IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.5.2026
COM(2026) 235 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċitar tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont id-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni)
1. INTRODUZZJONI
Id-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (minn issa ’l quddiem imsejħa “id-Direttiva riformulata dwar l-ilma tax-xorb”) ġiet adottata f’Diċembru 2020 u daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Jannar 2021. L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva sat-12 ta’ Jannar 2023.
L-objettivi ewlenin ta’ din id-Direttiva riformulata dwar l-ilma tax-xorb huma li tħares saħħet il-bniedem mill-effetti ħżiena ta’ kwalunkwe kontaminazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem billi jkun żgurat li dan ikun tajjeb għas-saħħa u nadif, u li żżomm u ttejjeb l-aċċess għall-ilma.
L-Artikolu 21(2) tad-Direttiva riformulata dwar l-ilma tax-xorb jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta l-atti delegati għal perjodu ta’ 5 snin mit-12 ta’ Jannar 2021. L-atti delegati huma msemmijin fl-Artikoli 4(3), 11(5), 11(8), 11(11), 13(6) u 20(2) tad-Direttiva.
Dawn l-atti delegati jkopru diversi oqsma tekniċi ewlenin biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva.
·Artikolu 4(3): sat-12 ta’ Jannar 2028, il-Kummissjoni meħtieġa tadotta att delegat li jistabbilixxi limitu fl-UE kollha għal-livelli ta’ tnixxija tal-ilma fil-provvista tal-ilma, abbażi tal-ILI (indiċi ta’ tnixxija infrastrutturali) jew ta’ metodu xieraq ieħor. L-Istati Membri b’livelli ta’ tnixxija tal-ilma fit-territorju nazzjonali tagħhom li jaqbżu dak il-limitu jridu jippreżentaw pjan ta’ azzjoni lill-Kummissjoni li jistabbilixxi sett ta’ miżuri biex jitnaqqsu t-tnixxijiet. L-att delegat għandu jiġi abbozzat bl-użu tal-valutazzjonijiet tal-Istati Membri u r-rata medja ta’ tnixxija tal-UE ddeterminata abbażi ta’ dawk il-valutazzjonijiet.
·Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 dwar ir-rekwiżiti minimi tal-iġjene għall-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, il-Kummissjoni meħtieġa li:
oArtikolu 11(5): tistabbilixxi proċedura, inkluż ir-rekwiżiti tal-informazzjoni, dwar il-proċess ta’ applikazzjoni għall-fini tal-inklużjoni ta’ sustanzi tal-bidu, kompożizzjonijiet u kostitwenti fil-listi pożittivi Ewropej jew it-tneħħija tagħhom;
oArtikolu 11(8): tiddetermina l-proċedura xierqa ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli għall-prodotti koperti mill-Artikolu 11 abbażi tal-moduli fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
oArtikolu 11(11): tistabbilixxi speċifikazzjonijiet armonizzati għal immarkar prominenti, li jidher sew u li ma jitħassarx li jrid jintuża biex jindika li l-prodotti f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi tal-iġjene tal-UE għall-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ilma.
·Artikolu 13(6): il-Kummissjoni meħtieġa tadotta metodoloġija biex jitkejjel il-mikroplastik fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.
·Artikolu 20(2): il-Kummissjoni għandha s-setgħa li:
otemenda l-Anness III tad-Direttiva, meta meħtieġ, biex tadattah għall-progress xjentifiku u tekniku;
otemenda kemm ikun hemm bżonn il-valur parametriku tal-Bisfenol A fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva biex tadattah għall-progress xjentifiku u tekniku.
2. BAŻI LEGALI
Skont l-Artikolu 21(2), il-Kummissjoni meħtieġa tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 5 snin (jiġifieri t-12 ta’ Jannar 2026).
