SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
20 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )
Werrej
|
I. Il‑kuntest ġuridiku |
|
|
A. Id‑dritt tal‑Unjoni |
|
|
B. Id‑dritt Bulgaru |
|
|
II. Il‑proċedura prekontenzjuża |
|
|
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
IV. Fuq ir‑rikors |
|
|
A. Fuq l‑ewwel ilment ibbażat fuq l‑assenza ta’ identifikazzjoni taż‑żoni speċjali ta’ konservazzjoni |
|
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
B. Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq l‑assenza ta’ ffissar tal‑għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati u speċifiċi għaż‑żoni speċjali ta’ konservazzjoni |
|
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
C. Fuq it‑tielet ilment ibbażat fuq l‑assenza ta’ stabbiliment tal‑miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji |
|
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
D. Fuq ir‑raba’ lment ibbażat fuq it‑traspożizzjoni mhux korretta fid‑dritt nazzjonali tal‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva dwar il‑habitats |
|
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
Fuq l‑ispejjeż |
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 4(4) u Artikolu 6(1) – Nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ miżuri ta’ konservazzjoni”
Fil-Kawża C‑85/22,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fit‑8 ta’ Frar 2022,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes u G. Koleva, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata inizjalment minn T. Mitova, E. Petranova u L. Zaharieva, sussegwentement minn T. Mitova u L. Zaharieva, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Passer u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,
Avukata Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitats”):
|
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
|
2 |
It-tielet u t-tmien premessa tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdu li: “Billi, l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli; billi l-manteniment ta’ dik il-biodiversità f’ċerti każijiet teħtieġ li jsiru, jew saħansitra jiġu mħajra, l-attivitajiet umani; […] Billi jixraq li, f’kull żona nominata, jiġu mħaddma l-miżuri meħtieġa bbażati fuq l-għanjiet ta’ konservazzjoni segwiti”. |
|
3 |
L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom. In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva [tal-Kunsill] 79/409/KEE [tat‑2 ta’ April 1979 Dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)]. 2. Kull Stat Membru għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Natura 2000 skond ir-rappreżentanza fit-territorju tiegħu tat-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan kull Stat Membru għandu jinnomina, skond l-Artikolu 4, xi siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni waqt li jitqiesu l-għanjiet stabbiliti fil-paragrafu 1.” |
|
4 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jiddisponi: “1. Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, dawn is-siti għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għal ħajjithom u għar-riproduzzjoni. Għall-ispeċi akwatiċi mifruxa fuq żoni kbar, dawk is-siti jiġu proposti biss fejn hemm żona li tista’ tkun identifikata b’mod ċar li tirrappreżenta l-fattura fiżiċi u bioloġiċi essenzjali għall-għixien u r-riproduzzjoni tagħhom. Fejn jixraq, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-adattament tal-lista in vista tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. Dik l-informazzjoni jrid ikun fiha mappa tas-sit, isimha, il-post, id-daqs u l-fatti magħrufa li jirriżultaw mill-applikar tal-kriterji speċifikati fl-Anness III (Stadju 1) mogħtija f’għamla stabbilita mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. 2. Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mid-disgħa reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ) (iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità. L-Istati Membri li s-siti tagħhom li jilqgħu fihom wieħed jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u l-ispeċi ta’ priorità jirrappreżentaw aktar minn 5 % tat-territorju nazzjonali tagħhom jistgħu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jitolbu li l-kriterji mniżżla fl-Anness III (Stadju 2) ikunu mħaddna b’mod iktar flessibbli meta jintagħżlu s-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità fit-territorju tagħhom. Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. 3. Il-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi stabbilita fi żmien sitt snin min-notifika ta’ din id-Direttiva. 4. Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti. 5. Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 6(1) sa (3) tal-istess direttiva: “1. Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva. 3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.” |
B. Id‑dritt Bulgaru
|
6 |
L-Artikolu 8 taż-Zakon za biologichnoto raznoobrazie (il-Liġi dwar id-Diversità Bijoloġika) (DV Nru 77, tad‑9 ta’ Awwissu 2002), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-każ (iktar ’il quddiem iż-“ZBR”), jipprevedi: “(1) Il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jiżgura l-istudju, l-evalwazzjoni u t-tfassil tad-dokumenti li jikkonċernaw is-siti msemmija fl-Artikolu 7, li jinkludu:
(2) Proposti għal siti ta’ studju skont il-paragrafu 1 jistgħu jsiru minn korpi nazzjonali u organizzazzjonijiet pubbliċi u xjentifiċi. (3) Il-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Foresti, l-Aġenzija għall-Ġeodesija, għall-Kartografija u għall-Katast kif ukoll il-komuni għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet id-data msemmija fil-punt 5 tal-paragrafu 1, kontra l-ħlas tal-ispejjeż biss magħmula għal kopji tad-dokumentazzjoni korrispondenti. (4) Il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jinforma lill-pubbliku u lill-organizzazzjonijiet responsabbli għat-twettiq tal-istudju previst fil-paragrafu 2 tal-bidu tiegħu permezz ta’ reklam ippubblikat fuq is-sit internet tiegħu u, tal-inqas, f’gazzetta waħda.” |
|
7 |
L-Artikolu 12 taż-ZBR jiddisponi: “(1) Il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jħejji abbozz ta’ digriet għall-identifikazzjoni ta’ kull sit protett inkluż fil-lista msemmija fl-Artikolu 10(4). (2) L-abbozz ta’ digriet imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jindika:
(3) Il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jinforma lill-pubbliku dwar l-abbozz ta’ digriet imfassal, permezz ta’ avviż ippubblikat, minn tal-inqas, f’gazzetta waħda u fuq is-sit internet tiegħu. L-avviż għandu jindika fejn u taħt liema kundizzjonijiet it-test tal-abbozz ta’ digriet jista’ jiġi kkonsultat fl-intier tiegħu. (4) It-test sħiħ tal-abbozz ta’ digriet għandu jkun ippubblikat fuq is-sit internet tal-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet u għandu jkun aċċessibbli fil-bini amministrattiv tal-ispezzjonijiet reġjonali tal-ambjent u tal-ilmijiet li huma territorjalment kompetenti għas-sit protett. (5) F’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mill-avviż imsemmi fil-paragrafu 3, il-persuni kkonċernati jistgħu jippreżentaw bil-miktub lill-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet opinjonijiet, riżervi u proposti dwar l-abbozz ta’ digriet, li jikkonċernaw biss il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet imsemmija fil-punt 5 tal-paragrafu 2. (6) Fi żmien xahar mill-iskadenza tat-terminu previst fil-paragrafu 5, il-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jieħu deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-opinjonijiet, tar-riżervi u tal-proposti maħruġa u għandu joħroġ digriet ta’ identifikazzjoni tas-sit protett ikkonċernat. (7) Id-digriet imsemmi fil-paragrafu 6 huwa definittiv u ma jistax jiġi kkontestat.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 19 taż-ZBR: “(1) Meta jkun hemm riskju ta’ degradazzjoni tas-siti inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 10(2), qabel l-identifikazzjoni tagħhom bħala żoni ta’ konservazzjoni, il-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jipprojbixxi jew jirrestrinġi, permezz ta’ digriet ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, attivitajiet speċifiċi fuq dawn is-siti għal perijodu ta’ mhux iktar minn sentejn, ħlief fis-siti mqiegħda għad-dispożizzjoni tad-difiża nazzjonali u tal-forzi armati. (2) Appell kontra d-digriet imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jissospendi l-eżekuzzjoni tagħha.” |
|
9 |
