KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fid‑9 ta’ Lulju 2020 ( 1 )
Kawża C‑56/19 P
RFA International, LP
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appell — Dumping — Importazzjoni ta’ ferrosiliċju li joriġina mir-Russja — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 11(9) u (10) — Ċaħda tat-talbiet għar-rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa — Metodu ta’ investigazzjoni — Bidla fiċ-ċirkustanzi fir-rigward tal-investigazzjoni inizjali jew fir-rigward tal-investigazzjonijiet intermedji ta’ rimbors u ta’ eżami mill-ġdid intermedju — Prezz tal-esportazzjoni kkalkolat — Tnaqqis tad-dazji antidumping imħallsa — Prova inkonfutabbli”
|
1. |
Fis‑sena 2008, il-Kunsill approva r-Regolament (KE) Nru 172/2008 ( 2 ) li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ferrosiliċju (liga użata fil-preparazzjoni tal-ħadid u tal-azzar) li joriġinaw, fost pajjiżi oħrajn, mir-Russja ( 3 ). |
|
2. |
F’dan ir-regolament ġie stabbilit dazju antidumping (ta’ 22.7 %) applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel l-iżdoganar tal-merkanzija, għall-prodotti mmanifatturati minn żewġ impriżi stabbiliti fir-Russja ( 4 ) li magħhom kienet marbuta RFA International, LP (iktar ’il quddiem “RFA”) ( 5 ). |
|
3. |
L-impriżi affettwati mill-miżuri antidumping tar-Regolament inizjali bdew proċeduri suċċessivi sabiex jitolbu l-annullament parzjali tagħhom, l-eżami mill-ġdid tagħhom jew ir-rimbors tad-dazji antidumping diġà mħallsa. |
|
4. |
RFA talbet b’mod partikolari dan ir-rimbors fir-rigward tal-ammonti mħallsa bħala dazji antidumping mill-1 ta’ Ottubru 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2012. |
|
5. |
Fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba għal rimbors permezz tad-Deċiżjonijiet C(2014) 9805 final, C(2014) 9806 final, C(2014) 9807 final, C(2014) 9808 final, C(2014) 9811 final, C(2014) 9812 final, u C(2014) 9816 final (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). |
|
6. |
Fl‑4 ta’ Marzu 2015, RFA ressqet talba għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn allegat li dawn kienu kisru diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 ( 6 ). |
|
7. |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba ta’ RFA f’sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018 ( 7 ), fejn fir-rigward tagħha qiegħed jiġi ppreżentat dan l-appell. |
I. Il-kuntest ġuridiku. Ir-Regolament Nru 1225/2009
|
8. |
Skont l-Artikolu 11: “[…] 8. Minkejja l-paragrafu 2, importatur jista’ jitlob li jerġgħu jitħallsu lura d-dazji miġbura fejn jintwera li l-marġini tad-dumping, fuq il-bażi li fuqu kienu mħallsa d-dazji, jkun ġie eliminat, jew imnaqqas għal livell li huwa inqas mill-livell tad-dazju infurzat. Fit-talba ta’ rifużjoni tad-dazji kontra d-dumping, l-importatur għandu jissottometti applikazzjoni lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa permezz ta’ Stat Membru tat-territorju li fih il-prodotti tħallew għal ċirkulazzjoni ħielsa, fi żmien sitt xhur mid-data li fiha kien ġie stabbilit l-ammont tad-dazji definittivi li kellhom jiġu ntaxxati kif xieraq mill-awtoritajiet kompetenti jew mid-data li fiha kienet ittieħdet deċiżjoni definittiva biex jiġu miġbura l-ammonti ggarantiti permezz ta’ dazju proviżorju. L-Istati Membri għandhom jgħaddu t-talba lill-Kummissjoni mal-ewwel. Applikazzjoni għal rifużjoni għandha tiġi kkunsidrata biss meta din tkun appoġġjata kif suppost permezz ta’ evidenza fejn din ikollha informazzjoni preċiża dwar l-ammont ta’ rifużjoni fuq id-dazji kontra d-dumping mitlub u d-dokumentazzjoni kollha tad-dwana li għandha x’taqsam mal-kalkulazzjoni u l-pagament ta’ ammont bħal dan. Għandha wkoll tinkludi evidenza, għal perjodu rappreżentattiv, tal-valuri normali u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità għall-esportatur jew il-produttur li għalih japplika d-dazju. F’każijiet fejn l-importatur ma jkunx assoċjat ma’ l-esportatur jew mal-produttur konċernat u informazzjoni bħal din mhix immedjatament disponibbli, jew fejn l-esportatur jew il-produttur ma jixtieqx jagħti din l-informazzjoni lill-importatur, l-applikazzjoni għandu jkun fiha dikjarazzjoni mill-esporatur jew il-produttur li l-marġini tad-dumping ġie mnaqqas jew eliminat, kif speċifikat f’dan l-Artikolu, u li sejra tingħata l-evidenza ta’ sostenn rilevanti lill-Kummissjoni. Fejn l-evidenza min-naħa ta’ l-esportatur jew tal-produttur ma tkunx disponibbli fi żmien perjodu raġonevoli ta’ żmien, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda. Il-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv, tiddeċiedi jekk u sa liema punt l-applikazzjoni għandha tiġi mogħtija, jew tista’ tiddeċiedi fi kwalunkwe ħin li tibda reviżjoni interim, fejn l-informazzjoni u s-sejbiet minn reviżjoni bħal din imwettqa skond id-disposizzjonijiet applikabbli għal reviżjonijiet bħal dawn, għandhom jintużaw biex jiġi stabbilit jekk u sa liema estent rifużjoni hija ġġustifikata. […] 9. Fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni jew ta’ rifużjoni imwettqa skond dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-Artikolu 2, u b’mod partikolari għall-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u għall-Artikolu 17. 10. Fi kwalunwke investigazzjoni imwettqa skond dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina kemm huma ta’ min joqgħod fuqhom il-prezzijiet ta’ esportazzjoni skond l-Artikolu 2. Madanakollu, fejn jiġi deċiż li l-prezz fuq l-esportazzjoni jiġi kkalkulat bi qbil ma’ l-Artikolu 2(9), hija għandha tikkalkulah mingħajr ebda tnaqqis għall-ammont ta’ dazji kontra d-dumping mħallsa meta tkun mogħtija evidenza konklużiva li d-dazju huwa rifless kif suppost fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u l-prezzijiet għall-bejgħ sussegwenti fil-Komunità”. |
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
9. |
Sabiex jinftiehem aħjar l-iżvolġiment tal-fatti, ta’ min jinnota l-kwistjonijiet proċedurali li fuqhom ġew ibbażati t-talbiet ta’ RFA (jew tal-impriżi li magħhom hija marbuta), fir-rigward ta’ dawn id-dazji antidumping, li għalihom kellhom iwieġbu kemm il-Qorti Ġenerali kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja. |
A. (L-ewwel) rikors għal annullament
|
10. |
Wara l-approvazzjoni, fis-sena 2008, tar-Regolament inizjali, CHEMK u KF ressqu talba għall-annullament parzjali quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
