IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.3.2022
COM(2022) 127 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili
1.Introduzzjoni
1.1.Sfond
Ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili (ir-“Regolament”) jikkomplementa d-Direttiva 2011/99/UE dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni (id-“Direttiva”). It-tnejn huma parti mill-istess pakkett leġiżlattiv. Ir-Regolament ġie adottat fit-12 ta’ Ġunju 2013, abbażi tal-Artikolu 81(2)(a), (e) u (f) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Id-Direttiva u r-Regolament jistabbilixxu sett konsistenti ta’ miżuri, flimkien mad-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (id-“Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi”). Dan isaħħaħ id-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittmi u l-vittmi potenzjali tal-kriminalità meta jivvjaġġaw jew jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor.
Id-Direttiva u r-Regolament għandhom l-għan li jiksbu dan l-objettiv billi jipprovdu bażi ġuridika għall-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jirrikonoxxu ordnijiet ta’ protezzjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor. Skont dan il-qafas legali, l-Istati Membri kollha jridu jirrikonoxxu u jeżegwixxu kemm ordnijiet ta’ protezzjoni kriminali kif ukoll miżuri ta’ protezzjoni ċivili maħruġa fi Stat Membru ieħor.
Kif meħtieġ skont l-Artikolu 21 tar-Regolament, dan ir-rapport jivvaluta l-applikazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni Ewropea trid tippreżenta wkoll rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u, jekk ikun meħtieġ, kwalunkwe proposta għal emendi. Għalkemm ir-rapport kellu jitlesta sal-11 ta’ Jannar 2021, it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fl-ewwel nofs tal-2020 poġġiet lill-Kummissjoni taħt pressjoni bla preċedent biex tittratta fajls urġenti relatati mal-COVID-19. Dan dewwem il-valutazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħha.
Ir-Regolament jikkomplementa d-Direttiva biex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda lakuna legali fil-qafas tal-UE għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta’ protezzjoni għall-vittmi tal-kriminalità. Għalhekk, dan ir-rapport irid jinqara flimkien mar-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, li l-Kummissjoni ppubblikat fil-11 ta’ Mejju 2020. Flimkien, ir-rapporti jipprovdu stampa sħiħa tar-regoli minimi li japplikaw madwar l-UE dwar ir-rikonoxximent transnazzjonali u l-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri.
1.2.Għan u elementi ewlenin tar-Regolament
Ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura li persuna fiżika li tibbenefika minn miżura ta’ protezzjoni f’materji ċivili fi Stat Membru wieħed tista’ tkompli tiddependi fuq tali protezzjoni meta tiċċaqlaq jew tivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor. Fl-istess ħin, ir-Regolament għandu l-għan li jissalvagwardja d-drittijiet tad-difiża tal-persuna li tikkawża r-riskju.
Għalhekk, ir-Regolament jistabbilixxi regoli għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta’ protezzjoni ordnati fl-Istati Membri. Dawn ir-regoli jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw protezzjoni kontinwa fl-UE kollha bl-użu ta’ mekkaniżmu sempliċi u rapidu.
Ir-Regolament japplika għal miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni f’materji ċivili, ordnati bħala parti minn proċeduri ċivili u amministrattivi. B’mod aktar speċifiku, dan japplika għal miżuri li jimponu obbligi fuq persuna li tikkawża riskju għall-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna oħra u li l-għan tagħhom huwa li jipproteġu lil din il-persuna l-oħra. Ir-Regolament japplika għall-vittmi kollha. Ikopri l-aktar tliet tipi komuni ta’ miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni:
·il-projbizzjonijiet jew ir-regolamentazzjoni ta’ dħul fil-post fejn il-persuna protetta tirrisjedi, taħdem jew toqgħod, jew li l-persuna protetta żżur regolarment;
·il-projbizzjonijiet jew ir-regolamentazzjoni tal-kuntatt, fi kwalunkwe forma, mal-persuna protetta; u
·il-projbizzjonijiet jew ir-regolamentazzjoni milli wieħed jersaq lejn il-persuna protetta eqreb mid-distanza preskritta.