L-Artikolu 27 taż-ZBR huwa fformulat kif ġej: “Jistgħu jitħejjew pjanijiet ta’ ġestjoni għaż-żoni ta’ konservazzjoni msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 3(1).” |
|
10 |
L-Artikolu 29 taż-ZBR jipprevedi: “(1) Il-pjanijiet ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 27 għandhom jipprevedu miżuri intiżi li jevitaw id-deterjorament tat-tipi ta’ habitats naturali u ta’ habitats tal-ispeċi, kif ukoll it-tqegħid fil-perikolu u t-tfixkil tal-ispeċi li għall-konservazzjoni tagħhom ġew identifikati ż-żoni korrispondenti. (2) Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jinkludi:
(3) Meta jiġu stabbiliti l-miżuri msemmija fil-paragrafu 2, l-elementi li ġejjin għandhom jitqiesu sa fejn ikun possibbli:
(4) Fiż-żoni protetti li għalihom huwa previst kofinanzjament skont l-Artikolu 10(6) u li għalihom ġew iddefiniti miżuri skont il-paragrafu 1, iżda li ġew posposti minħabba dewmien fil-kofinanzjament, ma għandha tiġi applikata l-ebda miżura ġdida li tista’ twassal għad-degradazzjoni taż-żona protetta kkonċernata.” |
|
11 |
L-Artikolu 30 taż-ZBR jiddisponi: “(1) Il-pjanijiet ta’ żvilupp, il-pjanijiet reġjonali għall-iżvilupp taż-żoni forestali, il-pjanijiet u l-programmi forestali, il-programmi nazzjonali u reġjonali mfassla skont liġijiet oħra għandhom ikunu konformi mad-digrieti msemmija fl-Artikolu 12(6), fl-Artikolu 16(4) u mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 29. (2) Sabiex jiġu żgurati r-rabtiet bejn iż-żoni ta’ konservazzjoni, il-pjanijiet u l-proġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu miżuri u azzjonijiet li jipproteġu l-elementi tal-pajsaġġ li, abbażi tal-istruttura lineari u kontinwa tagħhom jew ta’ funzjoni ta’ kollegament, huma importanti għall-migrazzjoni, għad-distribuzzjoni ġeografika u għall-iskambju ġenetiku tal-popolazzjonijiet u tal-ispeċijiet tal-pjanti u tal-annimali.” |
|
12 |
Skont l-Artikolu 35 taż-ZBR: “L-ispeċi veġetali, tal-annimali u fungali tal-flora, tal-fawna u tal-fungi selvaġġi tar-Repubblika tal-Bulgarija huma protetti fl-ambjent naturali tagħhom permezz:
|
|
13 |
L-Artikolu 115 taż-ZBR huwa fformulat kif ġej: “(1) Il-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu:
[…]
[…]
[…]
[…]” |
|
14 |
L-Artikolu 118(1) taż-ZBR jipprevedi: “Il-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti, il-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali u għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-korpi nazzjonali l-oħra u s-suddiviżjonijiet tagħhom, kif ukoll il-komuni, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom għandhom:
[…]” |
|
15 |
L-Artikolu 119(1) taż-ZBR jiddisponi: “Il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet, il-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti, il-muniċipalitajiet kif ukoll il-persuni fiżiċi u ġuridiċi – proprjetarji u utenti tat-territorji forestali, tal-artijiet u tal-korpi tal-ilma tan-netwerk ekoloġiku nazzjonali, għandhom jiżguraw il-ġestjoni tagħhom u l-protezzjoni tagħhom konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u tal-liġijiet speċjali l-oħra.” |
II. Il‑proċedura prekontenzjuża
|
16 |
Permezz tad-Deċiżjonijiet 2009/91, 2009/92 u 2009/93 kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/23, il-Kummissjoni stabbilixxiet listi ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità għar-reġjuni bijoġeografiċi Alpini, tal-Baħar l-Iswed u Kontinentali. Dawn il-listi ġew aġġornati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2375 tas‑26 ta’ Novembru 2015 li tadotta t-tielet aġġornament tal-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Baħar l-Iswed (ĠU 2015, L 338, p. 938), kif ukoll bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/43 tat‑12 ta’ Diċembru 2017 li tadotta l-ħdax-il aġġornament tal-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali (ĠU 2018, L 15, p. 397). |
|
17 |
It-terminu ta’ sitt snin għall-identifikazzjoni ta’ dawn is-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, konformement mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, skada fit‑12 ta’ Diċembru 2014 għas-siti koperti mid-Deċiżjonijiet 2009/91, 2009/92 u 2009/93, kif ukoll fis‑16 ta’ Novembru 2018 għal dawk koperti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/23. |
|
18 |
Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Bulgarija tikkomunikalha l-miżuri meħuda għall-finijiet tal-identifikazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, konformement ma’ dan l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, u għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. |
|
19 |
Fid-dawl tar-risposta tar-Repubblika tal-Bulgarija tal‑14 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni qieset li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet u bagħtitlu, fil‑25 ta’ Jannar 2019, ittra ta’ intimazzjoni. |
|
20 |
Fir-risposta tagħhom għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, tal‑21 ta’ Mejju 2019, l-awtoritajiet Bulgari ppreżentaw fid-dettall l-approċċ il-ġdid adottat għall-ġestjoni taż-żoni protetti fil-kuntest ta’ Natura 2000. F’dan ir-rigward, dawn l-awtoritajiet indikaw li kien qiegħed jitfassal dokument bl-għan li jiġi ddeterminat metodu għall-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn iż-żoni. |
|
21 |
Fit‑18 ta’ Mejju 2020, dawn l-awtoritajiet informaw lill-Kummissjoni b’mod partikolari bil-progress tat-tħejjija tal-imsemmi dokument u bl-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni. |
|
22 |
Wara li eżaminat din l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, li dan l-Istat Membru rċieva fit‑2 ta’ Lulju 2020, fejn stednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva dwar il-habitats. F’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni lmentat li l-imsemmi Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva:
|
|
23 |
It-terminu għall-konformità mal-opinjoni motivata kien iffissat għat‑2 ta’ Ottubru 2020. |
|
24 |
Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Settembru 2020, ir-Repubblika tal-Bulgarija wieġbet għal din l-opinjoni motivata. |
|
25 |
Peress li qieset, wara li analizzat din it-tweġiba tal-awtoritajiet Bulgari kif ukoll l-informazzjoni l-oħra disponibbli, li r-Repubblika tal-Bulgarija ma kinitx ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, il-Kummissjoni, fit‑8 ta’ Frar 2022, ippreżentat dan ir-rikors. |
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
26 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Frar 2023, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687). |
|
27 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Settembru 2023, il-proċedura tkompliet f’din il-kawża. |
|
28 |
Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Diċembru 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lir-Repubblika tal-Bulgarija u lill-Kummissjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-effett, fuq din il-kawża, tas-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524), u tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687). |
|
29 |
Bi tweġiba għal din l-ittra, il-Kummissjoni indikat, permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2023, li, fir-rikors tagħha, hija kienet fakkret ir-rekwiżiti ta’ speċifiċità u ta’ preċiżjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni sa fejn dawn għandhom, l-ewwel nett, ikunu speċifiċi għaż-żona speċjali ta’ konservazzjoni kkonċernata, it-tieni nett, ikopru l-ispeċi kollha u t-tipi kollha ta’ habitats ta’ importanza għall-Komunità, it-tielet nett, jidentifikaw b’mod ċar it-tipi differenti ta’ habitats u ta’ speċi kkonċernati, ir-raba’ nett, jidentifikaw b’mod ċar l-istat li għandhom jilħqu t-tip ta’ habitats u l-ispeċi taż-żona inkwistjoni u, il-ħames nett, ikunu kwantifikabbli u li jistgħu jitkejlu. |
|
30 |
Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687), hija irrilevanti għal din il-kawża sa fejn ma tagħtix preċiżazzjonijiet fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ speċifiċità u ta’ preċiżjoni tal-imsemmija għanijiet ta’ konservazzjoni. |
|
31 |
Fir-rigward tar-rekwiżit dwar in-natura kwantifikabbli u li tista’ titkejjel tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, il-Kummissjoni fakkret li, fir-rikors tagħha, hija kienet qieset li l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti mir-Repubblika tal-Bulgarija fi 11‑il digriet ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni adottati matul il-perijodu bejn l‑2015 u l‑2019 kif ukoll f’25 digriet ta’ identifikazzjoni ta’ tali żoni adottati matul l‑2020 la kienu speċifiċi għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni kkonċernati u lanqas kienu suffiċjentement preċiżi, minħabba l-fatt li la kienu kwantifikabbli u lanqas ma setgħu jitkejlu, iżda wkoll minħabba li ma kinux jissodisfaw rekwiżiti oħra fil-qasam tal-ispeċifiċità, meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
