25.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1216

tal-24 ta’ Awwissu 2020

li jinvalida fatturi maħruġa minn Zhejiang Trunsun Solar Co Ltd. bi ksur tal-impenn imħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1570

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (2), b’mod partikolari l-Artikoli 13 u 24 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/366 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jimponi dazji kompensatorji fuq l-importazzjoni ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jtemm l-investigazzjoni dwar ir-rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2016/1037 (5),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/367 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jtemm l-investigazzjoni dwar ir-rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (6),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1570 tal-15 ta’ Settembru 2017 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367 li jimponu dazji anti-dumping u kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ anti-dumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (7),

Billi:

A.   IMPENN U MIŻURI OĦRAJN

(1)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013, il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli u ta’ ċelloli (“il-prodott ikkonċernat”) fl-Unjoni li joriġinaw jew li jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-“RPĊ”). Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013, il-Kunsill impona wkoll dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni.

(2)

Il-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u tal-Prodotti Elettroniċi (is-“CCCME”) ippreżentat, f’isem grupp ta’ produtturi esportaturi, impenn fuq il-prezz lill-Kummissjoni. Bid-Deċiżjoni 2013/423/UE (8), il-Kummissjoni aċċettat dan l-impenn fuq il-prezz fir-rigward tad-dazju anti-dumping provviżorju. Wara n-notifika ta’ verżjoni emendata tal-impenn fuq il-prezz minn grupp ta’ produtturi esportaturi flimkien mas-CCCME, il-Kummissjoni kkonfermat permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE (9) li aċċettat l-impenn fuq il-prezz kif emendat għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping u kompensatorji definittivi (“l-impenn”). Il-Kummissjoni aċċettat l-impenn, fost l-oħrajn, għall-produttur esportatur Zhejiang Trunsun Solar Co. Ltd, kopert mill-kodiċi addizzjonali TARIC B917 (“Trunsun Solar”).

(3)

Il-Kummissjoni adottat ukoll Deċiżjoni li tiċċara l-implimentazzjoni tal-impenn (10) u 15-il regolament li jirtiraw l-aċċettazzjoni tal-impenn għal bosta produtturi esportaturi (11).

(4)

Bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/185 (12) u (UE) 2016/184 (13), il-Kummissjoni estendiet id-dazji anti-dumping u kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinjati mir-RPĊ għall-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) ikkunsinjati mill-Malasja u mit-Tajwan bl-eċċezzjoni ta’ numru ta’ produtturi esportaturi ġenwini.

(5)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367 (“ir-Regolament tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping”), il-Kummissjoni estendiet id-dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fir-RPĊ, jew li huma kkunsinjati mir-RPĊ, wara rieżami ta’ skadenza u temmet l-investigazzjoni dwar ir-rieżami interim parzjali skont, rispettivament, l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ir-“Regolament anti-dumping bażiku”).

(6)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366 (“ir-Regolament tar-rieżami tal-iskadenza antisussidji”), il-Kummissjoni estendiet id-dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fir-RPĊ, jew li huma kkunsinjati minnha, wara rieżami ta’ skadenza u temmet l-investigazzjoni dwar ir-rieżami interim parzjali skont, rispettivament, l-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2016/1037 (ir-“Regolament antisussidji bażiku”).

(7)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1570 (“ir-Regolament ta’ revoka”), il-Kummissjoni ħassret l-impenn.

(8)

Bl-Avviżi 2018/C 310/06 (14) u 2018/C 310/07 (15), il-Kummissjoni avżat li d-dazju anti-dumping u d-dazju antisussidji fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fir-RPĊ, jew li huma kkunsinjati minnha, kienu jiskadu fit-3 ta’ Settembru 2018.

B.   TERMINI TAL-IMPENN

(9)

Skont it-termini tal-impenn, il-produtturi esportaturi qablu, fost l-oħrajn, li ma jbigħux il-prodott ikkonċernat lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni taħt ċertu prezz minimu ta’ importazzjoni (“il-PMI”). Il-PMI kien soġġett għal mekkaniżmu ta’ aġġustament trimestrali b’referenza għall-prezzijiet spot internazzjonali tal-moduli kif irrapportati mill-bażi ta’ data ta’ Bloomberg.

(10)

L-impenn ikkjarifika wkoll, f’lista mhux eżawrjenti, dak li kien jikkostitwixxi ksur tal-impenn. Dik il-lista kienet tinkludi, b’mod partikolari, il-ħruġ ta’ fattura kummerċjali mill-produttur esportatur li għaliha t-tranżazzjoni finanzjarja sottostanti ma kinitx konformi mal-valur par tal-fattura. Barra minn hekk, il-ħruġ ta’ fattura kummerċjali li għaliha l-prezz tal-bejgħ nett ma kienx konformi mal-PMI kien jikkostitwixxi wkoll ksur.

(11)

Skont it-termini tal-impenn, kull produttur esportatur impenja ruħu li ma joħroġx fattura kummerċjali għal kwalunkwe tranżazzjoni ta’ bejgħ tal-prodott ikkonċernat li ma kienet konformi mal-ebda obbligu stipulat fl-impenn. Għalhekk, il-produttur esportatur jista’ joħroġ biss fatturi li jikkorrispondu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III u fl-Anness 2 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji (“fattura tal-impenn”) rispettivament u jbigħ il-prodott skont it-termini tal-impenn waqt li jkun fis-seħħ. Fi kliem ieħor, l-esportaturi ma setgħux joħorġu fattura kummerċjali “ordinarja” skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament waqt li l-impenn kien fis-seħħ. Id-data biex jiġu ddeterminati dawn ir-rekwiżiti kienet id-data tal-ħruġ tal-fattura.

(12)

L-obbligi ta’ rapportar tal-impenn stipulaw ukoll li kull produttur esportatur ippreżenta lill-Kummissjoni, fost l-oħrajn, rapporti trimestrali tal-bejgħ dirett tiegħu lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, tal-bejgħ tiegħu lil partijiet relatati fl-Unjoni u tal-bejgħ tal-partijiet relatati tiegħu lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni (“bejgħ mill-ġdid”). Dan fisser li d-data ppreżentata f’dawn ir-rapporti trimestrali trid tkun kompluta u korretta u li t-tranżazzjonijiet irrapportati kienu totalment konformi mat-termini tal-impenn.

(13)

B’mod simili, il-produtturi esportaturi impenjaw ruħhom li jikkonsultaw mal-Kummissjoni rigward kull diffikultà jew kwistjoni, teknika jew ta’ xort’oħra, li tista’ tinqala’ matul l-implimentazzjoni tal-impenn.

C.   REVOKA TAL-IMPENN

(14)

L-impenn kien inizjalment aċċettat minn aktar minn 120 kumpanija/grupp ta’ kumpaniji. Sadanittant, il-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni tagħha tal-impenn għal 19-il kumpanija. Sbatax minnhom instabu li kisru l-impenn filwaqt li ż-żewġ kumpaniji l-oħra kellhom mudelli ta’ negozju li għamluha imprattikabbli li tiġi mmonitorjata l-konformità tagħhom mal-impenn. Barra minn hekk, 16-il kumpanija Ċiniża oħra rtiraw volontarjament mill-impenn.

