SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 12(3) – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar mill-organizzatur – ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Eżekuzzjoni tal-vjaġġ impedit minħabba tali ċirkustanzi – Rakkomandazzjoni uffiċjali biex tingħata informazzjoni dwar l-ivvjaġġar lejn il-pajjiż tad-destinazzjoni minħabba t-tixrid tal-COVID-19”

Fil-Kawża C‑546/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura

GF

vs

Schauinsland-Reisen GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala Imħallef tas-Seba’ Awla, u N. Wahl, Imħallef,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal GF, minn A. Konrad, Rechtsanwalt,

–

għal Schauinsland-Reisen GmbH, minn M. Wukoschitz, Rechtsanwalt,

–

għall-Gvern Elleniku, minn A. Dimitrakopoulou, C. Kokkosi u E. Tsaousi, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn GF u Schauinsland-Reisen GmbH dwar talba għal kumpens imressqa minn GF kontra Schauinsland-Reisen minħabba x-xoljiment, minn din tal-aħħar, tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar konkluż bejn dawn il-partijiet, li seħħ wara l-pubblikazzjoni ta’ rakkomandazzjoni uffiċjali intiża sabiex tagħti parir lill-vjaġġaturi sabiex ma jmorrux fil-pajjiż ta’ destinazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 29 sa 32 tad-Direttiva 2015/2302 huma redatti kif ġej:

“(29)

B’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet ta’ kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, għandhom jiġu stipulati d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti għall-perjodu ta’ qabel u wara l-bidu tal-pakkett, b’mod partikolari jekk il-pakkett ma jiġix eżegwit b’mod xieraq jew jekk jinbidlu xi ċirkostanzi partikolari.

(30)

Billi l-pakketti huma normalment mixtrija ferm qabel l-eżekuzzjoni tagħhom, jistgħu jseħħu avvenimenti mhux previsti. […]

(31)

Il-vjaġġaturi għandhom ikunu jistgħu wkoll jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett permezz ta’ ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikata, fejn jitqies l-iffrankar mistenni tal-ispejjeż u d-dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Għandu jkollhom ukoll id-dritt li jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar mingħajr il-ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni fejn ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jkunu ser jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-pakkett. Dan jista’ jkopri pereżempju gwerra, problemi serji oħra ta’ sigurtà bħat-terroriżmu, riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kondizzjonijiet tat-temp li jagħmluha impossibbli li tivvjaġġa b’mod sikur għad-destinazzjoni kif maqbul fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar.

(32)

F’sitwazzjonijiet speċifiċi, l-organizzatur għandu jkun intitolat ukoll li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas kumpens […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi jiġu approssimati ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward kuntratti dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta konklużi bejn vjaġġaturi u kummerċjanti.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(12)

“ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” tfisser sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha;

[…]”

6

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u d-dritt ta’ rtirar qabel il-bidu tal-pakkett”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 sa 3 tiegħu:

“2.   […] [I]l-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. F’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali.

(3)   L-organizzatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u jagħti lill-vjaġġatur rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li jkun sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun responsabbli għal kumpens addizzjonali, jekk:

[…]

(b)

l-organizzatur ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u jinnotifika lill-vjaġġatur dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr dewmien żejjed qabel il-bidu tal-pakkett.”

7

L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-pakkett”, jistipula, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Jekk xi wieħed mis-servizzi tal-ivvjaġġar ma jiġix eżegwit f’konformità mal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, l-organizzatur għandu jirrimedja n-nuqqas ta’ konformità, sakemm dak:

(a)

ikun impossibbli; jew

(b)

jinvolvi spejjeż sproporzjonati, b’kont meħud tal-livell tan-nuqqas ta’ konformità u l-valur tas-servizzi tal-ivvjaġġar affettwati.

Jekk l-organizzatur, skont il-punt (a) jew il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ma jirrimedjax in-nuqqas ta’ konformità, għandu japplika l-Artikolu 14.”

8

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligu li tingħata assistenza”, kien jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzatur jagħti assistenza xierqa mingħajr dewmien bla bżonn lill-vjaġġatur li jkun f’diffikultà, inklużi fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 13(7), partikolarment billi:

(a)

jagħti informazzjoni adatta dwar is-servizzi tas-saħħa, l-awtoritajiet lokali u l-assistenza konsulari; u

(b)

jgħin lill-vjaġġatur jagħmel komunikazzjoni mill-bogħod u jgħin lill-vjaġġatur isib arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar.