32 |
Il-Kummissjoni żiedet li, insostenn tal-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ ffissar, b’mod sistematiku u persistenti, mir-Repubblika tal-Bulgarija, tal-għanijiet ta’ konservazzjoni kif ukoll tal-miżuri ta’ konservazzjoni, bi ksur, rispettivament, tal-Artikolu 4(4) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, hija kienet ipprovdiet eżempji rappreżentattivi, peress li r-rikors kien jirrigwarda l-għanijiet ta’ konservazzjoni kollha kif ukoll il-miżuri ta’ konservazzjoni kollha li r-Repubblika tal-Bulgarija kienet iddefinixxiet u adottat fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
|
33 |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, li hija semmiet fil-kuntest tar-raba’ lment, kienet konformi mas-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524), u tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687). |
|
34 |
Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2023, ir-Repubblika tal-Bulgarija sostniet li, fir-rigward tal-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tqabbel il-protezzjoni mogħtija, minn naħa, mil-leġiżlazzjoni Bulgara lis-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali msemmija fis-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524), u tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687). |
|
35 |
Madankollu, hija indikat li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats huma de facto implimentati, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, għas-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni. |
|
36 |
Fir-rigward tal-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija qieset li, b’differenza mill-konvenuti fil-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenzi, hija kienet sostniet matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura li, fil-każ tagħha, għanijiet ta’ konservazzjoni kienu ġew stabbiliti fit-termini fir-rigward taż-żoni speċjali kollha ta’ konservazzjoni inkwistjoni. |
|
37 |
Hija ppreċiżat li, fid-dawl tas-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524), u tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687), l-approċċ tal-Kummissjoni dwar il-mod kif jiġu stabbiliti l-imsemmija għanijiet ta’ konservazzjoni huwa, fil-fehma tagħha, formali wisq sa fejn ma jiħux inkunsiderazzjoni d-diversità tal-ispeċi u tal-habitats kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull Stat Membru. |
|
38 |
Fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija enfasizzat li hija kienet adottat miżuri speċifiċi, inklużi miżuri attivi, intiżi għal gruppi ta’ speċi u ta’ habitats speċifiċi, filwaqt li ssottomettiet id-dokumenti rilevanti f’dan ir-rigward. |
|
39 |
Issa, il-Kummissjoni ma fformulatx osservazzjonijiet dwar l-imsemmija dokumenti, filwaqt li affermat b’mod ġenerali li l-prattika tar-Repubblika tal-Bulgarija ma hijiex konformi mad-Direttiva dwar il-habitats mingħajr madankollu ma ssostni din l-affermazzjoni bi provi konkreti. |
IV. Fuq ir‑rikors
A. Fuq l‑ewwel ilment ibbażat fuq l‑assenza ta’ identifikazzjoni taż‑żoni speċjali ta’ konservazzjoni
1. L‑argumenti tal‑partijiet
|
40 |
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika tal-Bulgarija kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, billi naqset milli tidentifika, bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, 194 mill‑229 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, qabel it‑12 ta’ Diċembru 2014 għas-siti koperti mid-Deċiżjonijiet 2009/91, 2009/92 u 2009/93, kif ukoll qabel is‑16 ta’ Novembru 2018 għal dawk koperti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/23. |
|
41 |
Il-Kummissjoni ssostni li t-terminu ta’ sitt snin li għandhom l-Istati Membri sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats huwa twil biżżejjed sabiex ikunu f’pożizzjoni li jadottaw il-miżuri nazzjonali effikaċi li jippermettu l-ġestjoni tan-network Natura 2000 u li jiddeterminaw il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali f’dan ir-rigward. |
|
42 |
Qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri t‑2 ta’ Ottubru 2020, ir-Repubblika tal-Bulgarija identifikat bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni biss 35 mill‑229 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni. 150 sit addizzjonali ġew identifikati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni permezz ta’ digrieti ppubblikati wara dan it-terminu, b’tali mod li n-numru ta’ siti li għad iridu jiġu identifikati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni huwa ta’ 44. |
|
43 |
Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirribatti li l-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet adotta, qabel il‑31 ta’ Marzu 2021, id-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali kollha ta’ konservazzjoni mhux identifikati sa dak iż-żmien, li għalihom l-ebda adattament tal-limiti spazjali ma kien neċessarju. Ir-Repubblika tal-Bulgarija madankollu tammetti li, sal-lum, id-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni għadhom ma ġewx adottati għal 44 mis-siti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, peress li l-limiti spazjali ta’ dawn iż-żoni għandhom jinbidlu wara l-iskoperta ta’ ineżattezzi fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħhom. |
|
44 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija żżid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi mekkaniżmi xierqa ta’ protezzjoni preventiva għall-perijodu qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tad-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Għalhekk, dan l-Istat Membru jindika, bħala eżempju, li, skont l-Artikolu 8(1) taż-ZBR, id-dokumentazzjoni ta’ kull sit propost sabiex jiġi identifikat bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni għandha tinkludi l-isem, is-suġġett u l-għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-żona inkwistjoni, il-formola standard li fiha data u evalwazzjonijiet, il-materjal kartografiku u r-reġistru tal-koordinati tal-limiti spazjali taż-żona kkonċernata. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija tipproduċi data li turi l-istat sodisfaċenti, fil-fehma tagħha, tal-protezzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità fil-Bulgarija. |
|
45 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod partikolari, li l-konservazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità qabel l-identifikazzjoni tagħhom bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni ma teżentax lill-Istat Membru kkonċernat mill-obbligu tiegħu, previst fl-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva, li jipproċedi b’tali identifikazzjoni. |
|
46 |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija rrikonoxxiet id-dewmien fil-pubblikazzjoni uffiċjali tal-atti amministrattivi ġenerali għall-finijiet tal-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, iżda ssostni li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats kienet ġiet żgurata għas-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, peress li s-suġġett u l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn is-siti huma ddefiniti permezz tad-dokumentazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) taż-ZBR. |
|
47 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija tenfasizza li l-piż amministrattiv marbut mal-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni huwa ikbar għall-Istati Membri li, bħar-Repubblika tal-Bulgarija, huma kkaratterizzati mill-firxa sinjifikattiva tan-network tas-siti ta’ importanza għall-Komunità fir-rigward tat-territorju nazzjonali tagħhom, kif ukoll min-numru kbir ta’ speċi u ta’ tipi ta’ habitats naturali protetti f’dawn is-siti. Barra minn hekk, il-bijodiversità tkun protetta aħjar fi ħdan l-imsemmija Stati, peress li dawn ikkonformaw iktar mal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
48 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-habitats jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu sabiex jikkontribwixxu għall-kostituzzjoni tan-network Natura 2000 skont ir-rappreżentanza, fit-territorji rispettivi tagħhom, tat-tipi ta’ habitats naturali li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva u tal-habitats tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva, kif ukoll li jidentifikaw, għal dan l-għan, konformement mal-Artikolu 4 tal-istess direttiva u fi tmiem il-proċedura stabbilita minnha, siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 26). |
