Brussell, 12.1.2024

COM(2024) 17 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni




Kontenut

1.Introduzzjoni

2.Applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità

2.1.Skrinjar tas-sorsi rilevanti

2.2.Talbiet għal informazzjoni

2.3.Proċedura

2.4.Komunikazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill

3.Il-komplementarjetà ma’ strumenti oħra

4.Effettività tal-miżuri adottati

5.Effettività tal-proċedura

5.1.Effettività tal-proċedura biex jiġi indirizzat il-ksur identifikat tal-prinċipji tal-istat tad-dritt

5.2.Effettività tal-proċedura – il-passi previsti fir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità

6.Konklużjoni



1.Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ir- “Regolament” jew ir-“Regolament dwar il-Kundizzjonalità”) 1 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. F’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill jadotta miżuri f’każ li ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett. B’mod komplementari għal għodod u proċeduri oħra stabbiliti biex jipproteġu u jrawmu l-istat tad-dritt, l-objettiv tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità huwa l-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni u tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, il-Kummissjoni għandha tirrapporta sat-12 ta’ Jannar 2024 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari dwar l-effettività tal-miżuri adottati. Barra minn hekk, il-premessa 28 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tiddikjara li l-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra, minbarra li tirrapporta dwar l-effettività tal-miżuri adottati, li tirrapporta wkoll dwar l-effettività ġenerali tal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, kif ukoll il-komplementarjetà ta’ dan l-istrument ma’ strumenti oħra.

Ir-rapport huwa strutturat fil-ħames taqsimiet li ġejjin:

–It-taqsima 2 tiddeskrivi l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, inkluża l-ewwel proċedura miftuħa fir-rigward tal-Ungerija;

–It-taqsima 3 tirrifletti dwar il-komplementarjetà tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità ma’ strumenti rilevanti oħra;

–It-taqsima 4 tiddeskrivi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-effettività tal-miżuri adottati u tirreferi għall-protezzjoni tar-riċevituri u l-benefiċjarji finali;

–It-taqsima 5 tindirizza l-effettività ġenerali tal-proċedura stabbilita fir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità;

–Fl-aħħar nett, it-taqsima 6 tippreżenta evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità.

2.Applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità

Ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità huwa strument baġitarju mfassal biex jirreaġixxi b’miżuri protettivi effettivi fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-baġit tal-Unjoni jew l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Bħala tali, ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità mhuwiex imfassal primarjament biex jirrimedja sitwazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jkunu indikattivi ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt kif imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament; minflok, dawk is-sitwazzjonijiet jistgħu jkunu rilevanti għar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità u jistgħu jiġu indirizzati bħala riżultat tal-applikazzjoni tiegħu meta dawn jaffettwaw jew jirriskjaw serjament li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett. Fil-fatt, f’dak il-każ biss, u jekk strumenti oħra ma jippermettux lill-Kummissjoni tipproteġi l-baġit tal-Unjoni b’mod aktar effettiv, il-Kummissjoni tista’ tibda proċedura skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Iridu jittieħdu miżuri xierqa skont dak ir-Regolament meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tiegħu, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6.

Fis-16 ta’ Frar 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat fid-deċiżjonijiet tagħha 2 l-validità tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, filwaqt li ċaħdet ir-rikorsi għal annullament tal-Ungerija u tal-Polonja.

Biex tipprovdi ċarezza u prevedibbiltà rigward l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, u filwaqt li tqis il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni adottat il-Linji gwida rigward l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità (il-“Linji gwida”) 3 .

Fl-ewwel tliet snin tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, il-Kummissjoni kienet qed timmonitorja b’mod proattiv u permanenti s-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha, biex tidentifika fl-aktar stadju bikri possibbli ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità f’Jannar 2021, il-Kummissjoni intensifikat il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tagħha biex tikkombina kemm l-għarfien speċifiku għall-pajjiż kif ukoll dak speċifiku għas-settur u tidentifika sitwazzjonijiet jew żviluppi possibbli fl-Istati Membri li jkunu rilevanti għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità.

L-informazzjoni u l-evidenza miġbura skont strumenti differenti applikati mill-Kummissjoni jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi identifikat jekk sitwazzjonijiet li huma indikattivi ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt jeżistux fi Stat Membru. Bl-istess mod, il-Kummissjoni, fid-difiża tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont strumenti differenti, tista’ ssir konxja ta’ riskji għall-baġit tal-Unjoni li huma marbuta ma’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt.

B’mod partikolari, is-servizzi responsabbli għat-tħejjija tas-Semestru Ewropew 4 , tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt 5 u għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 6 u tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 7 , kif ukoll l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi “OLAF” u s-servizzi tal-awditjar tal-Kummissjoni, kellhom skambju tal-informazzjoni miksuba skont l-attivitajiet rispettivi fuq bażi regolari.

Il-Kummissjoni qajmet b’mod attiv ukoll kuxjenza rigward ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità bil-ħsieb, fost l-oħrajn, li tinċentiva l-preżentazzjoni ta’ lmenti u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti minn partijiet terzi, li jistgħu jkunu rilevanti għall-applikazzjoni tar-regolament.

Sa issa, infetħet il-proċedura u l-Kunsill adotta miżuri fuq il-proposta tal-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità darba, fir-rigward tal-ksur rilevanti tal-prinċipji tal-istat tad-dritt identifikat fl-Ungerija.

2.1.Skrinjar tas-sorsi rilevanti

Fl-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, il-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ permanenti tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha biex tidentifika l-ksur rilevanti tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Matul dan il-monitoraġġ, il-Kummissjoni tqis is-sorsi rilevanti possibbli kollha ta’ informazzjoni, b’mod partikolari dawk elenkati fil-premessa 16 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, bħar-Rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt, ir-rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u ta’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali 8 , kif ukoll sorsi rilevanti oħra, inklużi riżoluzzjonijiet, studji tal-Parlament Ewropew, rapporti minn NGOs u ġurnalisti investigattivi. Il-Kummissjoni tiskrinja dawn is-sorsi fuq bażi regolari, kif xieraq.

Fit-twettiq ta’ tali skrinjar għall-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni kwalitattiva fuq bażi ta’ każ b’każ biex tidentifika jekk hemmx raġunijiet raġonevoli biex tibda proċedura skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 9 , il-Kummissjoni hija meħtieġa tiżgura li l-informazzjoni li tuża tkun rilevanti u li jkunu affidabbli s-sorsi ta’ dik l-informazzjoni. Dan jeħtieġ valutazzjoni komprensiva tal-allegati kwistjonijiet; jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq firxa wiesgħa ta’ evidenza u tistinka biex tuża diversi sorsi għall-konklużjonijiet tagħha 10 .