L-organizzatur għandu jkun jista’ jimponi tariffa raġonevoli għal tali assistenza jekk id-diffikultà tkun kkawżata intenzjonalment mill-vjaġġatur jew minħabba negliġenza tal-vjaġġatur. Dik it-tariffa ma għandha fl-ebda każ taqbeż l-ispejjeż li fil-fatt ikun ġarrab l-organizzatur.”

Id-dritt Awstrijak

9

Skont it-tieni ipoteżi tal-Artikolu 10(3) tal-Bundesgesetz über Pauschalreisen und verbundene Reiseleistungen (Pauschalreisegesetz – PRG) (il-Liġi dwar Pakketti tal-Ivvjaġġar u Arranġamenti tal-Ivvjaġġar Marbuta), tal-24 ta’ April 2017 (BGBl. I, 50/2017), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali l-organizzatur tal-vjaġġi jista’, qabel il-bidu tal-pakkett ta’ vjaġġar, ixolji l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikkonċernat bil-kundizzjoni li jirrimborsa, fl-intier tagħhom, il-ħlasijiet magħmula għall-pakkett, iżda ma huwiex obbligat iħallas kumpens addizzjonali jekk l-organizzatur ikun prekluż milli jeżegwixxi dan il-kuntratt ta’ vjaġġar minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u jinnotifika x-xoljiment tal-imsemmi kuntratt ta’ vjaġġar lill-vjaġġatur mingħajr dewmien mhux xieraq, iżda mhux iktar tard minn qabel il-bidu tal-imsemmi pakkett.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Fit-13 ta’ Mejju 2020, GF, tabib speċjalista li jeżerċita fi klinika privata, u martu kkonkludew ma’ Schauinsland-Reisen kuntratt dwar l-organizzazzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ pakkett ta’ vjaġġar lejn il-Maldivi, li kellu jseħħ matul il-perijodu bejn is-26 ta’ Diċembru 2020 u t-2 ta’ Jannar 2021. Il-prezz totali ta’ dan il-pakkett kien jammonta għal EUR 8620.

11

Mix-xahar Diċembru 2020, il-Maldivi, minħabba r-riskji sanitarji kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, kienu s-suġġett ta’ twissija lill-vjaġġaturi tal-livell massimu, ippubblikat mill-Außenministerium (il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, l-Awstrija), li jgħid li “[ma kienx] irrakkomandat li jsir kull vjaġġ turistiku u mhux indispensabbli, inklużi vjaġġi ta’ divertiment u vjaġġi ta’ żjara lill-familja, lejn dan il-pajjiż”.

12

Matul dan il-perijodu, l-impatt tal-virus fuq seba’ jum irrapportat fil-Maldivi kien biss ta’ 34,7 infezzjonijiet ġodda għal kull 100000 abitant u kien għalhekk inqas minn dak stabbilit fl-Awstrija, li kien jammonta, fid-data ta’ riferiment imsemmija tal-14 ta’ Diċembru 2020, għal 220 għal kull 100000 abitant.

13

Fit-3 ta’ Diċembru 2020, Schauinsland-Reisen xoljiet il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar billi bbażat ruħha fuq dan l-twissija. Ir-raġuni għal dan ix-xoljiment ġiet ikkomunikata lil GF sa mhux iktar tard mid-9 ta’ Diċembru 2020 u l-ħlas akkont imħallas lilu ġie rrimborsat.

14

GF adixxiet lil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz (il-Qorti Reġjonali ta’ Graz, l-Awstrija) b’talba għad-danni fl-ammont ta’ EUR 21 821.82 għalih u għal martu. F’dan il-kuntest, huwa invoka d-danni subiti wara l-imsemmi xoljiment minħabba t-telf ta’ awtorizzazzjoni tal-vaganzi u kif ukoll lucrum cessans ikkawżat mill-għeluq tal-uffiċċju tiegħu minħabba l-vjaġġ previst, li ma kienx iktar f’pożizzjoni li jannulla fi żmien qasir wara l-istess xoljiment. Huwa talab ukoll il-ħlas ta’ somma flus ta’ “ammont b’rata fissa għall-ispejjeż”.

