Brussell, 28.10.2025

COM(2025) 656 final

2025/0333(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-24 laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis u għall-Protokolli tagħha


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-24 Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-“Konvenzjoni ta’ Barċellona”) u għall-Protokolli tagħha b’rabta mal-adozzjoni ppjanata tad-deċiżjonijiet li ġejjin:

·deċiżjoni li temenda l-Annessi II u III tal-Protokoll dwar żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran;

·deċiżjoni li tirrevedi ż-żoni inklużi fil-lista taż-żoni protetti b’mod speċjali ta’ importanza għall-Mediterran (SPAMI, Specially Protected Areas of Mediterranean Importance) u taġġorna l-pjanijiet ta’ azzjoni u l-istrateġiji reġjonali adottati skont il-Protokoll dwar żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran;

·deċiżjoni li tirrevedi l-format tar-rapportar għall-Artikoli 6, 7, 11 u 15 tal-Protokoll dwar il-ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ta’ oriġini terrestri;

·deċiżjoni li taġġorna r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokoll tagħha dwar żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran u dak dwar il-ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ta’ oriġini terrestri

Il-Konvenzjoni ta’ Barċellona u s-seba’ Protokolli tagħha adottati bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-Mediterran jikkostitwixxu l-ftehim ambjentali multilaterali legalment vinkolanti ewlieni għall-Baħar Mediterran.

Il-Protokoll dwar żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran (SPA/BD, Specially Protected Areas and Biological Diversity) (il-“Protokoll SPA/BD”) huwa qafas legali skont il-Konvenzjoni ta’ Barċellona bl-għan li jikkonserva l-bijodiversità tal-baħar u tal-kosta fir-reġjun tal-Mediterran

Il-Protokoll dwar il-ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ta’ oriġini terrestri (LBS, Land-Based Sources) (il-“Protokoll LBS”) huwa qafas legali skont il-Konvenzjoni ta’ Barċellona bl-għan li jieħu kull miżura xierqa biex jipprevjeni, inaqqas, jiġġieled u jelimina t-tniġġis mix-xmajjar, mill-istabbilimenti kostali, mill-katusi jew it-tniġġis ta’ oriġini terrestri.

L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona kif ukoll għall-protokolli ta’ hawn fuq. 

2.2.Il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għall-Protokolli tagħha

Il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għall-Protokolli tagħha tiġbor flimkien lil Ministri u uffiċjali għolja li jirrappreżentaw lill-partijiet kontraenti kollha għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għall-Protokolli tagħha.

Skont l-Artikolu 18(2)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti tista’ temenda kwalunkwe wieħed mill-protokolli (skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona) kif meħtieġ.

Skont l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, l-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) għandha teżerċita d-dritt tal-vot tagħha b’għadd ta’ voti ugwali għall-għadd tal-Istati Membri tagħha, li huma partijiet kontraenti għal din il-Konvenzjoni u għal protokoll wieħed jew aktar. L-Unjoni ma għandhiex teżerċita d-dritt tal-vot tagħha meta l-Istati Membri tagħha jeżerċitaw id-dritt tagħhom u viċi versa.

Skont l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, l-emendi ta’ xi protokoll għandhom jiġu adottati b’vot ta’ maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-partijiet kontraenti għall-protokoll ikkonċernat.

2.3.L-att previst tal-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għall-Protokolli tagħha

Fl-24 Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għall-Protokolli tagħha, bejn it-2 u l-5 ta’ Diċembru 2025, mistennija jiġu adottati diversi deċiżjonijiet, inkluż deċiżjonijietdwar l-emenda tal-Annessi II u III tal-Protokoll SPA/BD; l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ azzjoni u l-istrateġiji reġjonali adottati skont dak l-istess Protokoll, inkluż l-approvazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni Strateġika ta’ wara l-2020 għall-Konservazzjoni tad-Diversità Bijoloġika u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali fir-reġjun tal-Mediterran; ir-reviżjoni tal-format tar-rapportar għall-Protokoll LBS u l-aġġornament tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona (“l-atti previsti”).

L-għan tal-ewwel att previst huwa li jemenda l-Annessi II u III tal-Protokoll SPA/BD, li jinkludi tliet speċijiet ta’ ħut bil-qrieqeċ u sitt speċijiet ta’ sponoż fl-Anness II li jistabbilixxi l-“Lista ta’ speċijiet fil-periklu jew mhedda”, u li jċaqlaq erba’ ħutiet bil-qrieqeċ mill-Anness III li jistabbilixxi l-“Lista ta’ speċijiet li l-isfruttament tagħhom huwa rregolat” għall-Anness II tal-Protokoll.

