|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/3822 |
19.6.2024 |
Riżoluzzjoni mill-Assemblea Parlamentari Euronest dwar l-impatt ekonomiku tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna u l-Viċinat tal-Lvant
(C/2024/3822)
L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,
|
— |
wara li kkunsidrat l-Att Kostituttiv tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta’ Mejju 2011 u d-dikjarazzjoni konġunta tas-summit tas-Sħubija mal-Lvant tal-24 ta’ Novembru 2017, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (1), b’mod partikolari ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-enerġija atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (2), b’mod partikolari ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (3), b’mod partikolari ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (4), |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ sħubija u kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan mill-parti l-oħra (5), |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tagħha tal-21 ta’ Frar 2023 dwar it-tranżizzjoni lejn enerġija ekoloġika bħala risposta għall-isfidi attwali fil-qasam tas-sigurtà enerġetika fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni u tal-okkupazzjoni min-naħa tar-Russja (6), |
|
— |
wara li kkunsidrat l-aġenda mġedda għall-irkupru, ir-reżiljenza u r-riforma sostnuta minn pjan ekonomiku u ta’ investiment għas-Sħubija mal-Lvant, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-programm indikattiv pluriennali għall-2021-2027 għall-Viċinat tal-Lvant, |
|
— |
wara li kkunsidrat l-applikazzjonijiet għall-adeżjoni mal-UE tal-Ukrajna u tal-Moldova fit-28 ta’ Frar 2022 u fit-3 ta’ Marzu 2022 rispettivament, u d-deċiżjoni sussegwenti tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 li tagħtihom status ta’ pajjiż kandidat, |
|
— |
wara li kkunsidrat l-applikazzjoni għall-adeżjoni mal-UE tal-Georgia fit-3 ta’ Marzu 2022 u d-deċiżjoni sussegwenti tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 biex tirrikonoxxi l-prospettiva Ewropea tagħha, |
|
— |
wara li kkunsidrat id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-14-15 ta’ Diċembru 2023 biex jinfetħu n-negozjati ta’adeżjoni mal-Ukrajna u mal-Moldova, u biex jingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Georgia, |
|
— |
wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni tar-Reġjuni u tal-Bliet tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Marzu 2022 dwar is-Solidarjetà mal-Ukrajna, |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2022 dwar “Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha” (7), u tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar “L-Ukrajna – minn għajnuna għal rikostruzzjoni – proposti mis-soċjetà ċivili Ewropea” (8), |
|
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2022 bit-titolu “Solidarjetà Ewropea mar-refuġjati u dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna” (COM(2022)0107), |
|
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 bit-titolu “L-għajnuna lill-Ukrajna u r-rikostruzzjoni tagħha” (COM(2022)0233), |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2022 fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir (9), |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +) (10), |
|
— |
wara li kkunsidrat id-dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Kunsill Ewropew, tal-President tal-Kummissjoni u tal-President tal-Ukrajna adottata fl-24 Summit UE-Ukrajna fit-3 ta’ Frar 2023 fi Kiev, |
|
— |