Il-miżuri ta’ protezzjoni fil-biċċa l-kbira għandhom l-għan li jipprevjenu kwalunkwe forma ta’:
·vjolenza abbażi tal-ġeneru;
·vjolenza domestika; jew
·vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib, bħal vjolenza fiżika, fastidju, aggressjoni sesswali, stalking, intimidazzjoni jew forom oħra ta’ koerċizzjoni indiretta.
Il-vittmi ta’ tali reati huma partikolarment esposti għal vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimidazzjoni u ritaljazzjoni. Fil-prattika, in-nisa huma l-benefiċjarji primarji tal-miżuri ta’ protezzjoni.
L-ordnijiet ta’ protezzjoni normalment jinvolvu ksur relattivament limitat tal-libertà ta’ moviment tal-persuna li tikkawża r-riskju. Il-ħruġ u l-monitoraġġ ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni ġeneralment ma jinvolvux investimenti finanzjarji sinifikanti. Madankollu, dawn jistgħu jgħinu biex titnaqqas u tiġi evitata l-vjolenza.
Fil-prattika, il-persuna li tirċievi protezzjoni permezz ta’ miżura nazzjonali waħda jew aktar (il-“persuna protetta”) tagħmel talba lill-awtorità tal-Istat Membru li fih jiġu ordnati l-miżuri ta’ protezzjoni (l-“awtorità emittenti”). Jekk it-talba tintlaqa’, l-awtorità emittenti f’dan l-Istat Membru (l-“Istat Membru tal-oriġini”) toħroġ ċertifikat. Imbagħad, l-awtorità emittenti tibgħat dan iċ-ċertifikat lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor (l-“Istat Membru indirizzat”) biex il-miżuri ta’ protezzjoni jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fit-territorju tal-Istat Membru indirizzat. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru indirizzat tista’ tadotta kwalunkwe miżura disponibbli skont id-dritt nazzjonali tagħha f’każ simili biex tkompli l-protezzjoni tal-persuna protetta fit-territorju tal-Istat Membru indirizzat. L-Istat Membru indirizzat għandu jipprovdi lill-vittma bl-istess livell ta’ protezzjoni li jipprovdi liċ-ċittadini tiegħu stess f’sitwazzjoni simili.
Iċ-ċertifikat dwar il-miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili jieħu l-forma ta’ mudell standard multilingwi, li ġie adottat permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni sussegwenti. L-Istati Membri l-oħra jridu jirrikonoxxu dan iċ-ċertifikat mingħajr ebda verifika addizzjonali. Iċ-ċertifikat irid ikun direttament eżegwibbli, li jfisser li l-persuna protetta tkun tista’ tinvoka direttament il-miżuri ta’ protezzjoni quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru indirizzat.
Mill-11 ta’ Jannar 2015, ir-Regolament huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha ħlief fid-Danimarka.
1.3.Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni tar-rapport
L-analiżi tal-Kummissjoni tibni l-aktar fuq informazzjoni diretta mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għamlet estrazzjoni tad-data primarja min-notifiki tal-Istati Membri skont l-Artikolu 18(1). Dawn in-notifiki jelenkaw l-awtoritajiet kompetenti u l-lingwi aċċettati għall-fini tar-Regolament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat it-tweġibiet għal kwestjonarju dwar l-applikazzjoni tar-Regolament mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Kummissjoni kienet bagħtet dan il-kwestjonarju lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri f’Lulju 2021 u 19-il Stat Membru kienu wieġbu. Mill-Istati Membri kollha, 16 minnhom ikkonfermaw li s-sistema legali tagħhom tippermetti miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili. Il-Kummissjoni ġabret informazzjoni addizzjonali dwar l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri bl-użu tal-portal tal-Ġustizzja Elettronika.
Biex tabbozza dan ir-rapport, il-Kummissjoni użat żewġ studji addizzjonali, li kkomplementaw id-data mill-Istati Membri. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni siltet minn studju ppubblikat mill-Parlament Ewropew fl-2017. L-istudju eżamina l-funzjonament tar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili bħala parti minn valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva. Il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-istudju finali tal-POEMS, proġett iffinanzjat mill-programm DAPHNE tal-Kummissjoni bejn l-2012 u l-2014. L-istudju mmappja l-leġiżlazzjoni u vvaluta l-impatt tal-ordnijiet ta’ protezzjoni fl-Istati Membri.