11. |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba f’sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011 ( 8 ), li kontriha l-kumpanniji rikorrenti ppreżentaw appell. |
|
12. |
Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ( 9 ). |
B. L-ewwel proċedura ta’ eżami mill-ġdid u (it-tieni) rikors għal annullament
|
13. |
Fit‑30 ta’ Novembru 2009, CHEMK u KF talbu l-eżami mill-ġdid intermedju tar-Regolament inizjali. |
|
14. |
Din il-proċedura wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 60/2012 ( 10 ), li kkonferma l-miżura antidumping inizjali. |
|
15. |
CHEMK u KF ippreżentaw talba quddiem il-Qorti Ġenerali fejn talbu l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 60/2012. |
|
16. |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba b’sentenza tat‑28 ta’ April 2015 ( 11 ), li kontriha l-kumpanniji rikorrenti ppreżentaw appell. |
|
17. |
Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell ( 12 ). |
C. Proċeduri ta’ rimbors suċċessivi
1. L-ewwel u t-tieni perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors u (it-tielet) rikors għal annullament
|
18. |
Bejn it‑30 ta’ Lulju 2009 u l‑10 ta’ Diċembru 2010, CHEMK u KF ressqu bosta talbiet għal rimbors tad-dazji antidumping imħallsa bejn is‑7 ta’ Jannar 2009 u l‑10 ta’ Diċembru 2010. |
|
19. |
L-investigazzjoni tar-rimbors kienet iffokata fuq il-perijodu bejn l‑1 ta’ Ottubru 2008 u t‑30 ta’ Settembru 2010, li l-Kummissjoni qasmet f’żewġ sottoperijodi: “l-ewwel perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors”, mill‑1 ta’ Ottubru 2008 sat‑30 ta’ Settembru 2009, u “it-tieni perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors”, mill‑1 ta’ Ottubru 2009 sat‑30 ta’ Settembru 2010. |
|
20. |
Fl‑10 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni ħarġet id-Deċiżjonijiet C(2012) 5577 final, C(2012) 5585 final, C(2012) 5588 final, C(2012) 5595 final, C(2012) 5596 final, C (2012) 5598 final u C(2012) 5611 final, li fihom laqgħet it-talbiet għal rimbors fir-rigward tal-ewwel perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors u ċaħdet dawk relatati mat-tieni perijodu. |
|
21. |
RFA ikkontestat dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali, li ċaħdet ir-rikors tagħha fis-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2015 ( 13 ). |
|
22. |
RFA appellat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Marzu 2015. Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ( 14 ). |
2. It-tielet u r-raba’ perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors u (ir-raba’) rikors għal annullament
|
23. |
Bejn l‑1 ta’ Marzu 2011 u s‑26 ta’ Ġunju 2013, RFA ressqet talbiet ġodda għar-rimbors ta’ dazji antidumping, din id-darba għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Ottubru 2010 u l‑31 ta’ Diċembru 2012. |
|
24. |
Wara li għamlet distinzjoni bejn żewġ sottoperijodi (“it-tielet perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors”, mill‑1 ta’ Ottubru 2010 sal‑31 ta’ Diċembru 2011, u “ir-raba’ perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors”, mill‑1 ta’ Jannar 2012 sal‑31 ta’ Diċembru 2012) il-Kummissjoni, ċaħdet it-talbiet ta’ RFA fid-deċiżjonijiet ikkontestati. |
|
25. |
Fl‑4 ta’ Marzu 2015, RFA ippreżentat (ir-raba’) rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn ikkontestat dawn id-deċiżjonijiet. Wara li ġew miċħuda t-talbiet tagħha b’sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, RFA ppreżentat dan l-appell kontra din is-sentenza. |
D. It-tieni proċedura ta’ eżami mill-ġdid u (il-ħames) rikors għal annullament
|
26. |
Mal-iskadenza tal-miżuri antidumping stabbiliti bir-Regolament inizjali, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ eżami mill-ġdid minħabba l-iskadenza li ntemmet bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 360/2014 ( 15 ), fejn inżamm id-dazju antidumping ta’ 22.7 % stabbilit mir-Regolament inizjali. |
|
27. |
CHEMK u KF ikkontestaw ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 360/2014 quddiem il-Qorti Ġenerali, li ċaħdet ir-rikors tagħhom permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018 ( 16 ). Din is-sentenza saret definittiva. |
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali
|
28. |
It-talba għal annullament li RFA ressqet kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati fl‑4 ta’ Marzu 2015, kienet tinkludi tliet motivi, li minnhom issa huwa rilevanti biss it-tieni wieħed, fejn huwa kkontestat li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-Artikolu 11(9) u (10) tar-Regolament bażiku. |
|
29. |
Fir-rigward tal-argumenti ta’ RFA u tal-Kummissjoni dwar dan il-motiv, nagħmel riferiment għall-punti 58 sa 68 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali tiġbor fil-qosor l-argumenti tat-tnejn li huma. |
|
30. |
Għalhekk, ser nillimita ruħi sabiex nirriproduċi mill-ġdid il-punti 69 sa 75 u 77 sa 79 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali tispjega għaliex hija tiċħad dan il-motiv ta’ annullament. Hija tagħmel dan fit-termini li ġejjin:
[…]
|
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
31. |
L‑appell ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Jannar 2019. |
|
32. |
RFA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tiddeċiedi definittivament il-kawża, jekk din tkun fi stadju li tiġi deċiża. Sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. Fi kwalunkwe każ, hija titlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
|
33. |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil RFA għall-ispejjeż. |
|
34. |
Is-seduta prevista għall‑25 ta’ Marzu 2020 ġiet issostitwita b’mistoqsijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-partijiet, li kellhom iwieġbu bil-miktub. |
V. L-eżami tal-appell
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari
|
35. |
Il-qari tal-fatti li wasslu għall-kawża juri li, wara l-impożizzjoni tad-dazji antidumping mir-Regolament inizjali, kien hemm, fir-rigward ta’ dawn id-dazji, diversi kwistjonijiet (talbiet għal annullament, talbiet għal rimbors tad-dazji miġbura u investigazzjonijiet ta’ eżami mill-ġdid, kemm intermedju kif ukoll minħabba skadenza) li ma jistgħux jiġu injorati fid-deċiżjoni ta’ dan l-appell. |
|
36. |
