttorja tal-proċess u għall-istabbiliment tal-fatti bl-iktar mod preċiż u korrett possibbli, u, min-naħa l-oħra, dan id-dritt jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa intiż b’mod partikolari li jiżgura li kwalunkwe deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’għarfien sħiħ tal-fatti u għandu b’mod partikolari l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkorreġi żball jew lill-persuna kkonċernata ssostni l-elementi marbuta mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw favur li d-deċiżjoni tittieħed jew ma tittiħidx jew li jkollha kontenut speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 49; tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 38; u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 37 u 59). |
|
179 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kawża preżenti, id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi adottata qabel ma r-rikorrenti kienet ngħatat l-opportunità li tippreżenta l-pożizzjoni tagħha b’mod utli u effettiv fir-rigward tal-elementi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni, fil-kuntest ta’ skambju bil-miktub jew orali mniedi mill-Awtorità tal-Ħatra, li għandha l-oneru tal-prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punt 47). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq kunsiderazzjonijiet dwar il-ħtiġijiet organizzattivi tal-UŻP u tas-SĠK fit-totalità tiegħu u dwar il-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista kompetenzi ġodda u sabiex tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol. Dawn il-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 4.1 sa 4.5 tan-nota tad-Direttriċi RUAP tal-25 ta’ Novembru 2015 li ma ġietx ikkomunikata lir-rikorrenti matul il-proċedura prekontenzjuża. Għandu jiġi vverifikat jekk dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ppreġudikax id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, kif issostni din tal-aħħar. |
|
180 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti kellha laqgħa mal-Kap tal-UŻP fit-12 ta’ Novembru 2015 u laqgħa mad-Direttriċi RUAP fil-25 ta’ Novembru 2015. Anki jekk ma jeżistux minuti ta’ dawn il-laqgħat, min-noti tat-18 ta’ Novembru 2015 u tal-25 ta’ Novembru 2015, imfassla rispettivament minn dawn iż-żewġ superjuri fil-ġerarkija tar-rikorrenti, jirriżulta li, matul dawn il-laqgħat, ir-rikorrenti kienet ġiet informata kemm bil-ħtiġijiet organizzattivi fi ħdan l-UŻP u s-SĠK, u kemm bir-raġunijiet li minħabba fihom l-amministrazzjoni qieset li ma kellhiex il-kapaċità li tadatta għall-bidliet fl-ambjent tax-xogħol. Ir-rikorrenti ma kkontestatx quddiem il-Qorti Ġenerali li hija rċeviet dawn iż-żewġ elementi ta’ informazzjoni matul dawn il-laqgħat. |
|
181 |
Fid-dawl tal-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ laqgħat, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti setgħet issostni, b’mod utli u effettiv, il-pożizzjoni tagħha dwar iż-żewġ elementi ta’ informazzjoni msemmija iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2015 indirizzati lill-Awtorità tal-Ħatra. Għalhekk, hija setgħet, b’mod partikolari, issostni li, fil-pożizzjoni tagħha, ma kienx hemm bidliet ippjanati fir-rigward ta’ softwer jew tal-metodu ta’ ħidma u setgħet tikkontesta, b’mod partikolari abbażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni għas-snin 2013 u 2014, il-kunsiderazzjonijiet tal-amministrazzjoni li jipprovdu li kellha xi diffikultajiet sabiex tikseb kompetenzi ġodda. |
|
182 |
Barra minn hekk, iż-żewġ laqgħat imsemmija iktar ’il fuq ippermettewlha ssostni b’mod utli u effettiv il-pożizzjoni tagħha matul is-smigħ tat-8 ta’ Diċembru 2015 mid-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra. |
|
183 |
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni lir-rikorrenti, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tan-nota tad-Direttiriċi RUAP tal-25 ta’ Novembru 2015 ma kisirx id-dritt għal smigħ tagħha. Din il-konklużjoni ma tiddaħħalx inkwistjoni mis-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2015, BP vs FRA (T‑658/13 P, EU:T:2015:356), invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, din il-kawża hija differenti mill-kawża li tat lok għas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, peress li, f’dan il-każ, bil-kontra ta’ din il-kawża tal-aħħar, ir-rikorrenti, minn naħa, kienet ġiet informata, matul iż-żewġ laqgħat imsemmija mas-superjuri fil-ġerarkija tagħha, bir-raġunijiet ewlenin li kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżura kontenzjuża fir-rigward tagħha u, min-naħa l-oħra, din instemgħet darbtejn mill-Awtorità tal-Ħatra qabel l-adozzjoni ta’ din il-miżura, kemm bil-miktub kif ukoll oralment. Issa, mill-fatti kif ippreżentati fil-punt 14 tas-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2015, BP vs FRA (T‑658/13 P, EU:T:2015:356), jirriżulta li r-rikorrenti f’din il-kawża ma kinitx ġiet informata bir-raġunijiet prinċipali li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżura kontenzjuża li kienet tikkonsisti, partikolarment, f’deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, qabel l-adozzjoni tagħha, u lanqas ma nstemgħet mill-Awtorità tal-Ħatra (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2015, BP vs FRA,T‑658/13 P, EU:T:2015:356, punt 62). |
