SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)
4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 5(1)(a) – Legalità tal-ipproċessar – Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) – Neċessità tal-ipproċessar għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur jew minn terz – Kunċett ta’ ‘interessi leġittimi’ – Interess kummerċjali – Federazzjoni sportiva – Komunikazzjoni bi ħlas ta’ data personali tal-membri ta’ federazzjoni sportiva lil sponsors mingħajr il-kunsens ta’ dawn il-membri”
Fil‑Kawża C‑621/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Settembru 2022, fil-proċedura
Koninklijke Nederlandse Lawn Tennisbond
vs
Autoriteit Persoonsgegevens,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla),
komposta minn O. Spineanu‑Matei, Presidenta tal-Awla, J.‑C. Bonichot u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Koninklijke Nederlandse Lawn Tennisbond, minn E. W. S. Peperkamp, O. M. van Rikxoort u S. E. A. Vermeer‑de Jongh, advocaaten, |
|
– |
għall-Autoriteit Persoonsgegevens, minn M. H. L. Hemmer u T. N. Sanders, advocaaten, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar u H. Kranenborg, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Koninklijke Nederlandse Lawn Tennisbond (l-Assoċjazzjoni Rjali tat-Tennis tal-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“KNLTB”) u, min-naħa l-oħra, l-Autoriteit Persoonsgegevens (l-Awtorità Responsabbli għall-Protezzjoni tad-Data, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem l-“AP”) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li timponi multa fuq il-KNLTB għal ksur tar-regoli tal-GDPR. |
Il‑kuntest ġuridiku
Il‑GDPR
|
3 |
Il-premessi 1, 4, 10, 39 u 47 tal-GDPR huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Suġġett u objettivi”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu: “Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.” |
|
5 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
[…]
[…]” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 5 tal-istess regolament, bit-titolu “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”: “1. Id-data personali għandha:
[…] 2. Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).” |
|
7 |
L-Artikolu 6 tal-GDPR, bit-titolu “Legalità tal-ipproċessar”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:
[…]
Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. […]” |
|
8 |
L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data: […]
[…]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
9 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-KNLTB hija federazzjoni sportiva kkostitwita fil-forma ta’ assoċjazzjoni. Il-membri tiegħu huma l-assoċjazzjonijiet tat-tennis li huma affiljati magħha kif ukoll il-membri tagħhom. Fil-fatt, meta persuna ssir membru ta’ assoċjazzjoni tat-tennis affiljata mal-KNLTB, hija ssir ukoll awtomatikament membru ta’ din tal-aħħar. Il-KNLTB tikkoopera ma’ sponsors sabiex, skont dak li hija ssostni, iżżid it-tixrid u l-viżibbiltà tat-tennis kif ukoll l-affiljazzjoni tal-membri tagħha. |
|
10 |
Matul is-sena 2018, il-KNLTB ikkomunikat data personali tal-membri tagħha lil tnejn mill-isponsors tagħha, jiġifieri SportshopsDirect BV (iktar ’il quddiem “TennisDirect”), kumpannija li tbigħ prodotti sportivi, u Nederlandse Loterij Organisatie BV (iktar ’il quddiem “NLO”), l-ikbar fornitriċi ta’ logħob tal-ażżard u ta’ logħob tal-każinò fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-KNLTB irċeviet remunerazzjoni mingħand l-isponsors tagħha talli kkomunikatilhom id-data personali inkwistjoni. |
|
11 |
B’mod partikolari, fil‑11 ta’ Ġunju 2018, il-KNLTB ikkomunikat lil TennisDirect l-ismijiet, l-indirizzi u d-domiċilji tal-membri tagħha sabiex jintbagħat bil-posta fuljett li kien fih promozzjonijiet. Sabiex tagħmel dan, TennisDirect, min-naħa tagħha, bagħtet din id-data lis-servizz postali PostNL bil-għan tal-istampar ta’ dan il-fuljett. |
|
12 |
Barra minn hekk, fid‑29 ta’ Ġunju 2018, il-KNLTB ikkomunikat lil NLO, minbarra l-ismijiet, l-indirizzi u d-domiċilji tal-membri tagħha, id-dati tat-twelid, in-numri tat-telefons fissi, in-numri tat-telefons mobbli u l-indirizzi elettroniċi ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll l-ismijiet tal-klabbs tat-tennis li magħhom dawn il-membri kienu affiljati. Din il-komunikazzjoni kellha bħala għan kampanja ta’ telefonati, li fil-kuntest tagħha NLO bagħtet din id-data lil ċentri telefoniċi li hija kienet użat għal dan l-għan. |
|
13 |
Wara lmenti mressqa minn ċerti membri tal-KNLTB, l-AP qieset li din tal-aħħar kienet kisret il-punti (a) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament minħabba li hija kienet ikkomunikat id-data personali tal-membri tagħha, mingħajr il-kunsens tagħhom u mingħajr bażi leġittima sabiex tikkomunika d-data tagħhom. Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2019, l-AP imponiet fuq il-KNLTB multa ta’ EUR 525000. |
|
14 |
Il-KNLTB ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
15 |
