European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6020

23.10.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Id-diġitalizzazzjoni tal-enerġija: nibbilanċjaw l-opportunitajiet u r-riskji għall-konsumaturi Ewropej

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/6020)

Relatur:

Kęstutis KUPŠYS

Konsulenta

Marine CORNELIS (għar-relatur)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.2.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

21.6.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

11.7.2024

Sessjoni plenarja Nru

589

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

187/2/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-għodod diġitali jippreżentaw opportunitajiet kbar immens, b’mod partikolari biex jiffaċilitaw il-produzzjoni, il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda u d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija. Madankollu, huma jirriskjaw li jagħmlu s-swieq tal-enerġija li diġà huma kumplessi ħafna saħansitra aktar kumplessi biex il-konsumaturi żgħar tal-enerġija, bħall-unitajiet domestiċi u n-negozji mikro u żgħar, jiġġestixxuhom u jifhmuhom. L-enerġija għandha tibqa’ affordabbli, aġġustabbli u faċli biex tintuża. Il-konsumaturi xorta għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-prezzijiet, il-kuntratti u s-servizzi tal-klijenti b’mod “prediġitali”.

1.2.

Iċ-ċibersigurtà tad-data tal-utenti trid tkun prijorità. Id-diġitalizzazzjoni tamplifika l-ħtieġa li jinħolqu regolamenti dinamiċi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur adattati għall-kuntesti u l-parteċipanti ġodda fis-settur – li mhux neċessarjament ikunu l-atturi “konvenzjonali” fis-settur tal-enerġija jew iżommu kuntatt dirett mal-konsumaturi.

1.3.

Id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija ma għandhiex tinkiseb għad-detriment tal-aktar elementi fraġli fis-soċjetajiet tagħna, b’mod partikolari dawk li diġà qed ibatu mill-faqar enerġetiku jew mid-distakk diġitali. Għall-kuntrarju, huwa kruċjali li jiġu żgurati salvagwardji tal-obbligu ta’ rendikont fost id-diversi partijiet ikkonċernati u li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi. L-atturi u l-awtoritajiet lokali għandhom rwol ewlieni biex inaqqsu d-distakk diġitali.

1.4.

Waqt li l-għodod tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u tat-teknoloġiji ta’ reġistru distribwit jistgħu jappoġġjaw il-ħidma tar-regolaturi, tal-korpi għal soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim (ADR) u tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi billi jidentifikaw xejriet u nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur, dawn l-għodod mhumiex infallibbli. Il-konsumaturi għandhom dejjem ikunu intitolati li jikkontrolloaw huma stess, sabiex jiċċekkjaw u jimmonitorjaw il-prattiki tal-atturi fl-oqsma tal-enerġija u diġitali.

1.5.

Biex il-konsumaturi jibbenefikaw verament mill-ġestjoni min-naħa tad-domanda, iridu jinstallaw tagħmir u infrastruttura ta’ komunikazzjoni bħal miters intelliġenti u apparat domestiku konness, li jridu jkun affordabbli biex jinxtraw u jintużaw, kif ukoll sostenibbli u ddisinjati b’mod li jqisu l-interessi tal-utenti. Il-KESE jirrakkomanda li jittieħed approċċ ibbilanċjat iffukat fuq disinn inklużiv u aċċessibbli, u li l-provvista ta’ għodod diġitali aktar avvanzati u apparentement aktar għaljin tiġi ssupplimentata b’miżuri li jtejbu l-“kapaċità” tal-unitajiet domestiċi fl-effiċjenza enerġetika.

1.6.

Għandu jiġi pprovdut taħriġ għall-ħaddiema, inkluż permezz ta’ Akkademji b’Emissjonijiet Żero Netti, li għandhom isiru operazzjonali malajr kemm jista’ jkun u jiġu promossi lill-partijiet interessati kollha, b’enfasi fuq il-ħiliet tal-effiċjenza enerġetika.

1.7.

Bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata tal-UE, il-KESE għandu jiġi mistieden jingħaqad mal-gruppi ta’ ħidma u diskussjonijiet madwar mejda dwar il-governanza tas-sistemi tal-enerġija intelliġenti msemmija hawn fuq. B’mod partikolari, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi fit-tnedija tal-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar l-Enerġija Intelliġenti.