|
49 |
Il-proċedura ta’ identifikazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kif prevista fl-imsemmi Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitats, tiżvolġi f’erba’ stadji. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li tindika t-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċi indiġeni li fihom, li għandu jibgħat lill-Kummissjoni (l-ewwel stadju). Konformement mal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, abbozz ta’ lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità, ibbażata fuq il-listi stabbiliti mill-Istati Membri (it-tieni stadju). Fuq il-bażi ta’ dan l-abbozz ta’ lista, il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista tas-siti magħżula (it-tielet stadju). Skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun intgħażel, l-Istat Membru kkonċernat għandu jidentifikah bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin billi jistabbilixxi l-prijoritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew għall-irkupru, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali jew ta’ speċi kif ukoll għall-koerenza ta’ Natura 2000 (ir-raba’ stadju) (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tikkontestax li ma identifikatx formalment is-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri t‑2 ta’ Ottubru 2020. Madankollu, hija tinvoka l-fatt li, minkejja l-assenza ta’ din l-identifikazzjoni formali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprevedi mekkaniżmi xierqa ta’ protezzjoni preventiva għall-perijodu ta’ qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tad-digrieti dwar l-identifikazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni. |
|
51 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li argument simili tressaq minn diversi Stati Membri fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li wassal għall-kundanna ta’ dawn l-Istati, jiġifieri mir-Repubblika Portugiża (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑290/18, EU:C:2019:669, punti 31, 35 u 37), mill-Irlanda (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punti 46 sa 56), kif ukoll mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punti 30 sa 37). |
|
52 |
Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru tagħti protezzjoni lis-siti ta’ importanza għall-Komunità ma huwiex ta’ natura li jeżenta lil dan l-Istat mill-obbligu speċifiku tiegħu, previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, li jidentifika formalment l-imsemmija siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 51, kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 33). |
|
54 |
Fil-fatt, tali identifikazzjoni tikkostitwixxi stadju indispensabbli fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tal-habitats u tal-ispeċi prevista minn din id-direttiva (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tidentifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kemm jista’ jkun malajr u fit-terminu massimu ta’ sitt snin imsemmi fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, 194 mill‑229 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-dispożizzjoni. |
B. Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq l‑assenza ta’ ffissar tal‑għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati u speċifiċi għaż‑żoni speċjali ta’ konservazzjoni
1. L‑argumenti tal‑partijiet
|
56 |
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Bulgarija talli kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, billi naqset, b’mod sistematiku u persistenti, milli tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni suffiċjentement iddettaljati u speċifiċi għal kull żona speċjali ta’ konservazzjoni. |
|
57 |
Dik l-istituzzjoni tqis li l-obbligu li jiġu stabbiliti, fit-terminu ta’ sitt snin imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għanijiet ta’ konservazzjoni għal kull żona speċjali ta’ konservazzjoni, li għandhom ikunu speċifiċi għal kull waħda minn dawn iż-żoni u għad-diversi tipi ta’ habitats u ta’ speċi, eżawrjenti, kwantifikati u li jistgħu jitkejlu, huwa bbażat fuq is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punti 46 sa 52). |
|
58 |
Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li, matul il-perijodu bejn l‑2015 u l‑2019, ir-Repubblika tal-Bulgarija adottat 11‑il digriet ta’ identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, li jindikaw għanijiet ta’ konservazzjoni identiċi għal kull żona, ifformulati b’mod ġenerali wisq, bi ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza msemmija fil-punt preċedenti. |
|
59 |
Fir-rigward tal‑25 digriet ta’ identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni adottati matul l‑2020, dawn huma fformulati b’mod ġenerali wisq, u sempliċement jipprevedu l-konservazzjoni u ż-żamma tal-habitats naturali u, jekk ikun il-każ, titjib tal-istat tal-habitats u/jew tal-ispeċi inkwistjoni. |
|
60 |
Il-Kummissjoni twieġeb, barra minn hekk, għall-argument imressaq mir-Repubblika tal-Bulgarija matul il-proċedura prekontenzjuża, li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti ta’ importanza għall-Komunità li ma ġewx identifikati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni huma stabbiliti f’digrieti ta’ identifikazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali, adottati skont id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva 2013/17 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”), peress li l-limiti spazjali taż-żoni ta’ protezzjoni speċjali jikkorrispondu għal dawk tas-siti ta’ importanza għall-Komunità, jew fid-dokumentazzjoni dwar kull sit ta’ importanza għall-Komunità ppubblikata fis-sit internet tal-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonstata li l-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-habitats tal-għasafar ma jistgħux jitqiesu li huma speċifiċi għall-ispeċi li ma humiex għasafar u għat-tipi ta’ habitats li jaqgħu biss taħt id-Direttiva dwar il-habitats u li, fi kwalunkwe każ, l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti mir-Repubblika tal-Bulgarija għaż-żoni ta’ protezzjoni speċjali huma fformulati b’mod ġenerali u, minħabba f’hekk, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti marbuta man-natura speċifika u ddettaljata ta’ tali għanijiet. |
|
62 |
Fir-rigward tad-dokument li jirrigwarda l-metodu ta’ ffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni protetti fil-kuntest ta’ Natura 2000, li kien qiegħed jitfassal mill-awtoritajiet Bulgari fl-istadju prekontenzjuż tal-proċedura, kif imsemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan id-dokument, li għandu natura “informattiva” u “konsultattiva”, ma jistabbilixxix u ma jeżaminax mill-ġdid l-għanijiet ta’ konservazzjoni konkreti u speċifiċi tas-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, iżda sempliċement jagħti indikazzjonijiet dwar l-iffissar ta’ għanijiet futuri ta’ konservazzjoni. |
|
63 |
Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirribatti li d-Direttiva dwar il-habitats ma tistabbilixxix ir-rekwiżiti dwar l-ispeċifiċità u n-natura li tista’ titkejjel tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità. |
|
64 |
F’dan ir-rigward, l-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali jipprekludi lill-Kummissjoni milli timponi fuq l-Istati Membri rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk espressament previsti, b’mod ċar u preċiż mid-Direttiva dwar il-habitats. |
|
65 |
Skont ir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047), li għaliha tagħmel riferiment il-Kummissjoni fir-rikors tagħha, ma timponix fuq l-Istati Membri li jifformulaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni b’mod kwantifikabbli. |
|
66 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, hija ma kinitx sostniet matul il-proċedura prekontenzjuża li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi stabbiliti għaż-żoni ta’ protezzjoni speċjali kienu rilevanti fir-rigward tas-siti ta’ importanza għall-Komunità previsti mid-Direttiva dwar il-habitats. Fil-fatt, l-istess japplika għal dak li jirrigwarda mhux l-għanijiet ta’ konservazzjoni iżda dak li jikkonċerna l-miżuri ta’ konservazzjoni. |
|
67 |