Għalkemm huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li l-KNLTB ma kinitx kisbet il-kunsens tal-membri individwali tagħha sabiex tikkomunika d-data personali tagħhom lill-isponsors imsemmija iktar ’il fuq u li l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR ma jistax jiġi invokat bħala bażi għall-ipproċessar ikkonċernat, il-KNLTB allegat li l-komunikazzjoni ta’ din id-data kienet ibbażata fuq interess leġittimu, fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR. Dan l-interess jikkonsisti, minn naħa, fil-fatt li tinħoloq rabta qawwija bejn din l-assoċjazzjoni u l-membri tagħha, u min-naħa l-oħra, li jkun jista’ jiġi offrut valur miżjud għall-adeżjoni tagħhom fil-forma ta’ tnaqqis u ta’ offerti minn imsieħba li jippermettu lil dawn il-membri jipprattikaw it-tennis bi prezz affordabbli u aċċessibbli. |
|
16 |
L-AP tqis li l-interessi leġittimi, fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, huma biss interessi stabbiliti u ddeterminati minn liġi. Skont l-AP, dawn għandhom ikunu interessi meqjusa li jixirqilhom protezzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni jew mil-leġiżlatur nazzjonali, li għandhom jiġu evalwati skont “kriterju pożittiv”. Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-każ. |
|
17 |
Minn opinjoni differenti, il-KNLTB issostni li interess leġittimu ma għandux neċessarjament jirriżulta minn dritt fundamentali jew minn prinċipju ġuridiku, iżda li kull interess jista’ jikkostitwixxi interess leġittimu, sakemm dan ma jkunx imur kontra l-liġi, fejn tali interess għandu għaldaqstant jiġi evalwat skont “kriterju negattiv”. |
|
18 |
Matul il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, kien hemm skambji bejn il-partijiet f’din il-proċedura dwar it-tifsira tal-kunċett ta’ “interess leġittimu” li jinsab fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, u b’mod partikolari dwar jekk interess purament kummerċjali, li jikkonsisti fil-bejgħ ta’ data personali tal-membri ta’ assoċjazzjoni tat-tennis, mingħajr il-kunsens ta’ dawn tal-aħħar, lil sponsors għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, jistax jitqies bħala interess leġittimu. |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “interessi leġittimi”, fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
20 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Mejju 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ssospenda din il-proċedura sakemm tingħata deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑252/21, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali). |
|
21 |
Konformement mad-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Awwissu 2023, ir-Reġistru kkomunika lill-qorti tar-rinviju s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537), filwaqt li stedinha tindikalu jekk, fid-dawl ta’ dik is-sentenza, hija xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, kompletament jew parzjalment, u, fil-każ ta’ rtirar parzjali ta’ din it-talba, tindika r-raġunijiet għaż-żamma ta’ parti minnha. |
|
22 |
Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Frar 2024, dik il-qorti indikat li hija kienet ser iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id‑domandi preliminari
|
23 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tkun tippermettilha taqta’ t-tilwima li hija tkun adita biha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Greislzel,C‑35/23, EU:C:2024:532, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
F’dan il-każ, id-domandi preliminari jirrigwardaw il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata, abbażi tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, il-komunikazzjoni, bi skambju għal remunerazzjoni, minn assoċjazzjoni sportiva ta’ data personali tal-membri tagħha lil sponsors ta’ din l-assoċjazzjoni bil-għan ta’ azzjonijiet promozzjonali. |
|
25 |
Minn dan isegwi li, permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jingħataw risposta konġunta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li pproċessar ta’ data personali li jkun jikkonsisti fil-komunikazzjoni bi ħlas ta’ data personali tal-membri ta’ federazzjoni sportiva, bil-għan li jiġi ssodisfatt interess kummerċjali tal-kontrollur, jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija minn dan il-kontrollur jew minn terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u jekk din id-dispożizzjoni teħtieġx li tali interess ikun iddeterminat mil-liġi. |
|
26 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-għan imfittex mill-GDPR, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu kif ukoll mill-premessi 1 u 10 tiegħu, jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta u fl-Artikolu 16(1) TFUE (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, IAB Europe,C‑604/22, EU:C:2024:214, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Konformement ma’ dan l-għan, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, b’mod partikolari, ikun konformi mal-prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ tali data stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament u jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità elenkati fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 208, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Meta Platforms Ireland (Azzjoni rappreżentattiva),C‑757/22, EU:C:2024:598, punt 49). |
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 5(1)(a) tal-GDPR, id-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data. |