L-għan tat-tieni att previst huwa, l-ewwel nett, ir-rieżami perjodiku ordinarju u dak straordinarju taż-żoni inklużi fil-Lista tal-SPAMI u, it-tieni, aġġornament tal-pjanijiet ta’ azzjoni u l-istrateġiji reġjonali 1 adottati skont il-Protokoll SPA/BD, filwaqt li jitqies il-Programm ta’ Azzjoni Strateġika ta’ wara l-2020 għall-Konservazzjoni tad-Diversità Bijoloġika u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali fir-Reġjun tal-Mediterran.

L-għan tat-tielet att previst huwa li jirrevedi l-format ta’ rapportar għall-Artikoli 6, 7, 11, u 15 tal-Protokoll LBS, li ġie stabbilit preċedentement f’konformità mal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, peress li r-rapportar dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u tal-Protokolli tagħha huwa obbligatorju. Il-format tar-rapportar il-ġdid irid jiġi adottat wara l-adozzjoni ta’ sensiela ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni reġjonali mit-22 u t-23 Konferenza tal-Partijiet f’Diċembru 2021 u f’Diċembru 2023 2 , rispettivament.

L-għan tar-raba’ att previst huwa li jaġġorna r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, biex jallinjahom mal-proċeduri u l-mekkaniżmi riveduti dwar il-konformità skont il-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-ħtieġa li jiġu protetti l-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar fil-Baħar Mediterran ġiet rikonoxxuta ripetutament mill-Unjoni u bħalissa hija rekwiżit skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE).

L-emendi tal-Annessi II u III tal-Protokoll SPA/BD jirriflettu s-sitwazzjoni kritika tal-ispeċijiet ikkonċernati wara l-analiżi meħtieġa.

L-aġġornament ta’ erba’ pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali għall-konservazzjoni ta’ diversi speċijiet jew gruppi ta’ speċijiet fil-Mediterran 3 ġie ordnat uffiċjalment mit-22 Konferenza tal-Partijiet f’Diċembru 2021. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet preċedenti ġie vvalutat, u wara li saru xi konsultazzjonijiet ġew proposti aġġornament tal-pjanijiet ta’ azzjoni kif ukoll skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom.

Huwa meħtieġ mudell sabiex isir rapportar dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni reġjonali l-ġodda adottati fit-22 u t-23 Konferenza tal-Partijiet f’Diċembru 2021 u f’Diċembru 2023, rispettivament. Qed jiġi propost li dan il-mudell jiġi adottat fl-24 Konferenza tal-Partijiet.

Fid-dawl tal-24 Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għall-Protokolli tagħha, jeħtieġ tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-att previsti, peress li dawn se jemendaw l-annessi tal-Protokoll SPA/BD u tal-Protokoll LBS. Barra minn hekk, il-pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali aġġornati jimplimentaw il-Protokoll SPA/BD.

Għalhekk, dawn l-emendi se jkunu vinkolanti għall-Unjoni skont l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona. Peress li l-emendi tal-annessi se jaġġornaw ir-rekwiżiti dwar il-ħarsien tal-Baħar Mediterran, u b’hekk se jbiddlu l-impenji u l-ambizzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni għall-ħarsien aħjar tal-ambjent tal-baħar, qed jiġi propost li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tal-atti previsti.

L-aġġornament tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona jallinjahom mal-“proċeduri u mekkaniżmi dwar il-konformità” adottati mit-23 Konferenza tal-Partijiet fl-2023 4 u għandhom l-għan li jtejbu l-effettività u l-funzjonament tal-Kumitat ta’ Konformità. Għalhekk, l-Unjoni għandha tappoġġahom.

Il-format tar-rapportar rivedut tal-Protokoll LBS se jiffaċilita l-ħidma tas-Segretarjat ta’ Barċellona u tal-partijiet kontraenti billi jistandardizza l-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata, inkluż l-istruttura tiegħu. Għalhekk, l-Unjoni għandha tappoġġahom.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 5 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għall-Protokolli tagħha hija korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Barċellona.

L-atti li l-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għall-Protokolli tagħha qed tintalab tadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali.

Fir-rigward tal-ewwel att previst, l-emendi tal-annessi tal-Protokoll SPA/BD se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 23(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona. Skont l-Artikolu 23(1) tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, l-annessi tal-Konvenzjoni u tal-Protokolli huma parti integrali tal-Konvenzjoni jew tal-Protokoll rilevanti. Skont l-Artikolu 23(2) tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, kwalunkwe emenda tal-annessi ta’ Protokoll tidħol fis-seħħ u għalhekk issir vinkolanti fuq il-partijiet li ma jkunux ippreżentaw notifika f’konformità mal-Artikolu 23(2)(iv) wara l-iskadenza tat-terminu msemmi f’dik id-dispożizzjoni.