wara li kkunsidrat it-Tielet Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet tal-Ukrajna tal-14 ta’ Frar 2024, li tħejjiet b’mod konġunt mill-Gvern tal-Ukrajna, mill-Kummissjoni, mill-Bank Dinji u min-Nazzjonijiet Uniti, |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Frar 2023 dwar l-aggressjoni armata min-naħa tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna (11), tal-21 ta’ Frar 2023 dwar l-importanza strateġika li jinbdew negozjati ta’ adeżjoni mal-UE mal-Ukrajna u mal-Moldova (12) u tal-21 ta’ Frar 2023 dwar l-appoġġ lill-Ukrajna, lill-Moldova u lill-Georgia fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE (13), |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar l-eskalazzjoni min-naħa tar-Russja tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna (14), |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2023 dwar sena wara l-invażjoni u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (15), |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2023 dwar ir-rikostruzzjoni sostenibbli u l-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-komunità Ewro-Atlantika (16), |
|
— |
wara li kkunsidrat il-komunikat tas-Summit tan-NATO ta’ Vilnius tal-11 ta’ Lulju 2023, |
|
— |
wara li kkunsidrat id-dikjarazzjonijiet tal-mexxejja tal-G7 tas-27 ta’ Ġunju 2022 u tad-19 ta’ Mejju 2023 dwar l-Ukrajna, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali ta’ Esperti dwar l-Irkupru, ir-Rikostruzzjoni u l-Modernizzazzjoni tal-Ukrajna, li saret f’Berlin fil-25 ta’ Ottubru 2022, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Konferenza għall-Irkupru tal-Ukrajna li saret f’Lugano fl-4 u l-5 ta’ Lulju 2022, b’mod partikolari s-seba’ “Prinċipji ta’ Lugano”, li huma l-prinċipji gwida għall-proċess ta’ rkupru fl-Ukrajna, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar l-Ukrajna, li approvaw l-idea ta’ pjattaforma ta’ rikostruzzjoni tal-Ukrajna li tgħaqqad flimkien lill-Gvern Ukren, l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Bank Ewropew tal-Investiment, kif ukoll sħab internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji, organizzazzjonijiet, esperti u partijiet interessati, |
|
— |
wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Konferenza għall-Irkupru tal-Ukrajna li saret f’Londra fil-21 u t-22 ta’ Ġunju 2023, |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Ottubru 2023 dwar ir-rendikont tal-progress tal-Moldova fit-triq lejn l-UE (17), |
|
— |
wara li kkunsidrat il-pjan ta’ rkupru u żvilupp tal-Ukrajna għall-2022-2032, |
|
A. |
billi r-Russja bħalissa qed tiġġieled gwerra ta’ aggressjoni mhux ipprovokata, inġustifikata u illegali kontra l-Ukrajna, li minħabba fiha l-Ukrajna titlef l-aċċess għas-swieq finanzjarji u wasslet għal tnaqqis sinifikanti fid-dħul pubbliku tagħha; billi l-Ukrajna żiedet b’mod drastiku n-nefqa pubblika tagħha biex tiddefendi t-territorju sovran tagħha, tindirizza s-sitwazzjoni umanitarja u żżomm il-kontinwità tas-servizzi statali; |
|
B. |
billi, minbarra t-telf traġiku tal-ħajja tal-bnedmin, l-ispiża finanzjarja għall-appoġġ tar-reżiljenza, l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna qiegħda tiżdied ġurnata wara l-oħra, hekk kif il-forzi Russi u l-forzi bi prokura tagħhom ikomplu jiftħu attakki indiskriminati u malizzjużi fuq żoni residenzjali u infrastruttura ċivili, inklużi sptarijiet, djar u skejjel; billi eżempju wieħed ta’ dan huwa l-qerda min-naħa tar-Russja tad-diga ta’ Kakhovka f’att terroristiku tas-6 ta’ Ġunju 2023; |
|
C. |
billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja għandha implikazzjonijiet ekonomiċi u ta’ sigurtà enormi għall-pajjiżi kollha fis-Sħubija tal-Lvant tal-UE, b’mod partikolari l-Moldova, li l-ekonomija tagħha ntlaqtet b’mod gravi minn telf ta’ kummerċ, tnaqqis fl-investimenti barranin u żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tat-trasport; |