|
29 |
B’mod partikolari, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR jipprevedi lista eżawrjenti u limitattiva tal-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies legali. Għaldaqstant, sabiex ipproċessar ikun jista’ jitqies leġittimu, dan għandu jkun jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali),C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 90). |
|
30 |
Skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RGPD, l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali jekk, u sakemm, is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu għal dan l-ipproċessar għal skop jew għal diversi skopijiet speċifiċi. Fl-assenza ta’ tali kunsens, jew meta dan il-kunsens ma jkunx ingħata b’mod liberu, speċifiku, informat u inekwivoku, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, tali pproċessar ikun madankollu ġġustifikat meta dan ikun jissodisfa wieħed mir-rekwiżiti ta’ neċessità msemmija fil-punti (b) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. |
|
31 |
F’dan il-kuntest, il-ġustifikazzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni, sa fejn dawn jippermettu li pproċessar ta’ data personali mwettaq fl-assenza tal-kunsens tas-suġġett tad-data jsir legali, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni restrittiva (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali),C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Barra minn hekk, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkun possibbli li jiġi kkonstatat li pproċessar ta’ data personali huwa neċessarju fid-dawl ta’ waħda mill-ġustifikazzjonijiet previsti fil-punti (b) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, ma hemmx lok li jiġi ddeterminat jekk dan l-ipproċessar jaqax ukoll taħt waħda oħra minn dawn il-ġustifikazzjonijiet (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali),C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, konformement mal-Artikolu 5 tal-GDPR huwa l-kontrollur li għandu l-oneru li jipprova li din id-data hija b’mod partikolari miġbura għal skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u li din hija pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(1)(c) ta’ dan ir-regolament, meta data personali tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, huwa l-kontrollur li għandu jinformah dwar l-iskopijiet tal-ipproċessar li għalih din id-data hija intiża kif ukoll dwar il-bażi legali ta’ dan l-ipproċessar (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali),C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 95). |
|
34 |
F’dan il-każ, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-membri tal-KNLTB ma tawx il-kunsens tagħhom, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, sabiex din tal-aħħar tikkomunika bi ħlas data personali li tikkonċernahom lil terzi, b’mod partikolari lil TennisDirect u lil NLO. |
|
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, imsemmija speċifikament fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jistgħux jiġu invokati sabiex jiġi ġġustifikat l-iżvelar ta’ tali data lil dawn it-terzi. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, ipproċessar ta’ data personali jkun legali jekk dan ikun neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur jew minn terz, sakemm ma jkunux jipprevalu l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkunu jeħtieġu protezzjoni ta’ din id-data personali. |
|
37 |
Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, din id-dispożizzjoni tipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun legali, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur tad-data jew minn terz, it-tieni nett, in-neċessità tal-ipproċessar tad-data personali sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex u, it-tielet nett, il-kundizzjoni li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata mill-protezzjoni tad-data ma jkunux jipprevalu fuq l-interess leġittimu tal-kontrollur jew ta’ terz (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali),C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 106 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kundizzjoni relatata mat-tfittxija ta’ “interess leġittimu”, għandu jiġi enfasizzat li, fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett mill-GDPR, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, firxa wiesgħa ta’ interessi tista’, bħala prinċipju, titqies li hija leġittima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 76). |
|
39 |
Hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 47 tal-GDPR, li tirrigwarda l-kunċett ta’ “interess leġittimu”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma eżiġix li l-interess imfittex minn kontrollur ikun previst mil-liġi sabiex l-ipproċessar tad-data personali mwettaq minn dan il-kontrollur ikun leġittimu fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament. Din il-konstatazzjoni hija iktar u iktar vera ġaladarba din il-premessa tiċċita, bħala eżempju, l-għanijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni b’mod ġenerali bħala interessi leġittimi li jistgħu jiġu segwiti minn kontrollur. |
|
40 |