2.   Sfond tal-Opinjoni

2.1.

F’Komunikazzjoni ppubblikata fl-2022 (1), il-Kummissjoni Ewropea ddeskriviet is-sitwazzjoni eżistenti fis-settur tal-enerġija u pproponiet modi kif il-konsumaturi tal-unitajiet domestiċi jitqiegħdu fuq quddiem u fiċ-ċentru fid-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Il-Kumitat ħareġ l-Opinjoni korrispondent fl-2023 (2).

2.2.

Il-Komunikazzjoni pprovdiet xi indikazzjonijiet dwar liema direzzjoni għandha tittieħed biex jiġu protetti d-drittijiet tal-konsumaturi fir-rabta bejn l-enerġija u d-diġitali. Ir-regolamentazzjoni ġenerali tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għandha rwol ewlieni hawnhekk; madankollu, settur tal-enerġija diġitalizzat iqajjem kwistjonijiet addizzjonali: jekk tiżdied dimensjoni diġitali tfisser li tiżdied il-kumplessità, u l-għodod żviluppati għal żminijiet “analogi” jistgħu ma jkunux adattati għall-iskop tagħhom (3) fi żminijiet diġitali. Skont il-Komunikazzjoni, il-qafas legali tal-UE jipproteġi d-drittijiet tal-konsumaturi, iżda “l-implimentazzjoni hija bil-mod”.

2.3.

Fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-Kummissjoni Ewropea ħadet xi passi fid-direzzjoni t-tajba, pereżempju billi adottat att ta’ implimentazzjoni biex ittejjeb l-aċċess għad-data dwar il-kejl u l-konsum fl-2023 (4). Wieħed għad irid jara kemm inizjattivi bħal dawn fil-livell tal-UE huma ta’ suċċess u kemm huma profondi l-għeruq tal-inerzja tas-settur tal-enerġija “tradizzjonali”. Qed jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju, iżda biex ilaħħqu mal-pass meħtieġ tal-bidla, l-iżvilupp tal-ħiliet huwa kruċjali: l-Ewropa l-ewwel teħtieġ forza tax-xogħol b’ħiliet biex tintroduċi apparat diġitali. Huwa vitali wkoll li tiġi pprovduta informazzjoni komprensiva u li l-konsumaturi fil-livell tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji ż-żgħar jiġu edukati dwar kif jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet kollha li toffri d-diġitalizzazzjoni. Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li l-enerġija hija settur kumpless ħafna li jista’ jkun diffiċli li jinftiehem anki għall-konsumaturi b’ċertu livell ta’ għarfien speċjalizzat.

2.4.

Ġew ippubblikati diversi studji u dokumenti ta’ politika li jipprovdu għarfien dwar kif il-konsumaturi jistgħu jiġu protetti u jingħataw is-setgħa bl-għajnuna tad-diġitalizzazzjoni. Il-kunċetti proposti u l-keywords użati fi studji bħal dawn irreferew għall-protezzjoni tad-data u l-awtonomizzazzjoni tal-konsumaturi, il-grilji u l-arloġġi intelliġenti, il-kondiviżjoni tal-enerġija u l-kummerċ bejn il-pari, ir-rispons għad-domanda, il-bliet intelliġenti u l-bini intelliġenti, irriċarġjar intelliġenti, eċċ. Huwa aċċettat b’mod wiesa’ li l-opportunitajiet jegħlbu r-riskji.

2.5.

Il-KESE għandu l-għan li jikkontribwixxi għad-dibattitu li għaddej billi jiffoka fuq kif l-azzjonijiet tas-soċjetà fis-sistemi diġitali u tal-enerġija jistgħu jipproduċu futur aktar inklużiv, fejn kulħadd iħossu sikur, u fejn l-unitajiet domestiċi jaħsdu l-benefiċċji ta’ teknoloġiji ġodda. Id-diġitalizzazzjoni min-naħa tal-konsumatur (domanda) qed issir dejjem aktar importanti fid-dawl tat-tranżizzjoni ekoloġika, peress li tippermetti lill-konsumaturi jifhmu aħjar l-impatt tagħhom fuq it-tranżizzjoni tal-enerġija, u jipparteċipaw fiha b’mod attiv: jistgħu jibbenefikaw mid-dinamika tas-swieq tal-enerġija, iżidu l-effiċjenza enerġetika, jużaw l-enerġija rinnovabbli, u jimplimentaw prattiki ta’ suffiċjenza enerġetika.