|
184 |
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dan il-motiv għandu jiġi miċħud. |
4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba
|
185 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li n-nota tad-Direttriċi RUAP tal-25 ta’ Novembru 2015 ma ġietx ikkomunikata lilha jikkostitwixxi ksur tad-dmir ta’ premura min-naħa tal-Kunsill, sa fejn, billi ma kkomunikalhiex din in-nota, il-Kunsill ma tahiex l-opportunità li tesprimi ruħha fuq l-opportunitajiet tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’servizzi oħra tas-SĠK, li kienu possibbiltajiet allegatament eżaminati fin-nota msemmija iktar ’il fuq. |
|
186 |
[kunfidenzjali] |
|
187 |
[kunfidenzjali] |
|
188 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
189 |
Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-kunċett tad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, kif ġie żviluppat mill-ġurisprudenza, jirrifletti l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjoni u l-persunal tas-servizz pubbliku. Dan il-bilanċ jimplika b’mod partikolari li, meta tagħti deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-amministrazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz imma wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat (sentenzi tat-28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il-Kummissjoni, 33/79 u 75/79, EU:C:1980:139, punt 22, u tad-29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, EU:C:1994:273, punt 38). |
|
190 |
Fl-istess ħin, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rekwiżiti tad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni ma jistgħux jipprekludu lill-Awtorità tal-Ħatra milli tadotta l-miżuri li hija tqis neċessarji fl-interess tas-servizz (ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 1998, Volger vs Il-Parlament, T‑176/96, EU:T:1998:1, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-qorti tal-Unjoni ppreċiżat ukoll li, għalkemm l-awtorità li tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tipprekludi li l-awtorità twettaq razzjonalizzazzjoni tad-dipartimenti jekk hija tqis li dan huwa neċessarju (ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 1998, Volger vs Il-Parlament, T‑176/96, EU:T:1998:1, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
191 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti. |
|
192 |
F’dak li jikkonċerna l-ewwel ilment, ippreżentat fil-punt 185 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, fin-nota tagħha tal-25 ta’ Novembru 2015, id-Direttriċi RUAP eżaminat u warrbet is-soluzzjoni tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti kemm fi ħdan id-Direttorat tar-Riżorsi Umani u tal-Amministrazzjoni tal-Persunal u kemm fi ħdan is-SĠK, billi bbażat ruħha fuq il-ħtiġijiet organizzattivi futuri ta’ dawn is-servizzi fir-rigward tal-evoluzzjoni tas-sistemi tal-informatika tagħhom u fuq il-kapaċità tar-rikorrenti li tikseb kapaċitajiet ġodda. Issa, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv ta’ annullament, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tippreżenta b’mod utli u effettiv l-osservazzjonijiet tagħha dwar iż-żewġ elementi msemmija iktar ’il fuq fil-kuntest tan-nota tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2015 u waqt is-smigħ tagħha mill-Awtorità tal-Ħatra fit-8 ta’ Diċembru 2015. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tan-nota tad-Direttriċi RUAP tal-25 ta’ Novembru 2015 lir-rikorrenti ma kienx ippreġudika fil-verità l-interessi tagħha u ma jikkostitwixxix ksur tad-dmir ta’ premura impost fuq il-Kunsill. |
|
193 |
F’dak li jikkonċerna t-tieni lment tar-rikorrenti, ippreżentat fil-punt 186 iktar ’il fuq, għandu jiġi nnotat li, kif jirriżulta mill-proċess, waqt il-proċedura prekontenzjuża, ir-rikorrenti talbet lill-amministrazzjoni sabiex ma tapplikalhiex l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u, sussidjarjament, sabiex tipposponi din l-applikazzjoni lil hinn mid-data inizjalment prevista tal-31 ta’ Diċembru 2015. |
|
194 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 190 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma setax, abbażi tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tar-rikorrenti, jirrinunzja milli japplikalha l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, abbażi ta’ dan l-interess, il-Kunsill ippospona d-data tal-effett tal-ħruġ fuq leave sat-30 ta’ Ġunju 2016, u b’hekk laqa’ t-talba tagħha. Minn dan isegwi li l-Kunsill, f’dan il-każ, aġixxa konformement mad-dmir tiegħu ta’ premura lejn ir-rikorrenti. |
|
195 |
F’dak li jikkonċerna t-tielet ilment tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jitfakkar li hija ma wrietx, fil-kuntest tat-tieni motiv ta’ annullament, li d-deċiżjoni tal-Kunsill li tinħareġ fuq leave fl-interess tas-servizz kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Peress li l-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz mill-Kunsill ma kinitx manifestament żbaljata, għandu jiġi konkluż li t-tielet ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud. [kunfidenzjali] |
|
196 |
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud u, bħala konsegwenza, għandha tiġi miċħuda t-talba għal annullament. |
