02016D0544 — MT — 07.07.2017 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/544 tal-15 ta' Frar 2016 li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Greċja (2015/1411) ( 1 ) (ĠU L 091 7.4.2016, p. 27) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1226 tat-30 ta' Ġunju 2017 |
L 174 |
22 |
7.7.2017 |
|
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/544
tal-15 ta' Frar 2016
li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Greċja (2015/1411) ( 2 )
Artikolu 1
1. Sabiex ikun iffaċilitat ir-ritorn tal-ekonomija Griega lejn direzzjoni ta' tkabbir sostenibbli u lejn stabbiltà fiskali u finanzjarja, il-Greċja għandha timplimenta b'mod rigoruż il-Programm, li l-elementi prinċipali tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni. Il-Programm għandu jindirizza r-riskji speċifiċi li joriġinaw mill-Greċja għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro u għandu jkollu l-għan li terġa' tiġi stabbilita malajr sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika solida u sostenibbli fil-Greċja u li tiġi restawrata l-kapaċità tagħha li tiffinanzja ruħha kompletament fis-swieq finanzjarji internazzjonali. Il-Programm għandu jqis debitament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lill-Greċja taħt l-Artikoli 121, 126, 136 u 148 TFUE kif ukoll l-azzjonijiet tal-Greċja biex tikkonforma magħhom, filwaqt li jimmira biex jestendi, isaħħaħ u japprofondixxi l-miżuri ta' politika meħtieġa.
2. Il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-BĊE, u fejn xieraq, mal-FMI, għandha tagħmel monitoraġġ tal-progress tal-Greċja fl-implimentazzjoni tal-Programm tagħha. Il-Greċja għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni u mal-BĊE. B'mod partikolari għandha tipprovdilhom l-informazzjoni kollha li huma jqisu meħtieġa għall-monitoraġġ tal-Programm.
3. Il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-BĊE, u fejn xieraq, mal-FMI, għandha teżamina mal-awtoritajiet Griegi kull bidla u aġġornament għall-Programm li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jittieħed kont debitu, inter alia, ta' kwalunkwe diskrepanza sinifikanti bejn il-previżjonijiet makroekonomiċi u fiskali u ċ-ċifri effettivi, ta' effetti konsekwenzjali negattivi, kif ukoll ta' xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji.
Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-Programm, u bħala għajnuna biex l-iżbilanċi jiġu kkorreġuti b'mod sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza u gwida kontinwi dwar ir-riformi fiskali, strutturali u tas-swieq finanzjarji.
Il-Kummissjoni għandha f'intervalli regolari tivvaluta l-impatt ekonomiku tal-Programm u għandha tirrakkomanda l-korrezzjonijiet neċessarji bil-għan li jissaħħaħ it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tiżgura l-konsolidazzjoni fiskali neċessarja, u jiġu minimizzati impatti soċjali dannużi.
Artikolu 2
1. Il-Greċja għandha ssegwi konsolidazzjoni fiskali permezz ta' miżuri permanenti ta' kwalità għolja filwaqt li timminimizza l-impatt ta' dawk il-miżuri fuq min hu żvantaġġat. L-awtoritajiet Griegi jimpenjaw ruħhom li jiżguraw finanzi pubbliċi sostenibbli u li jiksbu surpluses primarji mdaqqsa u sostenibbli fuq terminu medju li b'mod kostanti jnaqqsu l-proporzjon tad-dejn għall-PDG. Għaldaqstant, il-Greċja għandha ssegwi direzzjoni fiskali fuq il-bażi ta' miri ta' surplus primarju ta' 1,75 % tal-PDG fl-2017 u ta' 3,5 % tal-PDG fl-2018 u tul it-terminu medju. L-awtoritajiet Griegi jimpenjaw ruħhom li jdaħħlu iktar miżuri strutturali li jipproduċu 0,3 % tal-PDG sal-2018 sabiex tkun żgurata d-direzzjoni mixtieqa ta' surplus primarju. Il-miżuri biex jinkisbu dawk il-miri ta' surplus primarju, u kif maqbula bħala parti mit-tieni analiżi, għandhom jinkludu: is-semplifikazzjoni tal-benefiċċji soċjali u l-abolizzjoni ta' nfiq mit-taxxa bbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Analiżi tal-Bank Dinji dwar il-Benefiċċji Soċjali; ir-razzjonalizzazzjoni tal-infiq fil-kura tas-saħħa permezz ta' twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas baġitarju magħluq u t-tnaqqis tal-limiti massimi ta' rkupru; l-introduzzjoni ta' taxxa fuq kirjiet qosra ta' akkomodazzjoni għat-turisti; u r-razzjonalizzazzjoni ta' ċerti inċentivi ta' prestazzjoni u benefiċċji fis-settur pubbliku.
