11.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 360/115


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1777

tal-5 ta’ Ottubru 2021

li tawtorizza lill-Italja tapplika rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq iż-żejt tal-gass użat għal skopijiet ta’ tisħin u għall-elettriku fornut fil-muniċipalità ta’ Campione d’Italia

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tal-ittra tas-7 ta’ Awwissu 2020, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2026, rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq iż-żejt tal-gass użat għal skopijiet ta’ tisħin u fuq l-elettriku, fornut fil-muniċipalità ta’ Campione d’Italia skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. L-Italja pprovdiet aktar informazzjoni u kjarifiki b’appoġġ għat-talba fid-19 ta’ Jannar 2021.

(2)

Il-muniċipalità ta’ Campione d’Italia hija parti mit-territorju Taljan fl-Iżvizzera b’ambitu ġeografiku limitat ħafna u popolazzjoni żgħira. Iż-żona hija muntanjuża, li tillimita l-iżvilupp urban, l-attivitajiet industrijali u l-aċċessibbiltà ġenerali tagħha. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, in-nuqqas ta’ aċċess tagħha għan-network tal-gass naturali u l-kundizzjonijiet klimatiċi severi tagħha, il-kostijiet tal-forniment ta’ prodotti tal-enerġija lil Campione d’Italia huma għoljin, kemm jekk jiġu fornuti mill-Iżvizzera kif ukoll mill-Italja. Barra minn hekk, id-dħul ta’ Campione d’Italia fit-territorju doganali tal-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2020 wassal għal żieda fil-kostijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u n-negozji. Barra minn hekk, Campione d’Italia qed tesperjenza kriżi ekonomika serja, li ġiet aggravata mill-pandemija tal-COVID-19.

(3)

Sabiex jiġi mitigat il-kost għoli tal-enerġija f’Campione d’Italia, it-tassazzjoni fuq ċerti prodotti tal-enerġija għandha titnaqqas.

(4)

Il-miżura mitluba ġiet rieżaminata mill-Kummissjoni u nstab li ma tikkawżax distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ittellef il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u ma tistax titqies inkompatibbli mal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent, l-enerġija u t-trasport. It-tassazzjoni mnaqqsa kemm għaż-żejt tal-gass kif ukoll għall-elettriku jibqgħu daqs jew ogħla mil-livelli minimi ta’ tassazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE, u jikkumpensaw parzjalment għaż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija fil-muniċipalità ta’ Campione d’Italia. It-tnaqqis tat-taxxa m’huwiex kumulattiv ma’ xi tip ieħor ta’ tnaqqis tat-taxxa.

(5)

Jenħtieġ għalhekk li l-Italja tkun awtorizzata tapplika rati ta’ tassazzjoni mnaqqsa għaż-żejt tal-gass użat għal skopijiet ta’ tisħin u għall-elettriku fornut fil-muniċipalità ta’ Campione d’Italia.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi segwiti mill-miżura ta’ deroga, b’mod partikolari dawk li jiġu evitati effetti ta’ tfixkil minħabba ċ-ċirkostanzi ekonomiċi, soċjali u ġeografiċi attwali ta’ Campione d’Italia u li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti permezz tal-mitigazzjoni tal-ispejjeż għoljin tal-enerġija, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Billi tipprevedi l-applikazzjoni minn data qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura ta’ deroga, l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi tas-suq u tal-individwi huma rispettati, peress li l-miżura ta’ deroga ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

(7)

Kull awtorizzazzjoni li tingħata f’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE għandha tkun għal żmien limitat b’mod strett. Sabiex tipprovdi lill-muniċipalità ta’ Campione d’Italia b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perijodu ta’ sitt snin. Madankollu, biex ma jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, jixraq li jiġi stipulat li, jekk il-Kunsill li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li għalihom ma tkunx tista’ tiġi adattata din l-awtorizzazzjoni, din l-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tieqaf tapplika fil-jum li fih dawk ir-regoli ġenerali jsiru applikabbli.

(8)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Italja hija awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni għaż-żejt tal-gass użat għal skopijiet ta’ tisħin u għall-elettriku fornut fil-muniċipalità ta’ Campione d’Italia, dment li jiġu rrispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Madankollu, jekk il-Kunsill li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li għalihom l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tkunx ġiet adattata, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dawk ir-regoli ġenerali jsiru applikabbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ŠIRCELJ


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.