|
D. |
billi, minn mindu faqqgħet din il-gwerra ta’ aggressjoni, l-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab tal-istess fehma qed jagħtu appoġġ umanitarju, finanzjarju u tekniku sostanzjali lill-Ukrajna, flimkien ma’ appoġġ militari, li huwa ferm meħtieġ biex jassistu lill-Ukrajna fl-eżerċizzju tad-dritt leġittimu tagħha li tiddefendi ruħha kontra l-invażuri Russi; |
|
E. |
billi skont l-istimi tat-tielet Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet, li tfasslet mill-Gvern tal-Ukrajna, mill-Kummissjoni, mill-Grupp tal-Bank Dinji u min-Nazzjonijiet Uniti, u li ġiet ippubblikata fl-14 ta’ Frar 2024, l-ispiża tal-appoġġ għar-rikostruzzjoni u l-irkupru tal-Ukrajna se tkun USD 486 biljun matul l-għaxar snin li ġejjin; |
|
F. |
billi l-Pjattaforma għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi għall-Ukrajna tnediet fis-26 ta’ Jannar 2023, li tiġbor flimkien esperti mill-Ukrajna, mill-UE, mill-pajjiżi tal-G7, mill-Bank Ewropew tal-Investiment, mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, mill-Fond Monetarju Internazzjonali u mill-Bank Dinji, biex jaġixxu bħala katalizzaturi bil-għan li jimmobilizzaw l-impenji internazzjonali meħtieġa biex iwieġbu l-ħtiġijiet tal-Ukrajna; |
|
G. |
billi meta miġbura flimkien, l-impenji ta’ Tim Ewropa għall-Ukrajna mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-UE, mill-Bank Ewropew tal-Investiment u mill-Istati Membri tal-UE ammontaw għal EUR 132 biljun minn Lulju 2023; |
|
H. |
billi l-pjan ta’ rkupru u żvilupp tal-awtoritajiet Ukreni għall-2022-2032 jappoġġja l-impenn tagħhom biex jibnu mill-ġdid u jimmodernizzaw pajjiżhom u jimplimentaw ir-riformi tal-integrazzjoni tal-UE; |
|
I. |
billi r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna se toffri wkoll opportunità biex jiġu aċċelerati t-tranżizzjoni doppja, diġitali u ekoloġika, fil-pajjiż, inkluż billi jiġu żviluppati s-sovranità tal-enerġija u l-indipendenza mill-provvisti Russi, biex b’hekk “nibnu mill-ġdid aħjar” aktar milli sempliċement tiġi ripristinata jew riprodotta l-infrastruttura meqruda jew bil-ħsara; |
|
J. |
billi l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari l-Moldova, li offrew tranżitu jew kenn lil miljuni ta’ Ukreni mġiegħla jitilqu minn djarhom, qegħdin isibu quddiemhom ukoll piż ekonomiku sinifikanti minħabba l-inflazzjoni dejjem tiżdied u, b’mod partikolari, iż-żidiet f’daqqa fil-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija; |
|
K. |
billi d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (18) għenet biex ittaffi l-integrazzjoni tar-rifuġjati Ukreni fl-UE billi tathom permess ta’ residenza u aċċess għall-impjieg, għas-sigurtà soċjali, għall-assistenza medika u għall-akkomodazzjoni jew djar xierqa; |
|
L. |
billi l-UE issa qed timplimenta l-Faċilità tal-Ukrajna għall-2024–2027, li tinkludi EUR 50 biljun kemm f’għotjiet kif ukoll f’self; billi dan il-finanzjament huwa żieda ma’ aktar minn EUR 85 biljun ta’ appoġġ, inkluża l-għajnuna militari, li diġà ngħatat lill-Ukrajna; billi huma mistennija riżorsi addizzjonali fl-ambitu tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI) u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III), b’mod partikolari għall-għajnuna umanitarja; |
|
M. |
billi l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija u l-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika għall-Ukrajna, pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant u l-UE se jibqgħu prijorità assoluta fis-snin li ġejjin; billi l-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant huma firmatarji tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-allinjament mal-acquis ambjentali tal-UE għandu importanza kruċjali għall-pajjiżi kandidati tal-UE; |