(15)

B’riżultat tar-Regolament ta’ revoka, il-Kummissjoni ħassret l-impenn u introduċiet dazju varjabbli fil-forma ta’ prezz minimu ta’ importazzjoni (“il-PMI ta’ dazju varjabbli”). Il-PMI ta’ dazju varjabbli kellu l-effett li importazzjonijiet eliġibbli b’valur iddikjarat fil-livell tal-PMI ta’ dazju varjabbli, jew ogħla minnu, ma jkunux soġġetti għal dazji. Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali jimponu d-dazji immedjatament jekk il-prodott jkun ġie importat bi prezz inqas mill-PMI ta’ dazju varjabbli. Sabiex wieħed jibbenefika mill-PMI ta’ dazju varjabbli, kellha tiġi ppreżentata fattura kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament fiż-żmien li l-prodotti jkunu daħlu f’ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni.

(16)

Fi żmien id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ revoka fl-1 ta’ Ottubru 2017 u f’konformità mal-premessi (54) u (57) tiegħu, il-Kummissjoni kompliet twettaq investigazzjonijiet dwar il-konformità mal-impenn, u qieset li huwa xieraq li jinfetħu investigazzjonijiet ġodda għal prodotti li ġew rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera waqt li l-impenn kien għadu fis-seħħ. Għal dawk l-investigazzjonijiet, dejn doganali jkun imġarrab hekk kif id-dikjarazzjoni tkun aċċettata għal rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera: (a) kull meta jiġi stabbilit, fir-rigward tal-importazzjonijiet fatturati mill-kumpaniji soġġetti għall-impenn, li waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet tal-impenn ma tkunx ġiet issodisfata; jew (b) meta l-Kummissjoni tikkonstata li l-impenn ikun inkiser f’regolament jew deċiżjoni li jirreferu għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara bħala invalidi l-fatturi rilevanti tal-impenn.

(17)

Ir-Regolament ta’ revoka daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2017, u għalhekk huwa applikabbli ratione temporis biss għall-importazzjonijiet li seħħew f’dik id-data jew warajha. Il-fatturi maħruġa qabel l-1 ta’ Ottubru 2017 għandhom ukoll jiġu invalidati. Dan japplika irrispettivament minn meta dawk il-fatturi ġew ippreżentati lill-awtoritajiet doganali, u jinkludi każijiet fejn dawn kienu invokati bħala fatturi kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament għall-importazzjonijiet fl-1 ta’ Ottubru 2017 jew wara.

(18)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1551 (16), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1329 (17) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/444 (18), il-Kummissjoni invalidat fatturi maħruġa minn erba’ produtturi esportaturi bi ksur tal-impenn filwaqt li kien għadu fis-seħħ.

D.   MONITORAĠĠ TAL-PRODUTTURI ESPORTATURI

(19)

Abbażi tal-Artikoli 8(7) u 14(7) tar-Regolament anti-dumping bażiku u l-Artikoli 13(9) u 24(7) tar-Regolament antisussidji bażiku, l-awtoritajiet finanzjarji Sloveni ppreżentaw lill-Kummissjoni evidenza dwar in-nuqqas ta’ konformità ta’ Trunsun Solar mal-impenn. Din l-evidenza tirrigwarda tranżazzjonijiet irrappreżentati minn fatturi kummerċjali maħruġa minn Trunsun Solar qabel l-1 ta’ Ottubru 2017 lil importatur. Għal kull tranżazzjoni, Trunsun Solar ħarġet kemm fattura tal-impenn kif ukoll fattura kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament. Kemm il-fattura tal-impenn kif ukoll il-fattura kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament jikkonċernaw l-istess konsenja, għandhom l-istess numru tal-fattura, l-istess data tal-fattura, l-istess kwantità tal-fattura u l-istess prezz tal-fattura. Iż-żewġ fatturi flimkien intużaw mill-importatur fl-1 ta’ Ottubru 2017 jew wara sabiex jibbenefikaw mill-PMI ta’ dazju varjabbli. Il-Kummissjoni analizzat ukoll l-informazzjoni ppreżentata lilha minn Trunsun Solar skont l-obbligi ta’ rapportar tagħha, u qabblet b’mod partikolari l-prezzijiet murija fuq il-fatturi trażmessi mill-awtoritajiet finanzjarji u l-prezzijiet irrapportati għall-istess numri tal-fattura minn Trunsun Solar.

(20)

Is-sejbiet deskritti fil-premessi minn (21) sa (24) jindirizzaw il-ksur skopert għal Trunsun Solar wara li rċeviet evidenza mill-awtoritajiet finanzjarji Sloveni.

E.   RAĠUNIJIET GĦALL-INVALIDAZZJONI TAL-FATTURI TAL-IMPENN

(21)

L-informazzjoni li waslet mingħand l-awtoritajiet finanzjarji Sloveni meta mqabbla mal-informazzjoni ppreżentata minn Trunsun Solar lill-Kummissjoni fir-rapporti trimestrali tagħha tagħti l-istampa li ġejja. Trunsun Solar ħarġet fatturi tal-impenn u fatturi kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament għall-pannelli solari qabel l-1 ta’ Ottubru 2017 bi prezz aktar baxx mill-PMI, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-impenn kif deskritt fil-premessa (9). Dawn huma l-fatturi trażmessi mill-awtoritajiet finanzjarji Sloveni. Fl-istess ħin, Trunsun Solar irrapportat dawn il-fatturi bħala fatturi tal-impenn lill-Kummissjoni, iżda ddikjarat prezz ogħla minn dak muri fuq il-fatturi ppreżentati lill-awtoritajiet finanzjarji Sloveni, sabiex il-Kummissjoni jkollha l-impressjoni li l-PMI applikabbli ġie rrispettat.

(22)

Fuq il-bażi tal-evidenza li waslet mingħand l-awtoritajiet finanzjarji Sloveni, jidher li importatur ħareġ mid-dwana pannelli solari mixtrija minn Trunsun Solar wara li daħal fis-seħħ ir-Regolament ta’ revoka. Il-fatturi ppreżentati fl-iżdoganar tal-merkanzija minn dak l-importatur għandhom l-istess data u numru ta’ referenza kif jidher fit-tabella tal-fatturi tal-impenn irrapportati minn Trunsun Solar lill-Kummissjoni. Dawn ma kkonformawx mar-rekwiżiti tal-kontenut għall-fatturi tal-impenn stabbiliti fl-Anness III u l-Anness 2 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament. Fil-fatt, dawk il-fatturi ma inkludewx l-elementi obbligatorji ta’ fattura tal-impenn elenkati taħt il-punti 1 u 9 tal-Anness III u l-Anness 2 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament (jiġifieri dawk il-fatturi la kellhom intestatura meħtieġa u lanqas l-isem tal-uffiċjal tal-kumpanija u d-dikjarazzjoni ffirmata meħtieġa). Barra minn hekk, dawk il-fatturi nħarġu b’valur aktar baxx mill-valur irrapportat lill-Kummissjoni.