15

Għal dawn il-finijiet, GF sostniet li t-twissija lill-vjaġġaturi ppubblikata mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ma kinitx tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali u inevitabbli li tipprekludi lil Schauinsland-Reisen milli teżegwixxi l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, iktar u iktar peress li l-effett tal-virus fuq sebat’ijiem fil-Maldivi kien, fil-mument tax-xoljiment ta’ dan il-kuntratt ta’ vjaġġar, inqas minn dak fl-Awstrija, peress li l-kopertura fil-qasam tal-kura medika kienet suffiċjenti hemmhekk u peress li huwa stess u martu kienu, barra minn hekk, kisbu assigurazzjoni għall-mard tal-ivvjaġġar.

16

Schauinsland-Reisen irrispondiet li ma setax jiġi raġonevolment mistenni li hija teżegwixxi l-kuntratt tal-pakkett ta’ vjaġġar minkejja l-pubblikazzjoni ta’ tali twissija fid-dawl tal-konsegwenzi imprevedibbli li għalihom hija setgħet tiġi esposta fid-dawl tar-responsabbiltà tagħha bħala organizzatur tal-vjaġġi. Barra minn hekk, fid-dawl tar-restrizzjonijiet ta’ ħruġ applikabbli fl-Awstrija mis-26 ta’ Diċembru 2020, GF bl-ebda mod ma ġiet awtorizzata tivvjaġġa.

17

Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Lulju 2021, il-l-Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Graz) ċaħdet it-talba għal kumpens mressqa minn GF, billi qieset li Schauinsland-Reisen kienet validament invokat ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji għall-finijiet tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, b’mod li jiġi eskluż kull dritt għal kumpens għad-danni min-naħa ta’ GF.

18

Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Jannar 2022, l-Oberlandesgericht Graz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Graz, l-Awstrija), fl-appell, ikkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. Din il-qorti kkunsidrat li, anki jekk it-twissija lill-vjaġġaturi kienet biss indizju ta’ ostakoli eċċezzjonali, Schauinsland-Reisen, fi kwalunkwe każ, ma kienet wettqet ebda nuqqas fid-dawl tal-inċertezza dwar l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 li kienet teżisti fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar.

19

GF ippreżenta rikors għal Reviżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju.

20

Din il-qorti tippreċiża li t-twissija lill-vjaġġaturi, flimkien ma’ rakkomandazzjoni lill-pubbliku li jastjenu milli jwettqu kull vjaġġ turistiku lejn id-destinazzjoni tal-vjaġġ previst, kienet ġiet ippubblikata madwar tliet ġimgħat qabel il-bidu tal-pakkett ikkonċernat. Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, kemm l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll din il-pubblikazzjoni ma kinux jaqgħu taħt il-kontroll ta’ Schauinsland-Reisen, u din tal-aħħar ma setgħetx tevita l-konsegwenzi tagħha billi tieħu miżuri raġonevoli.

21

Madankollu, l-ewwel nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-pubblikazzjoni ta’ tali twissija hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex tistabbilixxi riskju għoli ta’ natura li jawtorizza lill-organizzatur tal-vjaġġi jxolji l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikkonċernat mingħajr ma jkun marbut b’kumpens addizzjonali, fid-dawl b’mod partikolari tal-miżuri sanitarji eventwali li jistgħu jostakolaw it-twettiq ta’ dan il-kuntratt ta’ vvjaġġar, jew jekk għandux ikun meħtieġ minn dan l-organizzatur li jevalwa huwa stess ir-riskji, indipendentement minn din it-twissija, billi jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

22

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-argument li jgħid li t-twissija pubblika lill-vjaġġaturi hija ppubblikata minn entità kkwalifikata u imparzjali u li hija inekwivoka, b’tali mod li tissodisfa l-bżonn ta’ ċarezza u ta’ ċertezza legali tal-pubbliku kkonċernat, jista’ jintuża favur in-natura determinanti ta’ din it-twissija. Barra minn hekk, awtorità statali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollha, bħala regola ġenerali, mezzi iktar affidabbli minn impriża sabiex tevalwa s-sitwazzjoni ta’ riskju fil-post ta’ destinazzjoni.

23

Madankollu, il-fatt li, fid-dawl tal-evoluzzjoni kostanti tas-sitwazzjoni sanitarja fid-diversi reġjuni affettwati, it-twissija lill-vjaġġaturi ppubblikata mill-awtoritajiet ma tirriflettix neċessarjament b’mod fidil ir-riskju reali fuq il-post fid-data tal-vjaġġ kkonċernat, jimmilita kontra tali natura determinanti.