Madankollu, għalkemm il-kunċett ta’ “interess leġittimu”, fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, ma huwiex limitat għall-interessi stabbiliti u ddeterminati minn liġi, dan jeżiġi li l-interess leġittimu allegat ikun legali. |
|
41 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 13(1)(d) tal-GDPR, huwa l-kontrollur, fil-mument li fih data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand dan is-suġġett, li għandu jindikalu l-interessi leġittimi mfittxija meta dan l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali),C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 107). |
|
42 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar ta’ data personali għat-twettiq tal-interess leġittimu mfittex, din timponi fuq il-qorti tar-rinviju l-obbligu li tivverifika li l-interess leġittimu tal-ipproċessar tad-data mfittex ma jistax raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effettiv permezz ta’ mezzi oħra li inqas jippreġudikaw il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura),C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
F’dan il-kuntest, hemm ukoll lok li jitfakkar li l-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar għandha tiġi eżaminata flimkien mal-prinċipju msejjaħ ta’ “minimizzazzjoni tad-data” stabbilit fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, li skontu d-data personali għandha tkun “adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata” (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali),C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 109 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda, it-tielet nett, il-kundizzjoni li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata mill-protezzjoni tad-data ma jipprevalu fuq l-interess leġittimu tal-kontrollur jew ta’ terz, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din timplika bbilanċjar bejn id-drittijiet u l-interessi opposti inkwistjoni li jkun jiddependi, bħala prinċipju, fuq iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari u li, konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq dan l-ibbilanċjar billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali),C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 110 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Barra minn hekk, il-premessa 47 tal-GDPR tindika li l-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu, b’mod partikolari, jipprevalu fuq l-interess tal-kontrollur meta data personali tiġi pproċessata f’ċirkustanzi fejn is-suġġetti tad-data ma jistennewx b’mod raġonevoli tali pproċessar (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali),C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 112). |
|
46 |
Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tliet kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza humiex issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, hija u tagħti deċiżjoni fuq talba għal deċiżjoni preliminari, tipprovdi preċiżazzjonijiet intiżi li jiggwidaw lil dik il-qorti f’din id-determinazzjoni (sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali),C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 96, kif ukoll tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura),C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kundizzjoni relatata mat-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew minn terz, fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-interess kummerċjali tal-kontrollur, jiġifieri federazzjoni sportiva bħall-KNLTB, li jikkonsisti fil-komunikazzjoni bi ħlas ta’ data personali tal-membri tagħha lil terzi, jiġifieri, f’dan il-każ, kumpannija li tbigħ prodotti sportivi kif ukoll fornitur ta’ logħob tal-ażżard u tal-logħob tal-każinò fil-Pajjiżi l-Baxxi, għal finijiet ta’ reklamar jew ta’ kummerċjalizzazzjoni, b’mod partikolari, bil-għan li jintbagħtu messaġġi ta’ reklamar u promozzjonijiet minn dawn tal-aħħar lil dawn il-membri. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li interess kummerċjali tal-kontrollur, li jikkonsisti fil-promozzjoni u fil-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, jista’ jitqies bħala interess leġittimu fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 73). |
|
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, interess kummerċjali tal-kontrollur, bħal dak imsemmi fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, jista’ jikkostitwixxi interess leġittimu, fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, sakemm dan ma jkunx kuntrarju għal-liġi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, każ b’każ, l-eżistenza ta’ tali interess billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku applikabbli u ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża. |
|
50 |
Fil-każ li tali interess jitqies li huwa leġittimu, ikun għad hemm lok, sabiex it-tfittxija ta’ dan l-interess tkun tista’ tippermetti pproċessar ta’ data personali, skont il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, li l-kontrollur josserva l-obbligi l-oħra kollha tiegħu taħt dan ir-regolament. |
|