3.   Nittrasformaw il-qawwiet tagħna f’opportunitajiet

3.1.

Fix-xenarju li qed jevolvi malajr tas-settur tal-enerġija Ewropew, id-diġitalizzazzjoni qed titfaċċa bħala xafra li taqta’ miż-żewġ naħat. Minn naħa waħda, hija twiegħed effiċjenza mingħajr preċedent, l-awtonomizzazzjoni tal-konsumaturi, u perkors lejn futur tal-enerġija sostenibbli. Grilji intelliġenti avvanzati, data dwar il-konsum tal-enerġija f’ħin reali (li twassal għal adozzjoni usa’ tal-flessibbiltà min-naħa tad-domanda fil-livell tal-unitajiet domestiċi), u sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija mmexxija mill-IA jistgħu jittrasformaw b’mod drammatiku l-interazzjonijiet tal-konsumaturi ma’ sistemi moderni tal-enerġija, ibassru l-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom u jirraffinaw kif jużaw l-enerġija. Bħalissa, l-introduzzjoni tagħhom qed tistaġna f’ħafna Stati Membri, u dan qed jipprevjeni r-reazzjonijiet adegwati għall-faqar enerġetiku u l-integrazzjoni bla xkiel tal-prosumaturi u tal-komunitajiet tal-enerġija fil-grilja.

3.2.

Dawn l-innovazzjonijiet għandhom il-potenzjal li jiddemokratizzaw l-aċċess għall-enerġija, inaqqsu l-kostijiet, u jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Iċ-ċittadini u n-negozji tal-UE jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jesploraw u jadottaw teknoloġiji ġodda li diġà huma disponibbli; fil-kuntest globali, il-kontinent tagħna huwa relattivament avvanzat f’termini ta’ konnettività diġitali, aċċess għall-grilji u livell ġenerali ta’ sensibilizzazzjoni tal-unitajiet domestiċi.

3.3.

Barra minn hekk, mil-lat tal-benefiċċji, id-diġitalizzazzjoni tista’ mhux biss ittejjeb il-penetrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u r-reżiljenza tal-grilja, iżda tista’ twassal ukoll għal kisbiet ekonomiċi għall-konsumaturi, iżżid il-koeżjoni soċjali u tnaqqas il-faqar enerġetiku. B’mod ġenerali, id-diġitalizzazzjoni ssaħħaħ l-integrazzjoni u l-interazzjoni bejn diversi partijiet ikkonċernati, li tippermetti lill-konsumaturi jiksbu aċċess akbar għar-riżorsi tal-enerġija lokali u rinnovabbli u jibbenefikaw minnhom.

3.4.

Il-grilji intelliġenti u d-diġitalizzazzjoni għandhom rwol kruċjali fid-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija. Dawn jippermettu ġestjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-enerġija, jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jottimizzaw il-konsum, b’mod partikolari permezz tal-analitika tad-data f’ħin reali u l-awtomatizzazzjoni. Il-grilji intelliġenti jistgħu jtejbu l-istabbiltà u l-affidabbiltà tal-grilja billi jirreaġixxu awtomatikament għal bidliet fis-sistema. Dawn jirrappreżentaw għodda tremenda biex tissaħħaħ l-infrastruttura biex jingħelbu għadd ta’ sfidi marbuta mal-aċċess għall-enerġija, il-faqar enerġetiku u t-tibdil fil-klima (5). Maż-żmien, l-għodod diġitali jistgħu jnaqqsu l-kostijiet operazzjonali u tal-enerġija billi jtejbu l-effiċjenza tas-sistema u jnaqqsu l-pressjonijiet tad-domanda massima.

3.5.