24

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-preżenza ta’ twissija lill-vjaġġaturi ta’ livell massimu, l-organizzatur jistax jitqies li huwa “ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt minħabba ċirkostanzi inevitabbli”, fis-sens tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2015/2302, minkejja li bħala prinċipju ma huwiex impossibbli li jiġi eżegwit il-vjaġġ ikkonċernat u li l-klijent ta’ dan l-organizzatur ikun iddikjara li jaċċetta r-riskju identifikat.

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [2015/2302], għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex organizzatur jinvoka ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jipprevjenu l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt [ta’ vvjaġġar], huwa suffiċjenti li l-awtorità awtorizza għal dan il-għan fl-Istat Membru tal-konsumatur toħroġ twissija kontra l-ivvjaġġar tal-ogħla livell fir-rigward tal-pajjiż ta’ destinazzjoni qabel il-bidu tal-vjaġġ previst?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkunx hemm ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jekk il-vjaġġatur, li kellu għarfien tat-twissija kontra l-ivvjaġġar u tal-inċertezza marbuta mal-evoluzzjoni sussegwenti tal-pandemija, iddikjara madankollu x-xewqa li jwettaq il-vjaġġ u jekk ma kienx impossibbli għall-organizzatur li jwettaq l-imsemmi vjaġġ?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26

Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ssospenda dawn il-proċeduri sakemm tingħata d-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza fil-Kawża C‑299/22.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2024, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja nnotifika lill-qorti tar-rinviju s-sentenzi tad-29 ta’ Frar 2024, tez Tour (C‑299/22, EU:C:2024:181), u tad-29 ta’ Frar 2024, Kiwi Tours (C-584/22, EU:C:2024:188), filwaqt li stedinha tindikalu jekk, fid-dawl ta’ dawn is-sentenzi, hija xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

28

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Marzu 2024, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja l-għada, din il-qorti indikat li żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li, għalkemm is-sentenzi msemmija fil-punt preċedenti kienu jipprovdu elementi utli sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula peress li dawn jiċċaraw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” fis-sens tad-Direttiva 2015/2302, hija qieset madankollu essenzjali li jiġi ppreċiżat, barra minn hekk, f’liema kundizzjonijiet organizzatur jista’ jitqies li huwa “ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt” minħabba tali ċirkustanzi, fis-sens tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva (UE) 2015/2302.

Fuq id-domandi preliminari

29

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(3) (b) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit li huwa prekluż milli jeżegwixxi l-kuntratt pakkett ta’ vjaġġar minħabba “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li l-organizzatur ikkonċernat jibbaża ruħu fuq il-pubblikazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ rakkomandazzjoni uffiċjali intiża sabiex tagħti parir lill-vjaġġaturi sabiex imorru fiż-żona kkonċernata, u dan minkejja li l-vjaġġatur ikun iddikjara li xtaq minkejja kollox iżomm il-vjaġġ tiegħu u li ma kienx oġġettivament impossibbli għal dan l-organizzatur li jeżegwixxi dan il-kuntratt ta’ vvjaġġar.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 jipprevedi li l-organizzatur jista’ jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż u jirrimborsa b’mod sħiħ lill-vjaġġatur il-ħlasijiet imwettqa għall-pakkett ikkonċernat, iżda ma huwiex obbligat jagħti kumpens addizzjonali, jekk huwa jkun prekluż milli jeżegwixxi dan il-kuntratt ta’ vjaġġ minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u jekk jinnotifika x-xoljiment tal-imsemmi kuntratt ta’ vjaġġ lill-vjaġġatur mingħajr dewmien eċċessiv qabel il-bidu tal-pakkett.

31

Il-kunċett ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 huwa ddefinit fil-punt 12 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva bħala “sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”.

32

Il-premessa 31 tal-imsemmija direttiva turi l-portata ta’ dan il-kunċett billi ssemmi li “[d]an jista’ jkopri pereżempju gwerra, problemi serji oħra ta’ sigurtà bħat-terroriżmu, riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kondizzjonijiet tat-temp li jagħmluha impossibbli li tivvjaġġa b’mod sikur għad-destinazzjoni kif maqbul fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar”.