Barra minn hekk, fil-Bulgarija, l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità huma previsti fiż-ZBR u, b’mod iktar preċiż, fid-dokumenti msemmija fl-Artikolu 8(1) tagħha, fl-atti amministrattivi u fid-dokumenti rilevanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru bagħat lill-Kummissjoni l-formoli standard debitament mimlija msemmija f’din id-dispożizzjoni, li jinkludu l-evalwazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi speċifiċi għall-habitats u għall-ispeċi għal kull sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni. |
|
68 |
Barra minn hekk, id-dokument dwar il-metodu ta’ ffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni protetti fil-kuntest ta’ Natura 2000, imsemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, huwa attwalment ippubblikat fis-sit internet tas-sistema ta’ informazzjoni Bulgara dwar is-siti li jaqgħu taħt in-network Natura 2000. |
|
69 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija żżid li, minn meta rċeviet l-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni, hija adottat diversi digrieti ta’ identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Kummissjoni. Dawn id-digrieti jipprevedu l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni u jagħmluhom għalhekk vinkolanti. |
|
70 |
Sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit, invokat mill-Kummissjoni, li l-imsemmija għanijiet ta’ konservazzjoni jiġu fformulati b’mod iddettaljat, huwa neċessarju li jkun hemm data li ġejja minn studji sistematiċi li jkopru perijodu ta’ żmien sinjifikattiv u li juru l-iżvilupp tal-istat tal-ispeċi u l-fatturi prinċipali li jaffettwawhom. Issa, il-lakuni fl-għarfien xjentifiku akkumulat matul il-perijodu qabel l‑2007 ma jistgħux jiġu rrimedjati fi żmien qasir. |
|
71 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-għanijiet ta’ konservazzjoni fformulati b’mod ġenerali wisq fil-prattika amministrattiva tal-awtoritajiet Bulgari ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
72 |
Dik l-istituzzjoni ssostni li r-Repubblika tal-Bulgarija ma wrietx, fir-risposta tagħha, li l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti minn din tal-aħħar kienu suffiċjentement preċiżi. Fil-fatt, dan l-Istat Membru llimita ruħu li jiċċita diversi atti riprodotti fl-annessi tar-risposta tiegħu. Issa, la hija l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina tali annessi peress li l-kontenut tagħhom ma huwiex espost b’mod suffiċjenti fir-risposta. |
|
73 |
Fir-rigward tal-formoli standard ippreżentati mir-Repubblika tal-Bulgarija, bħal dawk imsemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ssostni li dawn jinkludu deskrizzjoni tal-istat reali taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni mingħajr madankollu ma jippreċiżaw l-istat li għandhom jilħqu l-ispeċi u t-tipi ta’ habitats f’dawn iż-żoni. Għaldaqstant, l-imsemmija formoli ma jistgħux itaffu l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal dawn iż-żoni li Stat Membru għandu jistabbilixxi. |
|
74 |
Fir-rigward tal-assenza ta’ għarfien xjentifiku suffiċjenti li ma jistax jiġi rrimedjat fi żmien qasir, invokata mir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Kummissjoni tfakkar, billi tiċċita s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 89), li l-Istati Membri ma jistgħux jeċċepixxu dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tagħhom sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. |
|
75 |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-proċessi naturali dinamiċi fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni jistgħu xi drabi jeħtieġu l-adattament tal-għanijiet ta’ konservazzjoni kif ukoll tal-miżuri ta’ konservazzjoni għal dawn iż-żoni. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jevitaw li jagħmlu tali adattamenti billi sempliċement jiddefinixxu għanijiet ta’ konservazzjoni ġenerali ħafna. |
|
76 |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tenfasizza li l-għanijiet ġenerali tas-siti tan-network Natura 2000 huma diġà previsti fl-Artikolu 5 taż-ZBR, li jipprovdi li ż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni huma intiżi għall-protezzjoni jew għall-irkupru tal-istat favorevoli tal-habitats naturali li dawn iż-żoni jospitaw, kif ukoll tal-ispeċi fil-firxa naturali tagħhom. |
|
77 |
Fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifikati fid-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, dan l-Istat Membru jippreżenta, bħala eżempju, l-għanijiet previsti fid-digriet ta’ identifikazzjoni taż-żona “BG0000119 ‘Trite bratiya’”. |
|
78 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li r-rekwiżiti tal-Kummissjoni dwar in-natura speċifika u ddettaljata tal-għanijiet ta’ konservazzjoni huma eċċessivi, peress li l-irkupru tal-istatus tat-tipi ta’ habitats naturali u tal-ispeċi huwa proċess kumpless u dinamiku, li jeħtieġ riżorsi importanti u monitoraġġ sostenibbli. |
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
79 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats ma ssemmix espressament l-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni, din id-dispożizzjoni teżiġi, madankollu, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, meta jidentifikaw iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni, jistabbilixxu l-prijoritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew għall-irkupru, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat. Issa, l-istabbiliment ta’ dawn il-prijoritajiet jimplika li dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu ġew stabbiliti minn qabel (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
Sabiex jitqiesu bħala “għanijiet ta’ konservazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitats, l-għanijiet stabbiliti ma għandhomx jiġu ddikjarati b’mod ġenerali, iżda għandhom ikunu speċifiċi u preċiżi (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punti 107 u 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
81 |
L-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom, konsegwentement, jiġu stabbiliti fid-dawl ta’ informazzjoni bbażata fuq eżami xjentifiku tas-sitwazzjoni tal-ispeċi u tal-habitats tagħhom f’sit inkwistjoni. Fil-fatt, peress li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, matul il-proċedura ta’ identifikazzjoni tas-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, is-siti proposti mill-Istati Membri għandhom jiġu proposti abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-direttiva u tal-informazzjoni xjentifika rilevanti, tali informazzjoni tista’ wkoll tiggarantixxi l-ispeċifiċità u l-preċiżjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 115). |
|
82 |
Barra minn hekk, għalkemm l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti minn Stat Membru għandhom jippermettu li jiġi vverifikat jekk il-miżuri ta’ konservazzjoni bbażati fuqhom humiex adatti sabiex jintlaħaq l-istat ta’ konservazzjoni mixtieq tas-sit inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li n-neċessità li dawn l-għanijiet jiġu fformulati b’mod kwantitattiv u li jista’ jitkejjel għandha tiġi eżaminata f’kull każ konkret u ma tistax tiġi rrikonoxxuta bħala obbligu ġenerali għall-Istati Membri (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 116). |
|
83 |
Fil-fatt, jista’ jirriżulta li l-approċċ kwantitattiv u li jista’ jitkejjel tad-determinazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ma jkunx adattat għal ċerti habitats kumplessi u għal ċerti żoni ta’ konservazzjoni ta’ natura dinamika, li l-elementi tagħhom ivarjaw b’mod kunsiderevoli skont il-fatturi esterni tal-ambjent jew jinteraġixxu b’mod sinjifikattiv mal-habitats u maż-żoni ta’ konservazzjoni l-oħra (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 117). |
|
84 |
Għaldaqstant, bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova li, f’kull każ konkret, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jifformula l-għanijiet ta’ konservazzjoni b’mod kwantitattiv u li jista’ jitkejjel sabiex jiżgura l-istat ta’ konservazzjoni mixtieq tas-sit inkwistjoni (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 118). |
|
85 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-obbligu impost fuqha li tipprova n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, il-Kummissjoni ma tistax, bl-iskuża li tikkritika lill-Istat Membru kkonċernat dwar nuqqas ta’ twettiq ġenerali u persistenti tal-obbligi imposti fuq dan tal-aħħar skont id-dritt tal-Unjoni, ma tosservax dan l-obbligu li tipproduċi l-prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat abbażi ta’ elementi konkreti li jikkaratterizzaw il-ksur tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li hija tinvoka u tibbaża ruħha fuq sempliċi preżunzjonijiet jew kawżali skematiċi (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