Id-diġitalizzazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-awtomatizzazzjoni tal-IA, l-Internet tal-Oġġetti (IoT, inkluż l-IoT Kollaborattiv) u l-analiżi tad-data, tagħmilha possibbli li jiġu mmonitorjati l-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija f’ħin reali, li huwa essenzjali għall-ibbilanċjar tal-provvista u d-domanda mingħajr ma wieħed jirrikorri għal sorsi tal-enerġija b’impronta tal-karbonju għolja. L-għodod diġitali jistgħu jtejbu r-reżiljenza tas-sistemi tal-enerġija kontra t-tfixkil fiżiku u ċibernetiku billi jippermettu kapaċitajiet ta’ rispons rapidu. Waqt li t-trasformazzjoni diġitali hija wara mudelli ta’ negozju u servizzi innovattivi fis-settur tal-enerġija, bħall-aggregaturi, wieħed ma għandux jinsa li l-enerġija hija servizz essenzjali u l-aċċess għaliha jrid jibqa’ dritt pubbliku.

3.6.

L-għodod diġitali jistgħu jipprovdu lill-konsumaturi b’data dettaljata dwar l-użu tal-enerġija, li tagħtihom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar ix-xejriet tal-konsum tagħhom. Id-diġitalizzazzjoni għandha wkoll rwol fir-relazzjoni bejn il-konsumaturi u l-utilitajiet (l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni (DSOs), il-fornituri, u l-aggregaturi), pereżempju fl-iffirmar tal-kuntratti u l-forniment ta’ servizzi għall-klijenti.

3.7.

L-għodod diġitali jistgħu jappoġġjaw ukoll it-teħid tad-deċiżjonijiet biex jitfasslu politiki aktar iffukati fuq l-utenti, speċjalment il-pjani ta’ azzjoni dwar il-faqar enerġetiku. Il-protokolli tal-komunikazzjoni u tal-kondiviżjoni tad-data dwar il-konsum tal-enerġija bejn id-DSOs/il-fornituri u l-awtoritajiet iridu jiġu stabbiliti biex jappoġġjaw l-identifikazzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli, u għalhekk appoġġ enerġetiku mmirat, speċjalment għal dawk f’faqar enerġetiku moħbi.

3.8.

Permezz ta’ għodod diġitali u teknoloġiji intelliġenti, il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda tista’ tnaqqas il-konsum tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi tal-UE b’aktar minn EUR 71 biljun fis-sena sal-2030 (6). Billi jitfasslu miżuri inklużivi ta’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda, jistgħu jiġu sfruttati benefiċċji diretti multipli għal popolazzjonijiet vulnerabbli. Dawn il-miżuri għandhom ikunu faċli u ħielsa mill-istress biex wieħed jipparteċipa fihom, għandhom iżommu l-kumdità u l-benesseri, u għandhom jiġu integrati ma’ miżuri ta’ protezzjoni tal-prezzijiet u ta’ appoġġ soċjali. Il-muftieħ għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-flessibbiltà min-naħa tad-domanda jinsab fil-kapaċità tiegħu li jawtonomizza lill-konsumaturi, inaqqas l-ispejjeż tal-enerġija, u jikkontribwixxi għall-effiċjenza u s-sostenibbiltà ġenerali tas-sistema tal-enerġija.

3.9.

Xi tagħmir diġitali sofistikat, minflok ma jagħti spinta lill-involviment tal-konsumatur, jista’ “jbeżża’” lill-konsumaturi peress li jista’ jkun fihom wisq opzjonijiet li mhumiex essenzjali. Il-proliferazzjoni ta’ tali għodod, u l-ispejjeż għoljin tax-xiri u l-użu ta’ tali tagħmir, jistgħu jwasslu għal nuqqas ta’ fiduċja. Il-KESE jirrakkomanda li jittieħed approċċ ibbilanċjat iffukat fuq disinn inklużiv u aċċessibbli, u li l-provvista ta’ għodod diġitali aktar avvanzati u apparentement aktar għaljin tiġi ssupplimentata b’miżuri li jtejbu l-“kapaċità” tal-unitajiet domestiċi fl-effiċjenza enerġetika. Il-Kumitat jissuġġerixxi wkoll li tiġi stabbilita proċedura ta’ kontrolli tal-awditjar biex jiġi żgurat li l-prinċipju ta’ hawn fuq jiġi rispettat.