33

Mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 12(2)(b) u tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302, kif iċċarati permezz tal-premessa 31 tagħha, jirriżulta li l-eżerċizzju, minn organizzatur, tad-dritt tiegħu li jxolji kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar mingħajr ma jkun meħtieġ kumpens addizzjonali jiddependi biss fuq is-seħħ ta’ ċirkustanzi oġġettivi ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni tal-pakkett ikkonċernat u fuq in-notifika tax-xoljiment tal-kuntratt lill-vjaġġatur mingħajr dewmien eċċessiv qabel il-bidu tal-pakkett. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 31).

34

Barra minn hekk, sa fejn l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa għalhekk suġġett b’mod partikolari għall-kundizzjoni li l-organizzatur ikun “ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt minħabba ċirkostanzi inevitabbli”, din il-kundizzjoni għandha neċessarjament tiġi ssodisfatta fid-data ta’ tali rexissjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 2024, Kiwi Tours, C‑584/22, EU:C:2024:188, punt 27, u tad-29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 65).

35

Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ din il-kundizzjoni sa fejn din tirrigwarda “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, din għandha titqies li ġiet issodisfatta meta tali ċirkustanzi effettivament iseħħu fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikkonċernat, li jimplika li, f’dik id-data, teżisti sitwazzjoni li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, hekk kif iddefinit fil-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 u llustrat fil-premessa 31 ta’ din tal-aħħar. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2024, Kiwi Tours, C‑584/22, EU:C:2024:188, punt 29).

36

Min-naħa l-oħra, ma huwiex awtomatikament suffiċjenti, sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li seħħew tali “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ppubblikaw rakkomandazzjoni uffiċjali intiża sabiex tagħti parir lill-vjaġġaturi sabiex imorru fiż-żona kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 32).

37

Fil-fatt, tali awtomatiżmu jkun kontradittorju man-natura u mal-bażi stess tal-adozzjoni ta’ tali rakkomandazzjonijiet li jirreferu għal finijiet ta’ informazzjoni lill-pubbliku ġenerali, ċirkustanzi oġġettivi li joħolqu riskji sanitarji jew oħrajn, li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, u jikkonstataw l-istess ċirkustanzi għal finijiet ta’ informazzjoni lill-pubbliku ġenerali. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 33).

38

Għaldaqstant, tali rakkomandazzjonijiet ma jirriflettux neċessarjament b’mod fidil is-sitwazzjoni kif tirriżulta oġġettivament f’mument partikolari fil-post fejn il-vjaġġ ikkonċernat għandu jiġi eżegwit, kif enfasizzat ukoll il-qorti tar-rinviju.

39

Għalhekk, filwaqt li jistgħu, min-natura tagħhom, dawn ir-rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet jista’ jkollhom valur probatorju sinjifikattiv fir-rigward tar-realtà tal-okkorrenza, fil-pajjiżi kkonċernati, ta’ tali ċirkustanzi kif ukoll tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett ikkonċernat, dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma jistgħux, madankollu, jingħataw saħħa probatorja sal-punt li jikkostitwixxu, f’dan ir-rigward, provi inkonfutabbli. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 37).

40

Din l-analiżi hija sostnuta mill-oriġini tad-Direttiva 2015/2302. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, kuntrarjament għall-riposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel) u arranġamenti tal-ivvjaġġar assistiti, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004, id-Direttiva 2011/83/UE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE [COM/2013/0512 final], li hija l-oriġini ta’ din id-direttiva u li l-aħħar sentenza tal-premessa 26 tagħha kienet tippreċiża li “[ċ]irkostanzi inevitabbli u straordinarji għandhom b’mod partikolari jitqiesu li jeżistu fejn rapporti kredibbli u pubblikament disponibbli, bħal rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, jagħtu parir kontra l-ivvjaġġar għall-post tad-destinazzjoni.”, l-imsemmija direttiva ma tinkludi, fl-aħħar mill-aħħar, ebda preċiżazzjoni dwar il-valur probatorju, jew dwar is-saħħa probatorja determinanti, ta’ tali rakkomandazzjonijiet.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza, fid-Direttiva 2015/2302, ta’ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ prova fir-rigward tar-realtà ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2)(b) ta’ din id-direttiva, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, u bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-amministrazzjoni tal-prova, il-mezzi ta’ provi ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti jew ukoll il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni, minn tali qorti, tas-saħħa probatorja tal-provi prodotti quddiemha kif ukoll il-livell ta’ prova meħtieġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 38).