Fir-rigward tat-tieni att previst, din id-deċiżjoni tikkonċerna r-rieżami perjodiku ordinarju u dak straordinarju tal-oqsma inklużi fil-Lista tal-SPAMI u aġġornament tal-pjanijiet ta’ azzjoni u l-istrateġiji reġjonali 6 adottati skont il-Protokoll SPA/BD. L-inklużjoni ta’ żoni fil-Lista tal-SPAMI, skont l-Artikolu 9(5) tal-Protokoll SPA/BD, tobbliga lill-partijiet proponenti jimplimentaw miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni u tirrikjedi li l-partijiet kontraenti jaderixxu mar-regoli stabbiliti, filwaqt li d-deċiżjoni tingħata effetti legali skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(1) tal-Protokoll SPA/BD jordna uffiċjalment miżuri kooperattivi għall-protezzjoni tal-flora u l-fawna elenkati fl-Annessi tal-Protokoll, bi pjanijiet ta’ azzjoni u strateġiji reġjonali li jservu bħala implimentazzjonijiet ta’ dawn l-obbligi. Filwaqt li mhumiex legalment vinkolanti, dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni u l-istrateġiji, adottati b’kunsens fost il-partijiet kollha tal-Protokoll SPA/BD, huma sinifikanti għall-interpretazzjoni tal-obbligi protettivi u jinvolvu proċeduri ta’ segwitu u ta’ rapportar, b’hekk għandhom effetti legali skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

Fir-rigward tat-tielet att previst, li jikkonċerna r-reviżjoni tal-formati tar-rapportar stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, l-Artikolu 26(2) tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona jipprevedi li “r-rapporti għandhom jiġu ppreżentati f’tali forma u f’tali intervalli li l-Laqgħat tal-Partijiet Kontraenti jistgħu jiddeterminaw”. Din il-formulazzjoni “għandhom jiġu ppreżentati f’tali forma” tinvolvi l-obbligu li l-partijiet kontraenti jirrapportaw bl-użu tal-format tar-rapportar stabbilit mil-Laqgħa tal-Partijiet, għalhekk il-format tar-rapportar stabbilit mil-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għall-Protokolli tagħha huwa legalment vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti skont l-Artikolu 26(2) tal-Konvenzjoni.

Rigward ir-raba’ att previst, il-Kumitat ta’ Konformità dwar id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha jipprovdi interpretazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u tal-Protokolli tagħha. Fid-dawl tal-fatt li b’hekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Konformità jistgħu jaffettwaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni, dawn jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni. Dan ifisser li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Konformità għandhom effetti legali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE. Għalhekk, dawn il-bidliet fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Konformità għandhom effetti legali skont is-sens tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE, minħabba li jaffettwaw il-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ korp internazzjonali li għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet b’effetti legali.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent.

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2025/0333 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-24 laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis u għall-Protokolli tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) moqri flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis, li sussegwentement ingħatat l-isem “Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran” (“il-Konvenzjoni ta’ Barċellona”), ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE 7 tal-25 ta’ Lulju 1977 u daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Frar 1978.

(2)Il-Protokoll dwar żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran (SPA/BD, specially protected areas and biological diversity) u l-annessi tiegħu ġew konklużi mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/800/KE 8 (“il-Protokoll SPA/BD”) u daħlu fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 1999. Il-Protokoll dwar il-ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ta’ oriġini terrestri (LBS, land-based sources) u l-annessi tiegħu (“il-Protokoll LBS”) ġew konklużi mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/801/KE 9 u daħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2008.

(3)Skont l-Artikolu 18(2), il-punt (iii), tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, il-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għall-Protokolli tagħha (“il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti”) tista’ tadotta emendi tal-annessi tal-Protokolli tal-Konvenzjoni.

(4)Skont l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona flimkien mal-Artikoli 4, 5, 6, 8, 9, 11 u 12 tal-Protokoll SPA/BD, il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti tista’ tadotta deċiżjonijiet dwar pjanijiet u strateġiji ta’ azzjoni reġjonali skont il-Protokoll SPA/BD.

(5)Skont l-Artikolu 26(2) tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti tista’ tiddetermina l-format li fih il-partijiet kontraenti għandhom jissottomettu r-rapporti lill-organizzazzjoni.

(6)Skont l-Artikoli 18 u 27 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, flimkien mad-Deċiżjoni IG 17/2 tal-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti rigward il-proċeduri u l-mekkaniżmi dwar il-konformità skont il-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, kif emendata, il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti tista’ tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Konformità.