Dan ir-rapport jiffoka fuq dispożizzjonijiet li jiffurmaw il-qalba tar-Regolament u li huma kruċjali għall-funzjonament bla xkiel tar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili madwar l-UE.
Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu l-obbligu li jiġu nnotifikati t-tipi ta’ awtoritajiet li huma kompetenti f’materji koperti mir-Regolament, filwaqt li jispeċifikaw:
·l-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu ċertifikati ta’ miżura ta’ protezzjoni ċivili;
·l-awtoritajiet li quddiemhom għandha tiġi invokata miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stat Membru ieħor (u li huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura);
·l-awtoritajiet li huma kompetenti biex jeffettwaw aġġustament tal-miżuri ta’ protezzjoni; u
·l-awtoritajiet li lilhom għandha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal rifjut ta’ rikonoxximent.
Ir-rapport iħares ukoll lejn:
·l-arranġamenti lingwistiċi tal-Istati Membri;
·l-obbligu li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna li tikkawża r-riskju jiġu rispettati;
·il-ħruġ, l-ipproċessar u t-trażmissjoni taċ-ċertifikati ta’ miżura ta’ protezzjoni ċivili; u
·ir-rettifika u l-irtirar taċ-ċertifikati ta’ miżura ta’ protezzjoni ċivili.
2.valutazzjoni ġenerali
Ir-rapport ikopri l-Istati Membri kollha li huma marbuta bir-Regolament.
L-awtoritajiet emittenti fl-Istati Membri tal-oriġini jistgħu jordnaw miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili, pereżempju projbizzjonijiet milli wieħed jersaq lejn il-persuna l-oħra eqreb mid-distanza preskritta. Skont il-premessa 14 tar-Regolament, l-Istat Membru indirizzat irid jirrikonoxxi tali miżura bħala miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili.
Barra minn hekk, il-kunċett ta’ materji ċivili jrid jiġi interpretat b’mod awtonomu. L-awtorità li tordna miżura ta’ protezzjoni tista’ tkun ta’ natura ċivili, amministrattiva jew kriminali. Madankollu, din in-natura mhijiex rilevanti meta jiġi vvalutat jekk miżura ta’ protezzjoni hijiex ta’ natura ċivili, sakemm id-deċiżjoni nnifisha tikkonċerna materji ċivili (il-premessa 10).
Ir-Regolament iqis it-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri u ma jinterferixxix mas-sistemi nazzjonali għall-ordnijiet ta’ miżuri ta’ protezzjoni. Dan ifisser li dan ma jobbligax lill-Istati Membri jibdlu s-sistemi nazzjonali tagħhom biex jippermettu l-miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili. Lanqas ma jobbliga lill-Istati Membri jintroduċu miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili għall-applikazzjoni tar-Regolament (il-premessa 12).
Il-Kummissjoni rċeviet konferma minn 16-il Stat Membru li s-sistemi legali tagħhom jippermettu miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili. Mill-Istati Membri kollha, erbgħa minnhom ikkonfermaw li ma jippermettux miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili jew ċertifikati koperti mir-Regolament. Il-Kummissjoni qieset dan meta abbozzat ir-rapport.
B’riżultat ta’ dan, ir-rapport jirrifletti s-sitwazzjoni fl-Istati Membri sa fejn ir-Regolament huwa applikabbli għalihom fil-prattika. Ir-rapport iqis ukoll il-premessa 12 tar-Regolament.
Ir-rapport finali tal-POEMS tal-2015 u l-istudju tal-Parlament Ewropew tal-2017 sabu li l-Istati Membri kollha jipprevedu xi forma ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni kriminali jew ċivili. Madankollu, iż-żewġ studji sabu li l-liġijiet tal-ordni ta’ protezzjoni u l-livelli ta’ protezzjoni jvarjaw b’mod sinifikanti madwar l-UE, u għalhekk jistgħu jfixklu l-funzjonament bla xkiel tad-Direttiva u tar-Regolament, li flimkien jiffurmaw il-qafas legali tal-UE.
Jidher li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiffavorixxu sistema fejn il-miżuri ta’ protezzjoni jiġu ordnati wara proċedura kriminali, jew wara proċedura ċivili jew amministrattiva. Fi Stati Membri oħra, hemm taħlita ta’ miżuri ċivili u kriminali disponibbli għall-vittmi.