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tieħu vantaġġ mill-monitoraġġ imwettaq u mil-laqgħat mal-partijiet ikkonċernati li jsiru bħala parti minn flussi ta’ ħidma oħra. L-informazzjoni li ġejja miċ-ċiklu annwali tal-Istat tad-Dritt 11 jew mill-applikazzjoni ta’ strumenti rilevanti oħra, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, titqies ukoll għall-finijiet tal-iskrinjar tagħha skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Is-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-awditjar tal-finanzjament tal-Unjoni jew għall-ksur jikkontribwixxu wkoll għal dan. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-OLAF kif ukoll lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“UPPE”), biex tiġbor aktar data, meta rilevanti.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiġbor informazzjoni mingħand iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ lmenti dwar ksur potenzjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni kienet qed tirċievi lmenti permezz ta’ diversi mezzi (emails u ittri lill-Membri tal-Kummissjoni jew lil servizzi differenti tal-Kummissjoni, eċċ.). Biex l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni ssir aktar simplifikata diġà fl-istadju tal-input u jiġi pprovdut punt ta’ kuntatt ċar għall-ilmenti skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, il-Kummissjoni għamlet disponibbli formola ta’ lment 12 li jistgħu jużaw l-ilmentaturi, b’karatteristiċi partikolari għal dawk li jixtiequ jibqgħu anonimi, u stabbiliet kaxxa postali funzjonali dedikata 13 . Din il-formola ta’ lment dedikata ġiet adottata bħala Anness tal-Linji gwida bl-għan li tiffaċilita l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li tkun rilevanti għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Il-mili tal-formola ta’ lment u li tintbagħat lill-kaxxa postali funzjonali dedikat huma l-metodu ta’ kuntatt rakkomandat mal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni ilha b’mod konsistenti tqajjem kuxjenza dwar il-possibbiltà li jiġu ppreżentati lmenti u dwar l-eżistenza tal-formola ta’ lment għal dan l-għan, pereżempju fit-tweġibiet tagħha għal ilmenti miċ-ċittadini, f’laqgħat mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, u fil-kuntest tal-interventi tagħha quddiem għadd ta’ kumitati tal-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni kwalitattiva tal-informazzjoni u d-dokumenti pprovduti minn kull ilmentatur biex tidentifika jekk fihomx informazzjoni rilevanti li tissostanzja raġunijiet possibbli għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Matul il-perjodu ta’ tliet snin, waslu għadd konsiderevoli ta’ ittri, emails jew ilmenti. Sal-lum, l-informazzjoni li waslet tipikament ma wrietx li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament. Pereżempju, kien hemm bosta lmenti dwar l-isfidi għall-funzjonament tas-suq intern, li madankollu ma kinux jinvolvu finanzjament tal-Unjoni 14 . L-ebda wieħed mill-kważi tlett mitt ilment ma kien sostanzjat biżżejjed biex il-Kummissjoni tikkorrobora l-evidenza, u lanqas tibda proċedura skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Filwaqt li l-Kummissjoni tikkunsidra kull ilment, sa issa għadd żgħir ħafna biss ta’ lmentaturi użaw il-formola ta’ ilment standard. Biex tittejjeb il-bażi għall-valutazzjoni tal-merti ta’ lment u jiġi ffaċilitat trattament u rispons aħjar, l-ilmentaturi huma mħeġġa jużaw il-formola ta’ lment standard, peress li din tista’ tgħinhom jinkwadraw aħjar il-preżentazzjoni tagħhom għall-finijiet ta’ valutazzjoni skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Dan jiffaċilita wkoll valutazzjoni sinifikanti mis-servizzi tal-Kummissjoni skont ir-Regolament.

2.2.Talbiet għal informazzjoni

Skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, u bħala parti mill-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni għall-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ tibgħat talba għal informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat. Skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità u f’konformità mal-paragrafu 56 tal-Linji gwida, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali bl-għan li tikkonferma l-issodisfar tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, tivvaluta l-firxa tal-impatt fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (jew ir-riskju tagħha), jew tivvaluta aktar fid-dettall kull miżura ta’ rimedju li l-Istat Membru stabbilixxa jew qed jippjana li jistabbilixxi. Il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mhux biss qabel ma tagħti bidu għall-proċedura, iżda wkoll wara li tibgħat notifika bil-miktub.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kummissjoni bagħtet żewġ ittri amministrattivi biex titlob informazzjoni mill-Polonja u mill-Ungerija, fl-24 ta’ Novembru 2021.

Il-Polonja wieġbet għat-talba għal informazzjoni f’Jannar 2022 u l-informazzjoni li tinsab fit-tweġiba tqieset biex jiġi vvalutat jekk il-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt affettwa jew kienx f’riskju serju li jaffettwa l-baġit tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett. Fil-każ tal-Polonja, ma nbdietx proċedura skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, peress li l-Kummissjoni ma sabitx li kellha raġunijiet raġonevoli biex tqis li kienu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-Kummissjoni tkompli tindirizza kwistjonijiet tal-istat tad-dritt fil-Polonja permezz ta’ strumenti oħra. Il-Kummissjoni kompliet timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Polonja, bl-istess mod kif timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni fl-Istati Membri l-oħra kollha biex tivvaluta jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità.

L-Ungerija wieġbet it-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni fis-27 ta’ Jannar 2022, u wara li vvalutat it-tweġiba tal-Ungerija, il-Kummissjoni bagħtet notifika bil-miktub lill-Ungerija fis-27 ta’ April 2022, biex b’hekk tagħti bidu għal każ skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità (ara t-Taqsima 2.3 hawn taħt).

2.3.Proċedura

L-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta’ miżuri protettivi. Mid-disinn, il-proċedura hija prinċipalment (jiġifieri sal-passi finali tagħha, meta l-Kunsill jieħu d-deċiżjoni finali) proċess bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, bl-obbligu li jiġu infurmati l-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-atti speċifiċi li ttieħdu matul il-proċedura (ara t-Taqsima 2.4 hawn taħt).

Wara li tibgħat notifika bil-miktub skont l-Artikolu 6(1) 15 , li tiddikjara l-elementi fattwali u r-raġunijiet speċifiċi li fuqhom huma bbażati s-sejbiet, il-Kummissjoni twettaq proċedura kontradittorja mal-Istat Membru kkonċernat. Jekk l-Istat Membru, matul il-proċedura, juri li jkun irrimedja s-sitwazzjoni b’mod sħiħ, ma jkunux issodisfati l-kundizzjonijiet biex tipproponi miżuri lill-Kunsill. Inkella, il-Kummissjoni trid tkompli l-proċedura u eventwalment tipproponi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 16 dwar miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Kull miżura protettiva adottata mill-Kunsill tibqa’ fis-seħħ sakemm tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tagħhom. Il-Kunsill jista’ jneħħi jew jimmodifika l-miżuri protettivi wara proposta tal-Kummissjoni meta s-sitwazzjoni titqies bħala parzjalment jew totalment irrimedjata, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7.

L-uniku każ li nfetaħ sa issa skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità li wassal għall-adozzjoni ta’ miżuri protettivi mill-Kunsill huwa l-każ li jikkonċerna l-Ungerija. Dan l-ewwel każ ikkostitwixxa wkoll l-ewwel applikazzjoni prattika tal-iskadenzi definittivi stabbiliti fir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità li jistabbilixxi limiti ta’ żmien ċari u ambizzjużi għal kull attur f’kull stadju.

Fis-27 ta’ April 2022, il-Kummissjoni bagħtet notifika bil-miktub lill-Ungerija, minħabba li, wara analiżi oġġettiva, sabet li kellha raġunijiet raġonevoli biex tqis li kienu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. In-notifika bil-miktub infurmat lill-Ungerija rigward tħassib dwar għadd ta’ kwistjonijiet li affettwaw jew irriskjaw serjament li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett.

L-Ungerija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittri komplementari fis-27 ta’ Ġunju 2022, fit-30 ta’ Ġunju 2022, u fil-5 ta’ Lulju 2022. Fis-sustanza, l-Ungerija ma ppreżentat l-ebda miżura ta’ rimedju matul dan il-perjodu ta’ żmien. Minflok, l-Ungerija rrifjutat is-sejbiet kollha u b’mod partikolari r-rabta tagħhom mal-interess finanzjarju tal-UE. F’termini prattiċi u bħala riżultat tal-iskadenzi inkorporati fir-Regolament, dan ħoloq pressjoni ta’ ħin sinifikanti matul l-istadji sussegwenti kollha tal-proċedura.

Kien biss fid-19 ta’ Lulju 2022, fi stadju avvanzat ħafna tal-proċedura, li l-Ungerija pproponiet 17-il miżura ta’ rimedju biex tindirizza s-sejbiet identifikati 17 . Il-Kummissjoni evalwathom u qieset li l-miżuri ta’ rimedju ma indirizzawx b’mod xieraq it-tħassib.

Fl-20 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni infurmat lill-Ungerija dwar l-intenzjoni tagħha li tipproponi miżuri ta’ protezzjoni baġitarja li għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. L-Ungerija wieġbet fit-22 ta’ Awwissu 2022. Din it-tweġiba ġiet ikkomplementata bit-tieni ittra fit-13 ta’ Settembru 2022.

