European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1226

26.6.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1226

tal-24 ta’ Ġunju 2025

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1772 skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata ta’ data personali mir-Renju Unit

(notikata bid-dokument C(2025) 3928)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 45(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1772 (2) ikkonkludiet li għall-finijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2016/679, ir-Renju Unit jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali ttrasferita mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Renju Unit fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament (3).

(2)

Meta adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1772, il-Kummissjoni qieset li, ma’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4) u ladarba d-dispożizzjoni interim skont l-Artikolu 782 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (5) ma tibqax tapplika, ir-Renju Unit jadotta, japplika u jinforza reġim ġdid ta’ protezzjoni tad-data, differenti minn dak fis-seħħ meta kien marbut bid-dritt tal-Unjoni. Peress li dan seta’ involva b’mod partikolari emendi fil-qafas tal-protezzjoni tad-data vvalutat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1772 jew żviluppi rilevanti oħra, tqies xieraq li jiġi previst li dik id-Deċiżjoni tapplika għal perjodu ta’ erba’ snin mid-dħul fis-seħħ tagħha. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1772 għandha għalhekk tiskadi fis-27 ta’ Ġunju 2025, sakemm ma tiġix estiża skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 93(2) tar-Regolament (UE) 2016/679.

(3)

Biex tiddeċiedi dwar it-tiġdid possibbli tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1772, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-konklużjoni li r-Renju Unit jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali ttrasferita mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Renju Unit tibqax fattwalment u legalment ġustifikata. Din il-valutazzjoni tista’ titwettaq biss abbażi ta’ qafas legali stabbli fis-seħħ fir-Renju Unit.

(4)

Il-qafas tal-protezzjoni tad-data vvalutat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1772, li huwa bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, ikompli japplika fir-Renju Unit. Madankollu, fit-23 ta’ Ottubru 2024 il-Gvern introduċa l-Abbozz (6) ta’ Liġi dwar id-Data (Użu u Aċċess) fil-Parlament, u ppropona emendi fir-Regolament Ġenerali tar-Renju Unit dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Att tal-2018 dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1772 tiġi estiża għal perjodu ta’ 6 xhur sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-valutazzjoni tagħha dwar il-livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali pprovduta mir-Renju Unit abbażi ta’ qafas legali stabbli, wara l-konklużjoni tal-proċess leġiżlattiv li għaddej bħalissa quddiem il-Parlament tar-Renju Unit.

(6)

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ppubblika opinjoni (7) li tqieset fit-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni.

(7)

Il-miżura prevista f’din id-Deċiżjoni hija f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) 2016/679,

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1772 tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1772 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fis-27 ta’ Diċembru 2025, sakemm ma tiġix estiża skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 93(2) tar-Regolament (UE) 2016/679.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Michael MCGRATH

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1772 tat-28 ta’ Ġunju 2021 skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata ta’ data personali mir-Renju Unit (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 1 ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1772/oj).

(3)  Ara l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2021/1772. Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dik id-Deċiżjoni, id-Deċiżjoni ma tkoprix data personali ttrasferita għall-finijiet tal-kontroll tal-immigrazzjoni tar-Renju Unit jew li b’xi mod ieħor taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni għal ċerti drittijiet tas-suġġett tad-data għall-finijiet taż-żamma ta’ kontroll effettiv tal-immigrazzjoni skont il-paragrafu 4(1) tal-Iskeda 2 tal-Att tal-2018 tar-Renju Unit dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(4)   ĠU C 384I, 12.11.2019, p. 1.

(5)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.

(6)  Disponibbli fil-link li ġej: https://bills.parliament.uk/bills/3825/news.

(7)  L-opinjoni 6/2025 dwar l-estensjoni tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea skont il-GDPR u skont l-LED dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali fir-Renju Unit, disponibbli fil-link li ġej https://www.edpb.europa.eu/system/files/2025-05/edpb-opinion-202506-uk-adequacyextension-gdpr-led_en.pdf.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1226/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)