F’ċerti każijiet jista’ jkun diffiċli għall-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jiddeterminaw jekk id-Direttiva jew ir-Regolament japplikax. Din is-sitwazzjoni x’aktarx li sseħħ meta ordni waħda ta’ protezzjoni tinkludi diversi miżuri ta’ natura differenti (ċivili, amministrattiva jew kriminali).
Għalhekk, kemm ir-rapport finali tal-POEMS tal-2015 kif ukoll l-istudju tal-Parlament Ewropew tal-2017 jissuġġerixxu li, fil-prattika, l-użu tal-miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili u kriminali u l-mod kif jiġu applikati jvarjaw ħafna madwar l-UE.
3.valutazzjoni speċifika
3.1.Awtoritajiet kompetenti (l-Artikolu 18(1)(a))
L-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament jirrikjedi li l-Istati Membri jiffurmaw lill-Kummissjoni bit-tipi ta’ awtoritajiet li huma kompetenti f’materji koperti bir-Regolament. Sa Lulju 2015, l-Istati Membri kollha marbuta bir-Regolament ħlief wieħed kienu nnotifikaw l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni.
Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament, l-awtorità emittenti tal-Istat Membru tal-oriġini trid, fuq talba tal-persuna protetta, toħroġ ċertifikat bl-użu ta’ formola standard multilingwi. L-Artikolu 18(1)(a)(i) jirrikjedi li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kategoriji ta’ awtoritajiet kompetenti biex jordnaw miżuri ta’ protezzjoni u joħorġu ċertifikati.
Mill-Istati Membri kollha li għalihom japplika r-Regolament, 20 minnhom innotifikaw li l-awtoritajiet kompetenti biex jordnaw u joħorġu miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili huma qrati ġeografikament kompetenti. Dawn jinkludu l-qrati tal-prim’istanza, qrati tal-appell u l-qrati supremi. Mill-Istati Membri kollha, ħamsa minnhom semmew b’mod espliċitu l-qrati tal-familja jew it-taqsima tal-familja tal-qrati filwaqt li Stat Membru wieħed semma l-qorti tax-xogħol. Barra minn hekk, erba’ Stati Membri nnotifikaw li l-prosekuturi pubbliċi huma wkoll kompetenti.
Sabiex jitqiesu d-diversi tipi ta’ awtoritajiet li jordnaw miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili fl-Istati Membri, ir-Regolament japplika għad-deċiżjonijiet kemm tal-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll dawk amministrattivi. Madankollu, l-awtoritajiet amministrattivi jridu joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità tagħhom u tad-dritt tal-partijiet għal stħarriġ ġudizzjarju. Dan ifisser ukoll li l-awtoritajiet tal-pulizija ma jistgħux ikunu awtoritajiet emittenti (il-premessa 13). Stat Membru wieħed informa lill-Kummissjoni li s-sindku ta’ belt huwa kompetenti. Stat Membru ieħor innotifika li l-pulizija, fil-kapaċità tagħha bħala korp mogħti setgħat ta’ amministrazzjoni pubblika, tista’ tordna miżuri temporanji ta’ trażżin preventiv, u toħroġ ċertifikati.
L-Artikolu 18(1)(a)(ii) tar-Regolament jirrikjedi li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-tipi ta’ awtoritajiet:
·li quddiemhom għandha tiġi invokata miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stat Membru ieħor; u/jew
·li huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura.
Mill-Istati Membri kollha, 12 minnhom ħatru qrati, u minn dawn kollha ħlief Stat Membru wieħed ħatru b’mod espliċitu qrati ġeografikament kompetenti, bħal qrati distrettwali, qrati tal-belt jew qrati tal-kontea. Fi tliet Stati Membri, il-prosekuturi pubbliċi huma kompetenti, u f’erbgħa oħra, il-bailiff huwa kompetenti. Barra minn hekk, tmien Stati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għall-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni. Jidher li f’żewġ Stati Membri, il-pulizija hija direttament responsabbli għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati u għall-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni.