F’konformità mal-Artikolu 21(2) tad-Direttiva, id-delega tas-setgħa tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodu ieħor ta’ 5 snin mit-12 ta’ Jannar 2026, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux l-estensjoni mhux aktar tard minn 3 xhur qabel dik id-data.
3. EŻERĊIZZJU TAS-SETGĦAT DELEGATI MATUL IL-PERJODU TAR-RAPPORTAR
Waqt il-perjodu tar-rapportar, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati tagħha kif ġej biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva.
·F’konformità mal-Artikoli 11(5), 11(8) u 11(11) dwar ir-rekwiżiti minimi tal-iġjene għall-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, sat-23 ta’ Jannar 2024 il-Kummissjoni adottat:
oir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/369 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-proċedura rigward l-inklużjoni fil-listi pożittivi Ewropej ta’ sustanzi inizjali, kompożizzjonijiet u kostitwenti, jew it-tneħħija minnhom;
oir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/370 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għal prodotti li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u r-regoli għall-ħatra ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità involuti f’dawk il-proċeduri;
oir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/371 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi speċifikazzjonijiet armonizzati għall-immarkar ta’ prodotti li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.
·F’konformità mal-Artikolu 13(6), fil-11 ta’ Marzu 2024 il-Kummissjoni adottat:
oid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2024/1441 li tissupplimenta d-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi tistabbilixxi metodoloġija għall-kejl tal-mikroplastiks fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (notifikata bid-dokument C(2024) 1459).
4. KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI
Għal kull att delegat adottat, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet estensivi ma’ esperti deżinjati mill-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ esperti dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb u ż-żewġ sottogruppi stabbiliti taħt dan il-Grupp ta’ esperti.
Qabel ma ġew adottati l-abbozzi tal-atti, dawn ġew innotifikati lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u ppubblikati għall-feedback pubbliku għal perjodu ta’ 4 ġimgħat biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati.
5. EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA FIL-PERJODU LI JMISS
Jitqies meħtieġ li tiġi eżerċitata s-setgħa msemmija fl-Artikoli 4(3) u 20(2) tad-Direttiva għar-raġunijiet li ġejjin.
-F’konformità mal-Artikolu 4(3), sat-12 ta’ Jannar 2028, il-Kummissjoni meħtieġa tadotta att delegat li jistabbilixxi limitu fl-UE kollha għal-livelli ta’ tnixxija tal-ilma fil-provvista tal-ilma, abbażi tal-ILI jew ta’ metodu xieraq ieħor. L-att delegat għandu jiġi abbozzat bl-użu tal-valutazzjonijiet tal-Istati Membri u r-rata medja ta’ tnixxija tal-UE ddeterminata abbażi ta’ dawk il-valutazzjonijiet. L-Istati Membri kellhom jikkomunikaw ir-riżultati tal-valutazzjoni lill-Kummissjoni sat-12 ta’ Jannar 2026. Il-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta dawn ir-riżultati.
-Skont l-Artikolu 20(2), il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-ħtieġa possibbli li jiġi emendat l-Anness III jew li jiġi emendat il-valur parametriku tal-Bisfenol A ħalli jiġu allinjati mal-progress xjentifiku u tekniku, sabiex jiġi deċiż jekk humiex meħtieġa atti delegati.
6. KONKLUŻJONI
Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati mogħtija skont id-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb b’mod xieraq u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-għoti tas-setgħa tagħha.
Minħabba li l-implimentazzjoni tad-Direttiva hu proċess kontinwu, b’mod partikolari fir-rigward tal-istabbiliment ta’ limitu għal-livelli ta’ tnixxija tal-ilma fil-katina tal-provvista tal-ilma u l-ħtieġa possibbli li jiġi emendat l-Anness III u/jew il-valur parametriku għall-Bisfenol A minħabba l-progress xjentifiku u tekniku kontinwu, il-Kummissjoni tara ħtieġa ċara għal estensjoni taċita tad-delega tas-setgħa għal perjodu ieħor ta’ 5 snin.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.