Fit-18 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill jadotta miżuri protettivi baġitarji għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija 18 . F’din il-proposta, il-Kummissjoni qajmet tħassib fir-rigward ta’: (i) l-irregolaritajiet u n-nuqqasijiet sistemiċi fl-akkwist pubbliku, (ii) l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-kunflitti ta’ interess, u (iii) il-qafas ta’ investigazzjoni, ta’ prosekuzzjoni u kontra l-korruzzjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet, wara valutazzjoni bir-reqqa, li baqa’ hemm ir-riskju għall-baġit. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni pproponiet is-sospensjoni ta’ 65 % tal-impenji għal tliet programmi operazzjonali skont il-politika ta’ koeżjoni (jew is-sospensjoni ta’ wieħed jew aktar minn dawk il-programmi, fi proporzjon mar-riskju li jirriżulta għall-baġit, f’każ li ma jiġux adottati saż-żmien tad-deċiżjoni tal-Kunsill) u projbizzjoni fuq id-dħul f’impenji legali ma’ entitajiet speċifiċi (l-hekk imsejħa trusts ta’ interess pubbliku (public interest trusts, PITs) 19 u l-entitajiet miżmuma minnhom) għal programmi implimentati f’ġestjoni diretta u indiretta.

Fit-30 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni infurmat lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju, filwaqt li qieset il-progress li sar sad-19 ta’ Novembru 2022. F’din il-valutazzjoni, u fil-valutazzjoni komplementari tad-9 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni identifikat id-dgħufijiet u r-riskji li fadal u ddeċidiet li żżomm il-proposta inizjali tagħha minn Settembru, filwaqt li stiednet lill-Kunsill jipproċedi fuq din il-bażi.

Fil-15 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 6(10) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, adotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni fi żmien tliet xhur minn meta rċieva l-proposta tal-Kummissjoni, li eċċezzjonalment testendi l-perjodu ta’ xahar għall-adozzjoni.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill stabbiliet miżuri biex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni 20 . Skont l-Artikolu 6(11) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, u għal raġunijiet b’rabta mal-proporzjonalità tal-miżuri, il-Kunsill emenda l-proposta tal-Kummissjoni u naqqas il-perċentwal ta’ impenji li għandhom jiġu sospiżi minn 65 % għal 55 % għat-tliet Programmi operazzjonali ta’ koeżjoni kkonċernati 21 , ladarba adottati, li jammonta għal total ta’ madwar EUR 6.3 biljun għall-perjodu 2021-2027. Il-Kunsill ipprojbixxa wkoll id-dħul f’impenji legali ġodda ma’ trusts ta’ interess pubbliku Ungeriżi u l-entitajiet miżmuma minnhom meta jiġi implimentat il-baġit tal-Unjoni f’ġestjoni diretta u indiretta.

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, l-Ungerija infurmat lill-Kummissjoni dwar il-passi ulterjuri li ħadet biex timplimenta l-impenji kollha li kienet ippreżentat matul il-proċedura. Il-Kummissjoni kellha skambji mal-awtoritajiet Ungeriżi biex tgħin lill-Ungerija tfassal il-miżuri ta’ rimedju ġodda xierqa li jkunu effettivi fl-indirizzar tal-kwistjonijiet pendenti deskritti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità, ‘‘[f]uq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess u mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tal-miżuri mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, waqt li tqis kwalunkwe evidenza ppreżentata mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll l-adegwatezza ta’ kull miżura ta’ rimedju ġdida adottata mill-Istat Membru kkonċernat.’’

Fin-nuqqas ta’ notifika bil-miktub mill-Ungerija, il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid fuq inizjattiva proprja s-sitwazzjoni fl-Ungerija fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli. Fit-13 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni ddeċidiet (fid-“Deċiżjoni ta’ Rivalutazzjoni” tagħha) li ma kinitx ġiet irrimedjata s-sitwazzjoni li wasslet lill-Kunsill jadotta miżuri u li l-baġit tal-Unjoni baqa’ fl-istess livell ta’ riskju kif stabbilit bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. Għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri adottati kellhom jibqgħu fis-seħħ 22 .

2.4.Komunikazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, il-Kummissjoni trid tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-każ ta’ notifika bil-miktub li tagħti bidu għal proċedura; skont l-Artikolu 7(2), il-Kummissjoni trid tinforma lill-Kunsill jekk tindirizza lil Stat Membru deċiżjoni li ma ġietx irrimedjata s-sitwazzjoni li kienet wasslet għall-adozzjoni ta’ miżuri. L-Artikolu 8 jiddikjara li l-Parlament Ewropew irid jiġi infurmat dwar kull miżura proposta, adottata u mneħħija skont il-proċedura tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità.

Fl-uniku każ sa issa, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligi ta’ informazzjoni tagħha skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità billi nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-passi li ttieħdu jew l-atti adottati matul il-proċedura, f’konformità mar-Regolament. Lil hinn mill-obbligi tagħha, l-ewwel ippubblikat il-proposta tagħha għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar il-miżuri xierqa lill-Kunsill 23 , kif ukoll il-komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill dwar il-miżuri ta’ rimedju nnotifikati mill-Ungerija 24 u d-Deċiżjoni ta’ Rivalutazzjoni tagħha. It-tieni, il-Kummissjoni infurmat b’mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-livell tekniku u dak politiku rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Barra minn hekk, rappreżentanti tal-Kummissjoni pparteċipaw f’seduti ta’ smigħ u laqgħat tal-Kumitat taż-żewġ istituzzjonijiet, u l-Kummissjoni wieġbet għal Riżoluzzjonijiet, ittri u mistoqsijiet oħra minn Membri tal-Parlament Ewropew.

3.Il-komplementarjetà ma’ strumenti oħra

L-Unjoni żviluppat varjetà ta’ strumenti u proċessi li jippromwovu l-istat tad-dritt u l-applikazzjoni tiegħu u jipprovdu rispons effettiv mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għal ksur tal-istat tad-dritt permezz ta’ proċedimenti ta’ ksur u l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tat-TUE. Aktar għodod jinkludu appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iċ-ċiklu annwali tal-Istat tad-Dritt u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 25 . Għodod u proċeduri oħra stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandhom b’mod speċifiku l-għan li jipproteġu l-baġit tal-Unjoni, inklużi l-investigazzjonijiet, il-kontrolli u l-awditi jew il-korrezzjonijiet finanzjarji tal-OLAF. Ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità jikkomplementa dawn l-istrumenti 26 billi jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tiegħu jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni 27 . Il-premessa 28 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tinnota li l-komplementarjetà hija waħda mis-suġġetti ewlenin li jenħtieġ li jindirizza dan ir-rapport.

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità jirrikjedi li jiġi vvalutat jekk il-proċeduri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ħlief dik stabbilita bir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità jippermettux li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett b’mod aktar effettiv. Il-premessa 17 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tinnota f’dak il-kuntest li “[…] Il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni u r-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli jipprevedu diversi possibbiltajiet biex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni, inklużi interruzzjonijiet, sospensjonijiet jew korrezzjonijiet finanzjarji marbuta ma’ irregolaritajiet jew nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll. […]’’.

Meta tikkunsidra jekk il-proċedura stabbilita bir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tipproteġix il-baġit tal-Unjoni b’mod aktar effettiv minn proċeduri oħra, il-Kummissjoni tqis sett ta’ kriterji, li għandhom jiġu applikati fuq bażi ta’ każ b’każ. Il-Linji gwida jirreferu speċifikament għal żewġ kriterji biex tiġi ddeterminata l-effettività tal-protezzjoni mir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità fuq strumenti oħra 28 . Dan it-“test ta’ komplementarjetà” se jiġi rfinat fuq il-bażi tal-esperjenza prattika miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità.

Skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, diversi strumenti jistgħu jiġu attivati biex jipproteġu l-baġit tal-Unjoni. Kif imsemmi, l-investigazzjonijiet tal-OLAF 29 u tal-UPPE 30 jistgħu jindirizzaw riskji għall-baġit tal-Unjoni, irrispettivament mill-kwistjonijiet sottostanti tagħhom, u l-applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament Finanzjarju tista’ twassal ukoll għal awditi, kontrolli u sospensjonijiet tal-pagamenti 31 .

Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jirregola erba’ fondi tal-politika ta’ koeżjoni, fond wieħed marittimu, tas-sajd u tal-akkwakultura, u tliet fondi tal-affarijiet interni b’ġestjoni kondiviża. L-implimentazzjoni tal-programmi skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni hija soġġetta għall-issodisfar (matul il-perjodu ta’ programmazzjoni kollu kemm hu) ta’ kundizzjonijiet prerekwiżiti għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-objettivi speċifiċi (magħrufa bħala kundizzjonijiet abilitanti “tematiċi” jew “orizzontali”). Il-kundizzjoni abilitanti orizzontali dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali 32 stabbilita fl-Artikolu 15 fl-Anness III tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni tirrikjedi li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jiżguraw il-konformità tal-programmi appoġġati mill-Fondi u tal-implimentazzjoni tagħhom mal-Karta. Meta jkun hemm nuqqas li tiġi ssodisfata kundizzjoni abilitanti, il-Kummissjoni ma tistax tirrimborża n-nefqa relatata ma’ programmi jew partijiet mill-programmi għal dawk l-objettivi speċifiċi marbuta mal-kundizzjoni abilitanti 33 . Ir-riskji għall-protezzjoni ta’ ċerti drittijiet fundamentali, pereżempju d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, jistgħu wkoll ipoġġu f’riskju l-prinċipji tal-istat tad-dritt. Jekk, f’xi ħin, il-Kummissjoni tqis li kundizzjoni abilitanti misjuba preċedentement bħala ssodisfata ma tibqax issodisfata, għandha tinforma lill-Istat Membru billi tistabbilixxi l-valutazzjoni tagħha. Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li jippersisti n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kundizzjoni abilitanti, ma għandhiex tiġi rrimborżata n-nefqa relatata mal-objettiv speċifiku kkonċernat. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jirrikjedi li l-Istat Membru jistabbilixxi sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan jinkludi salvagwardji u miżuri speċifiċi, inkluż l-interruzzjoni tal-iskadenzi tal-pagamenti jew is-sospensjoni tal-pagamenti b’rabta ma’ nuqqasijiet fil-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll​, u korrezzjonijiet finanzjarji, biex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni minn irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-programmi.

Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet għal aċċess għall-finanzjament tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jirrikjedu li l-Istat Membru jistabbilixxi sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-Istati Membri jridu jindirizzaw ukoll l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. L-isfidi li jistgħu jkunu indikattivi ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt jistgħu jkunu koperti minn tali rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-regoli applikabbli jirrikjedu wkoll li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jiżguraw li l-użu tal-fondi fir-rigward tal-miżuri appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali applikabbli. Sospensjoni tal-pagamenti, it-terminazzjoni tal-ftehimiet relatati mal-appoġġ finanzjarju kif ukoll it-tnaqqis u l-irkupru tal-kontribuzzjoni finanzjarja diġà mħallsa huma possibbli meta pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ma jkunx implimentat b’mod sodisfaċenti mill-Istat Membru kkonċernat, jew fil-każ ta’ irregolaritajiet serji (bħal frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess) relatati mal-miżuri appoġġati mill-Faċilità, jew ksur serju ta’ obbligu skont il-ftehimiet relatati mal-appoġġ finanzjarju 34 . 

Fir-rigward tal-politika agrikola komuni, ir-Regolament dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni 35 jistabbilixxi obbligi speċifiċi għall-Istati Membri biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagamenti fir-rigward ta’ nuqqasijiet serji fil-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ governanza biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u teskludi n-nefqa mill-finanzjament tal-Unjoni, f’każ li ma tkunx iġġarbet f’konformità mad-dritt tal-Unjoni 36 . F’ċerti każijiet, tali nuqqasijiet serji jistgħu jirriżultaw minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt 37 u għalhekk jistgħu jkunu rilevanti għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità.

F’dan ir-rigward, skont il-Linji gwida 38 , wieħed mill-kriterji biex tiġi indirizzata l-effettività tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità meta mqabbla ma’ proċeduri oħra huwa relatat mat-tipi ta’ rimedji disponibbli u l-idoneità tagħhom għal sitwazzjonijiet differenti. L-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità jistabbilixxi l-lista ta’ miżuri baġitarji li l-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità 39 . Barra minn hekk, id-diversi miżuri protettivi biex jiġu indirizzati l-ispeċifiċitajiet tal-ksur rilevanti tal-prinċipji tal-istat tad-dritt jistgħu jiġu applikati b’mod kumulattiv.

Fil-każ tal-Ungerija, taħlita ta’ kwistjonijiet serji appoġġat il-konklużjoni li ma kien hemm l-ebda proċedura oħra skont id-dritt tal-Unjoni li tippermetti lill-Kummissjoni tipproteġi l-baġit tal-Unjoni b’mod effettiv 40 . Dan il-każ wera wkoll li l-miżuri li jistgħu jiġu proposti skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità mhumiex limitati għal proġetti jew programmi speċifiċi: dawn jistgħu jkopru l-fondi kollha tal-Unjoni u għalhekk jindirizzaw aħjar in-nuqqasijiet sistemiċi jew trażversali li jpoġġu l-baġit tal-Unjoni f’riskju.

Fil-każ tal-Ungerija, il-proċedura skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità kienet għaddejja b’mod parallel ma’ diversi proċessi skont diversi strumenti tal-Unjoni. Dan kien il-każ prinċipalment minħabba t-twaqqit tad-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-istrumenti u tal-passi proċedurali stabbiliti minn kull wieħed minnhom, li kienu jiddependu wkoll fuq it-twaqqit tal-informazzjoni ppreżentata mill-Ungerija matul kull waħda mill-proċeduri. Għandu jiġi nnotat li r-Regolament dwar il-Kundizzjonalità huwa l-uniku strument li jirrikjedi valutazzjoni ta’ jekk hemmx modi aktar effettivi skont strumenti oħra biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt.

Fil-proposta tagħha għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija 41 , il-Kummissjoni qieset li l-ebda proċedura oħra skont id-dritt tal-Unjoni ma tippermettilha li tipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra l-ksur identifikat fil-Proposta b’mod aktar effettiv mill-proċedura stabbilita bir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. In-nuqqasijiet, id-dgħufijiet, il-limiti u r-riskji identifikati tqiesu mifruxa u interkonnessi, li impedixxa proċeduri oħra milli jkunu aktar effettivi minn dawk previsti mir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Il-Kummissjoni enfasizzat li, għal aktar minn għaxar snin, l-Ungerija kienet id-destinatarja ta’ rakkomandazzjonijiet u korrezzjonijiet minħabba dgħufijiet u irregolaritajiet serji, b’mod partikolari fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Matul perjodu ta’ żmien estiż, l-akkwist pubbliku fl-Ungerija kompla jippreżenta nuqqasijiet u dgħufijiet sinifikanti li affettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li l-Ungerija naqset milli tindirizza b’mod sistematiku.

Fil-15 ta’ Diċembru 2022, skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ġie approvat il-Pjan Ungeriż għall-Irkupru u r-Reżiljenza 42 . F’dan il-pjan, l-Ungerija impenjat ruħha għal 27 “superstadji importanti”, stadji importanti b’rabta mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar RRF, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ kontroll adegwata, li trid tintlaħaq b’mod sodisfaċenti mill-Ungerija qabel ma jkun possibbli kull pagament wara talba għall-pagament skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: bħala tali, is-“superstadji importanti” huma kundizzjonijiet meħtieġa biex l-Ungerija tkun tista’ tippreżenta talbiet għall-pagamenti skont il-pjan ta’ rkupru tagħha. Dawn ikopru tliet oqsma: l-ewwel nett, riformi fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-akkwist pubbliku, li jimplimentaw b’mod effettiv il-passi ta’ implimentazzjoni ewlenin kollha tas-17-il miżura ta’ rimedju introdotti skont il-proċedura tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità; it-tieni, riformi biex tissaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja li jirriflettu l-kundizzjonijiet inklużi fid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li japprovaw il-programmi tal-Ungerija skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni biex tiġi żgurata l-konformità mal-aspett tal-indipendenza ġudizzjarja tal-kundizzjoni abilitanti orizzontali dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali 43 ; u t-tielet, miżuri speċifiċi ta’ awditjar u kontroll. Madankollu, is-‘‘superstadji importanti” ma jistgħux jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fir-rigward ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li diġà jaffettwa jew jirriskja li jaffettwa l-implimentazzjoni fl-Ungerija ta’ programmi ta’ nfiq iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni għajr il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Fit-22 ta’ Diċembru 2022, fir-rigward tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, il-Kummissjoni adottat il-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi kollha skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-Ungerija għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 44 . Madankollu, dak iż-żmien, il-Kummissjoni kienet sabet li l-Ungerija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni abilitanti orizzontali dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni effettivi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan kien ifisser li l-Ungerija xorta setgħet timplimenta l-programmi, u tirċievi prefinanzjament, iżda setgħet tirċievi rimborżi biss għal assistenza teknika, li tirrappreżenta madwar 3 % tal-allokazzjoni totali tal-fondi skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, jew għal operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-issodisfar tal-kundizzjoni abilitanti. Fit-13 ta’ Diċembru 2023, wara valutazzjoni bir-reqqa u diversi skambji mal-Gvern Ungeriż, il-Kummissjoni stabbiliet li l-Ungerija kienet ħadet il-miżuri meħtieġa biex il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni abilitanti orizzontali dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hija ssodisfata fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja. B’konsegwenza ta’ dan, għal parti mill-finanzjament imsemmi hawn fuq, l-Ungerija tista’ tibda tirċievi rimborżi, sakemm tibqa’ ssodisfata l-kundizzjoni 45 .