L-Artikolu 18(1)(a)(iii) tar-Regolament jirrikjedi li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-tipi ta’ awtoritajiet li huma kompetenti biex jeffettwaw aġġustament tal-miżuri ta’ protezzjoni. Mill-Istati Membri kollha, 18 minnhom ħatru b’mod espliċitu qrati ġeografikament kompetenti, bħal qrati distrettwali, qrati tal-belt, qrati tal-kontea jew il-president tat-tribunal lokali. Barra minn hekk, tliet Stati Membri ħatru qrati jew qrati tal-prim’istanza b’mod ġenerali, filwaqt li żewġ Stati Membri ħatru prosekuturi pubbliċi u 2 oħrajn ħatru l-bailiff.
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 18(1)(a)(iv) tar-Regolament jirrikjedi li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-tipi ta’ awtoritajiet li lilhom għandha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal rifjut ta’ rikonoxximent (jew eżekuzzjoni). Mill-Istati Membri kollha, 17 minnhom ħatru qrati b’mod espliċitu qrati ġeografikament kompetenti. Min-naħa l-oħra, erba’ Stati Membri nnotifikaw tipi oħra ta’ qrati, bħall-qrati tal-prim’istanza, qrati tar-reati minuri u qrati tal-appell.
3.2.Reġim lingwistiku (l-Artikolu 18(1)(b), l-Artikolu 16, l-Artikolu 4(2)(c) u l-Artikolu 5(3))
Jekk ikun meħtieġ, persuna protetta li tixtieq tinvoka miżura ta’ protezzjoni fl-Istat Membru indirizzat trid tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti bi traduzzjoni taċ-ċertifikat (l-Artikolu 4(2)(c)). Il-persuna protetta tista’ titlob lill-Istat Membru tal-oriġini biex jipprovdi din it-traduzzjoni (l-Artikolu 5(3)).
Iċ-ċertifikat irid jiġi tradott f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew f’lingwa uffiċjali tal-UE li dan l-Istat Membru jkun innotifika li jista’ jaċċetta (l-Artikolu 16(1)). L-Istati Membri kellhom sal-11 ta’ Lulju 2014 biex jinnotifikaw din l-informazzjoni lill-Kummissjoni (l-Artikolu 18(1)(b)). Mill-Istati Membri kollha, tmienja minnhom irrispettaw din l-iskadenza. Sa Lulju 2015, l-Istati Membri kollha marbuta bir-Regolament ħlief wieħed kienu nnotifikaw l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni.
Mill-Istati Membri kollha, tlieta minnhom jaċċettaw ċertifikati li jidħlu bl-Ingliż u Stat Membru wieħed informa lill-Kummissjoni li waħda mill-qrati distrettwali tiegħu taċċetta ċertifikati li jidħlu bit-Taljan. Barra minn hekk, żewġ Stati Membri jaċċettaw ċertifikati li jidħlu f’lingwi addizzjonali fuq bażi reċiproka.
3.3.Garanziji proċedurali għall-persuna li tikkawża r-riskju (l-Artikoli 6, 11, 12 u 13)
Ir-Regolament jipprevedi salvagwardji speċifiċi biex jiġi żgurat li, jekk persuna protetta titlob il-ħruġ ta’ ċertifikat, id-drittijiet tad-difiża tal-persuna li tikkawża r-riskju jiġu rispettati (l-Artikolu 6). B’mod partikolari, l-awtorità kompetenti trid tivverifika jekk il-persuna li tikkawża r-riskju:
·kinitx notifikata bil-miżura ta’ protezzjoni (jew bl-aġġustament tagħha, f’konformità mal-Artikolu 11(3));
·kinitx notifikata bil-bidu tal-proċediment; jew
·kellhiex id-dritt li tikkontesta l-miżura ta’ protezzjoni fl-Istat Membru tal-oriġini.
F’ħames Stati Membri, il-persuna li tikkawża r-riskju tiġi nnotifikata bil-miżura ta’ protezzjoni personalment, mill-bailiff jew mill-uffiċjal tal-qorti.
F’żewġ Stati Membri, il-persuna tiġi nnotifikata personalment jew permezz ta’ ittra reġistrata. Fi Stat Membru wieħed, dan isir biss permezz ta’ ittra reġistrata. Fi Stat Membru wieħed, in-notifika ssir bil-miktub fil-biċċa l-kbira tal-każijiet (elettronikament jew permezz ta’ ittra reġistrata). Jekk il-persuna li tikkawża r-riskju tkun preżenti waqt is-seduta, l-informazzjoni tingħata bil-fomm. Fi Stat Membru wieħed, il-persuna tiġi nnotifikata b’ittra postali normali. Fi tliet Stati Membri, il-pulizija tista’, f’xi każijiet, tagħmel in-notifika personalment.