(23)

Trunsun Solar ħarġet dawk il-fatturi waqt li l-impenn kien għadu fis-seħħ. Barra minn hekk, Trunsun Solar irrapportat dawk il-fatturi lill-Kummissjoni bħala fatturi tal-impenn. Fuq il-bażi tal-istess fatturi, is-CCCME ħarġet iċ-ċertifikati ta’ impenn relatati. Aktar tard, wara r-revoka tal-impenn, l-importatur mhux relatat uża l-fatturi biex jikklerja mid-dwana l-pannelli solari li għalihom inħareġ ċertifikat ta’ impenn.

(24)

Sakemm l-impenn kien fis-seħħ u ma ntlaħqitx il-kwota annwali, Trunsun Solar kienet ipprojbita milli toħroġ fatturi kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament. Madankollu, billi ħarġet tali fatturi b’mod parallel mal-fatturi tal-impenn u għall-istess tranżazzjonijiet, Trunsun Solar kisret din il-projbizzjoni.

(25)

Konsegwentement, Trunsun Solar kisret l-obbligi ta’ impenn tagħha, l-ewwel, billi ħarġet fatturi tal-impenn li għalihom it-tranżazzjonijiet finanzjarji sottostanti ma kinux konformi mal-PMI (ara l-premessa (21)); it-tieni billi ħarġet fatturi tal-impenn li ma kinux konformi mar-rekwiżiti tal-kontenut stipulati fl-Anness III u l-Anness 2 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament, it-tielet, billi rrapportat prezz tal-bejgħ f’konformità mal-PMI applikabbli fid-data tal-fattura meta fir-realtà l-prezz tal-bejgħ fuq il-fattura kummerċjali ordinarja kien aktar baxx minn dak irrapportat lill-Kummissjoni (il-premessa (21)), u r-raba’ billi ħarġet b’mod parallel fatturi kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament.

F.   FATTURI TAL-IMPENN RILEVANTI

(26)

It-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ magħmula minn Trunsun Solar bi ksur tal-impenn (il-premessi minn (21) sa (23)) kienu marbuta mal-fatturi tal-impenn li ġejjin:

Referenza tal-fattura tal-impenn li takkumpanja l-prodotti soġġetti għal impenn

Data tal-ħruġ

TS-1708013-7

30.8.2017

TS-1708015-1

6.9.2017

TS-1708013-6

30.8.2017

TS-1708015-4

13.9.2017

TS-1708013-5

30.8.2017

TS-1708013-1

23.8.2017

TS-1708013-2

23.8.2017

TS-1708015-3

13.9.2017

TS-1708013-3

23.8.2017

TS-1708013-4

30.8.2017

TS-1708015-2

6.9.2017

TS-1708013-8

6.9.2017

G.   SOTTOMISSJONIJIET BIL-MIKTUB U SEDUTI TA’ SMIGĦ

(27)

Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-konstatazzjonijiet, b’mod partikolari dwar l-intenzjoni li l-fatturi tal-impenn jiġu invalidati. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jinstemgħu u li jippreżentaw kummenti skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament anti-dumping bażiku u l-Artikolu 13(9) tar-Regolament antisussidji bażiku.

(28)

Il-CCCME u Trunsun Solar għamlu sottomissjonijiet bil-miktub fid-29 ta’ Mejju u fl-1 ta’ Ġunju 2020 rispettivament. Trunsun Solar talbet udjenza u nstemgħet fid-9 ta’ Ġunju 2020. Wara l-udjenza, Trunsun Solar għamlet sottomissjoni addizzjonali fit-12 ta’ Ġunju 2020. Il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti ppreżentati u indirizzathom hawn taħt.

(29)

Kemm is-CCCME kif ukoll Trunsun Solar sostnew li t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ elenkati fil-premessa (26) kienu rregolati mir-Regolament ta’ revoka u mhux mill-impriża billi, skonthom, kienet id-data li fiha l-pannelli solari kienu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera fl-UE, fi kliem ieħor żdoganati, li ddeterminat il-qafas ġuridiku applikabbli għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ. B’appoġġ għall-affermazzjoni tagħhom huma rreferew għal email mis-servizzi tal-Kummissjoni lis-CCCME bid-data tat-28 ta’ Settembru 2017 li permezz tagħha s-servizzi tal-Kummissjoni wieġbu li, f’konformità mal-Artikolu 172(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, id-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali ddeterminat l-PMI applikabbli. Barra minn hekk, is-CCCME saħħet din l-affermazzjoni b’referenza għall-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 5 tar-Regolament anti-dumping bażiku u l-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 10 tar-Regolament antisussidji bażiku li stipulaw il-ħin tad-dħul fiċ-ċirkolazzjoni libera tal-oġġetti bħala l-limitu ta’ żmien għall-applikabbiltà tal-miżura.

(30)

Il-Kummissjoni tinnota li t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ elenkati fil-premessa (26) ġew konklużi bejn it-23 ta’ Awwissu u t-13 ta’ Settembru 2017 bejn Trunsun Solar u l-importatur, jiġifieri ħafna qabel ma ntbagħtet l-email tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, f’dak il-mument, l-uniku qafas legali applikabbli kien l-impenn. Ir-Regolament ta’ revoka ġie adottat fil-15 ta’ Settembru 2017, ġie ppubblikat fis-16 ta’ Settembru 2017 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2017.

(31)

Barra minn hekk, fl-ittra lis-CCCME tal-20 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni ċċarat li d-dazji u l-PMI tad-dazju varjabbli japplikaw awtomatikament fuq oġġetti ddikjarati għad-dħul fiċ-ċirkolazzjoni libera fl-UE mill-1 ta’ Ottubru 2017, anki jekk il-prodotti jkunu akkumpanjati minn fattura tal-impenn u ċertifikat ta’ impenn maħruġ qabel dik id-data. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċċarat li s-CCCME u l-produtturi esportaturi inħelsu mill-obbligi ta’ rapportar tagħhom skont il-Klawżola 5 tal-impenn minn dik id-data, jiġifieri l-1 ta’ Ottubru 2017. Għalhekk, għalkemm il-pannelli solari inkwistjoni kienu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera meta r-Regolament ta’ revoka kien fis-seħħ, Trunsun Solar ma setgħetx possibbilment toħroġ il-fatturi korrispondenti u tikkonkludi t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ taħt qafas legali ieħor minn dak applikabbli f’dak iż-żmien, jiġifieri l-impenn. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(32)

Is-CCCME u Trunsun Solar sostnew ukoll li, peress li d-data tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tiddetermina l-qafas legali applikabbli, Trunsun Solar ma kisret l-ebda obbligu ta’ impenn minħabba li l-impenn ma kienx għadu fis-seħħ fiż-żmien tar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera tal-pannelli solari inkwistjoni. B’mod aktar speċifiku, skont Trunsun Solar, l-obbligi ta’ rappotar u l-konformità mal-PMI ma baqgħux applikabbli għal dawn l-importazzjonijiet. Għaldaqstant, skont Trunsun Solar, il-Kummissjoni ma tistax tinvalida l-fatturi tal-impenn peress li d-dispożizzjonijiet tal-impenn u l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-ksur tagħhom ma kinux jirregolaw l-importazzjonijiet inkwistjoni.