Il-Kummissjoni nediet ukoll għadd ta’ proċedimenti ta’ ksur kontra l-Ungerija, fir-rigward tad-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-libertà akkademika, il-libertà tal-media, id-drittijiet tal-migranti u tal-persuni li jfittxu l-ażil, u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ kif ukoll il-funzjonament tas-suq uniku 46 . Dawn il-proċeduri ta’ ksur ma jikkonċernawx il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità skont l-Artikolu 6(1) tiegħu. Il-proċedimenti ta’ ksur mhumiex immirati direttament biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u ma jwasslux awtomatikament għal miżuri protettivi baġitarji. Madankollu, jistgħu jkunu wkoll għodda li twassal lill-Istat Membru kkonċernat jirriforma oqsma meqjusa problematiċi mill-perspettiva tal-istat tad-dritt.

4.Effettività tal-miżuri adottati

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effettività tal-miżuri adottati.

Mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, jitqiesu li huma effettivi il-miżuri baġitarji kif proposti mill-Kummissjoni u adottati mill-Kunsill fil-każ tal-Ungerija, fis-sens li attwalment jilħqu l-objettiv tagħhom li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-miżuri adottati huma proporzjonati wkoll, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 47 .

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-effettività tas-sospensjoni tal-impenji ta’ 55 % fi tliet programmi ta’ koeżjoni (l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill), il-Kunsill qies li tali perċentwal huwa proporzjonat fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ u filwaqt li jitqiesu l-passi pożittivi li diġà ttieħdu mill-Ungerija fiż-żmien tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (ara t-taqsima 5 hawn taħt). Barra minn hekk, l-effettività tiddependi wkoll fuq in-natura mmirata tal-miżuri u għalhekk il-Kummissjoni identifikat il-programmi l-aktar f’riskju minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fir-rigward tal-akkwist pubbliku.

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-effettività tal-miżura relatata mat-trusts ta’ interess pubbliku (l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill), mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ma kien hemm l-ebda impenn legali ġdid iffirmat mat-trusts ta’ interess pubbliku u l-entitajiet miżmuma minnhom, biex b’hekk tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni mir-riskji identifikati tal-kunflitt ta’ interess.

Il-miżuri kif adottati mill-Kunsill qiesu r-riskji li fadal għall-baġit tal-Unjoni u huma effettivi, sa fejn dawn kienu qed jipproteġu l-baġit tal-Unjoni kkonċernat mir-riskji identifikati matul il-proċedura. F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, ir-riskji deskritti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill iridu jiġu indirizzati b’miżuri (ta’ rimedju) adottati ġodda li l-Ungerija jenħtieġ li tinnotifika lill-Kummissjoni qabel ma l-miżuri baġitarji jkunu jistgħu jitneħħew mill-Kunsill (fuq proposta tal-Kummissjoni).

Fit-13 ta’ Diċembru 2023, fin-nuqqas ta’ notifika bil-miktub mill-Ungerija, il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid fuq inizjattiva proprja s-sitwazzjoni bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli, sal-iskadenza imposta mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Il-valutazzjoni mill-ġdid tal-Kummissjoni tieħu nota tal-implimentazzjoni tal-impenji li l-Ungerija ħadet fl-2022 u r-rieda li tindirizza kwistjonijiet pendenti. Fl-istess ħin, il-valutazzjoni mill-ġdid tikkonkludi li għadhom ma ġewx indirizzati l-kwistjonijiet trażversali, u ma ġie adottat l-ebda rimedju ulterjuri mill-Ungerija. Dan iħalli r-riskju għall-baġit tal-Unjoni fl-istess livell kif identifikat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma setgħetx tipproponi lill-Kunsill jadatta jew ineħħi l-miżuri protettivi baġitarji.

Madankollu, għal apprezzament sħiħ u ġenerali tal-effettività tal-miżuri, jenħtieġ li jitqiesu l-elementi kollha tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità li għandhom l-għan jindirizzaw il-ksur identifikat tal-prinċipji tal-istat tad-dritt (ara t-taqsima 5.1 hawn taħt), filwaqt li titqies il-proċedura kollha kemm hi, inklużi l-miżuri ta’ rimedju ppreżentati mill-Istat Membru kkonċernat qabel l-adozzjoni tal-miżuri baġitarji mill-Kunsill.

Minbarra l-effettività, ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità jqis ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tar-riċevituri finali tal-benefiċjarji 48 . Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, sakemm id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni rilevanti tal-Kunsill ma tipprevedix mod ieħor, l-impożizzjoni ta’ miżuri ma taffettwax l-obbligi ta’ entitajiet tal-gvern jew tal-Istati Membri li jimplimentaw il-programm jew il-fond affettwat mill-miżura.

Fil-prattika, wara miżuri imposti minħabba l-imġiba tal-awtoritajiet tiegħu, Stat Membru ma jkunx meħlus mill-obbligi tiegħu li jimplimenta l-baġit tal-Unjoni, inkluż il-ħlas ta’ dawk li fl-aħħar mill-aħħar jenħtieġ li jirċievu l-finanzjament tal-Unjoni. L-Istat Membru jibqa’ meħtieġ jissodisfa l-obbligi tiegħu, dment li kull tali obbligu kien jeżisti qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni rilevanti tal-Kunsill jew jiġi stabbilit b’segwitu għaliha. Fl-istess ħin, is-sospensjoni tal-finanzjament tal-UE skont ir-Regolament tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha l-oqsma ta’ politika kkonċernati minn ksur ma jibbenefikawx mill-ammont kollu kemm hu ta’ finanzjament tal-Unjoni assenjat minn qabel meta altrimenti kellu jsir dan, sakemm tinżamm is-sospensjoni. Fir-rigward ta’ kull miżura baġitarja, l-Istat Membru kkonċernat irid jaġixxi biex jieħu azzjoni rapida u sostanzjali biex jippermetti t-tneħħija ta’ miżuri possibbli ta’ protezzjoni baġitarja imposti minħabba l-imġiba tal-awtoritajiet pubbliċi.

5.Effettività tal-proċedura

5.1.Effettività tal-proċedura biex jiġi indirizzat il-ksur identifikat tal-prinċipji tal-istat tad-dritt

Il-valutazzjoni tal-effettività tal-proċedura skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità biex jiġi indirizzat il-ksur identifikat tal-prinċipji tal-istat tad-dritt hija bbażata fuq każ wieħed ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, li jrid jitqies ukoll f’kuntest usa’ ta’ diversi azzjonijiet li ttieħdu biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni. Fil-prattika, dawn l-azzjonijiet jirriżultaw mill-proċedura kollha kemm hi mibdija fil-każ tal-Ungerija f’April 2022, anki qabel l-adozzjoni ta’ miżuri mill-Kunsill. Huma mingħajr preġudizzju għal aktar żviluppi li jistgħu jiġu osservati biss wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, kemm jekk ikunu pożittivi kif ukoll jekk ikunu negattivi.