(7)Il-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għall-Protokolli tagħha, matul l-24 sessjoni/laqgħa tagħha li se ssir mit-2 sal-5 ta’ Diċembru 2025, trid tadotta emendi tal-Annessi II u III tal-Protokoll SPA/BD; pjanijiet ta’ azzjoni u strateġiji reġjonali aġġornati żviluppati skont il-Protokoll SPA/BD; format tar-rapportar rivedut għall-implimentazzjoni tal-Protokoll LBS u Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Konformità aġġornati.

(8)L-atti previsti tal-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti se jkollhom effetti legali.

(9)Għalhekk, jeħtieġ tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti.

(10)Peress li l-emendi previsti tal-Annessi se jaġġornaw ir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran, se jaffettwaw l-impenji internazzjonali tal-Unjoni, u se jtejbu l-protezzjoni tal-ambjent, qed jiġi propost li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Barċellona korrispondenti.

(11)Peress li l-pjanijiet ta’ azzjoni u l-istrateġiji reġjonali aġġornati adottati skont il-Protokoll SPA/BD se jimplimentaw il-protokoll billi jipproteġu aħjar l-ambjent tal-baħar u se jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni fil-Baħar Mediterran, qed jiġi propost li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Barċellona korrispondenti.

(12)Peress li l-format tar-rapportar rivedut tal-Protokoll LBS se jiffaċilita l-ħidma tas-Segretarjat ta’ Barċellona u tal-partijiet kontraenti billi jissimplifika u jistandardizza l-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata, inkluż l-istruttura tiegħu, qed jiġi propost li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Barċellona korrispondenti.

(13)Peress li l-iskop tal-aġġornament tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona huwa li jallinjahom mal-“proċeduri u mekkaniżmi dwar il-konformità” adottati mit-23 Konferenza tal-Partijiet fl-2023, u peress li dawn għandhom l-għan li jtejbu l-effettività u l-funzjonament tal-Kumitat ta’ Konformità, qed jiġi propost li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Barċellona korrispondenti.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-24 Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għall-Protokolli tagħha (bejn it-2 u l-5 ta’ Diċembru 2025) għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-miżuri li ġejjin:

(a)emendi tal-Annessi II u III tal-Protokoll dwar żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran;

(b)pjanijiet ta’ azzjoni u strateġiji reġjonali aġġornati żviluppati skont il-Protokoll dwar żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran, u r-reviżjoni taż-żoni inklużi fil-lista tal-SPAMI;

(c)format tar-rapportar rivedut għall-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar il-ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ta’ oriġini terrestri;

(d)regoli ta’ proċedura aġġornati għall-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona.

Artikolu 2

Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet tekniċi minuri għall-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 mingħajr il-ħtieġa ta’ deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Jiġifieri (i) il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Konservazzjoni tal-Formazzjonijiet Bijoloġiċi Koralliġenużi u Oħrajn Kalkarji fil-Baħar Mediterran, (ii) il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Konservazzjoni tal-Fkieren tal-Baħar Mediterran, (iii) il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Konservazzjoni tal-Ħut bil-Qrieqeċ (Chondrichthyans) fil-Baħar Mediterran, u (iv) l-Istrateġija Reġjonali għall-Konservazzjoni tal-Bumerin fil-Baħar Mediterran.
(2)    Jiġifieri l-Pjanijiet Reġjonali Mediterranji għall-ġestjoni ta’ 1) Trattament tal-Ilma Urban Mormi 2) Ħama tad-Drenaġġ; 3) Skart tal-baħar; 4) Agrikoltura; 5) Akkwakultura; u 6) Ilma tal-maltemp urban.
(3)    Jiġifieri l-formazzjonijiet bijoloġiċi koralligenużi u oħrajn kalkarji, il-fkieren tal-baħar, il-ħut bil-qrieqeċ (Chondrichthyans), u l-bumerin.
(4)    Id-Deċiżjoni IG.26/1 dwar il-Konformità u r-Rapportar (https://wedocs.unep.org/bitstream/handle/20.500.11822/44714/23ig26_22_2601_eng.pdf)
(5)    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ottubru 2014. il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258,il-punti 61 sa 64.
(6)    Jiġifieri (i) il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Konservazzjoni tal-Formazzjonijiet Bijoloġiċi Koralliġenużi u Oħrajn Kalkarji fil-Baħar Mediterran, (ii) il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Konservazzjoni tal-Fkieren tal-Baħar Mediterran, (iii) il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Konservazzjoni tal-Ħut bil-Qrieqeċ (Chondrichthyans) fil-Baħar Mediterran, u (iv) l-Istrateġija Reġjonali għall-Konservazzjoni tal-Bumerin fil-Baħar Mediterran.
(7)    ĠU L 240, 19.9.1977
(8)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/800/KE tat-22 ta’ Ottubru 1999, ĠU L 322, 14.12.1999, p. 1.
(9)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/801/KE tat-22 ta’ Ottubru 1999, ĠU L 322, 14.12.1999, p. 18.