86 |
F’dan il-każ, huwa minnu li l-Kummissjoni ppreżentat eżempji konkreti ta’ digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni li fihom l-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi inkwistjoni ma jidhrux li huma fformulati b’mod suffiċjentement iddettaljat u speċifiku għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni. |
|
87 |
Madankollu, minn naħa, dawn l-eżempji ġew ippreżentati mill-Kummissjoni biss sabiex turi l-prattika ġenerali u strutturali tar-Repubblika tal-Bulgarija, li, skont dik l-istituzzjoni, tmur kontra l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
88 |
Issa, fit-talbiet tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-dispożizzjoni minħabba l-assenza ta’ ffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni b’mod iddettaljat u speċifiku, kwantitattiv u li jista’ jitkejjel f’dak li jikkonċerna l-habitats u l-ispeċi preżenti fis-siti koperti mid-digrieti msemmija minn din l-istituzzjoni bħala eżempju fir-rikors. |
|
89 |
Min-naħa l-oħra, dan ir-rikors jirrigwarda numru kbir ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità li jinsabu fir-reġjuni bijoġeografiċi Alpini, tal-Baħar l-Iswed u Kontinentali, li huma kkaratterizzati minn diversità sinjifikattiva tal-ispeċi u tal-habitats. |
|
90 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-eżempji li hija ppreżentat insostenn tal-ilment intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ġenerali u strutturali tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva dwar il-habitats, huma rappreżentattivi għas-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
91 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li dik l-istituzzjoni la fir-rikors u lanqas fir-replika tagħha ma wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt, permezz ta’ argumenti u ta’ data suffiċjentement preċiża, ċara u ddettaljata, li l-eżempji ta’ digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni li fihom l-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi inkwistjoni ma humiex ifformulati b’mod kwantitattiv u li jista’ jitkejjel, li hija semmiet sabiex turi l-prattika ġenerali u strutturali tar-Repubblika tal-Bulgarija, huma rappreżentattivi taż-żoni speċjali kollha ta’ konservazzjoni inkwistjoni. |
|
92 |
Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud. |
C. Fuq it‑tielet ilment ibbażat fuq l‑assenza ta’ stabbiliment tal‑miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji
1. L‑argumenti tal‑partijiet
|
93 |
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset b’mod sistematiku u persistenti milli twettaq l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats li tistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva u tal-ispeċi msemmija fl-Anness II tagħha li jinsabu fis-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni. |
|
94 |
B’mod iktar konkret, il-Kummissjoni tqis li din is-sitwazzjoni hija l-konsegwenza tan-nuqqas tar-Repubblika tal-Bulgarija li tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati u speċifiċi għas-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 85), dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni. |
|
95 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija rrikonoxxiet, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, id-dewmien fix-xogħlijiet leġiżlattivi intiżi sabiex jagħmlu vinkolanti l-pjanijiet ta’ ġestjoni territorjali li jinkludu l-imsemmija miżuri ta’ konservazzjoni. |
|
96 |
Fir-rigward tal-miżuri ta’ konservazzjoni previsti fil‑11‑il digriet ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni adottati bejn l‑2015 u l‑2019, il-Kummissjoni ssostni li dawn id-digrieti jirrigwardaw biss 11 mill‑229 sit ta’ importanza għall-Komunità li r-Repubblika tal-Bulgarija għandha l-obbligu tipproteġi. Barra minn hekk, għall-parti l-kbira ta’ dawn is-siti, miżuri attivi speċifikament iffokati fuq kull waħda mill-ispeċi differenti u fuq kull wieħed mit-tipi differenti ta’ habitats li jinsabu fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli huma neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti. Issa, il-miżuri attivi għandhom jiġu ddeterminati skont l-għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati speċifiċi għal kull sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, li huma nieqsa fl-imsemmija digrieti. |
|
97 |
Fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni adottati mir-Repubblika tal-Bulgarija fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni speċjali, skont id-Direttiva dwar l-għasafar, il-Kummissjoni tammetti li huwa minnu li ċerti miżuri stabbiliti għall-ispeċi ta’ għasafar, b’mod partikolari l-miżuri ta’ konservazzjoni, jistgħu indirettament ikunu utli wkoll għall-ispeċi u għall-habitats protetti fil-kuntest ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità, skont id-Direttiva dwar il-habitats. Madankollu, dan il-fatt ma jistax jeżenta lill-awtoritajiet Bulgari mill-obbligu tagħhom li jadottaw il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għall-ispeċi kollha u għat-tipi kollha ta’ habitats previsti fid-Direttiva dwar il-habitats, li huma protetti fis-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni. |
|
98 |
Fir-rigward tad-diversi atti amministrattivi u normattivi, kif ukoll ta’ dokumenti strateġiċi oħra, indikati mir-Repubblika tal-Bulgarija matul il-proċedura prekontenzjuża, li fihom jinsabu, skont dan l-Istat Membru, miżuri li għandhom rabta mal-konservazzjoni, maż-żamma jew mal-irkupru tal-istat tal-habitats u tal-ispeċi fis-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn il-miżuri, li huma wisq ġenerali u inkompleti, ma jikkostitwixxux miżuri ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
99 |
Il-Kummissjoni tqis li d-digrieti l-ġodda ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, ikkomunikati mir-Repubblika tal-Bulgarija f’Mejju 2020, lanqas ma jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, dawn id-digrieti, li sempliċement jipprevedu rakkomandazzjonijiet, jirrigwardaw biss il-ġestjoni tar-raba’ u tal-mergħat u ma jindikawx minn min, meta u fuq liema superfiċji għandhom jiġu implimentati. |
|
100 |
Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirribatti li l-miżuri ta’ konservazzjoni li hija adottat huma kompleti, ċari u preċiżi, u li dawn ġew implimentati b’mod effettiv, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-miżuri huma ddefiniti skont l-eżiġenzi ekoloġiċi tal-ispeċi u tat-tipi ta’ habitats naturali inkwistjoni. |
|
101 |
F’ċertu numru ta’ każijiet fejn il-limiti spazjali taż-żoni ta’ protezzjoni speċjali previsti mid-Direttiva dwar l-għasafar jikkoinċidu ma’ dawk tas-siti ta’ importanza għall-Komunità, imsemmija mid-Direttiva dwar il-habitats, il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet diġà imposti f’dak li jikkonċerna ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali jikkontribwixxu għall-osservanza tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità. |
|
102 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Bulgarija tippreżenta xi eżempji ta’ miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għal ċerti żoni ta’ protezzjoni speċjali, jiġifieri b’mod partikolari dawk previsti miż-ZBR, mil-leġiżlazzjoni Bulgara dwar il-kaċċa u l-protezzjoni tal-annimali tal-kaċċa, l-iżvilupp tat-territorju tal-kosta tal-Baħar l-Iswed, il-ħawħ u l-akkwakultura, kif ukoll mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-isfruttament forestali. Barra minn hekk, permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Frar 2015 tal-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Ikel, ġew stabbiliti standards nazzjonali għal kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba. Dawn huma applikabbli kemm għat-tipi ta’ habitats tal-ilma ħelu kif ukoll għall-kosta u għall-ispeċi marbuta magħhom, kif ukoll għal serje ta’ formazzjonijiet ta’ mergħat u ta’ semimergħat u għall-ispeċi relatati magħhom. |
|
103 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Kummissjoni interpretat b’mod selettiv uħud mill-miżuri msemmija fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, barra mill-kuntest globali tal-leġiżlazzjoni Bulgara u mid-diversi dokumenti kollha li jesponu l-miżuri ta’ protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Issa, id-diversi atti regolatorji u amministrattivi kif ukoll id-dokumenti ta’ ppjanar, ta’ programmazzjoni u ta’ strateġija huma wkoll rilevanti f’dan ir-rigward. Meta dawn l-atti u dawn id-dokumenti jitqiesu fit-totalità tagħhom għal żona speċifika ta’ konservazzjoni partikolari, l-applikazzjoni tagħhom testendi għat-tipi kollha ta’ użu taż-żona inkwistjoni, f’dak li jirrigwarda kemm il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet ta’ attivitajiet kif ukoll il-miżuri attivi implimentati għall-ġestjoni taż-żoni inkwistjoni. |