2. B'appoġġ għar-riekwilibriju tal-baġit lejn politiki li jgħinu iktar it-tkabbir u ta' distribuzzjoni ġusta, filwaqt li jkun żgurat li l-miri fiskali tat-terminu medju jintlaħqu, l-awtoritajiet Griegi għandhom jieħdu l-azzjonijiet leġislattivi li ġejjin:
(i) jadottaw l-istrateġija fiskali fuq terminu medju għall-2018-2021 b'konformità mal-miri tat-terminu medju maqbula, li jenħtieġ li jintlaħqu mingħajr miżuri li jkunu ta' detriment għat-tkabbir;
(ii) jimplimentaw riforma tal-pensjonijiet li twassal għal iffrankar nett ta' 1 % tal-PDG fl-2019-2022 u riforma tat-taxxa fuq l-introjtu li għandha twassal għal iffrankar nett ta' 1 % tal-PDG fl-2020, 2021 u 2022;
(iii) jadottaw pakkett tat-taxxa li jtejjeb it-tkabbir li, f'termini netti, ikun rikonċiljat mir-rendiment mir-riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali; il-pakkett irid jinkludi: (i) tnaqqis fir-rati tat-taxxa fuq l-introjtu personali u s-soprataxxa ta' solidarjetà, b'impatt fiskali fit-terminu medju ta' 0,8 % tal-PDG; (ii) tnaqqis fir-rati tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji b'impatt fiskali tat-terminu medju ta' 0,1 % tal-PDG, u (iii) tnaqqis tat-taxxa fuq il-proprjetà (ENFIA) b'impatt ta' 0,1 % tal-PDG;
(iv) jadottaw pakkett ta' nfiq immirat li, f'termini netti, ikun rikonċiljat mir-rendiment mir-riforma fil-pensjonijiet li hi magħmula minn: (i) żieda fl-infiq tal-benefiċċji soċjali mmirati (benefiċċji tal-abitazzjoni; benefiċċji tat-tfal; ikliet tal-iskola; edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal/edukazzjoni preprimarja; tnaqqis skont test tal-mezzi fil-kopagamenti tas-saħħa) ta' 0,7 % tal-PDG, (ii) investiment f'infrastruttura pubblika ta' kwalità għolja ta' 0,15 % tal-PDG, u (iii) politiki attivi fis-suq tax-xogħol ta' 0,15 % tal-PDG;
(v) jimplimentaw il-miżuri dwar it-taxxa fuq l-introjtu personali fl-2019 jekk, abbażi ta' valutazzjoni li tħares 'il quddiem fil-kuntest tal-analiżi finali tal-programm, tkun meħtieġa implimentazzjoni antiċipata sabiex tintlaħaq il-mira fiskali maqbula ta' surplus primarju ta' 3,5 % tal-PDG fl-2019, li jrid jintlaħaq mingħajr miżuri li jkunu ta' detriment għat-tkabbir;
(vi) il-pakkett espansjonarju irid jibda jiġi implimentat fl-2019, bil-kundizzjoni ta' valutazzjoni u qbil fl-analiżi tal-programm finali, wara proċess trasparenti, bl-ammont li jrid jiġi implimentat b'konformità mal-ammont li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet ibassru li l-Greċja ser teċċedi l-miri maqbula għat-terminu, sabiex ikun żgurat li dawn il-miri jinkisbu.