(33)

Kif spjegat fil-premessa (31), Trunsun Solar kienet marbuta bl-impenn meta ġew konklużi t-tranżazzjonijiet tal-bejgħ u l-fatturi tal-impenn maħruġin. L-impenn kien fis-seħħ sal-1 ta’ Ottubru 2017. Permezz tal-ittra tal-20 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni spjegat li s-CCCME u l-produtturi esportaturi se jiġu rilaxxati mill-obbligi tal-impenn mill-1 ta’ Ottubru 2017 u talbet li l-bejgħ sat-30 ta’ Settembru 2017 jiġi rrapportat lill-Kummissjoni. Is-sempliċi fatt li l-pannelli solari inkwistjoni kienu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera fl-UE skont ir-Regolament ta’ revoka ma kienx jinvolvi li Trunsun Solar ma għandhiex għalfejn tikkonforma mal-impenn filwaqt li din kienet għadha fis-seħħ. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

(34)

Barra minn hekk, is-CCCME u Trunsun Solar sostnew li l-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa legali biex tinvestiga kwalunkwe ksur tal-impenn għall-pannelli solari rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera mill-1 ta’ Ottubru 2017. Skont Trunsusn Solar, skont il-premessi (54) u (57) tar-Regolament ta’ revoka il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjonijiet dwar il-konformità mal-impenn tal-prezz u tista’ tiftaħ investigazzjonijiet ġodda biss għal oġġetti li ġew rilaxxati f’ċirkolazzjoni ħielsa filwaqt li l-impenn fuq il-prezz kien għadu fis-seħħ.

(35)

Kif imsemmi fil-premessa (33), il-Kummissjoni tinnota li l-fatt li l-pannelli solari inkwistjoni ġew rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera fl-UE skont ir-Regolament ta’ revoka ma kienx jinvolvi li Trunsun Solar ma għandhiex għalfejn tikkonforma mal-impenn filwaqt li dan kien għadu fis-seħħ. Barra minn hekk, għall-pannelli solari, it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ inkwistjoni ġew konklużi mal-importatur u l-fatturi tal-impenn u ċ-ċertifikati ta’ impenn korrispondenti nħarġu matul l-impenn. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(36)

Fis-sottomissjoni tagħha, Trunsun Solar spjegat l-isfond fattwali għat-tranżazzjonijiet elenkati fil-premessa (26): hija ħarġet it-12-il fattura tal-impenn li kienu qed ibigħu pannelli solari lil importatur fuq il-livell tal-prezz tal-PMI applikabbli fid-data tal-fatturi tal-impenn. Trunsun Solar ħarġet il-fatturi tal-impenn għall-12 bejn it-23 ta’ Awwissu u t-13 ta’ Settembru 2017 u kisbet iċ-ċertifikati korrispondenti tal-impenn mis-CCCME. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ revoka fis-16 ta’ Settembru 2017, l-importatur u t-Trunsun Solar innegozjaw mill-ġdid tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ ta’ dawn it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ fil-livell tal-PMI tad-dazju varjabbli li għandu jiġi introdott mir-Regolament ta’ revoka. Bħala konsegwenza, Trunsun Solar u l-importatur iffirmaw ftehim supplimentari fl-20 ta’ Settembru 2017 u Trunsun Solar ħarġet mill-ġdid 12-il fattura kummerċjali ġdida skont l-istipulazzjonijiet tal-Anness V u l-Anness 4 għar-rieżami tal-iskadenza tar-Regolamenti anti-dumping u antisussidji rispettivament (“fatturi ta’ PMI tad-dazju varjabbli”). Dawk il-fatturi kienu datati b’lura għall-istess data bħall-fatturi tal-impenn. Trunsun Solar iddikjarat li ħarġet 12-il fattura tal-PMI tad-dazju varjabbli bl-istess data u numru ta’ referenza bħall-fatturi tal-impenn biex tiżgura l-konsistenza ma’ dokumenti ta’ tranżazzjoni oħra u biex tissostitwixxi l-fatturi tal-impenn u li, sa fejn taf hi, dawn tal-aħħar ma ġewx ippreżentati mal-iżdoganar tal-merkanzija mill-importatur. Barra minn hekk, Trunsun Solar sostniet li ħarġet il-fatturi tal-PMI tad-dazju varjabbli biex tikkonforma mar-Regolament ta’ revoka. Hija sostniet li, jekk l-importatur jissottometti biss il-fatturi tal-impenn għall-iżdoganar tal-merkanzija, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-PMI tad-dazju varjabbli ma kinux jiġu sodisfatti billi dawk il-fatturi ma kinux konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V u fl-Anness 4 tar-rieżami ta’ skadenza tar-Regolamenti anti-dumping u antisussidji rispettivament.

(37)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li Trunsun Solar setgħet biss toħroġ fatturi tal-impenn waqt li l-impenn kien fis-seħħ. Ġie pprojbit milli jinħarġu fatturi kummerċjali skont l-istipulazzjonijiet tal-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tar-Regolament tal-antisussidji rispettivament. Kien preċiżament f’dak l-ispirtu li l-Kummissjoni ċċarat, fl-20 ta’ Settembru 2017, li l-importazzjonijiet ta’ pannelli solari akkumpanjati minn fattura u ċertifikat tal-impenn u żdoganati mill-1 ta’ Ottubru jkunu soġġetti għar-Regolament ta’ revoka u konformi miegħu. It-tieni nett, filwaqt li Trunsun Solar sostniet li reġgħet ħarġet il-fatturi tal-PMI tad-dazju varjabbli wara l-20 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni tinnota li l-maġġoranza kbira tal-pannelli solari inkwistjoni kienu diġà ntbagħtu lejn l-UE qabel dik id-data u għalhekk setgħet tiġi ttrasportata biss bil-fattura korrispondenti tal-impenn. It-tielet, permezz tal-ħruġ mill-ġdid tal-fatturi PMI tad-dazju varjabbli bi prezz u valur aktar baxx, għad-detriment kummerċjali tagħha, biex tissostitwixxi l-fatturi tal-impenn għall-pannelli solari li kienu diġà ntbagħtu lill-importatur, Trunsun Solar poġġiet f’dubju l-ispirtu u l-effettività tal-impenn. Ir-raba’, Trunsun Solar ħarġet mill-ġdid il-fatturi minħabba li antiċipat li l-pannelli solari inkwistjoni jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera skont ir-Regolament ta’ revoka. L-ebda ġustifikazzjoni kummerċjali oħra fir-rigward tal-pannelli solari inkwistjoni ma wasslet għal tnaqqis fil-prezz. Fl-aħħar nett, Trunsun Solar ma rrapportatx lill-Kummissjoni l-bejgħ inkwistjoni bil-valur reali tiegħu, iżda bil-valur u l-prezz tal-fattura tal-impenn minkejja li r-rapportar sar ħafna wara li nħarġu l-fatturi PMI b’dazju varjabbli b’valur aktar baxx. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-bejgħ elenkat fil-premessa (26) ġie konkluż skont l-impenn u li kellu jkun akkumpanjat mill-fattura u ċ-ċertifikat korrispondenti tal-impenn, u li l-prezz kellu jikkonforma mal-prezz tal-impenn.