Fi tliet Stati Membri, ma hemm l-ebda regola speċifika dwar in-notifika taċ-ċertifikat. Il-persuna li tikkawża r-riskju tista’ tiġi nnotifikata b’diversi modi, bħal permezz ta’ mezzi elettroniċi, b’ittra reġistrata, permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kurrier jew personalment.
L-Istati Membri ma rrappurtaw l-ebda problema rikorrenti fin-notifika tal-persuna li tikkawża r-riskju.
Skont ir-Regolament, il-persuna li tikkawża r-riskju tista’ tieħu azzjoni ġudizzjarja fl-Istat Membru indirizzat. Il-persuna li tikkawża r-riskju tista’ tappella kontra l-aġġustament tal-miżura ta’ protezzjoni (l-Artikolu 11(5)). F’ċerti każijiet, din il-persuna tista’ titlob ukoll ir-rifjut tar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni (l-Artikolu 13(1)).
Stat Membru wieħed ipprovda statistika dwar l-azzjoni li l-persuni li kkawżaw ir-riskju kienu ħadu quddiem il-qorti tal-prim’istanza. Kien hemm total ta’ 13-il talba fl-2017, 28 talba fl-2018 u 13-il talba fl-2019.
3.4.Ħruġ, proċessar u trażmissjoni taċ-ċertifikat (l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1))
Persuna protetta tista’ titlob lill-awtorità emittenti tal-Istat Membru tal-oriġini biex toħroġ iċ-ċertifikat (l-Artikolu 5(1)) u tindirizzah lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni. Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament, l-Istati Membri jridu jirrikonoxxu l-miżuri ta’ protezzjoni ordnati fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ kwalunkwe proċedura speċjali. Barra minn hekk, dawn il-miżuri jridu jkunu direttament eżegwibbli fl-Istat Membru indirizzat.
It-tħaddim tal-formola standard multilingwi maħruġa skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, inkluż il-kontenut tagħha, kien sodisfaċenti skont it-tmien Stati Membri kollha li pprovdew feedback dwar il-kwistjoni.
Mill-Istati Membri kollha, sebgħa minnhom għamluha possibbli li ċ-ċertifikati jintbagħtu elettronikament. Barra minn hekk, ħames Stati Membri kkonfermaw li ċ-ċertifikati għar-rikonoxximent tal-miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili jistgħu jiġu pproċessati b’mod diġitali. Minn dawn l-Istati Membri, erbgħa minnhom kellhom esperjenza pożittiva f’dan ir-rigward u l-ebda minnhom ma kellu esperjenza negattiva. L-ebda Stat Membru ma għarraf lill-Kummissjoni b’xi problemi biex jintbagħtu ċ-ċertifikati. Madankollu, Stat Membru wieħed innota li jridu jimtlew formoli standard separati jekk tkun ikkonċernata aktar minn persuna waħda. F’każijiet bħal dawn, il-formoli jieħdu aktar żmien biex jimtlew.
L-ebda Stat Membru ma ddikjara problemi rikorrenti bil-proċedura, inkluż fil-konformità mal-iskadenzi. Fl-aħħar nett, erba’ Stati Membri indikaw li ma għandhomx data jew esperjenza prattika.
3.5.Rettifika jew irtirar ta’ miżuri ta’ protezzjoni u ċertifikati (l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 9(1))
Miżura ta’ protezzjoni tista’ tiġi sospiża, limitata jew irtirata fl-Istat Membru tal-oriġini. F’każ bħal dan, il-persuna protetta jew il-persuna li tikkawża r-riskju tista’ titlob il-ħruġ ta’ ċertifikat biex tiżgura li din il-bidla titqies fl-Istat Membru indirizzat (l-Artikolu 14(1)).