Fil-każ tal-Ungerija, il-Kummissjoni identifikat nuqqasijiet, dgħufijiet u riskji mifruxa u interkonnessi, li jpoġġu f’riskju partikolari l-baġit tal-Unjoni implimentat permezz tal-akkwist pubbliku u l-finanzjament implimentat għall-benefiċċju tat-trusts ta’ interess pubbliku u tal-entitajiet miżmuma minnhom.

L-Ungerija impenjat ruħha li tadotta 17-il miżura ta’ rimedju qabel l-adozzjoni tal-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill: tali miżuri kienu maħsuba biex jindirizzaw is-sejbiet fin-notifika bil-miktub tal-Kummissjoni. Wara l-ftuħ tal-proċedura kontra l-Ungerija u l-intenzjoni li tipproponi miżuri baġitarji lill-Kunsill (li l-Kummissjoni kkomunikat lill-Ungerija permezz ta’ ittra skont l-Artikolu 6(7), l-“Ittra ta’ Intenzjoni”), fl-2022, l-Ungerija pproponiet għadd ta’ riformi rilevanti, li jieħdu passi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi biex timplimenta l-miżuri ta’ rimedju proposti.

Għal kull miżura ta’ rimedju, l-Ungerija pproponiet impenji u passi dettaljati u realistiċi li jistgħu jindirizzaw il-kwistjonijiet identifikati matul il-proċedura. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni vvalutat il-miżuri ta’ rimedju proposti mill-Ungerija bħala pertinenti u adegwati fil-prinċipju, jekk jiġu implimentati b’mod korrett u sħiħ 49 .

Bħala eżempju ta’ dawn l-impenji, li l-Ungerija kienet qed timplimenta:

a)Biex jissaħħu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-illegalitajiet u l-irregolaritajiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni permezz tal-akkwist pubbliku fl-Ungerija, ġiet stabbilita Awtorità tal-Integrità ġdida. Filwaqt li l-qafas regolatorju kif stabbilit fl-Att li jistabbilixxi l-Awtorità tal-Integrità (l-“Att dwar l-Awtorità tal-Integrità” 50 ) ma jissodisfax ċerti impenji li ttieħdu skont il-miżura ta’ rimedju 51 , l-introduzzjoni ta’ awtorità indipendenti b’setgħat li tidentifika, tipprevjeni u tikkoreġi illegalitajiet u irregolaritajiet diġà hija pass kbir ’il quddiem għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-impatt sistemiku fit-tul tiegħu jista’ jiġi vvalutat biss aktar tard bil-ħsieb tal-operazzjoni tiegħu iżda l-istabbiliment ta’ tali korp huwa titjib li għandu rabta ċara ma’ din il-proċedura.

b)Ġiet stabbilita Task Force ġdida Kontra l-Korruzzjoni, bil-parteċipazzjoni ta’ atturi mhux statali magħżula b’mod miftuħ u trasparenti. Fost il-kompetenzi tagħha, it-Task Force Kontra l-Korruzzjoni tista’ tippreżenta proposti għal miżuri mmirati lejn it-titjib tal-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-korruzzjoni; diġà ġiet ikkonsultata dwar aspetti importanti tal-qafas kontra l-korruzzjoni Ungeriż u tikkontribwixxi għall-iskrutinju ta’ xejriet tal-korruzzjoni permezz tar-rapport annwali tagħha. L-eżistenza ta’ tali task force, bl-involviment u l-parità tar-rappreżentanza ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi rilevanti u indipendenti diġà hija pass fid-direzzjoni t-tajba li ttieħdet skont din il-proċedura.

c)Il-qafas kontra l-korruzzjoni ssaħħaħ bit-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dikjarazzjonijiet tal-assi biex jinkludi persuni fdati b’funzjonijiet politiċi għolja u membri tal-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll qraba li jgħixu fl-istess unità domestika, minbarra l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali biex jinkludi l-assi rilevanti kollha. Madankollu, għad baqa’ dgħufijiet, riskji u nuqqasijiet importanti fir-rigward ta’ ċerti elementi tas-sistema tad-dikjarazzjoni tal-assi li joħolqu lakuni possibbli li jimminaw l-effettività tal-miżura 52 . Minkejja d-dgħufijiet li għad iridu jiġu solvuti, il-miżuri diġà introdotti għandhom rabtiet ċari ma’ din il-proċedura.

d)L-Ungerija adottat att leġiżlattiv li jemenda ċerti Atti li jikkonċernaw fondazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku li jwettqu dmir pubbliku (imsejħa wkoll “trusts ta’ interess pubbliku”) 53 , li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Ottubru 2022. Hija wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u dwar il-kunflitt ta’ interess biex tkopri wkoll il-fondazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku li jwettqu dmir pubbliku. Madankollu, għad baqa’ nuqqasijiet importanti li żammew jew saħansitra aggravaw kunflitti ta’ interess possibbli 54 .

e)L-Ungerija introduċiet proċedura speċifika fil-każ ta’ reati speċjali relatati mal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika jew il-ġestjoni ta’ proprjetà pubblika, li tippermetti r-rieżami tad-deċiżjoni mis-servizz tal-prosekuzzjoni li ma ssirx prosekuzzjoni ta’ każ jew id-deċiżjoni tal-awtorità investigattiva li ma tinvestigax il-każ. L-Awtorità tal-Integrità ngħatat ukoll setgħat biex tippreżenta mozzjoni għal reviżjoni jew reviżjoni ripetuta permezz ta’ din il-proċedura ġdida. Madankollu, għad baqa’ ċerti dgħufijiet, bħal dawk li jintroduċu marġni ta’ diskrezzjoni fil-proċedura 55 . L-eżistenza ta’ din il-proċedura tagħti sorveljanza addizzjonali lill-ħidma tal-prosekuzzjoni li tista’ twassal għal żieda fl-isforzi ta’ prosekuzzjoni.

f)Biex issaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ awditjar u kontroll biex tiggarantixxi l-użu tajjeb tal-appoġġ tal-Unjoni, l-Ungerija stabbiliet bil-liġi d-Direttorat tal-Awditjar Intern u l-Integrità biex ittejjeb il-konformità mar-regoli dwar il-kunflitt ta’ interess, u emendat il-qafas regolatorju biex tiggarantixxi l-indipendenza tad-Direttorat Ġenerali għall-Awditjar tal-Fondi Ewropej (Directorate-General for Audit of European Funds, “EUTAF”) responsabbli għat-twettiq ta’ awditi indipendenti fuq l-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni fl-Ungerija. Barra minn hekk, l-Ungerija saħħet ir-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni u l-kontroll tal-appoġġ tal-Unjoni biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi b’mod aktar effettiv il-kunflitti ta’ interess 56 .

g)Wara li l-Ungerija impenjat ruħha li tnaqqas b’mod sinifikanti s-sehem ta’ offerti uniċi ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni, is-sehem naqas għal-livell previst 57 . Madankollu, jenħtieġ li jiġi mmonitorjat jekk dan il-livell hux se jinżamm fit-tul.

h)L-Ungerija żviluppat għodda ġdida ta’ monitoraġġ u rappurtar, li ġiet awditjata bħala operazzjonali, funzjonali u kapaċi timmonitorja l-proporzjon ta’ proċeduri ta’ akkwist b’offerta unika. Dan kompla jiġi żviluppat f’Diċembru 2022 58 . Dan jikkontribwixxi biex il-proċeduri tal-akkwist pubbliku jinżammu taħt skrutinju pubbliku magħluqa b’offerti uniċi.

i)Bl-istess mod, bil-ħsieb li żżid l-iskrutinju pubbliku tal-akkwist pubbliku, l-Ungerija lestiet l-iżvilupp tal-bażi tad-data tas-Sistema Elettronika tal-Akkwist Pubbliku sat-30 ta’ Settembru 2022, inkluża informazzjoni dwar avviżi ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku, numri tal-identifikazzjoni ta’ kumpaniji u l-ismijiet ta’ kull membru individwali tal-konsorzji u s-sottokuntratturi 59 .

j)Fil-5 ta’ Settembru 2022, id-Deċiżjoni tal-Gvern 1425/2022 stabbiliet qafas għall-kejl tal-prestazzjoni biex jiġu vvalutati l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-akkwisti pubbliċi, li ġiet ippubblikata fl-Akkwist Pubbliku Elettroniku fit-30 ta’ Novembru 2022 60 .

k)Fl-4 ta’ Ottubru 2022, ġie adottat l-Att XXIX tal-2022 biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-OLAF, billi l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u d-Dwana tinħatar bħala l-awtorità nazzjonali kompetenti biex tassisti lill-OLAF u tintroduċi sanzjoni finanzjarja dissważiva li għandha tiġi imposta f’każ li operatur ekonomiku jirrifjuta li jikkoopera mal-OLAF 61 . Din l-emenda tiffaċilita l-ħidma tal-OLAF meta jwettaq kontrolli fuq il-post matul l-investigazzjonijiet tiegħu.