|
N. |
billi r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2023 dwar l-allinjament tal-Ukrajna mal-acquis tal-UE pprovda valutazzjoni komprensiva u pożittiva tal-progress tal-Ukrajna lejn it-tlestija tar-riformi meħtieġa, li tkompli tavvanza l-aspirazzjonijiet tagħha għall-adeżjoni mal-UE; |
|
O. |
billi n-negozjati bejn l-UE u l-pajjiżi kandidati tal-Ukrajna u l-Moldova jenħtieġ li jinbdew mill-aktar fis possibbli, wara d-deċiżjoni pożittiva tal-Kunsill Ewropew għal dan il-għan fl-14 ta’ Diċembru 2023; |
Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
|
1. |
Tikkundanna bl-aktar mod qawwi l-gwerra ta’ aggressjoni brutali, illegali u inġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, li fiha r-reġim illeġittimu Belarussu u l-mexxej tiegħu, Aliaksandr Lukashenka, huma kompliċi; titlob li r-Russja ġġib minnufih fi tmiemhom l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi kollha u t-tagħmir militari kollu mit-territorju kollu tal-Ukrajna rikonoxxut fuq livell internazzjonali; |
|
2. |
Tenfasizza li din il-gwerra ta’ aggressjoni tikser id-dritt internazzjonali, thedded is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Ewropa u tat bidu għal kriżi tal-ikel globali, li prinċipalment qed tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-inqas żviluppati, li għalihom ir-Russja u r-reġim illeġittimu Belarussu u l-mexxej tiegħu, Aliaksandr Lukashenka, iġorru responsabbiltà sħiħa; tisħaq fuq il-fatt li minħabba l-involviment dirett tiegħu, ir-reġim illeġittimu Belarussu għandu jinżamm responsabbli permezz ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u mmirati Ewropej; |
|
3. |
Tesprimi s-solidarjetà sħiħa tagħha mal-poplu tal-Ukrajna; tappoġġja bis-sħiħ l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, u tissottolinja li din il-gwerra tikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali; tagħti ġieħ lill-kuraġġ u r-reżiljenza enormi tal-poplu tal-Ukrajna u tal-forzi armati tal-pajjiż, li qed jiddefendu l-patrija u t-territorju sovran tagħhom kontra l-invażuri Russi; |
|
4. |
Titlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-sħab tagħhom tal-istess fehma jappoġġjaw lill-Ukrajna fid-difiża tagħha kontra l-gwerra ta’ aggressjoni illegali tar-Russja b’appoġġ umanitarju, finanzjarju u militari sostnut u billi jieqfu mal-Ukrajna għal kemm ikun hemm bżonn biex tikseb l-indipendenza, is-sovranità u l-kontroll sħiħ tagħha fuq it-territorju kollu tagħha rikonoxxut fuq livell internazzjonali; |
|
5. |
Tilqa’ d-deċiżjoni li ħadu xi kumpaniji Ewropej skont liema jitilqu mis-suq Russu u tinkoraġġixxi kumpaniji oħra jagħmlu l-istess u jagħtu prijorità lill-valuri u mhux lill-interess ekonomiku; |
Ir-riperkussjonijiet ekonomiċi għall-UE, għall-Istati Membri tagħha u għall-pajjiżi l-oħra
|
6. |
Tinsisti fuq il-fatt li l-isforzi ta’ rkupru mill-gwerra u ta’ rikostruzzjoni, kif ukoll l-isforzi ta’ xort’oħra, għandhom ikunu konformi mat-tranżizzjoni doppja, ekoloġija u diġitali, fl-Istati Membri tal-UE; |
|
7. |
Titlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jsaħħu t-trasparenza tas-suq u jneħħu b’mod temporanju l-ostakli kollha għall-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli sabiex tittaffa l-kriżi globali tal-prezzijiet tal-ikel; |
|
8. |
Tisħaq li n-NextGenerationEU, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-flessibbiltà mogħtija fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, mhumiex biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet finanzjarji ġġenerati mill-gwerra fl-Ukrajna; tirrakkomanda li jsiru kuntatti mas-sħab internazzjonali sabiex jinkiseb appoġġ, inkluż l-għarfien espert ta’ rikostruzzjoni; |