51 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata man-neċessità ta’ dan l-ipproċessar għat-twettiq tal-imsemmi interess u, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ mezzi li jippreġudikaw inqas il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data u daqstant xierqa, għandu jiġi kkonstatat li huwa b’mod partikolari possibbli, għal federazzjoni sportiva bħall-KNLTB, li tkun tixtieq tikkomunika bi ħlas id-data personali tal-membri tagħha lil terzi, li tinforma minn qabel lill-membri tagħha u li titlobhom jekk jixtiqux li d-data tagħhom tiġi trażmessa lil dawn it-terzi għall-finijiet ta’ reklamar jew ta’ kummerċjalizzazzjoni. |
|
52 |
Din is-soluzzjoni tippermetti lill-membri kkonċernati, konformement mal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, imsemmi fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, iżommu l-kontroll fuq l-iżvelar tad-data personali tagħhom u b’hekk jillimitaw l-iżvelar tagħha għal dak li jkun effettivament neċessarju u rilevanti fir-rigward tal-iskopijiet li għalihom l-imsemmija data tiġi trażmessa u pproċessata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, HTB Neunte Immobilien Portfolio u Ökorenta Neue Energien Ökostabil IV, C‑17/22 u C‑18/22, EU:C:2024:738, punt 60). |
|
53 |
Proċedura bħal dik deskritta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza tista’ tinvolvi inqas indħil fid-dritt għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-data personali tas-suġġett tad-data, filwaqt li tippermetti lill-kontrollur ifittex, b’mod daqstant effettiv, l-interess leġittimu li huwa jinvoka, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, HTB Neunte Immobilien Portfolio u Ökorenta Neue Energien Ökostabil IV, C‑17/22 u C‑18/22, EU:C:2024:738, punt 61). |
|
54 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, dik il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġett tad-data kif ukoll il-portata tal-ipproċessar inkwistjoni u l-effett tiegħu fuq dan is-suġġett tad-data (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali),C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 116). |
|
55 |
Fil-kuntest ta’ tali bbilanċjar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dritt tal-membri ta’ assoċjazzjonijiet tat-tennis għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernahom, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta u fl-Artikolu 16(1) TFUE, jistax jipprevali fuq l-interess kummerċjali ta’ federazzjoni nazzjonali tat-tennis. F’din il-perspettiva, hekk kif jirriżulta mill-premessa 47 tal-GDPR, għandha tingħata importanza partikolari għall-kwistjoni dwar jekk dawn il-membri setgħux raġonevolment jistennew, fil-mument tal-ġbir tad-data personali tagħhom sabiex isiru membri ta’ assoċjazzjoni tat-tennis, li din tiġi żvelata bi ħlas lil terzi, f’dan il-każ lil sponsors tal-KNLTB, għal finijiet ta’ reklamar u ta’ kummerċjalizzazzjoni. |
|
56 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-data inkwistjoni hija b’mod partikolari trażmessa lil fornitur tal-logħob tal-ażżard u tal-logħob tal-każinò, bħal NLO, li l-attivitajiet ta’ promozzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tiegħu, għalkemm leġittimi, huma eżerċitati f’kuntest li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-premessa 47 tal-GDPR, ma jidhirx li huwa kkaratterizzat minn relazzjoni rilevanti u xierqa bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur. Barra minn hekk, f’ċerti ċirkustanzi, l-ipproċessar ta’ tali data jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-membri tal-assoċjazzjonijiet tat-tennis ikkonċernati sa fejn dawn l-attivitajiet jistgħu jesponu lil dawn il-membri għar-riskji marbuta mal-iżvilupp tal-ludopatija. |
|
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li pproċessar ta’ data personali li jkun jikkonsisti fil-komunikazzjoni bi ħlas ta’ data personali tal-membri ta’ federazzjoni sportiva, bil-għan li jiġi ssodisfatt interess kummerċjali tal-kontrollur, jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija minn dan il-kontrollur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss bil-kundizzjoni li dan l-ipproċessar ikun strettament neċessarju għat-twettiq tal-interess leġittimu inkwistjoni u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-membri ma jkunux jipprevalu fuq dan l-interess leġittimu. Għalkemm l-imsemmija dispożizzjoni ma teħtieġx li tali interess ikun iddeterminat mil-liġi, din teħtieġ li l-interess leġittimu allegat ikun legali. |
Fuq l‑ispejjeż
|
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id‑Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ipproċessar ta’ data personali li jkun jikkonsisti fil-komunikazzjoni bi ħlas ta’ data personali tal-membri ta’ federazzjoni sportiva, bil-għan li jiġi ssodisfatt interess kummerċjali tal-kontrollur, jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija minn dan il-kontrollur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss bil-kundizzjoni li dan l-ipproċessar ikun strettament neċessarju għat-twettiq tal-interess leġittimu inkwistjoni u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-membri ma jkunux jipprevalu fuq dan l-interess leġittimu. Għalkemm l-imsemmija dispożizzjoni ma teħtieġx li tali interess ikun iddeterminat mil-liġi, din teħtieġ li l-interess leġittimu allegat ikun legali. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.