3. L-awtoritajiet Griegi għandhom ilestu l-qafas meħtieġ għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Awtorità Indipendenti tal-Introjtu Pubbliku u għall-operat effikaċi tiegħu. Dawn għandhom jieħdu iktar miżuri biex itejbu l-konformità mar-regoli tat-taxxa, inkluża l-leġislazzjoni għall-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-użu ta' pagamenti elettroniċi. Il-miżuri biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa għandu, fost affarijiet oħra, ikollhom l-għan li jtejbu l-mudell ta' kooperazzjoni bejn l-awtorità tal-ġustizzja u dik tat-taxxa.
4. L-awtoritajiet Griegi għandhom jieħdu l-miżuri biex ikomplu jsaħħu l-proċess tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja pubblika. Huma għandhom jiżguraw li l-leġislazzjoni nazzjonali tkun kollha kemm hi konformi mat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (il-Patt Fiskali). L-awtoritajiet Griegi għandhom jippreżentaw ukoll pjan ta' azzjoni għat-terminu medju biex ikun żgurat li l-pagamenti jsiru b'mod konformi mad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ). Huma għandhom isaħħu l-qafas tal-akkwisti pubbliċi, inkluż bit-trawwim ta' akkwisti ċentrali.
5. L-awtoritajiet Griegi għandhom jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet leġislattivi l-ġodda tar-riforma tal-pensjonijiet komprensiva tal-2016. Biex l-infiq tas-saħħa pubblika jkun razzjonalizzat, l-awtoritajiet Griegi għandhom jieħdu miżuri strutturali li jiffukaw fuq it-titjib tal-effikaċja, inkluż baġit magħluq (limitu massimu ta' rkupru) biex ikopri affarijiet li qabel ma kinux taħt l-irkupru. Huma għandhom jippubblikaw bulettin aġġornat tal-prezzijiet biex jonqsu l-prezzijiet farmaċewtiċi, jaġġornaw u jippubblikaw fuq bażi regolari l-listi pożittivi u negattivi, u jadottaw miżuri biex titjieb il-penetrazzjoni tal-mediċini ġeneriċi.
6. L-awtoritajiet Griegi għandhom jiżguraw l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni bla intoppi tal-iskema l-ġdida ta' Introjtu mis-Solidarjetà Soċjali. Huma għandhom jagħmlu riforma kbira tas-sistema ta' protezzjoni soċjali, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Analiżi tal-Benefiċċji Soċjali pprovduta mill-Bank Dinji. Dik ir-riforma għandha l-għan li tissemplifika s-sistema u torjentaha iktar lejn il-bżonnijiet tal-iktar vulnerabbli, inkluż riorjentament tar-riżorsi għall-finanzjament tal-introduzzjoni nazzjonali tal-iskema l-ġdida tal-Introjtu mis-Solidarjetà Soċjali.
7. Biex tkun salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja, l-awtoritajiet Griegi għandhom jippubblikaw pjan direzzjonali għat-tnaqqis tal-kontrolli tal-kapital u b'hekk ikun evitat dewmien bla bżonn mingħajr ma tkun kompromessal-istabbiltà finanzjarja. Huma għandhom jivvalutaw u jindirizzaw l-ostakli għas-suq sekondarju għal self improduttiv identifikat fir-rapport dwar l-analiżi tal-implimentazzjoni tal-Liġi 4354/2015, sabiex ikun issemplifikat il-proċess ta' liċenzjar għas-servizzjanti ta' self improduttiv. L-awtoritajiet Griegi għandhom jistabbilixxu skema ta' soluzzjoni ekstraġudizzjarja għal self improduttiv u jiżguraw l-implimentazzjoni bla intoppi tagħha. L-iskema għandha tippermetti li kemm debituri kbar u kemm dawk żgħar b'dejn li jaqbeż livell limitu minimu jkunu jistgħu jirrikorru għall-mekkaniżmu ta' ristrutturar tad-dejn, u l-elementi kollha tad-dejn, inkluż dejn privat u dejn pubbliku imma esklużi l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxi miżmuma, ikunu suġġetti għall-mekkaniżmu ta' ristrutturar tad-dejn. L-awtoritajiet Griegi għandhom ukoll jimmodernizzaw il-qafas tal-insolvenza korporattiva u jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tiegħu, b'enfasi ewlenija fuq ir-rwol tal-amministraturi tal-insolvenza. L-awtoritajiet Griegi għandhom jirrevedu l-Kodiċi ta' Proċedura, bil-ħsieb li jġibuh konformi mal-aħjar prattiki tal-Unjoni.
8. Biex ikunu promossi t-tkabbir, il-kompetittività u l-investiment, l-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu jfasslu u jimplimentaw firxa wiesgħa ta' riformi fis-swieq tal-prodotti. Dawn ir-riformi għandhom l-għan li jiksbu l-aħjar prattiki tal-Unjoni. Ir-riformi għandhom jinkludu: implimentazzjoni ulterjuri tar-rakkomandazzjonijiet tal-istrumenti tal-OECD biex jitneħħew l-ostakli għall-kompetizzjoni f'firxa wiesgħa ta' setturi; riformi għal-liberalizzazzjoni tal-liċenzjar tal-investiment u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv biex jinfetaħ negozju; passi għal-liberalizzazzjoni tal-professjonijiet regolati; riformi għall-immodernizzar tal-qafas għall-użu tal-art, inkluż ġestjoni tat-territorju u katast; u miżuri li jsaħħu l-funzjonament tas-setturi tal-ilma u tat-trasport.
9. Rigward is-swieq tax-xogħol, il-Greċja għandha tadotta leġislazzjoni li tiċċara li r-riformi ta' negozjar kollettiv tal-2011 ikunu estiżi sa tmiem il-Programm. L-awtoritajiet Griegi għandhom jissostitwixxu l-qafas amministrattiv attwali għas-sensji kollettivi bi proċedura ta' notifika ta' mhux iktar minn tliet xhur, li ma għandhiex tinvolvi approvazzjoni ex ante, u għandhom jemendaw il-leġislazzjoni dwar l-azzjonijiet industrijali. L-awtoritajiet Griegi għandhom ukoll jieħdu passi ulterjuri biex jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat, isaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u għandhom jimplimentaw il-pjan ta' azzjoni fuq tliet snin dwar l-edukazzjoni.
10. L-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu l-implimentazzjoni tar-riformi fuq firxa wiesgħa fis-swieq tal-enerġija, biex jiġu allinjati mal-leġislazzjoni u mal-politiki tal-Unjoni, biex isiru aktar moderni u kompetittivi, biex inaqqsu l-kirjiet monopolistiċi u l-ineffiċjenzi, biex jippromwovu l-innovazzjoni, biex jiffavorixxu l-adozzjoni aktar estensiva tal-enerġija rinnovabbli u tal-gass, u biex jiżguraw li l-benefiċċji ta' dawn il-bidliet kollha jmorru għand il-konsumaturi. Fis-suq tal-elettriku, sabiex is-sehem mis-suq tal-fornitur storiku jinġieb għall-miri maqbula, l-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu l-implimentazzjoni ta' rkanti tal-elettriku, u għandhom jipproponu miżuri strutturali inkondizzjonati biex jiġi ċedut sehem tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-fornitur storiku, b'konformità mad-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni li ġew milqugħa mill-Qorti Ġenerali ( 4 ). L-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu wkoll il-proċess li jwassal għas-separazzjoni tas-sjieda sħiħa tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni mill-fornitur storiku, għandhom ikomplu l-implimentazzjoni tar-riforma tal-inċentivi għall-enerġiji rinnovabbli u għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni f'waqtha tar-riformi l-oħra tas-suq. Fis-suq tal-gass, l-implimentazzjoni kontinwa tar-riformi eżistenti għandhom, fost affarijiet oħra, iwasslu għall-eliġibbiltà sħiħa biex sal-2018 kull konsumatur ikollu l-possibbiltà li jibdel il-fornitur tiegħu, kif ippjanat. L-awtoritajiet Griegi għandhom jieħdu azzjoni ulterjuri biex ineħħu l-ostakli li jifdal għal kompetizzjoni effikaċi fis-swieq tal-gass bl-ingrossa u bl-imnut, u biex jippromwovu l-interkonnessjonijiet, kif ukoll id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-forniment.