|
9. |
Tappoġġja l-isforzi li saru bl-użu ta’ “korsiji ta’ solidarjetà” biex jiffaċilitaw l-esportazzjonijiet tal-qamħ mill-Ukrajna permezz ta’ diversi rotot tal-art u portijiet tal-UE, minkejja l-imblokk illegali tar-Russja fil-Baħar l-Iswed; tistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jespandu dawn il-korsiji ta’ solidarjetà, bil-ħsieb li tittaffa l-kriżi globali tal-ikel ikkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; |
|
10. |
Tissottolinja l-ħtieġa urġenti ta’ impenn proattiv fil-politika dinjija, b’mod partikolari fin-Nazzjonijiet Uniti u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, peress li r-Russja qed tkompli tfittex swieq disponibbli oħra sabiex tagħmel tajjeb għat-telf ikkawżat mis-sanzjonijiet imposti; |
|
11. |
Tapprezza l-għajnuna umanitarja li l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant taw lill-Ukrajna u titlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu aktar appoġġ finanzjarju lill-Istati tal-viċinat; |
|
12. |
Titlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu aktar appoġġ ekonomiku u finanzjarju biex inaqqsu sal-minimu l-effetti negattivi tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna fuq l-ekonomiji ta’ pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
13. |
Titlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jfornu aktar programmi ta’ assistenza teknika għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex isaħħu l-potenzjal ta’ esportazzjoni sostenibbli tagħhom lejn l-UE; |
Rifuġjati
|
14. |
Tinnota li aktar minn 8 miljun Ukren ġew furzati jitilqu minn djarhom biex ifittxu kenn f’postijiet aktar sikuri fl-Ewropa kollha, u li aktar minn 6,2 miljun Ukren ġew spostati internament minħabba l-gwerra; |
|
15. |
Tenfasizza l-ispejjeż finanzjarji sostanzjali li rriżultaw minn dan l-influss, b’mod partikolari għall-Moldova, li saret il-pajjiż ewlieni ta’ tranżitu għar-rifuġjati Ukreni; tinnota li r-rifuġjati Ukreni jirrappreżentaw 0,7 % tal-popolazzjoni attwalment residenti fil-Georgia; |
|
16. |
Tilqa’ l-approċċ attiv u uman li ħadu l-Istati Membri tal-UE u l-Moldova, peress li żammew il-fruntieri tagħhom miftuħa u offrew mezzi ta’ evakwazzjoni, kenn, assistenza ta’ emerġenza, assistenza medika u ażil lil nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; |
|
17. |
Titlob li r-rifuġjati Ukreni jingħataw drittijiet indaqs bħaċ-ċittadini tal-UE meta jiġu biex ikollhom aċċess għall-assistenza fil-qasam tas-saħħa, għall-edukazzjoni u għas-suq tax-xogħol, li huma essenzjali biex jipprevjenu żieda fil-faqar fost dawn ir-rifuġjati; |
|
18. |
Titlob li jkun hemm inizjattivi u programmi edukattivi għat-tfal u għaż-żgħażagħ Ukreni spostati, kif ukoll li jingħata aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità u taħriġ fil-lingwa u fil-ħiliet; |
|
19. |
Tissottolinja r-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili fil-protezzjoni u fl-integrazzjoni tar-rifuġjati minn gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari fis-suq tax-xogħol; |
|
20. |
Tilqa’ l-iżblokk ta’ EUR 3,4 biljun f’fondi mill-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa għall-Istati Membri tal-UE li qed jagħtu kenn lil nies li ħarbu mill-invażjoni tar-Russja; |
|
21. |
Tilqa’ l-fatt li, fid-29 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni adottat l-“Assistenza Flessibbli għat-Territorji” (FAST-CARE), li huwa pakkett ġdid li joffri flessibbiltà addizzjonali relatata mal-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni sabiex tgħin lill-Istati Membri tal-UE, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll lil sħab oħra jindirizzaw il-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; |
