|
8.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1117
tat-28 ta’ Ġunju 2021
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea (2021–2026)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), li ġie approvat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 450/2007 (2), daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2007. Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontroparti finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gabon (3), iffirmat fl-24 ta’ Lulju 2013 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Protokoll tal-2013”), skada fit-23 ta’ Lulju 2016. |
|
(2) |
Fit-22 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tibda negozjati mar-Repubblika tal-Gabon (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Gabon”) sabiex tikkonkludi Protokoll ġdid. Dawn in-negozjati ntemmu kif xieraq u l-Protokoll ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea (2021–2026) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Protokoll”) ġie inizjalat fl-10 ta’ Frar 2021. |
|
(3) |
L-għan tal-Ftehim u tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-Unjoni u l-Gabon jaħdmu aktar mill-qrib bejniethom biex ikomplu jippromwovu l-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u jippermettu użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gabon u fl-Oċean Atlantiku, filwaqt li jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol fis-settur tas-sajd. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-Protokoll jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun, minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Gabon u n-neċessità li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ dawn l-attivitajiet wara l-iskadenza tal-Protokoll tal-2013. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat u applikat b’mod provviżorju, sa meta jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija għas-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea (2021-2026) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Protokoll”) huwa awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll (4)
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Protokoll għandu japplika fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu (5), sa meta jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha..
Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
M. do C. ANTUNES
(1) ĠU L 109, 26.4.2007, p. 3.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 450/2007 tas-16 ta’ April 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea (ĠU L 109, 26.4.2007, p. 1).
(3) ĠU L 250, 20.9.2013, p. 2.
(4) It-test tal-Protokoll huwa ppubblikat fi ĠU L 242, 8.7.2021.
(5) Id-data li minnha l-Protokoll ser ikun applikat fuq bażi provviżorja tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.