D. Fuq it-talba għal kumpens
|
197 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kkawżatilha dannu materjali u dannu morali. |
|
198 |
Id-dannu materjali jikkonsisti prinċipalment f’telf ta’ dħul minħabba d-deċiżjoni kkontestata u l-Kunsill għandu jbati l-konsegwenzi kollha tal-annullament tagħha fir-rigward tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti, billi jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dannu għall-progress fil-karriera tagħha. |
|
199 |
Id-dannu morali tar-rikorrenti għandu l-oriġini tiegħu fid-deċiżjoni kkontestata stess, li ma hijiex iġġustifikata u hija bbażata fuq motivi żbaljati. Din id-deċiżjoni ppreġudikat il-fiduċja tar-rikorrenti fl-istituzzjoni tagħha. Id-dannu morali mġarrab huwa aggravat miċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. [kunfidenzjali]. Ir-rikorrenti tevalwa d-dannu morali tagħha għal EUR 10000ex aequo et bono. |
|
200 |
Il-Kunsill jitlob, prinċipalment, li tiġi miċħuda t-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrenti. |
|
201 |
Għandu jitfakkar li t-talbiet intiżi għall-kumpens ta’ dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta jkunu marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li, min-naħa tagħhom, kienu miċħuda bħala inammissibbli jew bħala infondati (ara s-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
202 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għad-danni tar-rikorrenti hija marbuta mill-qrib mat-talba għal annullament li ġiet miċħuda, peress li d-dannu, kemm materjali kif ukoll morali, invokat mir-rikorrenti, allegatament isib l-oriġini tiegħu fid-deċiżjoni kkontestata u ċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu. |
IV. Fuq l-ispejjeż
|
203 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135 tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’, minn naħa, tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji. |
|
204 |
Fil-kawża preżenti, għandu jiġi nnotat li n-nota tad-Direttriċi RUAP tal-25 ta’ Novembru 2015 ma ġietx annessa mad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, bil-kontra ta’ dak li ġie indikat fil-punt 43 tagħha. Din in-nota ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti biss matul il-proċedura kontenzjuża, jiġifieri fil-kuntest tar-risposta ppreżentata mill-Kunsill. |
|
205 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li żewġ dokumenti, imsemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 8 u 9 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi mwettqa fil-kuntest tagħha, lanqas ma ġew annessi ma’ din id-deċiżjoni, bil-kontra ta’ dak li kien ġie indikat f’dawn in-noti ta’ qiegħ il-paġna. Dawn iż-żewġ dokumenti ġew finalment ikkomunikati lir-rikorrenti wara s-seduta, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 54 iktar ’il fuq). |
|
206 |
Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li n-nuqqas tal-Kunsill li jannetti t-tliet dokumenti msemmija mad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, minkejja indikazzjoni kuntrarja f’din id-deċiżjoni, għamel iktar diffiċli, b’mod partikolari, il-preparazzjoni tar-rikors. L-ommissjoni milli jannetti d-dokumenti msemmija fil-punt 205 iktar ’il fuq wasslet ukoll għall-estensjoni tal-fażi orali tal-proċedura. |
|
207 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-attitudni tal-Kunsill tiġġustifika li għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u li, barra minn hekk, għandu jiġi kkundannat ibati 20 % tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. |
|
208 |
Il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Prek Buttigieg Schalin Berke Costeira Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Frar 2019. Firem |
Werrej
|
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
|
II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
|
III. Id-dritt |
|
|
A. Fuq is-suġġett tar-rikors |
|
|
B. Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti dokumenti ppreżentati mill-Kunsill fis-6 ta’ Ġunju 2018 |
|
|
C. Fuq it-talba għal annullament |
|
|
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal |
|
|
a) Osservazzjonijiet preliminari |
|
|
b) Fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età |
|
|
c) Fuq l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali |
|
|
1) Fuq il-kwistjoni jekk id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tissodisfax għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni |
|
|
2) Fuq il-proporzjonalità |
|
|
2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-KP 71/15 kif ukoll fuq żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni |
|
|
a) Fuq id-determinazzjoni tal-kuntest ġuridiku applikabbli f’dan il-każ u fuq l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju |
|
|
b) Fuq l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi fil-futur |
|
|
c) Fuq il-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista kompetenzi ġodda u sabiex tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol |
|
|
3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ |
|
|
4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba |
|
|
D. Fuq it-talba għal kumpens |
|
|
IV. Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.