|
22. |
Titlob lill-UE tagħti finanzjament addizzjonali lil dawk l-Istati Membri tal-UE u lill-Moldova, li huma l-punti tad-dħul ewlenin għar-rifuġjati Ukreni li jaqsmu fl-UE; |
|
23. |
Tiġbed l-attenzjoni għall–, persuna spostata internament fil-Georgia li għadhom ma jistgħux imorru lura d-dar b’mod sikur u dinjituż, minħabba l-okkupazzjoni kontinwa tar-Russja fir-reġjuni tal-Abkażja u t-Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar; |
Reżiljenza, irkupru u rikostruzzjoni tal-Ukrajna u appoġġ għall-Moldova
|
24. |
Tissottolinja li aktar assistenza finanzjarja immedjata u massiva hija ferm meħtieġa biex tgħin lill-ekonomija tal-Ukrajna, kif ukoll lil dik tal-Moldova, biex jibqgħu għaddejjin, sabiex ikunu jistgħu jiksbu aħjar stabbiltà fit-tul; titlob strateġija mġedda tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li huma kandidati għall-adeżjoni mal-UE, biex ikomplu jtejbu r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u dawn il-pajjiżi; |
|
25. |
Tilqa’ l-fatt li, mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha mmobilizzaw b’suċċess somom bla preċedent f’għotjiet u f’self biex jappoġġjaw ir-reżiljenza ekonomika, soċjali u finanzjarja ġenerali tal-Ukrajna, fil-forma ta’ assistenza makrofinanzjarja, appoġġ baġitarju, assistenza ta’ emerġenza u reazzjoni għall-kriżijiet u għajnuna umanitarja; |
|
26. |
Titlob lill-UE timplimenta, kemm jista’ jkun malajr, ir-regoli ġuridiċi meħtieġa biex jippermettu l-konfiska tal-assi ffriżati Russi u biex dawn jintużaw bil-għan li tiġi difiża l-Ukrajna u jiġu indirizzati l-konsegwenzi varji tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inklużi r-rikostruzzjoni tal-pajjiż u r-riżarċiment għall-vittmi; |
|
27. |
Tinsisti fuq il-ħtieġa kruċjali li jingħata appoġġ lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju Ukreni, lill-bdiewa u lis-soċjetà ċivili sabiex jinżammu operattivi f’dawn iż-żminijiet ta’ gwerra; tissottolinja li l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju se jkollhom rwol deċiżiv fl-irkupru ekonomiku fit-tul tal-Ukrajna; |
|
28. |
Tilqa’ l-fatt li, fl-2022, l-UE adottat l-istrument ta’ Assistenza MakroFinanzjarja Plus, li qed tagħti lill-Ukrajna sa EUR 18-il biljun f’self fit-tul biex tappoġġja tiswijiet kritiċi fl-infrastruttura tat-trasport, bħal pontijiet, toroq u ferroviji, kif ukoll tiswijiet ta’ infrastrutturi u servizzi ta’ utilità pubblika essenzjali u muniċipali oħra u r-riabilitazzjoni tal-faċilitajiet tal-akkomodazzjoni u l-infrastruttura soċjali, bħal skejjel, anki preprimarji u faċilitajiet tal-assistenza tas-saħħa; |
|
29. |
Tisħaq fuq l-importanza li l-UE tagħti s-setgħa u tforni riżorsi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-inizjattivi bbażati fil-komunità, sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għar-rikostruzzjoni u l-irkupru ta’ wara l-gwerra tal-Ukrajna; |
|
30. |
Titlob lill-UE toħloq inċentivi għall-kumpaniji Ewropej biex jinvestu fir-reġjuni milquta, sabiex jippromwovu l-irkupru ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u r-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra; |
|
31. |
Tilqa’ s-sospensjoni temporanja tad-dazji fuq l-importazzjoni kollha fuq l-esportazzjonijiet Ukreni kollha lejn l-UE, li tfisser aċċess sħiħ, mingħajr tariffi u mingħajr kwoti għal dawk l-esportazzjoni mit-30 ta’ Mejju 2022, kif ukoll is-sospensjoni tal-miżuri kollha ta’ anti-dumping u ta’ salvagwardja tal-UE fis-seħħ fuq l-esportazzjonijiet tal-azzar Ukreni; tilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2023 li jissospendi d-dazji doganali u l-kwoti u l-miżuri ta’ difiża kummerċjali kollha fuq l-esportazzjonijiet Ukreni lejn l-UE għal sena oħra, sa Ġunju 2024; |