3.10.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-teknoloġiji tar-reġistru distribwit u l-blockchains (P8_TA(2018)0373) tenfasizza l-potenzjal tagħhom li jawtonomizzaw liċ-ċittadini billi jippromovu l-kontroll tad-data, inaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, u jtejbu t-trasparenza (7). Is-sostituzzjoni ta’ bażijiet tad-data ċentralizzati fraġli b’teknoloġija tar-reġistru distribwit tista’ tagħti lill-konsumaturi aktar fiduċja li d-data mhux se tinbidel. Dan japplika għal kwalunkwe tip ta’ data li nqisu importanti li tirrifletti l-imġiba tal-konsumatur u l-obbligi kuntrattwali jew extra-kuntrattwali, bħal data dwar il-produzzjoni tal-enerġija, il-konsum, is-servizzi relatati eċċ.

3.11.

It-teknoloġija tar-reġistru distribwit tidher partikolarment promettenti fil-kuntest tal-kondiviżjoni tal-enerġija u tal-komunitajiet tal-enerġija, u l-utilità tagħha għan-negozjar bejn il-pari hija ovvja. L-aħjar prattiki fit-trasparenza tal-governanza u l-użu effiċjenti tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit fl-enerġija għandhom jiġu promossi fost l-akkademja, il-fornituri tat-teknoloġija u l-gruppi tal-konsumaturi, bl-użu ta’ pjattaformi għall-iskambju tal-għarfien u gruppi ta’ esperti.

4.   It-tiswija ta’ dgħufijiet sistemiċi u l-ġestjoni tat-theddid

4.1.

Min-naħa l-oħra, id-diġitalizzazzjoni tippreżenta wkoll riskji palpabbli. Is-sjieda tad-data, is-sovranità, il-governanza u t-tħassib dwar il-privatezza, is-sikurezza, is-sigurtà u l-attakki ċibernetiċi potenzjali fuq l-infrastruttura tal-enerġija, il-lakuni, in-nuqqas ta’ infurzar, u d-distakk diġitali li jista’ jħalli lill-popolazzjonijiet vulnerabbli lura, huma kollha kwistjonijiet li jridu jittaffew.

4.2.

Id-diġitalizzazzjoni hija kumplessa u għalja. L-implimentazzjoni tat-teknoloġiji diġitali spiss teħtieġ investiment sinifikanti bil-quddiem fl-infrastruttura u t-taħriġ. Is-sistemi diġitali jżidu l-kumplessità fil-ġestjoni tal-enerġija, u potenzjalment iwasslu għal punti ġodda ta’ falliment.

4.3.

L-infrastruttura tal-enerġija titqies bħala ta’ riskju għoli skont l-Att dwar l-IA, kif spjegat b’mod espliċitu fl-Anness III tal-Att. Id-dipendenza żejda mit-teknoloġiji diġitali tista’ tagħmel is-sistemi tal-enerġija vulnerabbli għal fallimenti fl-infrastruttura diġitali. L-infrastruttura diġitali nnifisha tikkonsma l-enerġija, li tista’ tikkanċella xi wħud mill-kisbiet fl-effiċjenza.

4.4.

L-isfidi li jinħolqu mill-miġja tal-computing kwantistiku jqiegħdu l-integrità tas-sistemi tal-enerġija f’riskju saħansitra ogħla (8). Aħna nkomplu naffermaw li l-operaturi tal-grilja u l-produtturi l-kbar tal-enerġija huma konxji ta’ xi jfisser għalihom, u li għandhom ħiliet tal-ogħla livell li jippermettulhom jindirizzaw l-“isfida kwantistika”. Madankollu, l-użu ta’ din it-teknoloġija b’saħħitha ġdida minn atturi malizzjużi jista’ jesponi wkoll lill-konsumaturi f’livell ta’ unità ta’ konsum individwali.

4.5.

L-għodod diġitali għadhom inaċċessibbli b’mod wiesa’ għal ħafna, minkejja li huma fost il-karatteristiċi ewlenin tal-politiki reċenti tal-UE dwar l-enerġija. Dan iqajjem mistoqsija importanti: jagħmel sens li wieħed jiddiġitalizza meta fuq kollox ma jkollokx biżżejjed enerġija affordabbli? L-unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija għandhom it-tendenza li jkollhom aċċess aktar limitat għal teknoloġiji moderni tal-enerġija, inklużi soluzzjonijiet diġitali avvanzati, minħabba nuqqas ta’ għarfien u/jew ħiliet, kapaċità limitata ta’ investiment, u interess kummerċjali baxx li jiġu pprovduti soluzzjonijiet speċifiċi għal tali unitajiet domestiċi. Il-politiki tal-enerġija għandhom jiffukaw sabiex dawn it-teknoloġiji jsiru disponibbli u jiġu aċċettati mill-unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija, peress li għandhom il-potenzjal biex inaqqsu l-kont tal-enerġija.