42

Madankollu, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-prinċipju ta’ effettività, dan jeżiġi, f’termini ta’ modalitajiet proċedurali li jirregolaw azzjonijiet intiżi għas-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li dawn il-modalitajiet ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tad-29 ta’ Frar 2024, tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 39).

43

Issa, li jiġi aċċettat li l-pubblikazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet uffiċjali intiżi sabiex jagħtu parir lill-vjaġġaturi sabiex imorru fiż-żona kkonċernata hija suffiċjenti awtomatikament sabiex l-organizzatur ikun jista’ jxolji l-kuntratt pakkett ta’ vjaġġar ikkonċernat minħabba “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 12(3) (b) tad-Direttiva 2015/2302 u għalhekk ma jkunx marbut għal kumpens addizzjonali, jista’ jirrendi impossibbli l-eżerċizzju, mill-vjaġġatur, tad-dritt tiegħu għal tali kumpens, sa fejn tali ċirkustanzi jistgħu, fil-mument ta’ tali xoljiment, ma jeżistux jew ma għadhomx jeżistu f’din iż-żona minkejja l-adozzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 40).

44

Għaldaqstant, bla ħsara għall-valur probatorju sinjifikattiv li l-Istati Membri huma liberi li jagħtu, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, lill-imsemmija rakkomandazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ riskju serju għas-saħħa, il-vjaġġatur għandu madankollu jkollu l-possibbiltà li jinvoka elementi li jistgħu jinvalidaw il-valur probatorju tal-istess rakkomandazzjonijiet sabiex jikkontesta, b’dan il-mod, il-fondatezza tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikkonċernat imwettaq mill-organizzatur skont l-Artikolu 12(3) (b) tad-Direttiva 2015/2302.

45

F’dan il-każ, tkun il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-argumenti invokati minn GF, jekk Schauinsland-Reisen setgħetx validament tqis, fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, li kienet fil-preżenza ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji ” fis-sens tal-Artikolu 12(3) (b) tad-Direttiva 2015/2302, inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-pubblikazzjoni, mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, tal-avviż lill-vjaġġaturi ta’ livell massimu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li seħħet minħabba r-riskji sanitarji kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19.

46

Fit-tieni lok, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li kienu effettivament jeżistu, fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli” fis-sens tal-Artikolu 12(3) (b) tad-Direttiva 2015/2302, għandu jiġi ddeterminat, sussegwentement, jekk l-organizzatur kienx “ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba tali ċirkustanzi.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-kliem “ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt”, użati fl-Artikolu 12(3) (b) tad-Direttiva 2015/2302, huma differenti mill-kliem “li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”, użati fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva dwar id-dritt ta’ xoljiment tal-vjaġġatur, kliem li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat bħala li jkopru mhux biss il-konsegwenzi li jeskludu l-possibbiltà stess li jiġi eżegwit il-pakkett ikkonċernat, iżda wkoll dawk li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-pakkett (sentenza tad-29 ta’ Frar 2024, tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 48).

48

Madankollu, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jirrikonoxxu kemm lill-vjaġġatur kif ukoll lill-organizzatur, fil-każ fejn ikunu seħħew ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli, drittijiet ta’ xoljiment li huma speċifiċi għalihom. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 70).

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies, bħall-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat f’dan ir-rigward tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, li, sabiex jiġi kkonstatat li l-organizzatur huwa “ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt” minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli fis-sens tal-Artikolu 12(3) (b) ta’ din id-direttiva, ma huwiex neċessarju li dan isib ruħu, minħabba tali ċirkustanzi, fl-impossibbiltà oġġettiva li jeżegwixxi l-pakkett ikkonċernat. Għall-kuntrarju, huwa biżżejjed li ċ-ċirkustanzi invokati jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-pakkett.

50

Konsegwentement, kriżi sanitarja, bħat-tixrid tal-COVID-19, tista’, fid-dawl tar-riskju serju li hija tirrappreżenta għas-saħħa tal-bniedem, titqies bħala avveniment li minħabba fih l-organizzatur huwa “ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, indipendentement mill-fatt li din ma tkunx neċessarjament ta’ natura li tirrendi din l-eżekuzzjoni oġġettivament impossibbli. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 53).