Jekk ċertifikat ikun fih żball klerikali jew ikun b’mod ċar ingħata ħażin, il-persuna protetta jew il-persuna li tikkawża r-riskju tista’ titlob ir-rettifika jew l-irtirar taċ-ċertifikat. L-awtorità emittenti tista’ tagħmel dan ukoll fuq inizjattiva tagħha stess (l-Artikolu 9(1)).
It-tħaddim tal-formola standard multilingwi maħruġa skont l-Artikolu 14 tar-Regolament, inkluż il-kontenut tagħha, kien sodisfaċenti skont it-tmien Stati Membri kollha li pprovdew feedback dwar il-kwistjoni.
Stat Membru wieħed biss ipprovda informazzjoni dwar iż-żmien medju biex iseħħ l-irtirar jew ir-rettifika, u indika li dawn jieħdu bejn 10 ijiem u 14-il jum. Barra minn hekk, Stat Membru wieħed informa li f’każ wieħed, iċ-ċertifikat kellu jiġi rettifikat minħabba żball fil-kalkolu.
Fi Stat Membru ieħor, id-dritt nazzjonali ma jistabbilixxi l-ebda skadenza biex iċ-ċertifikat jiġi rettifikat jew irtirat. F’dan l-Istat Membru, il-kwistjoni tiġi eżaminata matul seduta fil-qorti li dwarha l-parteċipanti jridu jiġu nnotifikati minn qabel. Għalhekk, it-tul tal-proċedura jista’ jvarja skont it-tul ta’ dawn il-proċedimenti tal-qorti. Fl-aħħar nett, disa’ Stati Membri ma pprovdewx data jew indikaw li ma kellhom l-ebda każ.
3.6.Sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament
Mill-Istati Membri kollha, sebgħa minnhom qajmu kuxjenza dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-professjonisti ġudizzjarji, b’mod partikolari bl-użu ta’ ittri ta’ informazzjoni, siti web, gwidi u manwali, kmamar tal-avukati u linji gwida.
Ġew organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament f’ħames Stati Membri. Madankollu, f’erbgħa minnhom, dawn is-sessjonijiet ma ffukawx speċifikament fuq ir-Regolament, iżda pjuttost kienu parti minn programmi għall-imħallfin u/jew għall-uffiċjali tal-qorti b’perspettiva aktar ġenerali.
4.Ġbir tad-data
F’Lulju 2021, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex tiġbor data u informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Kummissjoni rċeviet tweġiba minn 19-il Stat Membru, li minnhom 16-il Stat Membru kkonfermaw li s-sistemi legali tagħhom jippermettu miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili.
Il-Kummissjoni sabet li 10 Stati Membri (jiġifieri nofs l-Istati Membri li għalihom japplika r-Regolament) iddikjaraw li ma ddiżaggregawx data statistika dwar miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili. Għalhekk, dawn l-Istati Membri ma setgħux jipprovdu data dwar l-għadd ta’ ċertifikati maħruġa jew irċevuti skont ir-Regolament. Mill-Istati Membri kollha, sebgħa minnhom ipprovdew data, iżda indikaw għadd estremament baxx kemm għaċ-ċertifikati maħruġa kif ukoll għaċ-ċertifikati rċevuti (minn 1 sa 0). Fi Stat Membru wieħed, inħarġu 25 ċertifikat.
Mill-Istati Membri kollha, 14 minnhom wieġbu li ma kellhom l-ebda każ jew ma kellhomx statistika diżaggregata dwar it-talbiet għall-ħruġ taċ-ċertifikati li kienu rċevew bħala Stat Membru tal-oriġini. Min-naħa l-oħra, żewġ Stati Membri infurmaw li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom kienu rċevew talba waħda kull wieħed biex joħorġu ċertifikat, u waħda minnhom kienet ġiet miċħuda.
Il-kwestjonarju staqsa wkoll dwar każijiet li fihom l-Istati Membri, li jaġixxu bħala Stat Membru indirizzat, eżegwixxu miżura ta’ protezzjoni permezz taċ-ċertifikat tal-Artikolu 5 u eventwalment aġġustaw din il-miżura. Mill-Istati Membri kollha, ħamsa minnhom indikaw li ma kellhomx każijiet bħal dawn.
B’mod simili, ħames Stati Membri indikaw li ma kellhom l-ebda każ li jinvolvi proċedura ta’ appell kontra l-aġġustament ta’ miżura ta’ protezzjoni.