4.6.

Biex jittaffa d-distakk diġitali, hija meħtieġa azzjoni mmexxija mill-industrija: huwa fl-interess tal-fornituri li jiżguraw li l-konsumaturi jkunu jistgħu jadattaw bla xkiel għal proċessi interni u servizzi ġodda li jinbidlu; madankollu, dan huwa possibbli biss jekk il-konsumaturi jifhmu l-benefiċċji tal-interazzjoni diġitalizzata. L-aħjar triq ’il quddiem hija li nagħmluha sempliċi u faċli: aktar servizzi kkumplikati żżejjed se jfallu, peress li l-konsumaturi se jsiru aktar avversi għar-riskju fl-adozzjoni ta’ kwalunkwe teknoloġija ġdida.

4.7.

Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-ġustizzja u l-inklużività permezz tad-disinn. Fid-dawl tad-distakk diġitali, il-KESE jappella għal azzjoni biex is-soluzzjonijiet u l-pjattaformi tal-enerġija diġitali jsiru aċċessibbli u inklużivi għall-konsumaturi kollha, inklużi l-popolazzjonijiet vulnerabbli. Dan jinvolvi l-iżvilupp ta’ għodod diġitali faċli għall-utent li jakkomodaw ħtiġijiet diversi u jippromovu aċċess ugwali għas-servizzi tal-enerġija diġitali. Fl-2022, individwu wieħed biss minn kull għaxra fl-UE użaw termostati konnessi mal-internet, arloġġi tal-utilitajiet, dwal jew plug-ins jew soluzzjonijiet oħra konnessi mal-internet għall-ġestjoni tal-enerġija fid-dar tagħhom (9). Id-distakk fost il-pajjiżi tal-UE kien enormi: minn żewġ terzi fin-Netherlands, sa assenza kważi totali fir-Rumanija u l-Bulgarija ta’ kwalunkwe użu ta’ soluzzjonijiet għall-ġestjoni tal-enerġija fid-dar konnessi mal-internet

4.8.

Waqt li b’mod ġenerali huwa ta’ benefiċċju għall-funzjonament tas-swieq tal-enerġija, il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda hija prodott riskjuż fih innifsu, peress li l-applikazzjoni tas-servizzi ta’ flessibbiltà fil-livell tal-unitajiet domestiċi tinvolvi li l-konsumaturi jiffirmaw tariffa varjabbli relatata mas-suq, li tista’ twassal biex il-volatilità tal-prezzijiet tiġi ttrasferita lill-unità domestika. Peress li l-konsumatur għandu ftit jew l-ebda setgħa ta’ negozjar f’ċirkostanzi bħal dawn, dan jagħmilhom vulnerabbli għal skossijiet fil-prezzijiet u kundizzjonijiet negattivi oħra tas-suq. Il-KESE jinnota li huwa meħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi ta’ riżerva fis-seħħ, f’każ li jseħħ xokk “ta’ darba matul il-ħajja” b’effetti diżastrużi fuq il-kontijiet tal-konsumaturi.

4.9.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-għotjiet u s-sussidji diretti għandhom rwol biex jappoġġjaw l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali u l-infrastruttura diġitali, tal-inqas fil-fażi bikrija tal-adozzjoni. Il-pajjiżi fil-lat estrem tal-klassifika tal-adozzjoni diġitali għandhom jirċievu appoġġ immirat biex iħaffu l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet konnessi mal-internet għall-ġestjoni tal-enerġija u l-infrastruttura neċessarja, waqt li l-atturi tas-suq f’dawn il-pajjiżi għandhom jiġu skrutinizzati aktar sabiex jiġi żgurat li jikkonformaw mal-obbligi tal-UE u dawk nazzjonali tad-diġitalizzazzjoni.

4.10.