|
104 |
Dan l-Istat Membru jżid li d-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni jirreferu għal atti legali u amministrattivi u għal dokumenti ta’ ppjanar, ta’ programmazzjoni u ta’ strateġija li jipprevedu miżuri intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni. L-azzjonijiet rakkomandati minn dawn id-digrieti jistgħu jiġu implimentati wkoll bħala miżuri kuntrattwali volontarji, kif inhu l-każ fi Stati Membri oħra fir-rigward tal-ġestjoni tan-network Natura 2000. |
|
105 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fl-assenza ta’ argumenti ċari u ta’ riferimenti preċiżi fir-risposta tar-Repubblika tal-Bulgarija, hija ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika jekk id-diversi annessi ta’ din l-aħħar risposta jippermettux li jiġi ssostanzjat l-argument ta’ dan l-Istat Membru, li l-prattika tiegħu hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
106 |
Skont dik l-istituzzjoni, il-miżuri kollha mifruxa fl-atti legali u amministrattivi kif ukoll fid-diversi dokumenti strateġiċi, ta’ ppjanar u ta’ programmazzjoni ma humiex marbuta maż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni u mal-għanijiet speċifiċi tagħhom ta’ konservazzjoni. |
|
107 |
Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-miżuri ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, għandhom jiġu stabbiliti u implimentati fil-kuntest ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni speċifiċi u għandhom ikunu bbażati fuq għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull sit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑290/18, EU:C:2019:669, punt 52, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 85). |
|
108 |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tindika li l-każijiet li fihom il-miżuri ta’ konservazzjoni ma humiex marbuta mal-identifikazzjoni ta’ sit speċifiku huma ġeneralment dawk li fihom dawn il-miżuri jiġu introdotti għas-siti kollha jew għas-siti kollha li fihom huwa protett tip partikolari ta’ habitat naturali jew speċi partikolari. |
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
109 |
Għandu jiġi kkonstatat li, bħal fil-każ tal-argument ippreżentat mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni lment, dik l-istituzzjoni ma tallegax fir-rikors tagħha, fir-rigward tat-tielet ilment, li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli tadotta l-miżuri ta’ konservazzjoni għas-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, jiġifieri s-siti speċifiċi msemmija fl-ewwel ilment tagħha, iżda tillimita ruħha fit-talbiet ta’ dan ir-rikors li takkuża lil dan l-Istat Membru bi ksur “sistematiku u persistenti” tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
110 |
Barra minn hekk, bħal fil-kuntest tat-tieni lment, il-Kummissjoni sempliċement tagħmel riferiment, fir-rigward tat-tielet ilment, għal ċerti eżempji ta’ digrieti ta’ identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni adottati mill-awtoritajiet Bulgari sabiex turi nuqqas sistematiku u persistenti tar-Repubblika tal-Bulgarija ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
111 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, bi ksur tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tan-natura rappreżentattiva ta’ dawn l-eżempji u ma kkunsidratx siti ta’ importanza għall-Komunità speċifiċi jew żoni speċjali ta’ konservazzjoni konkreti. |
|
112 |
Minn dan isegwi li t-tielet ilment għandu jiġi miċħud. |
D. Fuq ir‑raba’ lment ibbażat fuq it‑traspożizzjoni mhux korretta fid‑dritt nazzjonali tal‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva dwar il‑habitats
1. L‑argumenti tal‑partijiet
|
113 |
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Bulgarija talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats sa fejn il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tipprevedi li l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni huwa fakultattiv. |
|
114 |
Issa, mis-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑508/04, EU:C:2007:274, punti 76 u 87), jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu tali miżuri. |
|
115 |
Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 27 taż-ZBR, “[j]istgħu jitħejjew pjanijiet ta’ ġestjoni”. Huwa minnu li l-Artikoli 12 u 19 taż-ZBR jipprevedu l-possibbiltà li jiġu adottati, fil-preżenza ta’ riskju ta’ degradazzjoni ta’ siti protetti, projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet ta’ attivitajiet li jmorru kontra l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn is-siti. Madankollu, l-obbligu li jiġu adottati l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, ma jistax ikun limitat għall-imsemmija projbizzjonijiet u restrizzjonijiet li għandhom jiġu adottati u għandu jinkludi l-adozzjoni, f’ċerti każijiet, ta’ miżuri attivi ta’ konservazzjoni. |
|
116 |
Fir-rigward tal-Artikolu 118 taż-ZBR, dan jipprevedi li l-azzjonijiet ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità għandhom ikunu konformi mal-prijoritajiet stabbiliti f’din il-liġi, fil-kuntest tal-istrateġija nazzjonali u fil-pjan nazzjonali ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità. Madankollu, dan l-artikolu ma fih l-ebda riferiment għall-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 29 taż-ZBR. |
|
117 |
Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tikkontestax li, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jiġu adottati fil-każijiet kollha, peress li l-espressjoni “fejn jixraq”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, tirreferi biss għall-pjanijiet ta’ ġestjoni u ma tistax tinftiehem bħala limitazzjoni ġenerali tal-obbligu li jiġu adottati l-miżuri legali, amministrattivi jew kuntrattwali xierqa. |
|
118 |
Madankollu, billi jiċċita s-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2012:71, punti 60 u 61), kif ukoll tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑151/12, EU:C:2013:690, punti 27 u 28), dan l-Istat Membru jsostni li, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla tal-mezzi u tal-metodi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha. B’hekk, it-traspożizzjoni ta’ direttiva ma tkunx neċessarjament teżiġi azzjoni leġiżlattiva f’kull Stat Membru. |
|
119 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Artikoli 12, 19, 27, 29, 30 u 118 taż-ZBR ittrasponew l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
120 |
L-Artikolu 12 ta’ din il-liġi jistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom josservaw id-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Għalhekk, mal-identifikazzjoni taż-żona speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni, jiġu stabbiliti miżuri ta’ konservazzjoni. |
|
121 |
L-Artikolu 19 tal-imsemmija liġi jipprevedi azzjonijiet intiżi għall-protezzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità qabel l-identifikazzjoni tagħhom bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet jistgħu jiġu imposti wkoll qabel l-identifikazzjoni ta’ tali żona jekk ikun hemm riskju ta’ ħsara għas-sit ikkonċernat. Issa, l-imsemmija projbizzjonijiet u restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
122 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija żżid li, skont l-Artikolu 27 taż-ZBR, pjanijiet ta’ ġestjoni jistgħu jitħejjew għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni u li l-Artikolu 29 ta’ din il-liġi jipprevedi l-miżuri li għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet ta’ ġestjoni. |
|
123 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 30 taż-ZBR, il-pjanijiet ta’ żvilupp tat-territorju, il-pjanijiet reġjonali ta’ żvilupp forestali, il-pjanijiet u l-programmi forestali, il-programmi nazzjonali u reġjonali mfassla skont liġijiet oħra għandhom josservaw id-digrieti li jidentifikaw iż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni u l-miżuri previsti fil-pjanijiet ta’ ġestjoni. |
|
124 |
Skont il-punt 2 tal-Artikolu 118(1) taż-ZBR, il-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fid-Direttiva dwar il-habitats għandhom jiġu speċifikati fil-pjanijiet, fil-proġetti, fil-programmi, fil-politiki u fl-istrateġiji kollha tas-settur ikkonċernat. |
|
125 |
Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Bulgara tipprevedi mhux biss strumenti legali li jiżguraw il-konservazzjoni tas-siti protetti fil-kuntest ta’ Natura 2000, iżda wkoll dispożizzjonijiet espressi li jobbligaw lill-awtoritajiet kompetenti japplikaw l-imsemmija strumenti fil-każijiet previsti u skont il-kriterji ddefiniti mid-Direttiva dwar il-habitats. |
|
126 |
Fir-rigward tal-miżuri attivi ta’ konservazzjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirreferi għall-punt 9 tal-Artikolu 115(1) taż-ZBR, li jipprovdi li l-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jiżviluppa u jimplimenta mekkaniżmi intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-attivitajiet tal-proprjetarji jew tal-utenti, tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, tal-assoċjazzjonijiet u oħrajn intiżi għall-konservazzjoni, għaż-żamma u għar-restawr tal-bijodiversità. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jippreżenta eżempji ta’ tali miżuri, adottati skont il-leġiżlazzjoni Bulgara. |
|
127 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 12 u 19 taż-ZBR jikkonċernaw biss ċerti tipi ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, jiġifieri projbizzjonijiet u restrizzjonijiet, u mhux miżuri proattivi ta’ konservazzjoni. L-Artikoli 27 u 29 taż-ZBR jipprevedu biss il-possibbiltà li jitfasslu pjanijiet ta’ ġestjoni u mhux l-introduzzjoni obbligatorja ta’ miżuri ta’ konservazzjoni għas-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità. L-Artikolu 30 l-Artikolu 118(1) taż-ZBR jintroduċu ċerti rekwiżiti għal ċerti tipi ta’ pjanijiet u ta’ programmi li ma jimplimentawx l-obbligi imposti minn Natura 2000 iżda dawn ir-rekwiżiti ma jinkludux ġabra sħiħa ta’ miżuri ta’ konservazzjoni għas-siti protetti kollha fil-kuntest ta’ Natura 2000. |
|
128 |
Fir-rigward tal-Artikoli 115 u 118 kif ukoll tal-Artikolu 119(1) taż-ZBR, li għalihom tirreferi r-Repubblika tal-Bulgarija fir-risposta tagħha, dawn jiddeterminaw is-setgħat tad-diversi entitajiet f’dak li jirrigwarda l-politika fil-qasam tal-bijodiversità, iżda ma jipprevedu la l-istabbiliment u lanqas l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji fiż-żoni speċjali kollha ta’ konservazzjoni. |
|
129 |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirribatti li, fl-ordinament ġuridiku Bulgaru, l-awtonomija tal-awtoritajiet amministrattivi tikkonsisti fl-għażla tal-mezzi l-iktar xierqa sabiex jiġu implimentati l-obbligi legali. |
|
130 |
Dan l-Istat Membru jinvoka wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Cascina Tre Pini (C‑301/12, EU:C:2014:214, punti 40 sa 41), li tipprovdi li d-direttiva, filwaqt li torbot lil kull Stat Membru destinatarju fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, tħalli f’idejn il-qrati nazzjonali l-kompetenza fir-rigward tal-forma u tal-mezzi. |
|
131 |
Konformement mad-dispożizzjonijiet taż-ZBR, l-adozzjoni ta’ digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 12 ta’ din il-liġi ma hijiex possibbiltà iżda obbligu għall-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, u dan fir-rigward ta’ dawn iż-żoni kollha. Dawn l-awtoritajiet huma wkoll obbligati jindikaw fid-digrieti tagħhom is-suġġett u l-għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-żona speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni kif ukoll il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet ta’ attivitajiet li jmorru kontra dawn l-għanijiet. |
|
132 |
Minbarra l-pjanijiet ta’ żvilupp tat-territorju, il-pjanijiet reġjonali ta’ żvilupp taż-żoni forestali u l-pjanijiet u l-programmi tas-settur forestali, l-Artikolu 30(1) taż-ZBR jipprevedi li l-programmi nazzjonali u reġjonali kollha mfassla skont liġijiet oħra minbarra ż-ZBR għandhom ikunu konformi mad-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni kif ukoll mal-emendi eventwali tagħhom. |
|
133 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija żżid li l-Artikolu 35 taż-ZBR jipprevedi l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri għall-konservazzjoni tal-ispeċi u jipprovdi speċifikament li l-ispeċi veġetali, tal-annimali u fungali tal-flora, tal-fawna u tal-fungi selvaġġi huma protetti fl-ambjent naturali tagħhom permezz, b’mod partikolari, tal-konservazzjoni tal-habitats tagħhom fin-network ekoloġiku nazzjonali, permezz tat-tqegħid tal-ispeċi taħt sistema ta’ protezzjoni jew ta’ użu rregolat, u permezz taż-żamma jew tal-irkupru tal-kundizzjonijiet tal-habitat konformement mar-rekwiżiti ekoloġiċi tal-ispeċi inkwistjoni. |
|
134 |
Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-ilma tipprevedi l-implimentazzjoni obbligatorja ta’ miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità. Kif jirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni, il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċiri idrografiċi għandhom jipprevedu miżuri li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ tali siti, abbażi tal-analiżi meħtieġa mill-imsemmija leġiżlazzjoni. Dawn il-miżuri ma humiex limitati għal projbizzjonijiet jew għal restrizzjonijiet ta’ attivitajiet. |
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
135 |
Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, għal kull żona speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva li jinsabu fis-sit ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
136 |
Il-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats ma jistgħux, bħala prinċipju, ikunu limitati għall-miżuri intiżi sabiex jevitaw il-ħsara u t-tfixkil estern ikkawżati mill-bniedem u għandhom jinkludu, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri proattivi pożittivi għaż-żamma jew għall-irkupru fi stat ta’ konservazzjoni tas-sit (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 150). |
|
137 |
Fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv nazzjonali neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dawn l-obbligi, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-habitats għandhom jiġu implimentati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
138 |
F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentat, fir-risposta tagħha, ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet konkreti ta’ natura vinkolanti li jipprevedu l-istabbiliment, mill-awtoritajiet Bulgari, ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, b’mod partikolari ta’ miżuri attivi ta’ konservazzjoni. |
|
139 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni sostniet li l-imsemmija dispożizzjonijiet Bulgari ma jipprevedux obbligu li jiġu adottati l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji fiż-żoni speċjali kollha ta’ konservazzjoni. |
|
140 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq konfużjoni bejn, minn naħa, l-assenza ta’ qafas normattiv suffiċjenti, fi Stat Membru, li jippermetti, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 137 ta’ din is-sentenza, li jiġu adottati l-miżuri ta’ konservazzjoni xierqa u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ stabbiliment tal-imsemmija miżuri għaż-żoni speċjali kollha ta’ konservazzjoni. |
|
141 |
Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-aspetti, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-elementi ppreżentati mir-Repubblika tal-Bulgarija, b’mod partikolari l-eżempji ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-obbligu, għall-awtoritajiet Bulgari, li jistabbilixxu miżuri ta’ konservazzjoni, inklużi miżuri proattivi, il-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-leġiżlazzjoni Bulgara ma tippermettix li jiġi żgurat it-twettiq effettiv tal-obbligi ta’ dan l-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
142 |
Fir-rigward tat-tieni wieħed minn dawn l-aspetti, għandu jiġi kkonstatat li dan diġà kien is-suġġett tat-tielet ilment li fil-kuntest tiegħu l-Kummissjoni ma tallegax li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli tadotta l-miżuri ta’ konservazzjoni għas-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, jiġifieri s-siti speċifiċi msemmija fl-ewwel ilment tagħha. |
|
143 |
Għaldaqstant, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud. |
|
144 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats billi naqset milli tidentifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin, 194 mill‑229 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni. |
|
145 |
Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. |
Fuq l‑ispejjeż
|
146 |
Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
147 |
F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Bulgarija tilfu xi uħud mit-talbiet tagħhom, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.