|
31.1.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 27/18 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/148
tat-30 ta' Jannar 2019
dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva propanil skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 13(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fit-28 ta' Diċembru 2015 l-Italja rċeviet applikazzjoni mingħand il-kumpanija UPL Europe Ltd għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva propanil. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 9(3) ta' dak ir-Regolament, fid-29 ta' Frar 2016 l-Istat Membru relatur għarraf lill-applikant, lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Awtorità”) bl-ammissibbiltà tal-applikazzjoni. |
|
(3) |
Għal dik is-sustanza attiva ġew ivvalutati l-effetti fuq saħħet il-bniedem u fuq saħħet l-annimali u fuq l-ambjent, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għall-użijiet proposti mill-applikant. Fl-14 ta' Lulju 2017 l-Istat Membru relatur bagħat abbozz ta' rapport ta' valutazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Awtorità. |
|
(4) |
L-Istati Membri u l-Awtorità eżaminaw l-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni. Fis-6 ta' Settembru 2018, l-Awtorità bagħtet il-konklużjoni tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva propanil lill-Kummissjoni (2). |
|
(5) |
Permezz ta' ittra tal-14 ta' Settembru 2018, il-kumpanija UPL Europe Ltd irtirat l-applikazzjoni tagħha għall-approvazzjoni tal-propanil. |
|
(6) |
Minħabba li l-applikazzjoni ġiet irtirata, jenħtieġ li l-propanil ma jiġix approvat. |
|
(7) |
Dan ir-Regolament ma jippreġudikax it-tressiq ta' applikazzjoni oħra għall-propanil skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Nuqqas ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva
Is-sustanza attiva propanil mhijiex approvata.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Jannar 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) EFSA Journal 2018;16(12):5418, 27 paġna, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2018.5418. Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva propanil imsejħa “Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance propanil”.