51

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll miżuri raġonevoli li l-organizzatur, jew il-vjaġġatur innifsu, ikunu ħadu jew jistgħu, jekk ikun il-każ, jieħdu sabiex il-vjaġġ ikkonċernat ikun jista’ jitwettaq minkejja r-riskji sanitarji jew riskji oħra kkawżati miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli invokati mill-organizzatur, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-organizzatur ma jistax jiġi obbligat iġarrab, sabiex iwettaq dan il-vjaġġ fil-preżenza ta’ tali riskji, spejjeż sproporzjonati, fid-dawl tal-valur tas-servizzi tal-ivvjaġġar ikkonċernati.

52

Min-naħa l-oħra, huwa irrilevanti s-sempliċi fatt li l-vjaġġatur iddikjara li ried iżomm l-imsemmi vjaġġ minkejja r-riskji kkonstatati, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk l-organizzatur kienx prekluż milli jeżegwixxi l-kuntratt tal-vjaġġ ikkonċernat għandha tiġi eżaminata b’mod oġġettiv u mhux permezz ta’ evalwazzjonijiet purament suġġettivi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punti 54 u 69).

53

It-tieni nett, l-impediment tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar li jimmanifesta ruħu b’mod definittiv biss fil-mument li fih il-vjaġġ ikkonċernat kellu jseħħ u għalhekk wara d-data tax-xoljiment ta’ dan il-kuntratt ta’ vjaġġ ikkonċernat, l-evalwazzjoni ta’ tali impediment huwa neċessarjament ta’ natura prospettiva. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 2024, Kiwi Tours, C‑584/22, EU:C:2024:188, punt 30, u tad-29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 66).

54

Minn dan isegwi li din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq tbassir f’dak li jirrigwarda l-probabbiltà li l-organizzatur “ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li huwa jinvoka (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 2024, Kiwi Tours, C‑584/22, EU:C:2024:188, punt 31, u tad-29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 67).

55

F’dan il-kuntest, huwa irrilevanti jekk, fl-aħħar mill-aħħar, is-sitwazzjoni prevalenti fil-mument tal-vjaġġ previst kinitx tippermetti jew le l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ ikkonċernat. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2024, Kiwi Tours, C‑584/22, EU:C:2024:188, punt 49).

56

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk Schauinsland-Reisen, fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, setgħetx raġonevolment tqis, b’mod partikolari abbażi tal-avviż lill-vjaġġaturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija probabbilment kienet ser tkun prekluża milli teżegwixxi dan il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż konkluż ma’ GF minħabba riskji sanitarji kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, sa fejn din il-pandemija, mingħajr ma neċessarjament tagħmel l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt ta’ vjaġġ oġġettivament impossibbli, kienet madankollu taffettwaha l-kundizzjonijiet ta’ din l-eżekuzzjoni b’mod sinjifikattiv, u dan mingħajr ma l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ spejjeż proporzjonati setgħet tirrimedja dan.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit li huwa prekluż milli jeżegwixxi kuntratt pakkett ta’ vjaġġar minħabba “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li l-organizzatur ikkonċernat jibbaża ruħu fuq il-pubblikazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ rakkomandazzjoni uffiċjali intiża sabiex tagħti parir lill-vjaġġaturi sabiex imorru fiż-żona kkonċernata, u dan minkejja li l-vjaġġatur ikun iddikjara li xtaq minkejja kollox iżomm il-vjaġġ tiegħu u li ma kienx oġġettivament impossibbli għal dan l-organizzatur li jeżegwixxi dan il-kuntratt ta’ vvjaġġar. Madankollu, tali rakkomandazzjoni ma tistax tikkostitwixxi prova inkonfutabbli f’dan ir-rigward.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

sabiex jiġi stabbilit li huwa prekluż milli jeżegwixxi kuntratt pakkett ta’ vjaġġar minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li l-organizzatur ikkonċernat jibbaża ruħu fuq il-pubblikazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ rakkomandazzjoni uffiċjali intiża sabiex tagħti parir lill-vjaġġaturi sabiex imorru fiż-żona kkonċernata, u dan minkejja li l-vjaġġatur ikun iddikjara li xtaq minkejja kollox iżomm il-vjaġġ tiegħu u li ma kienx oġġettivament impossibbli għal dan l-organizzatur li jeżegwixxi dan il-kuntratt ta’ vvjaġġar. Madankollu, tali rakkomandazzjoni ma tistax tikkostitwixxi prova inkonfutabbli f’dan ir-rigward.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.