|
32. |
Tappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2023 biex jiġi inkorporat id-data roaming fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna; titlob lill-Kumitat għall-Kummerċ UE-Ukrajna japprova din il-proposta billi jagħti trattament reċiproku tas-suq uniku għad-data roaming bejn l-Ukrajna u l-UE; |
|
33. |
Tilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2023 li tintegra aktar l-Ukrajna fis-suq uniku tal-UE billi tiftaħ il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-finanzjament tal-infrastrutturi; |
|
34. |
Ifakkar li d-Dikjarazzjoni ta’ Lugano, iffirmata minn aktar minn 40 pajjiż u istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, enfasizzat il-prinċipji għall-proċessi ta’ rkupru u rikostruzzjoni fl-Ukrajna, jiġifieri s-sħubija, il-proċess ta’ riforma, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-istat tad-dritt, il-parteċipazzjoni demokratika, l-involviment ta’ bosta partijiet ikkonċernati, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-inklużjoni u s-sostenibbiltà; |
|
35. |
Tilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2023 biex tiġi stabbilita Faċilità ġdida għall-Ukrajna bil-għan li tappoġġja l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, bħala strument finanzjarju ddedikat li se jipprovdi appoġġ konsistenti, prevedibbli u flessibbli għall-Ukrajna mill-2024 sal-2027; |
|
36. |
Tisħaq li l-isforzi ta’ rikostruzzjoni għandhom ikunu mmexxija mill-innovazzjoni sabiex jiġu appoġġjati t-tranżizzjoni doppja, ekoloġija u diġitali,; |
|
37. |
Tissottolinja li s-soċjetà ċivili għandha tkun involuta mill-qrib fl-istadji kollha fil-proċess ta’ rikostruzzjoni biex jiġi żgurat li jintlaħqu b’suċċess ir-riformi tal-istat tad-dritt, id-deoligarkizzazzjoni, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tranżizzjoni doppja, ekoloġija u diġitali,; |
|
38. |
Tisħaq li l-UE għandha tkompli tagħmel investimenti fit-tranżizzjoni enerġetika tal-Ukrajna, inkluż billi tiffinanzja proġetti f’diversi pajjiżi fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija, sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet attwali u futuri għall-infrastruttura tal-enerġija; |
|
39. |
Tistieden lill-Gvern Ukren ikompli jsaħħaħ l-awtonomija lokali u jintegra s-suċċess tar-riforma tad-deċentralizzazzjoni fl-arkitettura ġenerali tal-proċessi tar-reżiljenza, l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna; |
|
40. |
Jilqa’ r-rwol tal-Ażerbajġan fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tal-Ukraina; jissottolinja l-ħtieġa li titħaffef it-tranżizzjoni mill-fjuwils fossili għall-enerġija ekoloġika u li tiġi promossa aktar l-effiċjenza enerġetika; jinkoraġġixxi lill-Ażerbajġan u lill-Armenja jintensifikaw in-negozjati għal ftehim ta’ paċi dejjiema bil-għan li jsolvu l-kunflitti pendenti tal-fruntiera u jikkontribwixxu għall-istabbiltà għall-kooperazzjoni u għall-prosperità tar-reġjun; |
|
41. |
Tissottolinja l-importanza ta’ appoġġ kontinwu biex tinbena kapaċità teknika għal proġetti ta’ konnettività li jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, bħall-proġett tal-kejbil sottomarin fil-Baħar l-Iswed bejn il-Georgia u r-Rumanija; |
|
42. |
Titlob lill-UE u lis-sħab tagħha tal-istess fehma jżommu l-politika ta’ sanzjonijiet tagħhom kontra r-Russja u r-reġim illeġittimu Belarussu u l-mexxej tiegħu Aliaksandr Lukashenka, filwaqt li jimmonitorjaw, jerġgħu jqajmu u jtejbu l-effettività u l-impatt tagħha; |
|
43. |
Tistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha tal-UE u tal-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant jiżguraw li kwalunkwe ċirkomvenzjoni possibbli tas-sanzjonijiet tiġi identifikata, investigata u mħarrka; |
|
44. |
Jesprimi t-tħassib kbir bil-kummerċ kontinwu ta’ oġġetti sanzjonati li huma essenzjali għall-gwerra bejn il-pajjiżi tal-UE u r-Russja; jiddeplora n-nuqqas gravi ta’ konformità mas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja; jikkundanna l-prattika li biha l-oġġetti suġġetti għas-sanzjonijiet tal-UE jinbiegħu lil kumpaniji jew individwi tal-pajjiżi mhux tal-UE meta l-oġġetti jkunu għadhom fl-UE, u mbagħad jintbagħtu direttament lejn ir-Russja; jikkundanna lill-kumpaniji, fosthom dawk fl-UE, li b’mod deliberat jevadu s-sanzjonijiet u b’hekk jikkompromettu l-isforzi tal-UE li jappoġġjaw lill-Ukrajna ħalli jkomplu jaqilgħu profitti enormi; jinsisti li ċ-ċirkomvenzjoni ta’ miżura restrittiva tal-Unjoni, inkluż bit-trasferiment ta’ oġġetti lejn destinazzjoni fejn l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, ix-xiri, it-trasferiment, it-tranżitu jew it-trasport tagħhom huma projbiti, għandha tiġi kriminalizzata fil-livell tal-UE; jisħaq li huwa kruċjali għall-infurzar li l-UE tikkriminalizza malajr il-ksur tas-sanzjonijiet diretti, inkluż meta jiġi kommess b’negliġenza serja, kif ukoll il-ksur ta’ sanzjonijiet indiretti permezz taċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni; |
|
45. |
Tilob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-sħab tagħhom tal-istess fehma jkomplu jappoġġjaw lill-Moldova hekk kif tagħmel progress fit-triq Ewropea li għażlet, peress li l-istabbiltà u l-prosperità tagħha huma marbuta direttament mar-reżiljenza tal-Ukrajna u s-sigurtà tal-Ewropa; |
|
46. |
Titlob lill-UE tkompli bl-appoġġ finanzjarju u politiku tagħha għall-pajjiżi l-oħra tas-Sħubija tal-Lvant, inklużi l-Armenja u l-Ażerbajġan; |
|
47. |
Titlob lill-UE tassisti lill-Georgia b’mod konkret u viżibbli biex issaħħaħ il-progress ulterjuri tagħha fit-triq tagħha lejn l-adeżjoni mal-UE; |
|
48. |
Tisħaq fuq l-importanza li l-UE tagħti għajnuna finanzjarja lis-soċjetà ċivili, liż-żgħażagħ, lill-istudenti, lill-persunal akkademiku u lill-professjonisti Belarussi; tistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f’dan ir-rigward, jissimplifikaw il-proċeduri biex jinkisbu viżi u permessi ta’ residenza għal dawk li jaħarbu mill-Belarussja għal raġunijiet politiċi, kif ukoll iħejju regoli u proċeduri biex jittrattaw każijiet tal-apolidija; |
|
49. |
Tinsisti li r-Russja għandha tkun obbligata tħallas għad-danni li kkawżat u b’hekk tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-isforzi ta’ rikostruzzjoni tal-Ukrajna; titlob li jiġu eżaminati l-mezzi ġuridiċi kollha, f’konformità mad-dritt internazzjonali, biex jintużaw assi ffriżati Russi bil-għan li jiġu appoġġjati l-oqsma kollha ta’ assistenza lill-Ukrajna u fl-irkupru tal-Ukrajna. |
(1) ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.
(2) ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.
(5) ĠU L 246, 17.9.1999, p. 3.
(6) ĠU C 229, 29.6.2023, p. 16.
(7) ĠU C 290, 29.7.2022, p. 1.
(8) ĠU C 365, 23.9.2022, p. 1.
(9) ĠU C 167, 11.5.2023, p. 105.
(10) ĠU L 322, 16.12.2022, p. 1.
(11) ĠU C 229, 29.6.2023, p. 30.
(12) ĠU C 229, 29.6.2023, p. 29.
(13) ĠU C 229, 29.6.2023, p. 33.
(14) ĠU C 132, 14.4.2023, p. 94.
(15) ĠU C 283, 11.8.2023, p. 34.
(16) ĠU C, C/2024/490, 23.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/490/oj.
(17) ĠU C, C/2024/1189, 23.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1189/oj.
(18) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3822/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)