Huwa magħruf sew li l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet diġitali tista’ tgħin biex jinkiseb iffrankar sinifikanti tal-enerġija u tipprovdi ambitu għall-effiċjenza enerġetika; madankollu, l-iffrankar inizjali jista’ jwassal ukoll għal irkupru fil-konsum (10). Il-KESE jsostni l-fehma li tali effetti jistgħu jiġu minimizzati b’miżuri mmirati lejn l-iżvilupp tal-kapaċità tal-konsumaturi fi kwistjonijiet tal-enerġija kif ukoll il-ludifikazzjoni intelliġenti, b’enfasi fuq is-suffiċjenza enerġetika.

4.11.

Is-settur tal-enerġija għandu jmexxi bl-eżempju u jimplimenta regolamenti stretti dwar il-privatezza tad-data biex jipproteġi l-informazzjoni tal-konsumatur u jibni l-fiduċja pubblika. Id-disponibbiltà tat-teknoloġija għal gruppi diversi u għal dawk l-aktar emarġinati għandha tkun prijorità. L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja jistgħu jitfasslu (mill-ġdid) biex jidderieġu l-azzjonijiet tal-atturi li jużawhom, u jagħmlu indispensabbli “test tal-vulnerabbiltà” sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tar-reġim regolatorju mtaffi. Pereżempju, meta jiġi żviluppat tagħmir jew apparat domestiku “intelliġenti”, l-ewwel tħassib huwa jekk huwiex kapaċi jiflaħ għal attakk ċibernetiku malizzjuż fi “crash test”. Madankollu, b’mod parallel, tali apparati jrid ikollhom interfaċċi u disinji intuwittivi għall-utent biex jiġi żgurat li, fl-agħar każ, anke l-utenti l-inqas infurmati jkunu għadhom f’pożizzjoni li jieħdu l-azzjoni meħtieġa u jevitaw l-agħar riżultati.

4.12.

Sabiex jiġi indirizzat it-tħassib etiku potenzjali li jirriżulta mill-użu tal-IA u l-big data fis-settur tal-enerġija, il-KESE jappella għall-implimentazzjoni ta’ oqfsa stretti speċifiċi għas-settur. Dawn għandhom jenfasizzaw il-governanza etika tal-IA u tal-big data, filwaqt li jiżguraw li dawn it-teknoloġiji jintużaw b’modi li jirrispettaw il-valuri fundamentali tal-bniedem u d-drittijiet tal-konsumatur – kif ippjanat fl-Att dwar l-IA.

4.13.

It-teknoloġija tar-reġistru distribwit għadha fi triqitha biex tilħaq il-potenzjal usa’ tagħha fl-implimentazzjonijiet prattiċi ta’ kuljum. Waqt li jirrikonoxxi l-importanza tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit biex jiġu żgurati d-data u t-tranżazzjonijiet tal-enerġija, u b’hekk jitrawmu t-trasparenza u l-fiduċja, il-KESE jappoġġja b’kawtela l-użu akbar tagħha fl-applikazzjonijiet tat-tranżazzjonijiet tal-enerġija diġitali. Huma meħtieġa sorveljanza u salvagwardji regolatorji b’saħħithom.

4.14.

Id-distakki diġitali u tal-enerġija spiss ikunu preċeduti minn faqar interġenerazzjonali b’għeruq profondi kif ukoll inugwaljanza fl-opportunitajiet. Fl-użu ta’ għodod finanzjarji biex tittaffa din l-isfida, għandhom jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ tranżizzjoni ġusta. Fil-qalba tat-tranżizzjoni diġitali ġusta hemm il-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ għal dawk is-setturi u l-ħaddiema affettwati b’mod negattiv minn tfixkil minħabba d-diġitalizzazzjoni. Tali appoġġ, fil-għamla ta’ programmi ta’ taħriġ mill-ġdid u assistenza finanzjarja, jeħtieġ li jkun immirat l-ewwel lejn dawk l-iktar vulnerabbli; dan m’għandux joħloq żbilanċi ġodda. L-Akkademji b’Emissjonijiet Żero Netti (11) huma mistennija li jħarrġu 100 000 student kull wieħed fi żmien tliet snin minn meta jiġu stabbiliti; id-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija, bil-benefiċċji ċari tagħha għall-effiċjenza enerġetika, hija wieħed mill-oqsma li dawn l-akkademji li għad iridu jimmaterjalizzaw iridu jiffukaw fuqhom.

4.15.