 

Dan kollu ta’ hawn fuq juri li l-proċedura effettivament tixpruna bidliet li jżidu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni, strumenti oħra skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma kinux iwasslu għall-istess riżultati.

Dawn il-miżuri ta’ rimedju tqiesu mill-Kummissjoni meta, minħabba n-nuqqasijiet li kien fadal, ipproponiet li l-Kunsill jadotta miżuri baġitarji fir-rigward tal-Ungerija skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Kull rimedju ulterjuri li għandu jiġi adottat mill-Ungerija biex titlob it-tneħħija tal-miżuri baġitarji jista’ jitqies bħala adegwat biss jekk jirrimedja bis-sħiħ is-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tagħhom.

Filwaqt li l-miżuri adottati mill-Kunsill huma effettivi biex jipproteġu l-baġit tal-Unjoni kkonċernat (ara t-Taqsima 4 hawn fuq), il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi fuq il-bażi li jistgħu jfixklu jew ineħħu r-rimedji diġà adottati mill-Ungerija, kif ukoll dawk, jekk ikun hemm, li se jindirizzaw il-kwistjonijiet pendenti u possibbilment iwasslu għat-tneħħija ta’ miżuri.

5.2.Effettività tal-proċedura – il-passi previsti fir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità

Ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità ilu fis-seħħ għal tliet snin, u sa issa, il-proċedura skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità wasslet għall-adozzjoni ta’ miżuri protettivi darba, fil-każ tal-Ungerija. L-adozzjoni tal-Linji gwida, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ipprovdiet aktar ċarezza u prevedibbiltà fir-rigward tal-proċedura. Aktar żvilupp tal-prattika tal-każijiet fl-infurzar tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità se jipprovdi aktar speċifikazzjonijiet u eżempji dwar l-applikazzjoni tar-Regolament u l-proċedura prevista fih.

Il-proċedura, mill-mument li tintbagħat notifika bil-miktub, hija relattivament rapida, peress li tista’ tiġi konkluża f’perjodu limitat ta’ żmien li jvarja minn ħames sa disa’ xhur. Il-limiti ta’ żmien għall-Kummissjoni jippermettu ftit flessibbiltà u f’ċerti fażijiet huma partikolarment diffiċli. Pereżempju, biex tiddeċiedi jekk il-miżuri jenħtieġx li jiġu proposti lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha xahar biex tivvaluta l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru, inklużi l-miżuri ta’ rimedju jekk ikun hemm, tikkonsulta internament biex tiġbor l-għarfien espert meħtieġ, tabbozza u tadotta deċiżjoni motivata. Fuq l-eżempju tal-Ungerija, l-Istat Membru ma ppreżentax miżuri ta’ rimedju bi tweġiba għan-notifika bil-miktub mill-Kummissjoni. Minflok, il-miżuri ta’ rimedju ġew ippreżentati biss fi stadju aktar tard, jiġifieri bi tweġiba għall-Ittra ta’ Intenzjoni. Dan juri li, meta l-miżuri ta’ rimedju ppreżentati minn Stat Membru f’dak l-istadju jkunu numerużi u/jew kumplessi biex jiġu vvalutati, l-effettività ġenerali tal-proċedura tista’ tibbenefika minn aktar flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-iskadenza ta’ xahar imsemmija.

Element ieħor li jista’ jtejjeb l-effettività tal-proċedura huwa li jiġi żgurat li, meta jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni, l-Istat Membru jippreżenta wkoll il-fehmiet, jekk ikun hemm, tal-entitajiet tal-gvern 62 li jistgħu jkunu kkonċernati mill-miżuri. Dan jippermetti valutazzjoni saħansitra aktar granulari tal-kwistjonijiet involuti u tal-miżuri li jkunu l-aktar effettivi.

Fl-aħħar nett, minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza tal-proċedura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, rigward it-tneħħija ta’ miżuri, għadu kmieni wisq biex tiġi rrappurtata xi osservazzjoni dwar l-effettività tagħha.

6.Konklużjoni

L-analiżi pprovduta f’dan ir-rapport turi kif ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità ġie applikat f’dawn l-aħħar tliet snin.

Filwaqt li għadu kmieni wisq biex jinsiltu konklużjonijiet definittivi dwar il-proċedura u l-effettività tal-miżuri protettivi adottati fil-każ wieħed li wassal għall-adozzjoni ta’ miżuri mill-Kunsill, f’dan l-istadju l-analiżi deskritta f’dan ir-rapport tikkonferma l-effettività tagħhom u l-potenzjal tagħhom fil-futur.

Prattika tal-każijiet aktar estensiva tippermetti li jiġi identifikat aħjar titjib possibbli, jekk ikun hemm. Il-Kummissjoni se tkompli tiġbor u tivvaluta b’mod rigoruż informazzjoni indikattiva ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stati Membri li jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett.

Fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza aktar stabbilita, il-Kummissjoni tista’ tirrieżamina l-Linji gwida biex tqis l-iżviluppi fil-prattika tagħha, il-bidliet rilevanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jew il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Tali rieżami jsir wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew.