(38)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li għal kull waħda mit-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ elenkati fil-premessa (26), żewġ settijiet ta’ fatturi kienu ppreżentati mal-iżdoganar tal-merkanzija mill-importatur: fattura waħda skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness V u l-Anness 4 tar-rieżami tal-iskadenza tar-Regolamenti dwar l-anti-dumping u l-antisussidju rispettivament u fattura oħra li l-Kummissjoni qieset bħala l-fattura tal-impenn. Iż-żewġ fatturi kellhom l-istess speċifikazzjonijiet (data, numru ta’ referenza, klijent, kwantità u valur) iżda format u termini ta’ pagament differenti. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li t-termini tal-pagament fil-fatturi tal-PMI tad-dazju varjabbli allegatament maħruġa minn Trunsun Solar wara l-ftehim supplimentari tal-20 ta’ Settembru 2017 (ara l-premessa (37)) huma inkonsistenti mat-termini ta’ pagament maqbula f’dan tal-aħħar. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar l-affidabbiltà u l-preċiżjoni tal-fatturi tal-PMI bid-dazju varjabbli.

(39)

Trunsun Solar iddikjarat li l-proposta tal-Kummissjoni li l-fatturi tal-impenn jiġu invalidati u l-fatturi tal-PMI tad-dazju varjabbli jiksru l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi għax Trunsun Solar kienet qed tistenna li l-PMI tad-dazju varjabbli japplika għall-importazzjonijiet tagħha fl-UE fl-1 ta’ Ottubru 2017 jew wara. Barra minn hekk, skont Trunsun Solar, il-Kummissjoni ma stabbilietx li Trunsun Solar naqset milli tikkonforma mar-rekwiżit tar-Regolament ta’ revoka.

(40)

Kif imsemmi fil-premessa (31), Trunsun Solar kienet marbuta bl-impenn meta ġew konklużi t-tranżazzjonijiet tal-bejgħ inkwistjoni mal-importatur. Ir-Regolament ta’ revoka la kien ippubblikat u lanqas fis-seħħ meta ġew konklużi t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ u l-fatturi kummerċjali korrispondenti. Din hija r-raġuni għaliex Trunsun Solar talbet u kisbet iċ-ċertifikati korrispondenti ta’ impenn u rrapportat dan il-bejgħ lill-Kummissjoni bħala bejgħ tal-impenn. Il-Kummissjoni stabbiliet li billi ma osservatx ir-rekwiżiti tal-impenn fis-seħħ, Trunsun Solar ma kellhiex tibbenefika mill-PMI tad-dazju varjabbli introdott mir-Regolament ta’ revoka. Il-talbiet għalhekk ma ntlaqgħux. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-fatturi tal-PMI tad-dazju varjabbli nħarġu qabel l-email tas-servizzi tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2017. Konsegwentement, din l-email ma setgħetx possibilment toħloq aspettattivi leġittimi f’data qabel ma ntbagħtet. Fi kwalunkwe każ, il-kontenut ta’ din il-email ma jipprovdi ebda indikazzjoni li l-konformità mal-impenn setgħet eventwalment tieqaf qabel l-1 ta’ Ottubru 2017.

(41)

Trunsun Solar iddikjarat li l-proposta attwali tal-Kummissjoni hija sproporzjonata peress li l-pannelli solari kienu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera fl-UE b’rispett sħiħ tal-PMI tad-dazju varjabbli u għalhekk ma kkawżaw l-ebda effett dannuż lill-industrija tal-Unjoni. Konsegwentement, Trunsun Solar ma għandhiex tkun soġġetta għall-istess miżuri punittivi bħall-kumpaniji ta’ impriżi oħra li wettqu ksur intenzjonali tal-impenn.

(42)

Il-Kummissjoni teżamina jekk kumpanija tirrispettax l-impenn fid-dawl tat-termini tal-impenn. It-termini tal-impenn ġew aċċettati mill-produttur esportatur. Min-naħa tagħha, hija għandha dritt għal miżuri ta’ difiża kummerċjali li huma l-aktar favorevoli għaliha, peress li jippermettulha, sakemm din tkun konformi mal-impenn, li tevita li tħallas id-dazji (19). Għalhekk, l-applikazzjoni tal-forma normali ta’ dazji f’sitwazzjoni fejn il-produttur esportaturkiser l-impenn mhix sproporzjonata, iżda sempliċement l-applikazzjoni tar-regoli normali, minħabba li ksur tal-impenn ma jiġġustifikax l-aktar trattament favorevoli. L-uniku argument invokat minn Trunsun Solar biex tiġġustifika għaliex l-invalidazzjoni tkun sproporzjonata huwa għaliex hija tallega li hija kkonformat, fis-sustanza, mal-PMI tad-dazju varjabbli meta importat l-merkanzija. Dan l-argument diġà jfalli għas-sempliċi raġuni li l-kwistjoni ta’ dumping reali ta’ tranżazzjoni ta’ esportazzjoni konkreta huwa rilevanti biss għal rimbors possibbli skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament anti-dumping bażiku (20). Jekk tabilħaqq, bħala riżultat tar-rispett tal-PMI, il-marġini ta’ dumping tal-esportazzjoni konkreta jkun naqas jew ġie eliminat, l-importatur jista’ jitlob għal rifużjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li meta seħħ il-ksur, ma kien hemm l-ebda garanzija li l-iżdoganar tal-merkanzija kien se jseħħ wara t-30 ta’ Settembru 2017. F’dan il-każ, il-Kummissjoni hija tal-fehma li Trunsun Solar kisret l-obbligi ta’ impenn tagħha kif spjegat fid-dettall fil-premessa (25). B’hekk l-affermazzjoni li l-proposta tal-Kummissjoni hija sproporzjonata hija miċħuda.

(43)

Kemm is-CCCME u Trunsun Solar sostnew li l-Kummissjoni ma tistax tinvalida fatturi tal-impenn minħabba d-dispożizzjonijiet abilitanti tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013, l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367, l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366 skadew u tħassru mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1570, li jfisser li llum ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tippermetti li l-fatturi tal-impenn jiġu invalidati. Barra minn hekk, Trunsun Solar sostniet li l-Kummissjoni ma għandhiex il-bażi legali biex tinvalida l-fatturi tal-PMI tad-dazju varjabbli għax l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament tar-rieżami tal-iskadenza anti-dumping u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament tar-rieżami tal-iskadenza antisussidji, jirreferu biss għas-setgħa tal-Kummissjoni li tinvalida fattura tal-impenn maħruġa bi ksur tal-impenn.

(44)

Trunsun Solar sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma tistax tordna ġbir retroattiv allegat ta’ dazji fuq l-importazzjonijiet fil-passat diġà rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera. Skont Trunsun Solar, il-ġbir retroattiv ta’ dazji anti-dumping u kompensatorji mingħajr ma jkun ġie rreġistrat u impost mill-ġdid dazju provviżorju fuq dawk l-importazzjonijiet minn qabel ikun bi ksur tal-Artikolu 8(1), (9) u (10) u l-Artikolu 10(5) tar-Regolament anti-dumping bażiku u tal-Artikolu 13(1), (9) u (10) u l-Artikolu 16(5) tar-Regolament antisussidji bażiku.

(45)

Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-allegata retroattività tal-impożizzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni nnutat li, skont l-Artikolu 8(10) tar-Regolament anti-dumping bażiku u l-Artikolu 13(10) tar-Regolament antisussidji bażiku, dazju provviżorju jista’ jiġi impost biss meta l-investigazzjoni li tkun wasslet għall-impenn ma tkunx tlestiet. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-każ kurrenti.

(46)

Il-każ jikkonċerna t-tmiem tan-nuqqas temporanju ta’ ħlas ta’ dazji anti-dumping u dawk kompensatorji, minħabba li l-kundizzjonijiet għat-tkomplija ta’ dak in-nuqqas ta’ ħlas ma baqgħux jinstabu li huma veri.

(47)

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont id-Deċiżjoni 2013/423/UE tagħha, il-ksur tal-impenn jista’ jirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari (21). Il-Kummissjoni identifikat tranżazzjonijiet bi ksur tal-impenn kif immaterjalizzaw bil-fatturi korrispondenti invalidati. Dan jippermetti lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri biex jiġbru d-dejn doganali kollu. dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-awtoritajiet doganali jiġbru dawk id-dazji indipendentement minn sejba formali ta’ ksur tal-impenn mill-Kummissjoni, abbażi tar-regoli ġenerali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013.

(48)

Permezz tar-regolamenti ta’ invalidazzjoni, il-Kummissjoni tinnotifika lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li n-nuqqas temporanju ta’ ġbir tad-dazji anti-dumping u kompensatorji applikabbli jitneħħa u li d-dazji individwali għandhom jinġabru għall-importazzjonijiet ikkonċernati. F’dawk iċ-ċirkostanzi, japplikaw id-dazji definittivi imposti mill-Artikolu 9(4) tar-Regolament anti-dumping bażiku u l-Artikolu 14(4) tar-Regolament antisussidji bażiku.

(49)

Il-ġbir ta’ dazji li kellhom ikunu dovuti minn dak iż-żmien ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju tan-nonretroattività, jew, għal dik il-kwistjoni, ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi: Trunsun Solar kienet soġġetta għat-termini tal-impenn, u, bi tpattija, ibbenefikat min-nuqqas ta’ ġbir temporanju tad-dazji anti-dumping u kompensatorji. Peress li ma osservatx dawn it-termini, hija ma tistax tiddikjara li kisbet aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant, l-affermazzjoni ta’ retroattività allegata ġiet miċħuda.

(50)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indirizzat l-affermazzjoni li l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013, l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367, l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366 skadew u ġew revokati permezz tar-Regolament (UE) 2017/1570.

(51)

Il-Kummissjoni spjegat li l-ksur tal-impenn seħħ matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-impenn.

(52)

Kif imsemmi fil-premessa (16) hawn fuq, il-premessa (54) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1570 tgħid: “Il-Kummissjoni qiegħda tkompli twettaq investigazzjonijiet dwar il-konformità mal-impenn tal-prezz u tista’ tiftaħ investigazzjonijiet ġodda għal oġġetti li ġew rilaxxati f’ċirkolazzjoni ħielsa filwaqt li l-impenn fuq il-prezz kien għadu fis-seħħ. Għal dawn l-investigazzjonijiet, l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366 u (UE) 2017/367 jibqgħu l-liġi applikabbli. B’mod partikolari, dejn doganali jinħoloq hekk kif id-dikjarazzjoni tkun aċċettata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera: (a) kull meta jiġi stabbilit, fir-rigward tal-importazzjonijiet fatturati mill-kumpaniji soġġetti għall-impenn, li waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet tal-impenn ma tkunx ġiet issodisfata; jew (b) meta l-Kummissjoni tikkonstata li l-impenn ikun inkiser f’regolament jew deċiżjoni li jirreferu għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara bħala invalidi l-fatturi rilevanti tal-impenn. Il-Kummissjoni qieset ukoll li produttur esportatur li jkun instab li kiser l-impenn jenħtieġ li ma jibbenefikax mill-PMI tad-dazju varjabbli, ukoll jekk dawn il-konstatazzjonijiet ikunu saru wara t-tmiem tal-impenn tal-prezz. F’dawk it-tipi ta’ każijiet, il-PMI tad-dazju varjabbli jenħtieġ li ma jibqax aktar applikabbli. Il-Kummissjoni jenħtieġ li mbagħad tneħħi l-ismijiet tal-kumpanija (i) rispettiva/i mill-Anness VI l-ġdid u l-Anness 5 il-ġdid bl-istess att legali li fih huwa stabbilit in-nuqqas ta’ konformità.”

(53)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li hija għandha d-dritt tinvalida fatturi tal-impenn mill-Artikolu 14 tar-Regolament anti-dumping bażiku u l-Artikolu 24 tar-Regolament antisussidji bażiku. Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jinvalida l-fatturi jiddikjara biss il-konsegwenza legali tal-ksur tal-impenn, li jirriżulta direttament mill-Artikolu 8 tar-Regolament anti-dumping bażiku u l-Artikolu 13 tar-Regolament antisussidji bażiku. Dawk is-setgħat huma stipulati għal darba oħra fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366, l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367, kif ukoll fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013.

(54)

Minħabba li l-ksur tal-impenn minn Trunsun Solar seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ revoka, il-Kummissjoni hija intitolata tinvalida l-fatturi tal-Impenn bis-saħħa tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013, l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367, l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013, u l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366. Il-fatt li l-Kummissjoni saret taf b’dak il-ksur biss wara t-tħassir ta’ dawk id-dispożizzjonijiet permezz tar-Regolament ta’ revoka ma jnaqqasx il-ħtieġa għall-applikazzjoni effettiva ta’ dawk ir-regoli u r-rekwiżit li l-fatturi jiġu invalidati mill-punt fiż-żmien meta seħħ il-ksur. Għaldaqstant, l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(55)

Wara s-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2020, Trunsun Solar tenniet l-argumenti indirizzati hawn fuq. Barra minn hekk, hija sostniet li ma kinitx taqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li ma kienx permess li jiġu konklużi tranżazzjonijiet ta’ bejgħ skont ir-Regolament ta’ revoka filwaqt li l-impenn kien għadu fis-seħħ. Trunsun Solar sostniet li l-fehma tal-Kummissjoni ma kinitx kompatibbli mar-rekwiżiti legali tar-Regolament ta’ revoka peress li l-PMI tad-dazju varjabbli kien maħsub biex iżid iċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi billi jistabbilixxi l-PMI xieraq f’livell mhux dannuż. Barra minn hekk, Trunsun Solar sostniet li l-perjodu ta’ ttranżizzjoni ta’ ġimagħtejn qabel ma jidħol fis-seħħ il-PMI tad-dazju varjabbli kien maħsub biex jippermetti lill-operaturi tan-negozju jadattaw għaċ-ċirkostanzi tas-suq li nbidlu sostanzjalment, kemm f’termini ta’ rekwiżiti proċedurali tal-importazzjonijiet futuri kif ukoll tal-livell tal-prezz meħtieġ li għandu jkun hemm konformità miegħu. Trunsun Solar kompliet targumenta li mingħajr il-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ ġimagħtejn l-esportaturi ma setgħux ibiegħu bil-PMI tad-dazju varjabbli fl-1 ta’ Ottubru 2017 (jiġifieri d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ revoka) iżda biss sitt ġimgħat wara minħabba ż-żmien meħtieġ għall-ġarr tal-merkanzija bil-baħar bejn il-port Ċiniż u l-fruntiera tal-Unjoni.

(56)

Bi tweġiba għal dawn il-kummenti, il-Kummissjoni tinnota li, kif imsemmi fil-premessa (37) hawn fuq, Trunsun Solar kienet marbuta mill-impenn sat-30 ta’ Settembru 2017. Skont it-termini tal-impenn, Trunsun Solar ma setgħetx toħroġ fatturi kummerċjali. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li r-Regolament ta’ revoka ma kienx fis-seħħ u lanqas ma kien ippubblikat fiż-żmien meta t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ġew konklużi għall-ewwel darba. Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa (37), f’ittra lis-CCCME, il-Kummissjoni ċċarat li l-esportazzjonijiet b’fattura ta’ impenn jiġu aċċettati u approvati mid-dwana skont ir-Regolament ta’ revoka mill-1 ta’ Ottubru 2017. Filwaqt li tabilħaqq il-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ ġimagħtejn kien ipprovdut sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jadattaw għar-reġim il-ġdid, it-termini kummerċjali tal-pannelli solari inkwistjoni ġew konklużi qabel il-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ revoka u ġew riveduti waqt li dawn il-pannelli solari kienu diġà ġew ittrasportati. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li ma kienx ikun hemm ksur tar-rekwiżiti proċedurali u tal-prezzijiet li kieku l-importazzjonijiet ġew żdoganati b’fattura ta’ impenn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ revoka. Għaldaqstant, dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux.

H.   KSUR TAL-IMPENN U IMPOŻIZZJONI TA’ DAZJI DEFINITTIVI

(57)

Skont l-Artikoli 8(7) u 8(9) tar-Regolament anti-dumping bażiku u l-Artikoli 13(7) u 13(9) tar-Regolament antisussidji bażiku, u skont it-termini tal-impenn, il-Kummissjoni kkonkludiet li Trunsun Solar kisret l-impenn waqt li kien għadu fis-seħħ.

(58)

Għalhekk, skont l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013, l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367, l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366 fis-seħħ fiż-żmien tal-ħruġ tal-fatturi tal-impenn, il-fatturi ta’ Trunsun Solar elenkati fil-premessa (25) jenħtieġ li jiġu ddikjarati invalidi. Dan japplika kemm għall-fatturi tal-impenn kif ukoll għall-fatturi kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament.

(59)

Hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet doganali nazzjonali li jivvalutaw jekk il-perjodi ta’ limitazzjoni applikabbli jkunux skadew f’konformità mal-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22). Peress li dawk ir-regoli huma regoli sostantivi, l-applikazzjoni tagħhom ratione temporis tiddependi mid-data tad-dħul fiċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti (23).

(60)

F’dan il-każ, l-awtoritajiet doganali Sloveni bbażaw fuq il-fatturi tal-impenn u l-fatturi kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament għal prodotti kklerjati mid-dwana fl-1 ta’ Ottubru 2017 jew wara. L-awtoritajiet doganali taw il-PMI ta’ dazju varjabbli, u ma imponew ebda dazju, wara li kkunsidraw li l-fatturi tal-impenn u l-fatturi kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament li huma invalidati b’dan ir-Regolament jistgħu jiġu kkwalifikati bħala fatturi kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivi.

(61)

Il-Kummissjoni tqis li d-dipendenza fuq il-fatturi tal-impenn u l-fatturi kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament għal dak il-għan hija eskluża, minħabba tliet raġunijiet separati. L-ewwel nett, il-produttur esportatur, Trunsun Solar, ma kellux id-dritt li joħroġ fatturi kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament, sakemm l-impenn kien fis-seħħ u l-kwota annwali ma kinitx eżawrita. It-tieni, il-fatturi tal-impenn u l-fatturi kummerċjali skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament kienu ksur tal-impenn, kif instab f’dan ir-Regolament, u għalhekk ma jistgħux jiġu invokati b’mod validu fi kwalunkwe każ. It-tielet, kif stabbilit fil-premessa (54) tar-Regolament ta’ revoka, “Il-Kummissjoni qieset ukoll li produttur esportatur li jkun instab li kiser l-impenn jenħtieġ li ma jibbenefikax mill-PMI tad-dazju varjabbli, ukoll jekk dawn il-konstatazzjonijiet ikunu saru wara t-tmiem tal-impenn tal-prezz. F’dawk it-tipi ta’ każijiet, il-PMI tad-dazju varjabbli jenħtieġ li ma jibqax aktar applikabbli. Il-Kummissjoni jenħtieġ li mbagħad tneħħi l-ismijiet tal-kumpanija (i) rispettiva/i mill-Anness VI l-ġdid u l-Anness 5 il-ġdid bl-istess att legali li fih huwa stabbilit in-nuqqas ta’ konformità.” Il-Kummissjoni tosserva wkoll li fi kwalunkwe każ, il-fatturi tal-impenn lanqas ma kienu konformi mar-rekwiżiti tal-Anness III u l-Anness 2 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji rispettivament (ara l-premessa (22) ta’ hawn fuq).

(62)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li Trunsun Solar għandha titqies li tneħħiet mill-Anness VI l-ġdid u mill-Anness 5 il-ġdid tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji kif immodifikati mir-Regolament ta’ revoka. L-importazzjonijiet soġġetti għall-fatturi tal-impenn elenkati fil-premessa (25) ma kellhomx jibbenefikaw mill-PMI ta’ dazju varjabbli introdott mir-Regolament ta’ revoka iżda pjuttost kellhom iħallsu d-dazju anti-dumping u kompensatorju applikabbli. Is-sitwazzjoni hija differenti għal importaturi oħra li xtraw pannelli solari minn Trunsun Solar b’fatturi kummerċjali validi skont l-Anness V u l-Anness 4 tar-Regolamenti tar-rieżami tal-iskadenza tal-anti-dumping u tal-antisussidji maħruġa rispettivament wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ revoka. Dawn l-importaturi kellhom aspettattivi leġittimi li jibbenefikaw mill-PMI ta’ dazju varjabbli peress li ma kinux jafu u ma kellhomx ikunu jafu bil-ksur stabbilit b’dan. Għalhekk, dawn l-importaturi komplew jibbenefikaw mill-PMI ta’ dazju varjabbli. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal investigazzjonijiet ulterjuri dwar din il-kwistjoni, li jistgħu jiżvelaw li anki għal importaturi oħra, l-aspettattivi leġittimi ma kinux jipprevalu, minħabba li kienu kapaċi jew kellhom ikunu jafu bi ksur tal-impenn minn Trunsun Solar.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-fatturi tal-impenn elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament huma ddikjarati invalidi.

2.   Dawn il-fatturi tal-impenn ma għandhomx jiġu aċċettati mill-awtoritajiet doganali bħala fatturi kummerċjali skont l-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367 u l-Anness 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366.

Artikolu 2

1.   Mill-1 ta’ Ottubru 2017, Zhejiang Trunsun Solar Co. Ltd għandha titneħħa mill-Anness VI l-ġdid tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367 u mill-Anness 5 il-ġdid tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1570.

2.   Id-dazji anti-dumping u kompensatorji dovuti hekk kif id-dikjarazzjoni doganali tkun aċċettata għal rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013, l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367, l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366 għandhom jinġabru għall-importazzjonijiet kklerjati mid-dwana bil-fatturi invalidati skont l-Artikolu 1(1), ħlief fejn il-perjodi ta’ limitazzjoni applikabbli jkunu skadew skont ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

3.   L-importazzjonijiet l-oħra kollha mill-1 ta’ Ottubru 2017 minn Zhejiang Trunsun Solar Co. Ltd akkumpanjati minn fattura kummerċjali valida maħruġa fl-1 ta’ Ottubru 2017 jew wara skont l-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367 u l-Anness 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/366 għandhom jibqgħu mhux affettwati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu japplika għat-tranżazzjonijiet imwettqa permezz tal-fatturi tal-impenn imsemmija fl-Artikolu 1.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21 kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2321 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 338, 19.12.2017, p. 1) u bir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

(2)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55

(3)   ĠU L 325, 5.12.2013, p. 1.

(4)   ĠU L 325, 5.12.2013, p. 66.

(5)   ĠU L 56, 3.3.2017, p. 1.

(6)   ĠU L 56, 3.3.2017, p. 131.

(7)   ĠU L 238,16.9.2017, p. 22.

(8)   ĠU L 209, 3.8.2013, p. 26.

(9)   ĠU L 325, 5.12.2013, p. 214.

(10)   ĠU L 270, 11.9.2014, p. 6.

(11)  Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/866 (ĠU L 139, 5.6.2015, p. 30), (UE) 2015/1403 (ĠU L 218, 19.8.2015, p. 1), (UE) 2015/2018 (ĠU L 295, 12.11.2015, p. 23), (UE) 2016/115 (ĠU L 23, 29.1.2016, p. 47), (UE) 2016/1045 (ĠU L 170, 29.6.2016, p. 5), (UE) 2016/1382 (ĠU L 222, 17.8.2016, p. 10), (UE) 2016/1402 (ĠU L 228, 23.8.2016, p. 16), (UE) 2016/1998 (ĠU L 308, 16.11.2016, p. 8), (UE) 2016/2146 (ĠU L 333, 8.12.2016, p. 4), (UE) 2017/454 (ĠU L 71, 16.3.2017, p. 5), (UE) 2017/941 (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 43), (UE) 2017/1408 (ĠU L 201, 2.8.2017, p. 3), (UE) 2017/1497 (ĠU L 218, 24.8.2017, p. 10), (UE) 2017/1524 (ĠU L 230, 6.9.2017, p. 11), (UE) 2017/1589 (ĠU L 241, 20.9.2017, p. 21) li jirtiraw l-aċċettazzjoni tal-impenn għal bosta produtturi esportaturi.

(12)   ĠU L 37, 12.2.2016, p. 76.

(13)   ĠU L 37, 12.2.2016, p. 56.

(14)   ĠU C 310, 3.9.2018, p. 4.

(15)   ĠU C 310, 3.9.2018, p. 5.

(16)   ĠU L 260, 17.10.2018, p. 8.

(17)   ĠU L 207, 7.8.2019, p. 12.

(18)   ĠU L 92, 26.3.2020, p. 10.

(19)  Is-sentenza f’Neotype vs il-Kummissjoni, C-305/86 u C-160/87, EU:C:1990:295, il-punt 60; U f’International Potash vs Il-Kunsill, T-87/98, EU:T:2000:221, il-punt 41 u l-każistika kkwotata.

(20)  Is-sentenza f’International Potash vs Il-Kunsill, T-87/98, EU:T:2000:221, il-punt 35: “ Għandu jiġi enfasizzat li r-regolament bażiku ma jippermetti l-ebda element ieħor għajr dawk li għalihom saru konstatazzjonijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, bħal, pereżempju, il-marġni ta’ dumping “effettiv” għat-tranżazzjonijiet futuri ta’ esportazzjoni, li għandu jkun ikkunsidrat għall-finijiet tal-iffissar tal-marġni ta’ dumping. Ir-Regolament tal-Kunsill li jimponi dazji anti-dumping għandu jkun ibbażat fuq fatti stabbiliti wara proċedura li fiha l-partijiet interessati jgħarrfu l-fehmiet tagħhom (ara l-Kawża 240/84 NTN Toyo vs Il-Kunsill [1987] Ġabra 1809, il-punt 26). Għalhekk, taħt ir-regolament bażiku, il-kunċett ta’ “marġni ta’ dumping” attwali huwa rilevanti biss fil-kuntest ta’ proċeduri għar-reviżjoni ta’ dazji eżistenti jew ir-rifużjoni tad-dazju miġbur, li huma msemmija fil-paragrafi (3) u (8) rispettivament tal-Artikolu 11 tar-regolament”.

(21)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/423/UE tat-2 ta’ Awwissu 2013 li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-premessi (14) u (15).

(22)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(23)  Is-Sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie NV, C-201/04, ECLI: EU:C:2006:136, il-paragrafu 41.


ANNESS

Lista ta’ fatturi tal-impenn maħruġa minn Zhejiang Trunsun Solar Co Ltd. li huma ddikjarati invalidi:

Referenza tal-fattura tal-impenn li takkumpanja l-prodotti soġġetti għal impenn

Data tal-ħruġ

TS-1708013-7

30.8.2017

TS-1708015-1

6.9.2017

TS-1708013-6

30.8.2017

TS-1708015-4

13.9.2017

TS-1708013-5

30.8.2017

TS-1708013-1

23.8.2017

TS-1708013-2

23.8.2017

TS-1708015-3

13.9.2017

TS-1708013-3

23.8.2017

TS-1708013-4

30.8.2017

TS-1708015-2

6.9.2017

TS-1708013-8

6.9.2017