11.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 178/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1241

tal-10 ta' Lulju 2017

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta' Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012.

(2)

Jenħtieġ li persuna waħda ma tibqax tinżamm fuq il-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012 ('il-lista').

(3)

Jenħtieġ li tiżdied entità waħda mal-lista ta' entitajiet fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012.

(4)

Jenħtieġ ukoll li tiġi aġġornata l-informazzjoni relatata ma' persuna waħda li tinsab fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)   ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1.


ANNESS

L-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif ġej:

1.

Fil-Parti A (“Persuni”), l-elenkar tal-persuna li ġejja u l-entrata relatata huma mħassra:

“202.

Ahmad Barqawi (magħruf ukoll bħala Ahmed Barqawi)”.

2.

Fil-Parti A (“Persuni”), l-entrata li tikkonċerna l-persuna elenkata hawn taħt hija sostitwita b'dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“203.

George Haswani

(magħruf ukoll bħala Heswani; Hasawani; Al Hasawani)

Indirizz: Damascus Province, Yabroud, Al Jalaa St, Syria

Negozjant prominenti li jopera fis-Sirja, b'interessi u/jew attivitajiet fis-setturi tal-inġinerija, tal-bini u taż-żejt u l-gass. Għandu interessi fi u/jew għandu influwenza sinifikanti f'għadd ta' kumpaniji u entitajiet fis-Sirja, b'mod partikolari HESCO Engineering and Construction Company, kumpanija ewlenija tal-inġinerija u tal-bini.

7.3.2015”

3.

Fil-Parti B (“Entitajiet”), tiddaħħal l-entrata għall-entità li ġejja:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“71

Abdulkarim Group

(magħruf ukoll bħala Al Karim for Trade and Industry/Al Karim Group)

5797 Damascus

Syria

Abdulkarim Group huwa konglomerat Sirjan rikonoxxut internazzjonalment li huwa assoċjat ma' Wael Abdulkarim, li huwa elenkat bħala negozjant prominenti li jopera fis-Sirja.

11.7.2017”