L-impatt ta’ dan id-“distakk fid-diġitalizzazzjoni tal-enerġija” jista’ jkun saħansitra usa’ milli jkun mistenni b’mod naturali. Il-konsumaturi li jitħallew fil-marġini tad-diġitalizzazzjoni tal-enerġija jistgħu ma jkunux jistgħu jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet il-ġodda u jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċess tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Id-distakk emerġenti bejn “konsumaturi/prosumaturi avvanzati” u “konsumaturi tradizzjonali” jista’ jfisser li konsumaturi vulnerabbli se jġarrbu sehem relattivament ogħla tal-ispejjeż tas-sistema tal-enerġija. F’dan il-każ, it-tranżizzjoni tal-enerġija tkun inġusta u rigressiva fin-natura tagħha. Hija meħtieġa firxa wiesgħa ta’ miżuri biex tiġi żgurata l-inklużjoni xierqa tal-konsumatur, bħad-disinn inklużiv u miżuri ta’ affordabbiltà, minħabba li d-diġitalizzazzjoni mhijiex għan fiha nnifisha.

4.16.

Waqt li l-għodod tal-IA jistgħu jappoġġjaw il-ħidma tar-regolaturi, tal-korpi għal soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim u tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi billi jidentifikaw xejriet u nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur, dawn l-għodod mhumiex infallibbli. Il-konsumaturi għandhom dejjem ikunu intitolati li jikkontrolloaw huma stess, sabiex jiċċekkjaw u jimmonitorjaw il-prattiki tal-atturi fl-oqsma tal-enerġija u diġitali.

4.17.

Il-KESE jappella wkoll lill-UE biex tieħu rwol ta’ tmexxija fl-iżvilupp ta’ standards internazzjonali tal-konsumatur tal-enerġija diġitali. It-trasformazzjoni tat-theddid f’opportunitajiet fuq skala globali tfisser li tingħata ħarsa mill-qrib lejn reġjuni oħra għall-aħjar prattiki u li dawn jiġu adattati lokalment, filwaqt li jiġu promossi aktar internazzjonalment. L-isforzi mmexxija mill-UE biex jinkisbu l-ogħla standards ta’ protezzjoni tal-konsumatur għandhom jiffukaw fuq it-trawwim ta’ kollaborazzjoni globali biex jinħoloq approċċ unifikat għad-drittijiet u l-obbligi diġitali tal-konsumatur.

4.18.

Biex jintlaħaq dan l-għan, huwa kruċjali li jkun hemm kollaborazzjoni ma’ msieħba globali ewlenin bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), il-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) u l-Federazzjoni Globali tal-Enerġija Intelliġenti (GSEF). Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jipprovdu għarfien u appoġġ siewja, waqt li jiżguraw li l-istandards ikunu komprensivi u inklużivi, u jindirizzaw b’mod effettiv il-ħtiġijiet tal-konsumaturi tal-enerġija diġitali madwar id-dinja. Permezz ta’ kooperazzjoni bħal din, l-UE tista’ tmexxi l-isforzi biex tarmonizza r-regolamenti, ittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur, u tippromovi prattiki tal-enerġija sostenibbli fuq skala globali.

Brussell, il-11 ta’ Lulju 2024

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   COM(2022) 552 final.

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija — Pjan ta’ azzjoni tal-UE” ( ĠU C 184, 25.5.2023, p. 93).

(3)   Ġustizzja diġitali – kontroll tal-idoneità tal-liġi tal-konsumatur tal-UE.

(4)   Il-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni ġdid biex ittejjeb l-aċċess għad-data dwar il-kejl u l-konsum (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)   https://www2.deloitte.com/xe/en/pages/energy-and-resources/articles/distribution-grid-investment-to-power-energy-transition.html.

(6)   https://smarten.eu/wp-content/uploads/2022/09/SmartEN-DSF-benefits-2030-Report_DIGITAL.pdf.

(7)   https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-8-2018-0373_MT.pdf.

(8)   https://www.smart-energy.com/industry-sectors/cybersecurity/preparing-the-power-grid-for-future-quantum-cyberattacks/.

(9)  Eurostat, https://doi.org/10.2908/ISOC_IIOT_USE.

(10)   https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S2214629620302334.

(11)   L-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti: l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika (mhux disponibbli bil-Malti).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6020/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)