Din iċ-ċirkustanza tiġġustifika li, qabel ma tidħol fl-eżami tal-aggravji, hija tfakkar kif, fl-astratt, ladarba jiġu approvati d-dazji antidumping, huwa possibbli li jsir eżami mill-ġdid tagħhom, jew li jintalab ir-rimbors tagħhom, skont ir-rekwiżiti tar-Regolament bażiku. |
|
37. |
Fir-rigward tal-eżami mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dawn l-evalwazzjonijiet li ġejjin fis-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014 ( 18 ): “[…] [F]ir-rigward tar-reviżjoni ta’ miżuri li waslu sabiex jiskadu, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, jeħtieġ essenzjalment li jiġi evalwat jekk it-tneħħija tal-miżura antidumping inizjali tiffavorizzax probabbilment it-tkomplija tad-dumping jew ta’ dumping ġdid u t-tkomplija tad-dannu jew dannu ġdid. […] [F]ir-rigward tar-reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’, fost oħrajn, teżamina jekk iċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw id-dumping u d-dannu nbidlux b’mod sinjifikattiv jew jekk il-miżuri eżistenti pproduċewx l-effetti mistennija u eliminawx id-dannu preċedentement stabbilit sabiex jiġi ppropost it-tħassir, l-emenda jew iż-żamma tad-dazju antidumping stabbilit wara li tkun saret l-investigazzjoni inizjali”. |
|
38. |
Il-proċedura ta’ rimbors, għalkemm simili għal dik ta’ eżami mill-ġdid intermedju (fil-fatt, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku jippermetti l-akkumulazzjoni tiegħu), tawtorizza biss eżami tal-marġni ta’ dumping effettiv u mhux eżami mill-ġdid tal-kwistjoni ġenerali tad-dannu. |
|
39. |
L-elementi komuni għall-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid u ta’ rimbors tad-dazji miġbura jinsabu fl-Artikolu 11(9) u (10) tar-Regolament bażiku, li huma, preċiżament, dawk li l-Qorti Ġenerali tqis li nkisru minn RFA:
|
B. L-aggravji
|
40. |
RFA tispeċifika li l-appell tagħha “sempliċement jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar it-tieni motiv invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u, b’mod iktar partikolari, dwar il-punti 69 sa 75 u 77 sa 79 tas-sentenza appellata” ( 19 ). |
1. L-ewwel aggravju: “il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku u l-ġurisprudenza rilevanti u għamlet konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment mhux eżatti”
|
41. |
L-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet. |
a) L-ewwel parti: nuqqas ta’ motivazzjoni
1) L-argumenti tal-appellanti u tal-Kummissjoni
|
42. |
L-argument invokat minn RFA dwar l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni huwa lakoniku. Hija sempliċement tafferma li “l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx l-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ tibdil fiċ-ċirkustanzi” ( 20 ). |
|
43. |
Il-Kummissjoni tindika li l-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata twieġeb b’mod eżawrjenti għal kull wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti, peress li motivazzjoni li tirriżulta b’mod impliċitu mill-motivi tad-deċiżjoni hija suffiċjenti. |
2) Evalwazzjoni
|
44. |
Il-kritika ta’ RFA fuq dan il-punt ma tistax tinftiehem faċilment, wara li rrikonoxxiet li “l-Qorti Ġenerali qieset li ż-żidiet fl-ispejjeż ta’ produzzjoni kienu jikkostitwixxu tibdil fiċ-ċirkustanzi li jiġġustifika tibdil fil-metodu ta’ kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku” ( 21 ). |
|
45. |
Fil-fatt, fil-motivi tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tispjega għaliex, fil-fehma tagħha, kien hemm raġunijiet suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat it-tibdil mill-Kummissjoni tal-metodu ta’ kalkolu tagħha. |
|
46. |
B’mod partikolari, il-punt 70 ta’ din is-sentenza jenfasizza li l-applikazzjoni tal-istess metodu tista’ tiġi evitata “meta l-parametri rilevanti jkunu nbidlu b’mod suffiċjenti sabiex irendu l-applikazzjoni tal-metodu użat preċedentement bħala mhux xierqa sabiex jintlaħaq riżultat affidabbli”. |
|
47. |
Abbażi ta’ din il-premessa, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li f’din il-kawża kien hemm varjazzjoni ta’ dawn il-parametri, b’mod partikolari tal-ispejjeż ta’ produzzjoni. Huwa minnu (u minn hawn tista’ tirriżulta ċerta konfużjoni) li din il-varjazzjoni fl-ispejjeż ta’ produzzjoni hija element komuni għall-evalwazzjoni tal-eliminazzjoni tad-dazji antidumping fil-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni skont l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku. Madankollu, fl-argumenti tal-Qorti Ġenerali, dan ma jipprekludix, materjalment, li din l-istess żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni tiġi kkunsidrata wkoll bħala fattur determinanti tat-tibdil fiċ-ċirkustanzi li jiġġustifika t-tibdil fil-metodu użat. |
|
48. |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma twettaqx nuqqas ta’ motivazzjoni li jista’ jwassal għall-appell tas-sentenza appellata. Il-motivazzjoni li hija tesponi, anki jekk kienet żbaljata, teżisti u hija biżżejjed sabiex tippermetti lir-rikorrenti tifhem il-kontenut tagħha, li hija differenti fil-mertu. |
|
49. |
Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni rrilevat numru ta’ bidliet ta’ fatt u ta’ varjazzjonijiet importanti li seħħew matul l-investigazzjoni li kienet għaddejja, fir-rigward tal-investigazzjoni inizjali, li ġġustifikaw it-tibdil fil-metodu. |
|
50. |
Fost dan it-tibdil, il-Qorti Ġenerali tefgħet l-attenzjoni tagħha fuq iż-żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni, li hija loġika, peress li dan l-element sar riferiment għalih ukoll minn RFA fir-rikors tagħha, minkejja li kien hemm elementi oħra ( 22 ). |
|
51. |
Fl-aħħar nett, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tesponi fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Mejju 2017 ( 23 ), quddiem argument simili mqajjem minn RFA, huwa biżżejjed li jingħad li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu l-għan li jivverifika, b’mod partikolari, jekk il-Qorti Ġenerali tatx tweġiba suffiċjenti għall-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti. Dan huwa l-każ f’din il-kawża. |
|
52. |
Inżid, madankollu, li, għalkemm il-qari ta’ silta mill-punti 69 u 78 tas-sentenza appellata seta’ jissuġġerixxi, mal-ewwel impressjoni, li l-Qorti Ġenerali fformulat raġunament li jmur lil hinn minn dak tal-Kummissjoni, u għaldaqstant hija ma ssostitwixxietx (iżda sempliċement ikkompletat) il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għalhekk RFA ġustament ma tinvokax din is-sostituzzjoni apparenti tal-aggravji fl-ewwel aggravju tagħha. |
b) It-tieni parti: l-allegati żbalji ta’ liġi u l-konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment mhux eżatti
1) L-argumenti tal-appellanti u tal-Kummissjoni
|
53. |
RFA tiġbor l-argumenti tagħha fil-qosor f’dawn it-termini: “[…] Fl-evalwazzjoni tagħha tar-riflessjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid, il-Kummissjoni ma analizzatx dan fid-dawl tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid identifikat matul l-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament inizjali, iżda fid-dawl tal-ispejjeż attwali ta’ produzzjoni fir-Russja. Dan jikkostitwixxi tibdil fil-metodoloġija fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni esponiet li ċ-ċirkustanzi kienu nbidlu b’mod sinjifikattiv wara l-investigazzjoni inizjali u li, b’mod iktar partikolari, l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-esportaturi Russi kienu żdiedu b’madwar 100 %. Issa, iż-żidiet fl-ispejjeż kienu jeżistu u kienu diġà magħrufa matul il-perijodi ta’ investigazzjoni ta’ rimbors mill‑2008 sal‑2010”. |
|
54. |
Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 11(9) sabiex issostni li l-unika riferiment validu huwa dak tar-Regolament inizjali, peress li huwa dak li “wasslet [wassal] għad-dazju”. |
2) Evalwazzjoni
|
55. |
Kif diġà ġie espost, l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku jsemmi, minn naħa, “[l]-investigazzjoni li wasslet għad-dazju” u, min-naħa l-oħra, l-investigazzjonijiet ta’ eżami mill-ġdid u ta’ rimbors. Matul dawn l-aħħar tnejn, għandu jintuża l-istess metodu bħal dak applikat fl-ewwel waħda, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux inbidlu. |
|
56. |
Għalhekk, id-dispożizzjoni allegatament miksura timponi biss użu sussegwenti tal-“istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju”. Peress li, f’dan il-każ, id-dazju antidumping ġie stabbilit mir-Regolament inizjali, il-formulazzjoni tat-test twassal sabiex bħala element ta’ riferiment jintuża l-metodu użat fl-investigazzjoni inizjali u mhux il-metodu segwit fi kwalunkwe mument ieħor. |
|
57. |
Ladarba tiġi stabbilita din il-premessa (li, bħalma tissuġġerixxi l-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha, RFA tardivament tammetti, fil-punt 9 tar-replika tagħha, fid-dawl ta’ dak li jidher li ġie dedott mill-punt 25 tar-rikors tagħha), ma hemmx lok li din it-tieni parti tal-ewwel aggravju tintlaqa’. |
|
58. |
Fir-rikors tagħha, RFA sostniet li l-Kummissjoni kellha tadotta l-istess metodu bħal f’investigazzjonijiet sussegwenti oħrajn differenti minn dik li wasslet għall-istabbiliment ta’ dazji antidumping fis-sena 2008. B’mod partikolari, hija kkritikat lill-Kummissjoni (u lill-Qorti Ġenerali, billi kkorroborat it-teżi tagħha), billi ma kkunsidratx il-metodu li hija kienet diġà użat meta ddeċidiet dwar ir-rimbors ta’ dazji antidumping li jikkorrispondu għal perijodi preċedenti oħra ( 24 ). |
|
59. |
Ma huwiex eskluż li t-teżi ta’ RFA tista’, f’ċerti każijiet, ikollha bażi legali differenti minn dik li hija għażlet (il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku). Issa, l-unika dispożizzjoni legali li hija tikkunsidra li ġiet miksura fl-appell (li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwarha) hija l-imsemmi Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, li RFA tikkritika lill-Qorti Ġenerali għall-interpretazzjoni żbaljata tagħha. |
|
60. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju huwa ddestinat li ma jirnexxix għaliex, intenni, l-interpretazzjoni proposta minn RFA, kuntrarjament għal dik tal-Qorti Ġenerali, ma hijiex konformi mat-termini ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
61. |
Fi kwalunkwe każ, kif tenfasizza l-Qorti Ġenerali, l-adozzjoni ta’ metodu ġdid, differenti minn dak użat waqt l-investigazzjonijiet preċedenti, tiġi sostnuta jekk jiġi meqjus li kien hemm tibdil fiċ-ċirkustanzi. Il-punt 70 tas-sentenza appellata jagħmel riferiment għal din l-eventwalità: “għalkemm fl-analiżi ekonomika, l-iżgurar tas-saħħa tal-paragun tas-sitwazzjoni bejn żewġ perijodi jiġġustifika, fil-prinċipju, l-applikazzjoni tal-istess metodu, dan ma jkunx il-każ meta l-parametri rilevanti jkunu nbidlu b’mod suffiċjenti sabiex irendu l-applikazzjoni tal-metodu użat preċedentement bħala mhux xierqa għall-ksib ta’ riżultat affidabbli”. Il-Qorti Ġenerali tikkonferma, f’din is-silta, dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddikjarat fis-sentenza Valimar. |
|
62. |
Issa, il-kwistjoni dwar jekk, de facto, kienx hemm jew le tibdil fiċ-ċirkustanzi hija evalwazzjoni li, bħall-bqija tal-allegati “konstatazzjonijiet fattwali materjalment mhux eżatti” li RFA tikkritika lill-Qorti Ġenerali dwarhom, ma tistax tkun il-bażi ta’ appell, li huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi u mhux ta’ fatt. |
|
63. |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali laqgħet insostenn ta’ dawn il-fatti ( 25 ). L-evalwazzjonijiet fattwali tas-sentenza kkontestata ma jistgħux, għaldaqstant, jiġu appellati, sakemm ma jiġix iddikjarat l-iżnaturament tal-provi li jirriżultaw, b’mod manifest, mill-annessi tal-proċess, ħaġa li hawnhekk ma sseħħx. |
|
64. |
Fi kwalunkwe każ, billi jiffoka t-tilwima fuq r-riperkussjoni sussegwenti tad-dazji antidumping (li fir-realtà huwa l-qalba tat-tilwima), l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku ma jikkostitwixxix dispożizzjoni adatta sabiex tiġi solvuta t-tilwima. Fl-investigazzjoni inizjali ma hemm l-ebda dubju dwar metodu tajjeb sabiex tiġi speċifikata r-riperkussjoni, jew in-nuqqas ta’ riperkussjoni, tad-dazji antidumping: din id-data hija nieqsa, bilfors, minn kwalunkwe investigazzjoni inizjali li għandha l-għan, preċiżament, li tistabbilixxi d-dazju antidumping. |
|
65. |
Madankollu, bħala definizzjoni, ma jistax ikun hemm l-istess metodu bħal dak komuni għall-investigazzjoni inizjali u għall-investigazzjonijiet suċċessivi ta’ rimbors, f’dak li jirrigwarda r-riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodotti fl-Unjoni. Bl-istess mod, ma jistax ikun hemm tibdil fil-metodu, peress li, ninsisti, fl-investigazzjonijiet inizjali, fil-verità ma hemm l-ebda metodu sabiex tiġi vverifikata r-riperkussjoni fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ dazju antidumping li sa issa kien ineżistenti. |
|
66. |
Il-kriterju ta’ nuqqas ta’ modifikabbiltà tal-metodu (ħlief fil-każ ta’ tibdil fiċ-ċirkustanzi) stabbilit mill-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku għaldaqstant ma jistax japplika f’dawn l-ipoteżijiet. |
2. It-tieni aggravju
|
67. |
RFA tiġbor fil-qosor it-tieni aggravju tagħha f’dawn it-termini: “Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku billi applikat kriterju ġuridiku żbaljat. Il-kriterju ġuridiku mfassal mill-Qorti Ġenerali jeżiġi li l-prova tal-inklużjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ esportazzjoni tiġi prodotta biss permezz ta’ data dwar il-prezzijiet “konsenja bid-dazju mħallas” u billi jintwera li l-prezzijiet il-ġodda jinkludu mhux biss id-dazji antidumping, iżda wkoll l-ispejjeż ta’ produzzjoni kollha esposti. La l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku u lanqas l-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimbors tad-dazji antidumping [ ( 26 )] […] ma jinkludu tali rekwiżit”. |
a) L-ewwel parti: inklużjoni fil-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni mhux biss tad-dazji antidumping iżda wkoll tal-ispejjeż ta’ produzzjoni
1) L-argumenti tal-appellanti u tal-Kummissjoni
|
68. |
RFA tikkritika l-kontenut tal-punti 72 sa 75 tas-sentenza appellata, billi ssostni li l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku jeżiġi biss li l-produttur jipproduċi provi konklużivi li d-dazju kien ġie debitament rifless fil-prezzijiet ta’ bejgħ fl-Unjoni. |
|
69. |
Skont RFA, huwa biżżejjed li l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid ikunu żdiedu b’mod suffiċjenti meta mqabbla mal-prezzijiet irrilevati matul l-investigazzjoni inizjali. Jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ produzzjoni kien rilevanti għal dan il-għan, il-Kummissjoni kien ikollha tiżviluppa l-Artikolu 4.1(b) tal-Avviż dwar ir-rimbors tad-dazji antidumping tagħha ( 27 ) sabiex tinkludihom. |
|
70. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-applikant għandu jiġġustifika mhux biss żieda fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid, iżda li d-dazju jkun “rifless kif suppost” f’dawn il-prezzijiet. |
2) Evalwazzjoni
|
71. |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, il-proċeduri ta’ rimbors huma bbażati fuq il-prova, li l-marġni ta’ dumping li abbażi tiegħu tħallsu d-dazji, ġiet eliminata jew imnaqqsa għal livell iktar baxx mil-livell tad-dazju applikabbli. |
|
72. |
L-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku jippermetti li ma jitnaqqasx l-ammont tad-dazji antidumping imħallsa sabiex jiġi kkalkolat il-prezz ta’ esportazzjoni (skont l-Artikolu 2(9)). Madankollu, din il-possibbiltà teżisti biss “meta tkun mogħtija evidenza konklużiva li d-dazju huwa rifless kif suppost fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u l-prezzijiet għall-bejgħ sussegwenti fil-Komunità”. |
|
73. |
L-appell jindika, f’dan il-punt, problema li, minħabba l-impatt eventwali tagħha fuq każijiet oħra, għandha tiġi analizzata b’mod ġenerali sabiex imbagħad tkun marbuta speċifikament maċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. |
i) Stabbiliment tal-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid: jista’ jiġi eżaminat biss jekk kien hemm riperkussjoni tad-dazji antidumping?
|
74. |
It-teżi ta’ RFA, ladarba mtennija, hija li, billi tivverifika, wara l-produzzjoni ta’ provi inkonfutabbli, jekk id-dazji antidumping ġewx inkorporati (jew riflessi) fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid, l-effett ta’ fatturi oħra ma jistax jiġi evalwat, kif tindika l-Qorti Ġenerali skont il-linja tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li l-prezzijiet il-ġodda jkunu ogħla mit-total ta’ dawk preċedenti flimkien mad-dazju antidumping sabiex dan għandu jiġi kkunsidrat li huwa inkorporat. |
|
75. |
Jiena ma naqbilx ma’ din it-teżi. Fil-fehma tiegħi, huwa iktar loġiku (u jikkorrispondi aħjar għal interpretazzjoni integrali tar-regola allegata) li jiġi sostnut li ż-żieda fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid fl-Unjoni, meta mqabbla ma’ dawk inizjali, ma timplikax awtomatikament li d-dazji antidumping ġew debitament riflessi u b’mod sħiħ fuq dawn il-prezzijiet finali. |
|
76. |
Fil-fatt, jista’ jiġi dedott li l-prezzijiet il-ġodda, għalkemm huma ogħla minn dawk preċedenti, ma jirriflettux b’mod xieraq (jiġifieri, ma jinkorporawx) id-dazji antidumping jekk: a) fil-perijodu bejn il-mument inizjali u dak finali, l-ispejjeż ta’ produzzjoni żdiedu b’mod sinjifikattiv; u b) il-prezzijiet il-ġodda ta’ bejgħ mill-ġdid ma jirriflettux din iż-żieda fi spejjeż. |
|
77. |
Dan l-argument, li ma għandi l-ebda dubju dwar il-korrettezza tiegħu, huwa sostanzjalment dak li tuża l-Qorti Ġenerali: “l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku bl-ebda mod ma jimplika, sa fejn jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ‘id-dazju huwiex rifless kif suppost fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid’, li huwa biss l-ekwivalenti tad-dazju antidumping li għandu jiġi inkluż fil-prezz il-ġdid ta’ bejgħ mill-ġdid minbarra l-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid preċedentement applikat sabiex tkun tista’ tinkiseb tweġiba pożittiva. Dazju addizzjonali fir-rigward tal-ispejjeż normalment imġarrba huwa ‘rifless kif suppost’ biss meta jiżdied ma’ dawn l-ispejjeż l-oħrajn. Issa, jekk dawn l-ispejjeż l-oħra jiżdiedu, iżda l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid jiżdied f’livell inqas, id-dazju, fir-realtà, jiġi miżjud biss parzjalment jew ma jiġix miżjud assolutament ma’ dawn l-ispejjeż l-oħra, lanqas jekk l-ekwivalenti tad-dazju jkun ġie miżjud mal-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid li kien preċedentement applikat” ( 28 ). |
|
78. |
Inżid li, fi kwalunkwe każ, u kif tiddikjara sew il-Kummissjoni, il-prassi amministrattiva segwita minn din l-istituzzjoni ma għandhiex il-kapaċità sabiex temenda r-regoli legali vinkolanti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
ii) Applikazzjoni ta’ dan il-kriterju fis-sentenza appellata
|
79. |
Il-Qorti Ġenerali tat ir-raġunijiet għaliex l-invokazzjoni tar-rikorrenti li l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid kienu ogħla b’iktar minn 100 % bejn il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali u r-raba’ perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors kienet insuffiċjenti sabiex jintwera li d-dazji antidumping kienu riflessi b’mod sħiħ f’dawn il-prezzijiet. |
|
80. |
Skont il-Qorti Ġenerali, “huwa biżżejjed […] li l-ispejjeż ta’ produzzjoni jkunu żdiedu iktar mill-prezzijiet applikati sabiex dawn ma jirriflettux debitament id-dazji antidumping fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-ispejjeż ta’ produzzjoni. Issa, dan huwa a priori stabbilit miċ-ċirkustanza, irrilevata mill-Kummissjoni, li, f’99 % tal-każijiet, l-ispejjeż tal-prodotti, inkluż id-dazju antidumping, ma kinux koperti mill-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid fl-Unjoni fl-2012” ( 29 ). |
|
81. |
Il-Qorti Ġenerali eskludiet li RFA ipproduċiet “prova inkonfutabbli” li d-dazju antidumping huwa rifless fil-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid u li, konsegwentement, ma kienx hemm tnaqqis fl-ammont tad-dazji antidumping imħallsa. Kif ser inkompli niftaħ dwaru iktar ’il quddiem, ma huwiex ikkontestat li l-oneru tal-prova neċessarju sabiex ma jsirx dan it-tnaqqis jaqa’ fuq l-operatur ekonomiku u mhux fuq il-Kummissjoni, li għandha l-funzjoni li tevalwa l-livell ta’ inkonfutabbiltà ippreżentat mill-operatur. |
|
82. |
Għal darba oħra għandi ninsisti li l-evalwazzjonijiet dwar il-prova tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali ma jistgħux jiġu riveduti f’appell, iżda permezz tal-mezzi limitati li għamilt riferiment għalihom iktar ’il fuq ( 30 ). Barra minn hekk, f’din il-kawża, il-livell ta’ prova meħtieġ mir-rikorrenti kien partikolarment eżiġenti minħabba li kellha tipproduċi provi li juru l-fatt kontenzjuż b’mod inkonfutabbli. |
|
83. |
Jekk, fid-dawl ta’ din l-eżiġenza, il-Qorti Ġenerali tispjega, b’mod raġonevoli, għaliex hija tqis li RFA ma rnexxilhiex turi dan il-fatt, ikun diffiċli ħafna sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrevedi din l-evalwazzjoni fl-appell. L-ebda waħda mir-raġunijiet eċċezzjonali (żnaturament manifest tal-fatti, irrilevat mid-dokumenti annessi fil-proċess) ma hija preżenti f’dan il-każ. |
|
84. |
Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, billi qiegħdet l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni fi skrutinju, il-Qorti Ġenerali għandha tosserva l-kriterju li, “fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod iktar partikolari fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw” ( 31 ). |
|
85. |
L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju għal din il-kawża tiddefendi ż-żamma tal-pożizzjonijiet tal-Kummissjoni u titfa’ piż fuq ir-rikorrent li huwa iktar b’saħħtu sabiex jikkonfuta l-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati ( 32 ). |
|
86. |
Fl-aħħar nett, wieħed ma għandux jinsa li r-raba’ perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors jikkoinċidi mal-perijodu kkonċernat fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid minħabba l-iskadenza, li wasslet għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 360/2014. Kif diġà esponejt, ir-rikors kontra dan ir-regolament, ippreżentat minn CHEMK u KF (impriżi assoċjati ma’ RFA), ġie miċħud permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Novembru 2018 ( 33 ), li saret definittiva. |
|
87. |
F’dan ir-rikors ġie analizzat ukoll it-tibdil fil-metodu fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid intermedju u ttieħdet inkunsiderazzjoni wkoll iż-żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni bħala element determinanti għat-tnaqqis tad-dazji antidumping fil-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni, filwaqt li ġew adottati l-istess konklużjonijiet bħal dawk fis-sentenza appellata. Il-prossimità ma’ din il-kawża hija notevoli ferm u r-riżultat li waslet għalih il-Qorti Ġenerali jikkoinċidi mar-risposta tiegħi għal din il-parti tat-tieni aggravju. |
b) It-tieni parti: aċċettazzjoni esklużiva tad-data dwar il-prezzijiet DDP bħala prova tal-inklużjoni tad-dazji antidumping fil-prezzijiet għall-esportazzjoni
1) L-argumenti tal-appellanti u tal-Kummissjoni
|
88. |
RFA tikkritika l-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, aċċettat biss il-possibbiltà li jiġu prodotti prezzijiet DDP bħala prova tal-inkorporazzjoni tad-dazji antidumping fil-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid. |
|
89. |
Hija tinvoka, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 4.1(b) tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimbors tad-dazji antidumping u żżid li l-ebda dispożizzjoni legali applikabbli ma tirregola jekk huwiex meħtieġ li jiġu ppreveduti prezzijiet DDP jew li jsir riferiment għall-prezzijiet EXW jew CIF, li jinkludu d-dazji antidumping. |
|
90. |
Il-Kummissjoni topponi dan l-approċċ li, skont l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku, ir-regola hija t-tnaqqis tad-dazju fil-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni u li, sabiex ma jitnaqqasx, il-prova tal-inkorporazzjoni tiegħu fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid għandha tkun inkonfutabbli. |
|
91. |
Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx il-mezzi ta’ prova tar-rikorrenti, iżda użat l-elementi li hija ppreżentat. Barra minn hekk, ittenni li ma huwiex biżżejjed li l-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid ivarjaw, iżda għandu jiġi pprovat li d-dazju antidumping huwa rifless fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid. |
2) Evalwazzjoni
|
92. |
Kuntrarjament għal dak li ssostni RFA, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma llimitatx il-mezzi ta’ prova għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti. Minflok, osservat il-kriterju li kienet diġà stabbilixxiet fis-sentenza Einhell Germany et vs Il‑Kummissjoni: “sakemm tkun ‘konklużiva’, il-prova tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti fl-Unjoni tista’ tinġab b’kull mezz” ( 34 ). |
|
93. |
Ninsisti li s-sentenza appellata ma tistabbilixxix limitazzjoni fil-mezzi ta’ prova li RFA kellha tipproduċi. Hija sempliċement tiġġustifika għaliex dawk ippreżentati minn din l-impriża ma kinux xierqa, f’dan il-każ, sabiex jissodisfaw l-inkonfutabbiltà tal-prova li d-dazju antidumping kien rifless fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid. |
|
94. |
Din hija sitwazzjoni ta’ fatt li għandha tiġi analizzata skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ. Il-Kummissjoni rraġunat kif, waqt l-investigazzjonijiet preċedenti, hija setgħet tislet konklużjonijiet dwar l-elementi miġbura, inkluża l-analiżi tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid, u immedjatament daħlet f’iktar dettall dwar data differenti li fir-rigward tagħha hija qieset li l-fatti preċedenti pprovduti ma kinux affidabbli. |
|
95. |
Il-fatt li kuntest partikolari jwassal għal soluzzjoni ma jimplikax li, f’kuntest differenti, għandu jinkiseb l-istess riżultat. Għaldaqstant, l-iffukar kellu jsir, kif kien il-każ, fuq iċ-ċirkustanzi dwar il-perijodi ta’ investigazzjoni ġodda ta’ rimbors. |
|
96. |
RFA ipproduċiet bħala prova tabella li turi l-iżvilupp tal-prezzijiet medji ppeżati tagħha EXW u CIF, mill-investigazzjoni inizjali sar-raba’ perijodu ta’ investigazzjoni, intiża sabiex turi li l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tagħha kienu jinkludu d-dazju antidumping. |
|
97. |
Id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu jinkludu diversi argumenti li fihom il-Kummissjoni esponiet li din id-data, ipprovduta minn RFA, ma kinitx affidabbli. Ir-rikors għal annullament kien intiż sabiex jiġu aċċettati d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti mingħajr kuntrast ieħor, fatt li l-Kummissjoni rrifjutat. |
|
98. |
Il-Qorti Ġenerali, meta vverifikat il-provi (li kellha tevalwa fit-termini li semmejt iktar ’il fuq), ikkorroborat l-evalwazzjoni tal-provi prodotti mill-Kummissjoni, u din id-deċiżjoni tas-sentenza appellata, kif indikajt ukoll, ma tistax tiġi kkontestata fl-appell, ħlief għall-kuntest limitat tal-iżnaturament tal-fatti kkunsidrati bħala stabbiliti, ħaġa li hawnhekk ma seħħitx. |
3) Evalwazzjoni sussidjarja
|
99. |
Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali ( 35 ), RFA ma ressqitx fl-appell l-ilment li, jekk hija qieset li ċerta informazzjoni dwar l-ispejjeż ma kinitx affidabbli, il-Kummissjoni kellha tinformaha matul iż-żjarat ta’ verifika, jew mill-iktar fis possibbli, sabiex tirrimedja għal din l-informazzjoni. |
|
100. |
Peress li din il-kritika tal-appell hija eskluża, il-Qorti tal-Ġustizzja loġikament ma għandhiex tindirizzaha. |
|
101. |
Madankollu, sabiex jitneħħa kull dubju f’dan ir-rigward, jista’ jkun xieraq li jitfakkar li, fil-kuntest tal-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata taġixxi ex officio, iżda hija obbligata biss li tevalwa l-provi inkonfutabbli li jiġu pprovduti lilha minn min jitlob l-investigazzjoni tar-rimbors ( 36 ). Huwa l-applikant, u mhux il-Kummissjoni, li huwa responsabbli jipproduċi prova, bil-livell għoli ta’ rekwiżit li l-aġġettiv inkonfutabbli jinvolvi, li d-dazju huwa debitament rifless fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid. |
|
102. |
Għalhekk, ma hemmx lok li jintlaqa’ t-tieni aggravju, li, flimkien maċ-ċaħda tal-ewwel wieħed, iwassal għaċ-ċaħda tal-appell fl-intier tiegħu. |
|
103. |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija RFA li għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
VI. Konklużjoni
|
104. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill tal‑25 ta’ Frar 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Eġittu, il-Każakstan, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u r-Russja (ĠU 2008, L 55, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament inizjali”).
( 3 ) Il-proċedura nfetħet wara lment imressaq fil‑25 ta’ Frar 2008 mill-Kumitat ta’ Koordinament fis-Settur tal-Ligi tal-Ħadid (Euroalliages).
( 4 ) Dawn kienu l-kumpanniji Chelyabinsk electrometallurgical integrated plant OAO (iktar ’il quddiem “CHEMK”) u Kuzneckie Ferrsplavy OAO (iktar ’il quddiem “KF”).
( 5 ) RFA għandha fergħa fl-Isvizzera li hija responsabbli mill-bejgħ ta’ CHEMK u ta’ KF għall-esportazzjoni, b’mod partikolari lejn l-Unjoni Ewropea.
( 6 ) Regolament tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39, u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).
( 7 ) Sentenza RFA International vs Il‑Kummissjoni (T‑113/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:783, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).
( 8 ) Sentenza CHEMK u KF vs Il-Kunsill (T‑190/08, EU:T:2011:618).
( 9 ) Sentenza CHEMK u KF vs Il-Kunsill (C‑13/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:780).
( 10 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas‑16 ta’ Jannar 2012 li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw, inter alia, fir-Russja (ĠU 2012, L 22, p. 1).
( 11 ) Sentenza CHEMK u KF vs Il-Kunsill (T‑169/12, EU:T:2015:231).
( 12 ) Digriet CHEMK u KF vs Il-Kunsill (C‑345/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:433).
( 13 ) Sentenza RFA International vs Il-Kummissjoni (T‑466/12, EU:T:2015:151).
( 14 ) Sentenza RFA International vs Il-Kummissjoni (C‑239/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:337).
( 15 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ April 2014 li jimponi dazju ta’ antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-ferrosiliċju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Russja, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2014, L 107, p. 13).
( 16 ) Sentenza CHEMK u KF vs Il-Kummissjoni (T‑487/14, EU:T:2018:792).
( 17 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).
( 18 ) Sentenza Valimar (C‑374/12 iktar ’il quddiem, is-“sentenza Valimar, EU:C:2014:2231, punti 52 u 55). Fir-rigward tal-istħarriġ tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid provviżorju, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “[…] jista’ jwassalha biex twettaq mhux biss analiżi retrospettiva tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni, mill-istabbiliment tal-miżura definittiva inizjali, sabiex tevalwa l-ħtieġa taż-żamma tagħha jew tal-emenda tagħha fil-għan li sservi bħala bilanċ għad-dumping li jikkawża preġudizzju, iżda wkoll analiżi prospettiva tal-iżvilupp probabbli tas-sitwazzjoni, mill-adozzjoni tal-miżura ta’ reviżjoni, sabiex l-impatt probabbli tat-tneħħija jew ta’ emenda tal-miżura definittiva jiġi evalwa[t]”.
( 19 ) Rikors tal-appell, punt 16.
( 20 ) Ibidem, punt 28.
( 21 ) Ibidem, punt 22.
( 22 ) Il-punt 19, relatat mal-punt 21, tad-Deċiżjoni C(2014) 9805 final (dik meħuda bħala mudell mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata) jindika li l-ispejjeż taż-żewġ produtturi esportaturi Russi żdiedu b’mod sinjifikattiv (madwar 100 %), fir-rigward tal-investigazzjoni inizjali, u li: i) l-istruttura tal-bejgħ intern tal-grupp ġiet riveduta ftit taż-żmien wara l-konklużjoni tal-investigazzjoni inizjali; ii) il-flussi kummerċjali ta’ esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Russi ġew modifikati; iii) matul l-investigazzjoni inizjali, il-produttur esportatur kien qiegħed jesporta prinċipalment il-prodott ikkonċernat FOB [Free On Board (frank abbord): il-bejjiegħ iwassal il-prodott abbord bastiment fil-port tal-imbark. Minn dan il-mument, ir-riskji u l-ispejjeż kollha jiġġarrbu mix-xerrej] u DDP [Delivered Duty Paid (konsenja bid-dazju mħallas): hija tinkludi l-ispejjeż kollha sal-konsenja tal-merkanzija lix-xerrej fil-punt miftiehem fil-pajjiż ta’ importazzjoni]. Wara l-investigazzjoni inizjali, huma bdew ibigħu EXW [prezz EXW (Ex Works. Mill-fabbrika): il-merkanzija titwassal fl-installazzjonijiet tal-ġirant u x-xerrej jieħu r-responsabbiltà tar-riskju kollu (u l-ispejjeż) sad-destinazzjoni]; iv) matul l-investigazzjoni inizjali, il-bejgħ tal-prodott lill-klijenti tal-Unjoni kien sar EXW, CIF: il-ġirant jieħu r-responsabbiltà tal-ispiża tal-assigurazzjoni u tan-nol u x-xerrej jieħu r-responsabbiltà tal-merkanzija abbord il-bastiment fil-port ta’ destinazzjoni, fejn ikun responsabbli għar-riskju (u għall-ispejjeż) minn dan il-mument] u DDP. Wara l-investigazzjoni inizjali, il-bejgħ mill-ġdid kien prinċipalment imwettaq DDP; v) l-appellanti u l-kumpannija Am General LLC — Mishawaka, USA (iktar ’il quddiem “AMG”) ġew stabbiliti wara l-investigazzjoni inizjali. L-appellanti saret l-unika xerrejja tal-prodott u kienet tesportah, b’mod partikolari, lejn l-Unjoni Ewropea. AMG kienet tipprovdi lill-appellanti servizzi amministrattivi bħall-ipproċessar ta’ ordnijiet ta’ xiri u ta’ bejgħ, inklużi l-loġistika tal-kunsinni, l-amministrazzjoni tal-maħżen u l-fatturazzjoni. B’mod partikolari, l-appellanti fdatilha dawn il-kompiti fil-qafas tal-attività ta’ esportazzjoni tal-grupp; u vi) il-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti matul l-investigazzjoni inizjali wkoll inbidlu b’mod sinjifikattiv.
( 23 ) Sentenza RFA International vs Il-Kummissjoni (C‑239/15 P, EU:C:2017:337), punt 27.
( 24 ) Fis-sentenza (finali) tal-Kawża T‑487/14, CHEMK u KF vs Il-Kummissjoni (EU:T:2018:792), tal-istess data bħal dik ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ċaħdet talba simili, imressqa minn CHEMK u KF kontra d-deċiżjoni finali ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid minħabba l-iskadenza ta’ dawn id-dazji antidumping. Skont il-punt 61 ta’ din is-sentenza: “[f]’dan il-każ, ir-rikorrenti madankollu ma jitolbux, għall-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid tal-miżuri li jiskadu, l-applikazzjoni tal-istess metodu bħal dak użat għall-investigazzjoni inizjali, iżda l-applikazzjoni tal-istess metodu bħal dak użat għall-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid li wassal għar-regolament intermedjarju. Fil-fatt, inkwistjoni hemm it-tqassim tad-dazji antidumping li, naturalment, ma kinux fis-seħħ matul il-perijodu tal-investigazzjoni inizjali” (korsiv assenti fl-oriġinal).
( 25 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Il‑Litwanja vs Il‑Kummissjoni (C‑79/19 P, EU:C:2020:129): “mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li din ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali laqgħet insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, dment li dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u li l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli tal-proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti li tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja”.
( 26 ) ĠU 2014, C 164, p. 9.
( 27 ) L-Artikolu 4.1(b) (“L-implimentazzjoni tal-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku”) tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimbors tad-dazji antidumping huwa fformulat kif ġej: “Meta l-prezz tal-esportazzjoni jinbena skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tikkalkulah mingħajr ebda tnaqqis għall-ammont ta’ dazji antidumping imħallsa meta tkun mogħtija evidenza konklużiva li d-dazju huwa rifless kif suppost fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u l-prezzijiet għall-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni. Il-Kummissjoni teżamina jekk żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ lil konsumaturi indipendenti tal-Unjoni bejn il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali u ta’ rimborż tinkorporax dazji antidumping”.
( 28 ) Punt 71 tas-sentenza appellata. Dan il-punt jikkorrispondi għall-punt 64 tas-sentenza, definittiva, tal‑15 ta’ Novembru 2018, CHEMK u KF vs Il-Kummissjoni (T‑487/14, EU:T:2018:792).
( 29 ) Ibidem, punt 74.
( 30 ) Ara l-punt 63 u ċ-ċitazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
( 31 ) Sentenza Valimar, punt 51, b’riferiment għas-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2007:547), punti 40 u 41, kif ukoll għas-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 63).
( 32 ) Is-sentenza Valimar tillimita l-oqsma tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni magħmula mill-istituzzjonijiet “għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter” (punt 51).
( 33 ) Sentenza CHEMK u KF vs Il-Kummissjoni (T‑487/14, EU:T:2018:792).
( 34 ) Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2015, (T‑73/12, EU:T:2015:865, punt 155).
( 35 ) Punt 94 tar-rikors.
( 36 ) Fis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158, punt32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[l]-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina ex officio l-informazzjoni kollha disponibbli peress li l-irwol tagħha f’investigazzjoni antidumping ma huwiex dak ta’ arbitru b’kompetenza limitata li tiddeċiedi biss fid-dawl tal-informazzjoni u l-provi mressqa mill-partijiet fl-investigazzjoni”. Din id-deċiżjoni ttieħdet f’kuntest differenti, peress li din kienet tilwima dwar id-determinazzjoni tal-valur normali matul investigazzjoni inizjali.