Kważi l-Istati Membri kollha li wieġbu għall-kwestjonarju indikaw li ma kellhomx każijiet magħrufa ta’ miżuri ta’ protezzjoni sospiżi, rettifikati jew irtirati (żewġ Stati Membri) jew data diżaggregata dwarhom (disa’ Stati Membri) skont l-Artikolu 14 jew l-Artikolu 9 tar-Regolament. Dan huwa irrispettivament minn jekk aġixxewx bħala Stat Membru tal-oriġini jew bħala Stat Membru indirizzat. Fi Stat Membru wieħed, ċertifikat wieħed ġie rettifikat f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament, minħabba żball fil-kalkolu.
Ir-rapport finali tal-POEMS tal-2015 u l-istudju tal-Parlament Ewropew tal-2017 diġà indikaw in-nuqqas ta’ data affidabbli u disponibbli għall-pubbliku dwar l-okkorrenza tal-ordnijiet ta’ protezzjoni ċivili. Iż-żewġ studji rrappurtaw li ħafna Stati Membri ma kellhomx statistika regolari u setgħu jiddependu biss fuq studji inċidentali. Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta normalment tkopri ċerti ordnijiet ta’ protezzjoni jew ċerti partijiet tal-pajjiż. L-istudji kkonkludew li d-differenzi kbar fid-data miġbura f’diversi Stati Membri jistgħu jissuġġerixxu li l-okkorrenza vera tal-miżuri ta’ protezzjoni ċivili kienet fil-biċċa l-kbira sottovalutata. Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-2021 wasslu għal konklużjoni simili. In-nuqqas ta’ data diżaggregata minn Stati Membri li s-sistemi legali tagħhom jippermettu miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili joħloq sfidi għall-istima reali tal-użu tal-miżuri ta’ protezzjoni ċivili.
5.Konklużjoni
Il-funzjonament bla xkiel tar-Regolament huwa ta’ importanza kbira biex joffri protezzjoni sħiħa u affidabbli lill-vittmi tal-kriminalità fl-UE meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu.
Skont l-Istati Membri kkonċernati, il-qalba tas-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilita mir-Regolament (jiġifieri t-tħaddim tal-formola standard multilingwi) hija sodisfaċenti. Barra minn hekk, jidher li l-Istati Membri ma ltaqgħu mal-ebda kwistjoni ewlenija meta applikaw l-aspetti ewlenin tar-Regolament, jiġifieri dawk dwar il-ħruġ, l-ipproċessar u t-trażmissjoni taċ-ċertifikati. Diversi Stati Membri jistgħu jibagħtu ċ-ċertifikati elettronikament.
L-Istati Membri wkoll ma jirrapportawx l-ebda problema rikorrenti fir-rigward tal-garanziji proċedurali għall-persuna li tikkawża r-riskju. B’mod partikolari, fir-rigward tan-notifika lil din il-persuna tal-miżuri ta’ protezzjoni, l-Istati Membri japplikaw proċeduri differenti, bħal notifika b’ittri reġistrati, b’mezzi elettroniċi jew notifika personali.
L-analiżi ma identifikatx kwistjonijiet problematiċi fir-rigward tar-rettifika u l-irtirar tal-miżuri ta’ protezzjoni. Uħud mill-Istati Membri indikaw li ma kellhomx każijiet bħal dawn.
Madankollu, b’mod simili għar-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni, din l-analiżi wriet li x’aktarx id-differenzi fil-liġijiet u l-prattiki dwar il-miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni fl-UE jipprevjenu lill-istrument milli jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu u jaffettwaw is-suċċess tar-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta’ protezzjoni. L-analiżi turi li f’ċerti każijiet jista’ jkun diffiċli biex jiġi determinat jekk id-Direttiva jew ir-Regolament japplikax. Pereżempju, hemm każijiet fejn ordni waħda ta’ protezzjoni tinkludi diversi miżuri ta’ natura differenti (ċivili, amministrattiva jew kriminali).
Barra minn hekk, dan ir-rapport juri li hemm lok biex jitjieb l-għarfien dwar ir-Regolament fl-Istati Membri. Il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni u gwida lill-prattikanti u lill-partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali jistgħu jgħinu biex isir użu aħjar tar-Regolament.