(1)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 1.
(2)    Is-Sentenza tal-Qorti (Seduta Plenarja) tas-16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-156/21, ECLI:EU:C:2022:97; Is-Sentenza tal-Qorti (Seduta Plenarja) tas-16 ta’ Frar 2022, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-157/21, ECLI:EU:C:2022:98.
(3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, ĠU C 123, 18.3.2022, p. 12.
(4)     https://commission.europa.eu/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/european-semester_mt .
(5)    Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt huwa l-qofol tal-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istat tad-Dritt. Ara aktar informazzjoni fuq https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/policies/justice-and-fundamental-rights/upholding-rule-law/rule-law/rule-law-mechanism_mt .
(6)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ir-Regolament dwar l-RRF), ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(7)      Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 i jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi, ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.
(8)    Il-premessa 16 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità taqra “[l]-identifikazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt teħtieġ valutazzjoni kwalitattiva bir-reqqa mill-Kummissjoni. Dik il-valutazzjoni jenħtieġ li tkun oġġettiva, imparzjali u ġusta, u jeħtieġ li tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli u minn istituzzjonijiet rikonoxxuti, inkluż sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, rapporti tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) kif rilevanti, u konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet u networks internazzjonali rilevanti, inklużi l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa bħall-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO) u l-Kummissjoni ta’ Venezja, b’mod partikolari l-lista ta’ kontroll tagħha dwar l-istat tad-dritt, u n-networks Ewropej tal-qrati supremi u l-kunsilli tal-ġudikatura. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kummissjoni ta’ Venezja jekk ikun meħtieġ biex titħejja bir-reqqa il-valutazzjoni kwalitattiva.’’
(9)    Is-sentenza tal-Qorti (Seduta Plenarja) tas-16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-156/21, ECLI:EU:C:2022:97, il-paragrafu 285, u s-Sentenza tal-Qorti (Seduta Plenarja) tas-16 ta’ Frar 2022, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-157/21, ECLI:EU:C:2022:98, il-paragrafu 285.
(10)    Ara l-paragrafu 63 tal-Linji gwida. Il-Kummissjoni ma setgħetx, pereżempju, tibda proċedura bbażata fuq biċċa informazzjoni waħda, bħal artiklu fl-istampa, anki jekk dak is-sors jitqies affidabbli. Il-Kummissjoni tivvaluta l-informazzjoni pprovduta mis-sorsi disponibbli u tikkorroboraha ma’ sorsi jew informazzjoni oħra.
(11)    Fil-mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt, il-ħidma preparatorja għar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tkopri sena sħiħa, kull sena. Huwa jinkludi konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet tal-istat tad-dritt bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, organizzazzjoni internazzjonali u nongovernattiva. Ara aktar informazzjoni fuq https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/policies/justice-and-fundamental-rights/upholding-rule-law/rule-law/rule-law-mechanism_mt .
(12)    Il- formola ta’ lment hija disponibbli fil-paġna web pubbliku dwar ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità   ( https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/eu-budget/protection-eu-budget/rule-law-conditionality-regulation_mt ) , kif ippubblikat fit-23 ta’ Novembru 2021; hija annessa wkoll, bħala l-Anness II, mal-Linji gwida adottati f’Marzu 2022, ara supra, in-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
(13)     BUDG-CONDITIONALITY-REGIME-COMPLAINTS@ec.europa.eu .
(14)    Dawn jistgħu tipikament jiġu segwiti permezz ta’ għodod oħra, iżda mhumiex rilevanti għar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità.
(15)    L-Artikolu 6(1) jaqra “[m]eta l-Kummissjoni tqis li għandha raġunijiet validi biex tqis li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 huma ssodisfati, hija għandha, sakemm ma tqisx li proċeduri oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jippermettulha tipproteġi l-baġit tal-Unjoni b’mod aktar effettiv, tibgħat notifika bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat, fejn tistabbilixxi l-elementi fattwali u r-raġunijiet speċifiċi li fuqhom huma bbażati s-sejbiet tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar din in-notifika u l-kontenut tagħha.”
(16)    Skont l-Artikolu 6(11) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, il-Kunsill jadotta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tiegħu permezz ta’ maġġoranza kwalifikata.
(17)    Ara t-Taqsima 4 għal aktar dettalji dwar il-miżuri ta’ rimedju ppreżentati mill-Ungerija.
(18)    Proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, COM(2022) 485 final, disponibbli fuq  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:52022PC0485 .
(19)    Il-PITs jissejħu wkoll “fondazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku”.
(20)     Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2506 tal-15 ta’ Diċembru 2022 (id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill”), ĠU L 325, 20.12.2022, disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32022D2506 .
(21)    a) il-Programm Operazzjonali għall-Ambjent u l-Effiċjenza Enerġetika Plus; b) il-Programm Operazzjonali għat-Trasport Integrat Plus; c) il-Programm Operazzjonali għall-Iżvilupp Territorjali u tal-Abitat Plus.
(22)    It-test tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2023 huwa disponibbli, fit-taqsima Aħbarijiet, fuq https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/eu-budget/protection-eu-budget/rule-law-conditionality-regulation_mt .
(23)    Proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, COM/2022/485 final, disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:52022PC0485 .
(24)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-miżuri ta’ rimedju nnotifikati mill-Ungerija skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, COM(2022) 687 final, disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52022DC0687 .
(25)      Għodod oħra kienu jinkludu l-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, li kien ġie introdott biex jiffaċilita l-progress f’ċerti oqsma, pereż. ir-riformi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għal żewġ Stati Membri. F’Settembru 2023, il-Kummissjoni għalqet il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, peress li ż-żewġ Stati Membri kienu laħqu b’mod sodisfaċenti l-obbligi tagħhom stabbiliti skont dan l-istrument.
(26)      Dawn l-istrumenti huma indipendenti minn xulxin, kull wieħed minnhom jaqdi l-għan tiegħu.
(27)    Il-premessa 14 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità.
(28)    Il-paragrafi minn 41 sa 43 tal-Linji gwida.
(29)    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999, ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.
(30)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”), ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1. 
(31)      L-Artikoli 63 u 131, ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(32)    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.
(33)    L-Artikolu 15(5), ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.
(34)    l-Artikolu 24, ir-Regolament dwar l-RRF.
(35)      Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, 6.12.2021, ĠU L 435, p. 187.
(36)    L-Artikoli 42, 55 u 59, ir-Regolament dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni.
(37)      Pereżempju, fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tal-awtoritajiet inkarigati mir-reġistri tal-artijiet u tal-kontrolli relatati fuq il-lokazzjoni u/jew is-sjieda tal-art agrikola (inklużi azzjonijiet ta’ infurzar tal-liġi, meta xieraq), sa fejn tali lokazzjoni u/jew sjieda tkun rilevanti għar-riċevuta ta’ sussidji skont il-PAK. Ara l-paragrafu 24 tal-Linji gwida.
(38)    Il-paragrafi minn 41 sa 43, il-Linji gwida.
(39)    Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, il-miżuri protettivi jistgħu jinvolvu, f’ġestjoni diretta jew indiretta, is-sospensjoni tal-pagamenti jew tal-implimentazzjoni tal-impenji legali, it-terminazzjoni tal-impenji legali, il-projbizzjoni ta’ impenji legali ġodda, is-sospensjoni tal-iżborżi, is-sospensjoni jew it-tnaqqis tal-vantaġġ ekonomiku u l-projbizzjoni fuq id-dħul fi ftehimiet ġodda dwar self jew strumenti oħra tal-Unjoni. Permezz ta’ ġestjoni kondiviża, il-miżuri protettivi jistgħu jinvolvu sospensjoni jew programmi, sospensjoni jew tnaqqis ta’ impenji legali, tnaqqis ta’ prefinanzjament, u interruzzjoni jew sospensjoni tal-pagamenti.
(40)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, il-premessi minn 14 sa 18.
(41)      COM/2022/485 final.
(42)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ungerija, ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(43)      Ara l-istqarrija għall-istampa L-indipendenza ġudizzjarja u l-finanzjament tal-UE għall-Ungerija, u l-mistoqsijiet u t-tweġibiet fiha, fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_6465 .
(44)    Ara l- Ftehim ta’ Sħubija mal-Ungerija – 2021-2027 (europa.eu) , fuq https://commission.europa.eu/publications/partnership-agreement-hungary-2021-2027_mt.
(45)    Ara l-istqarrija għall-istampa L-indipendenza ġudizzjarja u l-finanzjament tal-UE għall-Ungerija, u l-mistoqsijiet u t-tweġibiet fiha, fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_6465 .
(46)      Ara r-Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE tal-2022, it-taqsima dwar l-Ungerija, fuq https://commission.europa.eu/law/application-eu-law/implementing-eu-law/infringement-procedure/2022-annual-report-monitoring-application-eu-law/hungary-2022_mt u d-data tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku dwar l-Ungerija fuq https://single-market-scoreboard.ec.europa.eu/countries/Hungary .
(47)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) tas-16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-156/21, ECLI:EU:C:2022:97, b’mod partikolari l-paragrafi minn 328 sa 333 u 344.
(48)    Il-premessa 19 tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità taqra “[h]uwa essenzjali li l-interessi leġittimi tar-riċevituri u tal-benefiċjarji finali jkunu protetti kif xieraq meta jiġu adottati miżuri f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Meta tikkunsidra l-adozzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-impatt potenzjali tagħhom fuq ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali.”
(49)      Ara l-premessi minn 28 sa 39 tal-Proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill; il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Proposta fih aktar dettalji dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni.
(50)    L-att XXVII tal-2022 dwar il-kontroll tal-użu ta’ fondi tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Ottubru 2022.
(51)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, il-premessa 36.
(52)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, il-premessa 41.
(53)    L-Att XXIX tal-2022.
(54)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, il-premessi 42 u 43.
(55)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, il-premessa 46.
(56)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, il-premessa 47.
(57)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, il-premessa 48.
(58)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, il-premessa 49.
(59)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, il-premessa 50.
(60)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, il-premessa 51.
(61)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, il-premessa 53.
(62)    Entità tal-gvern hija definita fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità bħala awtorità pubblika f’kull livell tal-gvern, inklużi awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll organizzazzjoni tal-Istati Membri skont it-tifsira tal-punt (42) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) (ir-“Regolament Finanzjarju”). L-entitajiet tal-gvern, bħala riċevituri ta’ finanzjament taħt ġestjoni diretta jew indiretta, jistgħu jiġu affettwati minn miżuri skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità.