|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/769 |
11.2.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-politika dwar l-ilma: insaħħu l-pożizzjoni taż-żgħażagħ, in-nisa, u l-komunitajiet indiġeni u lokali
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2025/769)
Relatur:
Milena ANGELOVAKorelatur:
Ioannis VARDAKASTANIS|
Konsulenti |
Ioannis N. GRIGORIADIS (għall-korelatur) Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA (għar-relatur) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
18.1.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
12.11.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
4.12.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
592 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
189/2/6 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
B’segwitu għall-Opinjoni tal-KESE dwar id-diplomazija blu (1), dan id-dokument jiffoka fuq iż-żgħażagħ, in-nisa, u l-komunitajiet indiġeni u lokali (inklużi l-migranti u l-persuni b’diżabilità), peress li dawn il-gruppi tal-popolazzjoni huma wħud mill-aktar vulnerabbli għall-istress idriku. Madankollu, għandhom potenzjal enormi li għadu ma ġiex sfruttat biex jikkontribwixxu għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, biex jibdlu l-ilma fi strument ta’ paċi u stabbiltà u, b’hekk, biex jikkontribwixxu għad-diplomazija blu. |
|
1.2. |
Il-KESE ġie ispirat mis-sejħa għal Ewropa globali li tisfrutta s-setgħa tas-sħubijiet (2) u laqa’ l-ħatra ta’ Kummissarju tal-UE għall-Ambjent u għar-Reżiljenza tal-Ilma u għal Ekonomija Ċirkolari Kompetittiva. Huwa jistieden lill-UE tagħti l-attenzjoni dovuta lil dawn il-gruppi fir-relazzjonijiet esterni u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha u jissuġġerixxi programm fanal ta’ sħubija biex jiġi indirizzat kif il-pożizzjoni ta’ dawn il-gruppi tista’ tissaħħaħ b’mod integrat , kif deskritt f’aktar dettall fil-punt 4.4 hawn taħt. |
|
1.3. |
L-aċċess għall-ilma nadif, l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-parteċipazzjoni fit-tfassil tal-politika huma elementi ewlenin tat-tisħiħ tal-pożizzjoni. Huwa kruċjali aċċess aħjar għas-servizzi tal-ilma, is-sanità u l-iġjene (servizzi WASH), peress li b’hekk ikun hemm akar ħin għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u joffri għażliet aktar varjati għall-impjieg kif ukoll il-kapaċità ta’ kontribut għall-ġestjoni tal-ilma u l-politiki relatati. Teknoloġiji ġodda flimkien ma’ għarfien indiġenu – użati u applikati b’mod rispettuż – u finanzjament adegwat u ffukat huma faċilitaturi meħtieġa tat-tisħiħ tal-pożizzjoni, u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ambjent jipprovdu l-qafas legali għal dan. Il-kampanji ta’ informazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-ilma jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni. |
|
1.4. |
It-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ jirrikjedi perspettiva pożittiva għall-futur f’termini ta’ edukazzjoni u impjieg, li tibda mill-edukazzjoni primarja u testendi għat-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja. Minbarra l-kompetenzi relatati mal-ilma, iż-żgħażagħ għandhom jingħataw ħiliet ġenerali ċiviċi, ta’ ċittadinanza u intraprenditorjali, sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-ġestjoni tal-ilma, l-impjieg u t-tfassil tal-politika, bħala l-ixpruni tal-bidla tal-lum u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-futur (3). F’ċerti komunitajiet, bħal f’dawk indiġeni, iż-żgħażagħ jingħataw pożizzjoni ta’ tmexxija mill-komunitajiet tagħhom stess u jistgħu jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenza tagħhom. |
|
1.5. |
Il-provvista adegwata tas-servizzi WASH hija fundamentali għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, meta jiġi kkunsidrat li fil-biċċa l-kbira taż-żoni bi stress idriku qawwi, il-piż jaqa’ fuq in-nisa u l-bniet biex isibu soluzzjonijiet għad-detriment tal-edukazzjoni, it-taħriġ, il-prospetti ta’ impjieg u l-iżvilupp personali tagħhom. L-ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni, ix-xogħol, l-awtoritajiet u l-intraprenditorija hija fattur vitali ieħor. Jeħtieġ li tingħata l-attenzjoni dovuta lil kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inkluża l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-fastidju. Sabiex tkun tista’ sseħħ l-intraprenditorija tan-nisa, huwa meħtieġ li jingħata aċċess ugwali għall-infrastruttura, l-art u l-finanzi u li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet kummerċjali mingħajr korruzzjoni. In-nisa għandhom jiġu mħeġġa u appoġġjati wkoll biex ikollhom pożizzjonijiet ta’ tmexxija fil-politika u n-negozju, u fi kwalunkwe organizzazzjoni li tikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-ilma u d-diplomazija blu. |
|
1.6. |
Huma neċessarji pjattaformi konkreti għal djalogu sinifikattiv bejn il-gruppi indiġeni u l-gvernijiet nazzjonali jew lokali, flimkien ma’ involviment aktar proattiv u sistematiku tal-popli indiġeni fil-proċessi ta’ kooperazzjoni internazzjonali. Il-komunitajiet lokali jridu jingħataw aċċess għall-infrastruttura, l-informazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali għandhom ikunu involuti fil-proċessi tat-tfassil tal-politika lokali, billi jinvolvu u jawtonomizzaw lill-gruppi indiġeni (4). |
|
1.7. |
It-teknoloġija blu u dik diġitali huma strumentali għat-titjib tal-ġestjoni tal-ilma u l-aċċess għall-ilma nadif u s-sanità. Minħabba n-natura kritika tas-sistemi tal-ilma, tal-enerġija u diġitali u l-interkonnessjonijiet bejniethom, jeħtieġ li l-infrastruttura tiġi żviluppata fl-intier tagħha. Il-protezzjoni tas-sorsi, il-preżervazzjoni tal-artijiet mistagħdra (5), il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis u l-bijokontaminazzjoni huma vitali għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma. Ħafna gruppi indiġeni, għadhom japplikaw etika b’saħħitha tal-amministrazzjoni tal-ilma u l-involviment tagħhom huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ilma li qegħdin jikbru. |
|
1.8. |
Sħubija sinifikanti u l=finanzjament huwa kruċjali fl-iżvilupp tal-infrastruttura, l-edukazzjoni u l-bini tal-kapaċitajiet ġenerali. Kemm il-fondi tal-UE kif ukoll il-programmi tad-donaturi nazzjonali għandhom rwol kruċjali hawnhekk u l-koordinazzjoni hija vitali biex jinħolqu sinerġiji u jsir l-aħjar użu mir-riżorsi allokati. Huwa importanti li jiġu skambjati prattiki tajbin u li jiġu pprovduti inċentivi għall-programmi tad-donaturi biex jibqgħu fis-settur tal-ilma, u biex jiġu inklużi wkoll ix-xmajjar, il-lagi u ekosistemi oħrajn ta’ artijiet mistagħdra, peress li dawn huma riżorsi kruċjali tal-ilma. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi mmappjat u mmonitorjat l-użu tal-fondi u li jiġi żgurat li l-finanzjament ikun effettiv u jappoġġja t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-gruppi vulnerabbli. |
2. Kuntest ġenerali u kamp ta’ applikazzjoni
|
2.1. |
Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja hija segwitu għall-Opinjoni tal-KESE dwar id-diplomazija blu (6) u tibni fuq ir-rwol ċentrali tagħha fl-inizjattiva tal-KESE li jistieden lill-UE tiffoka fuq l-ilma bħala riżorsa li qiegħda ssir dejjem aktar skarsa b’importanza ewlenija għall-futur globali u tippromovi Patt Blu biex jiżdiedu s-sigurtà, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà relatati mal-ilma, kemm fl-UE kif ukoll madwar id-dinja (7). |
|
2.2. |
L-ilma huwa kruċjali għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem u n-NU jirrikonoxxu l-aċċess għall-ilma u s-sanità bħala dritt fundamentali tal-bniedem. Il-protezzjoni tax-xmajjar, il-lagi, l-artijiet mistagħdra u l-akwiferi (8), u l-iżgurar ta’ servizzi adegwati, aċċessibbli u affordabbli tal-ilma, is-sanità u l-iġjene huma essenzjali għas-saħħa pubblika u għall-iżvilupp tal-bniedem. Madankollu, l-istress idriku globali, il-problemi u r-riskji tiegħu qegħdin jiżdiedu minħabba l-ġestjoni mhux sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma, il-kriżi klimatika u l-popolazzjoni li qiegħda tiżdied b’riżultat ta’ rati għoljin tat-twelid jew migrazzjoni minn pajjiżi oħrajn. Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, l-ilma sar assi strateġiku kritiku. |
|
2.3. |
Il-politika dwar l-ilma ma tistax tiġi kkunsidrata waħedha, peress li l-ilma huwa parti intrinsika mill-produzzjoni tal-ikel, tal-enerġija u dik industrijali, u huwa marbut ma’ kwistjonijiet tas-saħħa, tal-klima, tal-bijodiversità u oħrajn relatati mal-ambjent. Barra minn hekk, għandu dimensjonijiet prominenti tal-ġeneru, interġenerazzjonali u interkulturali. L-ilma huwa vitali: mingħajru, m’hemmx ħajja. Huwa komponent indispensabbli tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli kollha tal-Aġenda 2030 tan-NU. Il-politika dwar l-ilma għalhekk għandha titqies mhux biss bħala qasam ta’ politika waħedha, iżda wkoll bħala dimensjoni orizzontali li għandha tiġi integrata fil-politiki kollha, kif mitlub fil-Prinċipju 1 tad-Dikjarazzjoni tal-KESE għal Patt Blu tal-UE (9). Ilkoll għandna bżonn ninteressaw ruħna fil-problema qabel ma l-ilma jsir rari. |
|
2.4. |
Iż-żgħażagħ, in-nisa u l-komunitajiet indiġeni u lokali (inklużi l-migranti u l-persuni b’diżabilità) huma fost l-aktar vulnerabbli għall-istress idriku u ħafna drabi jbatu l-aktar f’hotspots bi stress idriku. Għalhekk, dawn il-gruppi jridu jirċievu aktar attenzjoni fi strateġiji u politiki ġodda u kooperazzjoni internazzjonali dwar l-ilma, biex tiġi żgurata provvista tal-ilma nadif u servizzi adegwati, aċċessibbli u affordabbli tal-ilma, is-sanità u l-iġjene, ġestjoni sostenibbli tal-ilma, ambjent ta’ għajxien tajjeb għas-saħħa u żvilupp soċjali konsegwenti għal kulħadd. Min-naħa l-oħra, dawn il-gruppi għandhom potenzjal enormi li għadu ma ġiex sfruttat biex jikkontribwixxu għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u għall-prevenzjoni u għar-riżoluzzjoni tal-konflitti relatati mal-ilma, abbażi tal-esperjenza, tal-prattiki u tal-approċċi tagħhom għall-amministrazzjoni tal-art. Dawn jistgħu jservu bħala atturi u aġenti kruċjali u għandhom jiġu rikonoxxuti kemm fil-livell tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll f’dak operazzjonali. |
|
2.5. |
Filwaqt li hemm hotspots sinifikanti ta’ stress idriku fil-fruntieri tal-UE, in-natura wiesgħa u serja tal-istress idriku globali u t-tensjonijiet u l-kunflitti relatati tirrikjedi azzjoni globali u soluzzjonijiet li jiġu implimentati permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali. Dan huwa partikolarment importanti fil-każ ta’ korpi tal-ilma transkonfinali u riżorsi tal-ilma kondiviżi, sabiex l-ilma jkun jista’ jinbidel fi strument ta’ paċi aktar milli ta’ kunflitt. |
|
2.6. |
Il-problemi relatati mal-ilma f’pajjiżi barranin jaffettwaw ħafna lill-UE, direttament jew indirettament, u joffru inċentiv qawwi għal diplomazija blu attiva permezz tar-relazzjonijiet esterni tagħha, inklużi sħubijiet internazzjonali u kooperazzjoni multilaterali fis-sistema tan-NU (eż. il-FAO, il-WHO, l-UNESCO, l-ILO, l-UNIDO, u l-UNDP). |
|
2.7. |
Huma meħtieġa sforzi speċifiċi biex tiġi indirizzata l-iskarsezza severa tal-ilma f’partijiet kbar tal-Afrika sub-Saħarjana, mhux biss minħabba li din hija sitwazzjoni allarmanti li tirrifletti tajjeb l-isfidi globali iżda wkoll minħabba li l-problemi li qiegħda tiffaċċja l-Afrika llum jew għada ser jaslu ma’ bieb l-UE. Pereżempju, l-iskarsezza tal-ilma u l-kunflitti relatati x’aktarx li jiġġeneraw flussi migratorji tassew kbar ħafna mill-Afrika lejn l-UE, filwaqt li flussi migratorji sinifikanti jista’ wkoll ikollhom impatt fuq żoni eżistenti ta’ stress idriku fl-Afrika u fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (MENA), u b’hekk jamplifikaw il-pressjoni. Dan jenfasizza l-kumplessità tal-migrazzjoni kkawżata mill-klima u l-ilma, u jirrikjedi li l-UE tindirizzaha f’ħinha u b’mod proattiv. |
|
2.8. |
Il-KESE jissottolinja l-fatt li l-isfidi relatati mal-ilma huma ta’ natura wiesgħa, diversa u kumplessa. In-nixfa hija wkoll problema li qiegħda tikber għal għadd ta’ reġjuni, inkluż fil-Lvant Nofsani, fl-Asja Ċentrali u fl-Amerka Latina. Fl-istess ħin, xita li tinżel b’mod irregolari tagħti lok għal sfidi addizzjonali. Bosta pajjiżi fl-Ewropa, fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerka Latina, kif ukoll ċerti pajjiżi gżejjer, huma esposti għal għargħar frekwenti tant severi li jistgħu jibdlu l-ħajja tan-nies. Hija responsabbiltà pubblika vitali li dawk affettwati jiġu pprovduti bi twissijiet bikrija u prattiki ta’ rispons urġenti, u jsir l-aħjar użu mit-teknoloġiji l-ġodda biex jiġu salvati l-ħajjiet u biex il-komunitajiet esposti jiġu megħjuna jissopravivu. |
|
2.9. |
Il-kwalità tal-ilma li sejra għall-agħar hija problema dejjem aktar importanti, peress li tipperikola s-sors tal-għajxien għall-komunitajiet lokali f’bosta żoni. Il-korpi tal-ilma, ix-xmajjar, il-lagi u l-akwiferi transkonfinali spiss iġorru sustanzi niġġiesa minn pajjiż jew reġjun għal ieħor, ikkawżati wkoll minn nuqqas ta’ għarfien u infrastruttura, li mhux biss jaffettwa l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ bosta nies iżda jikkawża wkoll tensjonijiet bejn il-pajjiżi. |
3. Rikonoxximent tal-ħtiġijiet u tal-potenzjal taż-żgħażagħ, tan-nisa u tal-komunitajiet indiġeni u lokali (inklużi l-migranti u l-persuni b’diżabilità)
3.1. Elementi ewlenin u faċilitaturi tat-tiħiħ tal-pożizzjoni
|
3.1.1. |
Il-mezzi għall-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom f’żoni ta’ stress idriku, u l-isfruttar ulterjuri tal-potenzjal tagħhom li jaġixxu u jinfluwenzaw huma simili fil-gruppi kollha. L-elementi ewlenin jinkludu l-aċċess għall-ilma nadif u għas-sanità, is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-impjieg, l-ispazji sikuri maħluqa għall-iskambju tal-għarfien u l-parteċipazzjoni fit-tfassil tal-politika, ilkoll abilitati u appoġġjati minn teknoloġiji ġodda, finanzjament adegwat u regoli adatti. |
|
3.1.2. |
Aċċess adatt għas-servizzi WASH jipprovdi aktar opportunitajiet għal ħajja aħjar billi jipprevjeni iġjene ħażina u kontaminazzjoni tas-sors tal-ilma u billi jtejjeb l-aċċess għal ilma tax-xorb nadif. Dan japplika b’mod partikolari għan-nisa u l-bniet, peress li normalment il-piż jaqa’ fuqhom biex isibu soluzzjonijiet għal kwistjonijiet relatati mal-ilma minħabba t-tradizzjoni u n-normi soċjali. Barra minn hekk, f’ħafna żoni ta’ stress idriku, proporzjon kbir ta’ nisa u żgħażagħ jaħdmu fl-agrikoltura f’żoni li jbatu minn skarsezza tal-ilma. |
|
3.1.3. |
L-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet huma elementi essenzjali oħrajn tat-tisħiħ tal-pożizzjoni. Filwaqt li l-aċċess adegwat għall-ilma jħalli spazju għall-edukazzjoni, l-edukazzjoni żżid il-kapaċità li jsir kontribut għall-ġestjoni u għat-tmexxija sostenibbli tal-ilma u toħloq għażliet aktar diversi għall-impjieg. Irid ikun hemm disponibbli sett wiesa’ ta’ opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ biex iwieġeb għall-ħtieġa ta’ ħiliet relatati mal-ilma, minn ħiliet bażiċi sa kompetenzi professjonali ta’ livell għoli, skont iċ-ċirkostanzi u l-ambizzjoni, u b’hekk jiġi żgurat ukoll li l-UE tkun fuq quddiem nett f’teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-ilma. Minbarra l-edukazzjoni formali, għandu jitħeġġeġ l-immudellar pożittiv, jissaħħu n-networks bejn il-pari u l-apprendiment approfondit jiġi ggwidat billi jiġu permessi t-trasferiment u l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza. |
|
3.1.4. |
Madankollu, il-gruppi vulnerabbli ma għandhomx jitqiesu bħala sempliċiment il-mira tal-isforzi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Dawn il-gruppi għandhom ħiliet, għarfien u esperjenza speċifiċi li jistgħu jgħinu jtejbu l-ġestjoni tal-ilma u t-tfassil tal-politika. Dan jamplifika l-importanza li jiġu involuti fil-proċessi tal-ippjanar, it-teħid ta’ deċiżjonijiet, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-politika. Għal dan l-għan, l-istrutturi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet jeħtieġ li jippermettu interazzjoni u involviment reali u effettiv li jinkludu ilħna differenti, lil hinn minn sempliċi informazzjoni minn fuq għal isfel jew konsultazzjoni minn isfel għal fuq unilaterali. |
|
3.1.5. |
Il-parteċipazzjoni ta’ dawn il-gruppi fid-diplomazija fil-qasam tal-ilma seħħet prinċipalment permezz ta’ konnessjonijiet bejn l-atturi tas-soċjetà ċivili. Huwa importanti li jissaħħaħ aktar dan it-tip ta’ diplomazija blu “Track II” (10) iżda fl-istess ħin l-ilħna lokali jiġu konnessi mad-diplomazija fil-livell tal-gvern ta’ “Track I” (11). Dan jista’ jiżgura li l-ilħna tal-gruppi vulnerabbli fil-fatt qegħdin jinstemgħu, l-interessi tagħhom qegħdin jiġu kkunsidrati, u l-potenzjal tagħhom qiegħed jiġi sfruttat. |
|
3.1.6. |
It-teknoloġiji l-ġodda jipprovdu impetu ġdid, kemm għat-titjib tal-ġestjoni tal-ilma kif ukoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-gruppi vulnerabbli. It-teknoloġiji blu innovattivi joffru mezzi ġodda biex jiġu żviluppati l-provvisti tal-ilma, jiġu pprevenuti l-iskarsezza u t-tniġġis tal-ilma u ssir tħejjija għar-riskji relatati mal-ilma, inklużi kundizzjonijiet tat-temp estremi kkawżati mit-tibdil fil-klima. It-teknoloġiji diġitali huma parti essenzjali minn dawn is-soluzzjonijiet, u l-adozzjoni tagħhom tipprovdi wkoll approċċi aktar inklużivi għall-edukazzjoni, għall-komunikazzjoni u għall-parteċipazzjoni. Peress li l-elettrifikazzjoni hija rekwiżit bażiku, bħad-distribuzzjoni tal-ilma u l-konnessjonijiet diġitali, l-infrastruttura tal-ilma, tal-enerġija u dik diġitali jridu jiġu żviluppati flimkien, sabiex tinkiseb soċjetà intelliġenti fl-użu tal-ilma (12). Il-kampanji ta’ informazzjoni għall-użu sostenibbli tal-ilma u għall-protezzjoni tas-sorsi u għall-iżvilupp ta’ mudelli intelliġenti fl-użu tal-ilma jistgħu jkomplu jiffaċilitaw soluzzjonijiet integrati tal-ilma. |
|
3.1.7. |
Sħubijiet sinifikanti u l-finanzjament relatat għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-infrastruttura għall-provvista tal-ilma, tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-bini tal-kapaċitajiet b’mod ġenerali. L-aċċess għall-finanzi huwa wkoll prerekwiżit għall-intraprenditorija u l-iżvilupp tan-negozju. Minbarra l-fondi tal-UE, l-aġenziji nazzjonali u l-finanzjament għall-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp għandhom rwol ewlieni hawnhekk. Koordinazzjoni mill-qrib toħloq sinerġiji u tgħin jinkisbu riżultati aħjar. Huwa vitali li jiġu skambjati prattiki tajbin u li l-programmi tad-donaturi nazzjonali jiġu inċentivati biex jintrabtu aħjar mal-ħtiġijiet lokali. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi mmappjat u mmonitorjat l-użu tal-fondi u li jiġi żgurat li l-finanzjament ikun effettiv u jappoġġja t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-gruppi vulnerabbli, inkluż permezz tal-provvista tal-ilma, l-edukazzjoni, u s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet tal-ilma bħall-ħtieġa tas-sanità u tal-prevenzjoni tat-tniġġis. |
|
3.1.8. |
Il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ambjent jipprovdu l-qafas legali għall-protezzjoni u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-gruppi vulnerabbli u dawk sottorappreżentati fi kwistjonijiet tal-ilma. Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jiġu implimentati dawn ir-regoli fil-pajjiżi u għall-proġetti kollha. Huwa importanti wkoll li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet relatati mal-ilma fost il-gruppi vulnerabbli nfushom, fl-istess ħin li jiġu miġġielda l-istereotipi preġudikati u l-propaganda |
3.2. Sfruttar tal-potenzjal taż-żgħażagħ
|
3.2.1. |
Mill-popolazzjoni globali tal-lum ta’ 8 biljun persuna, madwar 1,8 biljun persuna għandhom bejn 10 snin u 24 sena, u dan in-numru qiegħed jiżdied (13). Peress li l-maġġoranza l-kbira ta’ dan il-grupp jgħixu f’pajjiżi b’suq emerġenti, u jikkostitwixxu proporzjon kbir tal-popolazzjonijiet tagħhom, iż-żgħażagħ huma ta’ importanza kruċjali kemm bħala miri kif ukoll bħala atturi fil-politika dwar l-ilma. It-titjib tal-opportunitajiet tagħhom jitlob firxa wiesgħa ta’ miżuri, kif indikat, pereżempju, mill-inizjattiva li tgħin liż-żgħażagħ tal-Uganda jgħollu l-istandards tagħhom ta’ edukazzjoni u taħriġ u jkollhom aċċess għall-ikel u għall-ilma sabiex tiġi żgurata ġenerazzjoni ġdida ispirata mit-twemmin, mit-tama u mill-imħabba, li tittrasforma l-komunitajiet tagħhom (14). |
|
3.2.2. |
It-tkabbir fil-popolazzjoni jfisser żieda fil-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma u l-ħtieġa li jiġu identifikati kemm ir-riskji eżistenti kif ukoll dawk futuri għas-sorsi tal-ilma. Dan jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-għarfien, il-fehim u l-ħiliet relatati mal-aċċess għas-sorsi tal-ilma u l-protezzjoni tagħhom, u konsegwentement l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli tal-ilma. Filwaqt li ż-żgħażagħ jistennew kundizzjonijiet tal-għajxien kif imiss u perspettiva għal futur pożittiv f’termini ta’ professjonijiet u impjiegi, huma lesti wkoll li jikkontribwixxu għall-iżvilupp pożittiv u għar-reżiljenza tal-komunitajiet u tal-pajjiżi tagħhom. Bosta drabi huma aġenti għall-bidla u xpruni tal-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali. |
|
3.2.3. |
Fir-rigward tat-tfassil tal-politika, iż-żgħażagħ għandhom il-potenzjal li jisfidaw l-istrutturi u l-proċeduri eżistenti u jintroduċu ideat ġodda jekk jingħataw l-opportunità. Huma jistgħu jgħinu wkoll biex jissuġġerixxu soluzzjonijiet innovattivi għas-servizzi WASH u għall-ġestjoni tal-ilma. Barra minn hekk, huma kapaċi u lesti li jagħmlu konnessjonijiet bejn persuni minn fruntieri differenti, u b’hekk isaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali. |
|
3.2.4. |
Madankollu, hemm diversi ostakli għall-involviment attiv taż-żgħażagħ f’attivitajiet u governanza relatati mal-ilma, bħal:
|
|
3.2.5. |
Biex jegħlbu dawn l-ostakli u oħrajn, iż-żgħażagħ jeħtieġu opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, li jibdew minn età bikrija ħafna. Dan jirrikjedi riżorsi suffiċjenti f’termini ta’ għalliema disponibbli fil-komunitajiet lokali u faċilitajiet ta’ edukazzjoni mill-bogħod. Dan jirrikjedi wkoll opportunitajiet għaż-żgħażagħ, u b’mod partikolari għall-bniet u n-nisa, biex ikunu jistgħu jaċċessaw it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja. Għandu jkun hemm enfasi fuq programmi edukattivi speċifiċi għaż-żgħażagħ li jinkorporaw il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u d-diplomazija fil-qasam tal-ilma fil-kurrikulu tagħhom, biex jiġi żgurat li l-ġenerazzjoni li jmiss tkun konxja tal-isfidi preżenti u futuri relatai mal-ilma u tkun imħejjija tajjeb biex tindirizzahom. Sabiex jiġi żgurat impatt usa’, l-għodod u l-pjattaformi diġitali għandhom jiġu sfruttati biex jagħtu spinta lill-involviment taż-żgħażagħ f’żoni remoti muntanjużi, fi gżejjer u f’żoni mhux moqdija biżżejjed, billi jipprovdulhom aċċess għall-fora tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tfassil tal-politika. |
|
3.2.6. |
Minbarra l-kompetenzi relatati mal-ilma, iż-żgħażagħ għandhom jiġu pprovduti b’ħiliet ċiviċi u ta’ ċittadinanza ġenerali sabiex ikunu jistgħu jinfluwenzaw aħjar il-ġestjoni tal-ilma u t-tfassil tal-politika rigward dan il-qasam, u jipparteċipaw b’mod effettiv fihom. L-edukazzjoni ċivika hija meħtieġa wkoll mill-perspettiva tat-tħejjija għall-futur, meta wieħed jikkunsidra li ż-żgħażagħ huma l-mexxejja ta’ għada, u din tgħinhom ikunu parti mill-politika pubblika tal-lum (15). Huma għandhom jingħataw ukoll ħiliet intraprenditorjali u jiġu mħeġġa u appoġġjati jistabbilixxu n-negozji, u b’hekk jikkontribwixxu għall-impjiegi. |
3.3. Tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa
|
3.3.1. |
Madwar id-dinja, huma n-nisa u l-bniet li primarjament jiġu esposti għall-istress idriku (16), peress li tradizzjonalment għandhom l-inkarigu kruċjali li jiġbru l-ilma. Iċ-ċifri juru li:
|
|
3.3.2. |
Hemm evidenza xjentifika li aċċess aħjar għas-servizzi WASH jippermetti li n-nisa jkollhom kontroll akbar fuq ħajjithom fil-livell personali, domestiku u dak komunitarju, liema aċċess isaħħaħ il-komunitajiet, billi:
|
|
3.3.3. |
Biex in-nisa u l-bniet jinħelsu mill-obbligu li jiffukaw biss fuq l-issodisfar tal-ħtiġijiet bażiċi tal-familji tagħhom f’żoni ta’ stress idriku u biex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tas-sorsi tal-ilma, sistemi ta’ ġestjoni tal-ilma u tal-ilma mormi aktar avvanzati huma ta’ importanza fundamentali. |
|
3.3.4. |
L-aċċess għall-edukazzjoni u diversi opportunitajiet ta’ tagħlim jikkostitwixxu pilastru ieħor għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fi kwistjonijiet dwar l-ilma. Jeħtieġ li tingħata wkoll l-attenzjoni dovuta lil opportunitajiet tax-xogħol diversifikati u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għan-nisa, inkluża l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, tal-fastidju u ta’ kwalunkwe tip ta’ trattament ħażin. Barra minn hekk, in-nisa għandhom jingħataw possibbiltajiet sħaħ għall-intraprenditorija. Minbarra l-edukazzjoni, dan jirrikjedi aċċess permess mil-liġi għall-infrastruttura, għall-art, għar-riżorsi naturali u għall-finanzi. Il-mikrofinanzjament jista’ jkun għodda siewja f’dan ir-rigward. |
|
3.3.5. |
L-opportunitajiet indaqs għall-edukazzjoni, għat-taħriġ, għax-xogħol u għall-intraprenditorija huma parti mill-iżgurar ta’ ugwaljanza aħjar bejn il-ġeneri b’mod ġenerali, li ħafna drabi tkun diffiċli, peress li hija relatata mal-kultura u mal-attitudnijiet tal-komunità. Għalhekk huwa vitali li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll li jiġu identifikati l-ostakli strutturali għaliha. |
|
3.3.6. |
Filwaqt li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem, hija essenzjali wkoll biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-popolazzjonijiet biex jissaħħaħ il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali. Peress li n-nisa ħafna drabi jkunu responsabbli biex jiżguraw li l-attivitajiet ta’ kuljum isiru bla xkiel u li l-ħtiġijiet u r-riżorsi differenti jkunu kompatibbli ma’ xulxin, huma għandhom punti ta’ tluq tajbin għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u d-diplomazija blu u biex jiżguraw li jiġi inkluż sett usa’ ta’ valuri fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw l-ilma. Dan japplika kemm għall-ġestjoni tal-ilma fil-livell prattiku kif ukoll għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u għad-diplomazija fil-livell politiku (21). Għalhekk in-nisa għandhom jiġu mħeġġa u appoġġjati jfittxu karriera f’dan il-qasam. |
|
3.3.7. |
In-nisa għandhom jingħataw aċċess għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija, u jiġu mħeġġa jiksbu għarfien espert tekniku u legali u ħiliet ta’ tmexxija biex jisfruttaw il-potenzjal tagħhom fil-politika, fin-negozju, fit-tielet settur u kwalunkwe organizzazzjoni oħra li tikkontribwixxi għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u għad-diplomazija blu. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti programmi speċifiċi ta’ mentoraġġ għan-nisa fil-ġestjoni tal-ilma biex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għal opportunitajiet ta’ tmexxija u titrawwem il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livelli kollha. Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi appoġġjata l-fiduċja fihom infushom u l-iżvilupp tal-karriera tan-nisa, inkluż permezz ta’ networking fil-livelli kollha, minn lokali sa internazzjonali. Eżempji eżistenti huma n-network Women in Water Diplomacy (In-nisa fid-diplomazija fil-qasam tal-ilma) fir-reġjun tan-Nil u n-network Women in Water Management in Central Asia and Afghanistan (In-nisa fil-ġestjoni tal-ilma fl-Asja Ċentrali u l-Afganistan). Dawn in-networks huma komunità ta’ prattika; l-għan ġenerali tal-ewwel network huwa t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u t-tmexxija fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ livell għoli f’baċiri idrografiċi transkonfinali. |
3.4. Involviment tal-komunitajiet indiġeni u lokali (inklużi l-migranti u l-persuni b’diżabilità)
|
3.4.1. |
Il-popli indiġeni jammontaw għal 5 fil-mija tal-popolazzjoni dinjija, u jokkupaw, jippossjedu jew jiġġestixxu madwar 20-25 fil-mija tas-superfiċe tal-art tad-dinja (22). It-territorji indiġeni jinkludu bosta sorsi kruċjali ta’ ilma, bħal torrijiet tal-ilma, artijiet mistagħdra u xmajjar li amministraw għal eluf ta’ snin, li ħafna drabi ma ġewx rikonoxxuti minn dawk li bbenefikaw minn tali sforzi. Huma fost l-ewwel persuni li ffaċċjaw problemi relatati mal-ilma minħabba d-dipendenza wiesgħa tagħhom mir-riżorsi naturali u l-ekosistemi. Huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti tar-riskji tal-ilma fis-sigurtà tal-ikel, bħall-effetti fuq is-sajd, il-kaċċa u l-opportunitajiet ta’ ragħa għall-bhejjem. Dawn il-problemi ħafna drabi jkunu relatati ma’ nixfiet jew għargħar, filwaqt li fiż-żona tal-Artiku, il-possibbiltajiet ta’ kaċċa huma limitati mit-tidwib tas-silġ ikkawżat mit-tibdil fil-klima, li jipprevjeni ċ-ċaqliq fuq is-silġ. |
|
3.4.2. |
In-nisa indiġeni ħafna drabi jħabbtu wiċċhom ma’ problemi addizzjonali minħabba l-oriġini etnika, il-ġeneru jew l-identità indiġena tagħhom. Dan jimmanifesta ruħu bħala fastidju, vjolenza, diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, u nuqqas ta’ drittijiet politiċi u ġudizzjarji, inklużi s-sjieda tal-art u l-aċċess għar-riżorsi naturali (23). Minkejja dan, f’bosta komunitajiet, in-nisa indiġeni huma dawk li għandhom l-għarfien dwar l-ilma u l-inklużjoni sinifikattiva tagħhom hija kruċjali. |
|
3.4.3. |
Il-popli indiġeni normalment ikollhom relazzjoni dejjiema u profonda mal-ilma, mal-art u mal-artijiet mistagħdra, u għarfien uniku ta’ kif jippreżervaw, jipproteġu u jużaw dawn ir-riżorsi b’mod sostenibbli, ħafna drabi f’rabta mal-obbligi tagħhom stess li jipproteġu l-art bħala parti mir-rabta tagħhom mar-reġjuni tagħhom. Pereżempju, fl-Andi Peruvjani, il-komunitajiet indiġeni jħawlu għadd kbir ta’ nebbieta ta’ siġar tal-Queuña li jikbru malajr u li huma reżistenti fuq l-għoljiet weqfin tal-muntanji biex jipprevjenu l-erożjoni u jaħżnu u jiffiltraw l-ilma li jalimenta n-nixxigħat u l-artijiet mistagħdra fid-direzzjoni tagħhom (24). L-għarfien tal-popli indiġeni, li jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra u ħafna drabi permezz ta’ tradizzjonijiet bil-fomm, irid jitqies bħala sors ta’ ispirazzjoni li għandu jiġi esplorat u użat permezz ta’ sħubijiet sinifikattivi f’bosta kuntesti, inkluż fid-diplomazija fil-qasam tal-ilma. |
|
3.4.4. |
Min-naħa l-oħra, huwa essenzjali li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali li huma relatati mal-għarfien u mal-espressjonijiet tradizzjonali. Dan japplika għall-invenzjonijiet ibbażati fuq it-tradizzjoni, l-espressjonijiet kulturali, id-disinn tal-prodotti, ir-riċetti u l-oriġini ġeografika tal-oġġetti u s-servizzi (25). |
|
3.4.5. |
Minkejja l-avvanzi reċenti, hemm ħtieġa ċara ta’ pjattaformi proattivi għal djalogu sinifikattiv bejn il-gruppi indiġeni u l-gvernijiet nazzjonali u lokali, kif ukoll mal-komunità internazzjonali, fir-rigward tal-prattika marbuta mal-ilma. Djalogu adatt ibbażat fuq interessi u ftehim kondiviżi huwa essenzjali sabiex jinbnew relazzjonijiet fit-tul, fiduċja aktar profonda u rispett reċiproku bejn il-gvernijiet u l-komunitajiet indiġeni, inklużi n-nisa u ż-żgħażagħ. Id-deċiżjonijiet fil-livell internazzjonali ħafna drabi ma jikkunsidrawx il-perspettivi, l-għarfien jew is-soluzzjonijiet tal-popli indiġeni. Għalhekk, l-involviment sistematiku tal-popli indiġeni fil-kooperazzjoni internazzjonali huwa meħtieġ ukoll biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem tagħhom jiġu rispettati, u li l-potenzjal ta’ dawn il-gruppi jiġi esplorat bis-sħiħ. |
|
3.4.6. |
Kwalunkwe komunità lokali fi kwalunkwe reġjun trid tingħata aċċess għall-infrastruttura, għall-informazzjoni u għall-edukazzjoni. Madankollu, is-soluzzjonijiet prattiċi għandhom iqisu kif imiss il-kundizzjonijiet lokali u l-livell ta’ żvilupp, peress li l-ħtiġijiet u l-possibbiltajiet tan-nies li jgħixu f’żoni muntanjużi, gżejjer u rħula żgħar u iżolati mingħajr aċċess adatt għall-ilma huma ferm differenti minn dawk f’żoni aktar żviluppati, u kull kuntest se jitlob soluzzjonijiet adattati għall-kuntest. Peress li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali ħafna drabi jkollhom rwol importanti fi kwistjonijiet relatati mal-ilma u biex jgħinu lill-gruppi vulnerabbli, għandhom ikunu involuti fil-proċessi tat-tfassil tal-politika lokali. |
4. Opportunitajiet ta’ sħubija għall-UE
|
4.1. |
L-UE għandha rwol ċentrali fl-indirizzar tal-istress idriku globali permezz tar-relazzjonijiet esterni u tas-sħubijiet internazzjonali tagħha, ikkomplementati minn programmi nazzjonali tad-donaturi. Abbażi tal-qafas legali avvanzat tagħha, il-kapaċità teknoloġika u r-rwol ewlieni tagħha bħala donatur f’dan il-qasam, l-UE tista’ tikkontribwixxi b’mod wiesa’ għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma, tal-aċċess għall-ilma u s-sanità, għall-edukazzjoni u t-taħriġ, għall-governanza tal-ilma u għar-riżoluzzjoni tal-konflitti. F’dan il-kuntest, l-UE tista’ wkoll tuża l-esperjenza tagħha fit-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tfassil ta’ politika parteċipattiv, inkluż l-involviment taż-żgħażagħ, u tipprovdi gwida f’dan ir-rigward. L-għodod ta’ mikrofinanzjament għall-benefiċċju tal-gruppi affettwati jistgħu jkunu ta’ rilevanza kbira f’dan ir-rigward. |
|
4.2. |
L-Afrika sub-Saħarjana ħarġet bħala punt fokali għad-diplomazija blu minħabba l-kundizzjonijiet demografiċi, ġeografiċi u politiċi speċjali tagħha. Peress li d-destabbilizzazzjoni tal-Afrika minħabba l-istress idriku x’aktarx li tinfirex fir-reġjun MENA u fl-UE, u twassal għal kriżijiet tal-ikel u tal-migrazzjoni, il-pożizzjoni proattiva tal-Ewropa hija indispensabbli. Il-Lag Victoria, il-Lag Chad u l-baċiri idrografiċi tan-Nil, tan-Niġer u tal-Kongo huma hotspots ta’ stress idriku, li jirrikjedu attenzjoni urġenti sabiex jiġi protett l-ambjent u jiġu pprevenuti diżastri klimatiċi u tal-ilma li jistgħu jwasslu għal kunflitti u mewġiet ta’ migrazzjoni ġodda lejn l-Ewropa. |
|
4.3. |
Fil-qafas tal-Global Gateway (26) u l-istrateġija tas-sigurtà ekonomika tal-UE (27), l-Afrika hija msieħeb prinċipali tal-UE. Minħabba li setgħat globali oħrajn, b’mod partikolari ċ-Ċina u l-Indja, qegħdin jiżguraw b’mod attiv bażi soda fl-Afrika, bla dubju l-kooperazzjoni mal-Afrika hija kwistjoni ta’ importanza kbira għas-sigurtà ekonomika u ġeopolitika tal-UE u l-pożizzjoni strateġika globali tagħha. Għalhekk huwa imperattiv li l-UE tiżviluppa strateġija komprensiva għall-Afrika, li d-diplomazija blu se tkun parti indispensabbli minnha. |
|
4.4. |
Fid-dawl tal-isfidi fiż-żoni ta’ stress idriku, speċjalment fl-Afrika sub-Saħarjana, u r-riskji u l-opportunitajiet li jinvolvu għall-UE, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit programm ta’ sħubija fanal għal mill-anqas żona waħda speċifika fl-Afrika, biex ikopri d-diversi elementi tat-tisħiħ tal-pożizzjoni b’mod integrat. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu inklużi l-miżuri li ġejjin fil-programm: |
|
4.4.1. |
Il-kooperazzjoni u appoġġ għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ilma u tal-ilma mormi u servizzi relatati, sabiex jittejjeb l-aċċess għas-servizzi WASH, b’enfasi speċjali fuq is-sostenibbiltà, l-impatt ambjentali u l-isforzi ta’ restawr. |
|
4.4.2. |
L-appoġġ tal-bini tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell lokali, l-iffaċilitar tal-iskambji tal-istudenti mal-UE u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ riżerva ta’ talent tal-UE, fl-istess ħin li jiġi evitat l-eżodu ta’ mħuħ u tiġi promossa l-migrazzjoni ċirkolai (28) sabiex jissaħħu l-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u d-diplomazija blu. Għandhom isiru sforzi speċjali b’enfasi fuq l-edukazzjoni għall-bniet u n-nisa. |
|
4.4.3. |
Il-kooperazzjoni dwar it-teknoloġiji blu, flimkien mat-teknoloġiji tal-elettriku meħtieġa, sabiex jgħinu fit-titjib tal-aċċess għas-servizzi WASH, l-effiċjenza tal-ilma, il-kontroll tat-tniġġis u s-sigurtà ta’ provvista ta’ ilma nadif. Il-kundizzjonijiet lokali għandhom jiġu kkunsidrati kif imiss fir-rigward tal-għażliet teknoloġiċi. |
|
4.4.4. |
It-titjib tal-kundizzjonijiet u tal-kapaċitajiet għall-ħolqien ta’ negozji lokali sabiex jiġu promossi l-intraprenditorija u l-impjieg. L-appoġġ speċifiku għandu jkun immirat lejn l-intraprendituri żgħażagħ u nisa. |
|
4.4.5. |
Il-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. Għandha tingħata attenzjoni speċifika li jiġu rispettati kemm in-nondiskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u l-oriġini etnika kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem. |
|
4.4.6. |
L-istabbiliment ta’ kooperazzjoni ma’ dawk li jfasslu l-politika fil-livell lokali u diversi gruppi, sabiex jissaħħu t-tfassil tal-politika parteċipattiva u d-diplomazija blu. Din l-interazzjoni bejn diversi partijiet ikkonċernati għandu jkollha l-għan ssaħħaħ il-pożizzjoni taż-żgħażagħ, tan-nisa u tal-popli indiġeni biex jipprevjenu u jsolvu l-problemi u l-kunflitti tal-ilma. |
|
4.4.7. |
Il-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura u tal-konnessjonijiet diġitali, sabiex isir użu mill-opportunitajiet ipprovduti mid-diġitalizzazzjoni fil-ġestjoni tal-ilma, u fl-edukazzjoni u fil-komunikazzjoni dwaru. Din għandha tkun akkumpanjata minn sforzi biex jiġu żviluppati l-ħiliet diġitali tal-komunitajiet lokali. |
|
4.4.8. |
L-involviment tas-soċjetà ċivili tal-UE fil-programm, sabiex jissaħħu l-għarfien u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi fil-livell lokali. Għandu jsir użu sħiħ mill-istrutturi kurrenti ta’ kooperazzjoni. |
|
4.4.9. |
L-allokazzjoni ta’ finanzjament suffiċjenti għall-programm, inkluż għall-iżvilupp tal-infrastruttura, tal-edukazzjoni, tad-djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati u n-negozju, sabiex jiġi żgurat li l-miżuri msemmija hawn fuq jiġu implimentati. |
|
4.4.10. |
Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni u tal-impatt tal-programm, bil-ħsieb li dan jikber fil-futur. L-enfasi ewlenija għandha tkun fuq ir-riżultati fir-rigward taż-żgħażagħ, tan-nisa, u tal-komunitajiet lokali u reġjonali kemm bħala miri kif ukoll atturi fil-ġestjoni u tal-ilma u l-politiki dwaru. |
Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2024
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) ĠU C, C/2023/862, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/862/oj.
(2) Linji Gwida Politiċi tas-Sinjura von der Leyen, Lulju 2024.
(3) Pereżempju, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għal Ewropa Intelliġenti u Reżiljenti fl-Ilma: https://citizens-initiative.europa.eu/initiatives/details/2024/000010_mt.
(4) L-UWASNET fl-Uganda hija eżempju tajjeb – https://uwasnet.org/.
(5) Il-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra, li nħolqot fl-1971 u li ssieħbu fiha 172 pajjiż minn madwar id-dinja, tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-gruppi vulnerabbli: https://www.ramsar.org/news/empowering-women-restoring-wetlands-go-hand-hand.
(6) ĠU C, C/2023/862, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/862/oj.
(7) ĠU C, C/2024/878, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/878/oj.
(8) Il-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra hija trattat intergovernattiv li jipprovdi l-qafas għall-konservazzjoni u l-użu għaqli tal-artijiet mistagħdra kollha u r-riżorsi tagħhom. It-terminu “artijiet mistagħdra” hawnhekk jinkludi xmajjar, lagi, torbieri, għadajjar, marġijiet u l-artijiet mistagħdra kostali kollha. Ara https://www.ramsar.org/.
(9) https://www.eesc.europa.eu/mt/initiatives/eu-blue-deal.
(10) Diplomazija “Track II” hija l-prattika ta’ atturi mhux statali li jużaw tattiċi ta’ riżoluzzjoni tal-konflitti (bħal workshops u konverżazzjonijiet) biex inaqqsu “r-rabja jew it-tensjoni jew il-biża’ li teżisti” bejn gruppi konfliġġenti. Dawn il-“kuntatti mhux governattivi, informali u mhux uffiċjali” jospitaw attivitajiet bħal workshops u konverżazzjonijiet biex itejbu l-komunikazzjoni u l-fehim bejn il-membri tal-pubbliku.
(11) Id-diplomazija “Track I” normalment tiġi kkunsidrata bħala l-għodda primarja għall-istabbiliment tal-paċi tal-politika barranija ta’ stat. Din issir minn diplomatiċi, uffiċjali għolja tal-gvern u kapijiet ta’ stat, u għandha l-għan li tinfluwenza l-istrutturi tal-poter politiku.
(12) ĠU C, C/2024/878, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/878/oj.
(13) 10 things you didn’t know about the world’s population (10 affarijiet li ma tafx dwar il-popolazzjoni tad-dinja – mhux disponibbli bil-Malti), Uffiċċju tal-Mibgħut tas-Segretarju Ġenerali dwar iż-Żgħażagħ (un.org).
(14) https://fieldsoflife.org/why-east-africa/.
(15) Eżempju eċċellenti huwa l-Istrateġija tal-UgħM dwar l-Ilma u l-Involviment taż-Żgħażagħ. F’konformità mal-prinċipji ewlenin tat-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ fil-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, dan joffri qafas siewi biex tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-governanza u fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mal-ilma. Din l-istrateġija tenfasizza l-ħtieġa ta’ inizjattivi ta’ bini tal-kapaċitajiet imfassla apposta u proġetti mmexxija miż-żgħażagħ, li huma kruċjali biex titrawwem l-innovazzjoni u jiġi żgurat li fis-settur tal-ilma ż-żgħażagħ ma jkunux biss parteċipanti iżda wkoll mexxejja. L-istrateġija hija favur l-integrazzjoni tal-fehmiet taż-żgħażagħ kemm fil-livell lokali kif ukoll f’dak internazzjonali.
(16) ĠU C 349, 29.9.2023, p. 60.
(17) UN Women.
(18) Collecting water is often a colossal waste of time for women and girls (Il-ġbir tal-ilma spiss huwa ħela ta’ ħin kolossali għan-nisa u l-bniet – mhux disponibbli bil-Malti), UNICEF.
(19) FAO.
(20) UNICEF.
(21) Żewġ eżempji konkreti huma: 1) l-istudju komparattiv dwar Empowering Women in Water Diplomacy in the Middle East and North Africa (MENA), immexxi miċ-Ċentru tal-Ilma ta’ Ġinevra u mill-GWP-Med: dan jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom in-nisa fid-diplomazija fil-qasam tal-ilma fir-reġjun MENA. L-istudju jipprovdi għarfien siewi dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa f’dan il-qasam, u jenfasizza l-ħtieġa ta’ intervent immirat biex jappoġġja t-tmexxija tan-nisa fil-ġestjoni tal-ilma u fid-diplomazija fil-qasam tal-ilma; 2) il-programm ta’ ħidma dwar Gender and wetlands, The Convention on Wetlands (ramsar.org).
(22) https://siwi.org/publications/indigenous-people-water-and-climate-change/.
(23) Indigenous women’s realities: Insights from the Indigenous Navigator, l-IWGIA u l-ILO, 2020.
(24) https://library.panos.co.uk/features/stories/seeds-of-water.html#0_00337302.
(25) https://www.wipo.int/sme/en/traditional-knowledge.html.
(26) https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/opinions/global-gateway/opinions.
(27) https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/opinions/european-economic-security-strategy.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/769/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)