11. L-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu jimplimentaw programm ta' privatizzazzjoni ambizzjuż u jimplimentaw politiki li jsostnu l-investiment. L-awtoritajiet Griegi jimpenjaw ruħhom li jiffaċilitaw il-proċess ta' privatizzazzjoni u li jlestu l-azzjonijiet governattivi kollha meħtieġa biex l-offerti jkunu jistgħu jiġu eżegwiti sew. F'dak ir-rigward, l-awtoritajiet Griegi għandhom ilestu l-azzjonijiet kollha meħtieġa kif maqbul fuq bażi ta' kull kwart ta' sena bejn il-Fond għall-Iżvilupp tal-Assi tar-Repubblika Ellenika (“HRADF”), l-istituzzjonijiet u l-gvern Grieg. Il-Lista tal-Azzjonijiet Pendenti tal-Gvern ġiet approvata mill-Bord tad-Diretturi tal-HRADF. Wara t-twaqqif tal-Korporazzjoni Ellenika tal-Assi u l-Partiċipazzjonijiet (HCAP), li se jkollha fil-pussess tagħha assi Griegi ta' valur, l-awtoritajiet Griegi għandhom jiżguraw li r-regoli interni u ta' ġestjoni tal-HCAP jikkonformaw mal-istandards u l-aħjar prattiki internazzjonali, inklużi l-Linji Gwida tal-OECD dwar il-Governanza ta' Intrapriżi tal-Istat. L-għan globali tal-HCAP għandu jkun li jġestixxi assi Griegi ta' valur; u li jipproteġi, joħloq u finalment jimmassimizza l-valur tagħhom, li għandu jimmonetizza permezz ta' privatizzazzjonijiet u mezzi oħrajn.
12. Stat u amministrazzjoni pubblika moderni għandhom jibqgħu jkunu prijorità ewlenija tal-Programm. L-awtoritajiet Griegi għandhom jagħtu partikolarment każ l-implimentazzjoni tal-miżuri li diġà ttieħdu fil-Programm biex iżidu l-effikaċja tas-settur pubbliku fit-twassil ta' prodotti u servizzi pubbliċi essenzjali, b'attenzjoni speċjali għar-reklutaġġ u d-depolitiċizzazzjoni tal-maniġers, il-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni, u l-mobbiltà. Għandhom jittieħdu miżuri li jsaħħu l-effikaċja tas-sistema ġudizzjarja, inkluż billi jkunu jistgħu jsiru rkanti elettroniċi, u biex itejbu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-indipendenza istituzzjonali u operattiva tal-istituzzjonijiet ewlenin, bħall-amministrazzjoni tal-introjtu u l-istitut tal-istatistika (Elstat), għandha tkun imsaħħa permezz tal-implimentazzjoni ulterjuri tar-riformi li diġà ġew adottati.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.
( 1 ) Dan l-att oriġinarjament ġie adottat bl-Ingliż biss u ppubblikat fil-ĠU L 219, 20.8.2015, p. 12.
( 2 ) Dan l-att oriġinarjament ġie adottat bl-Ingliż biss u ppubblikat fil-ĠU L 219, 20.8.2015, p. 12.
( 3 ) Id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1).
( 4 ) Sentenza tal-15 ta' Diċembru 2016, DEI vs il-Kummissjoni, T-169/08 RENV, ECLI:EU:T:2016:733 u sentenza tal-15 ta' Diċembru 2016, DEI vs il-Kummissjoni, T-421/09 RENV, ECLI:EU:T:2016:748.