|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2426 |
6.11.2023 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2426
tat-23 ta’ Ottubru 2023
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju f’konformità ma’ dik il-Konvenzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 (1) u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017. |
|
(2) |
Skont id-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċeduri, adottata mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (“COP”) fl-ewwel laqgħa tagħha tal-24-29 ta’ Settembru 2017, il-Partijiet għall-Konvenzjoni (“il-Partijiet”) iridu jagħmlu kull sforz biex jilħqu qbil b’kunsens dwar il-materji kollha ta’ sustanza. |
|
(3) |
Il-COP, matul it-tielet laqgħa tagħha tal-25-29 ta’ Novembru 2019, adottat id-Deċiżjoni MC-3/5 dwar il-limiti għall-iskart li jikkonsisti mill-merkurju jew mill-komposti tal-merkurju jew li fih minnhom, kif imsemmi fl-Artikolu 11(2), il-punti (a) u (b), tal-Konvenzjoni, u talbet li l-grupp ta’ esperti tekniċi stabbilit mill-COP fit-tieni laqgħa tagħha tad-19-23 ta’ Novembru 2018, jiżviluppa limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju jew bil-komposti tal-merkurju imsemmi fl-Artikolu 11(2), il-punt (c), tal-Konvenzjoni (“skart ikkontaminat bil-merkurju”), inkluż għaż-żwiel mill-estrazzjoni minerarja għajr l-estrazzjoni primarja tal-merkurju. |
|
(4) |
Il-COP, matul it-tieni segment tar-raba’ laqgħa tagħha tal-21–25 ta’ Marzu 2022, ma setgħetx tadotta deċiżjoni dwar il-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju. Minflok, id-Deċiżjoni MC-4/6 talbet li l-grupp ta’ esperti tekniċi jkompli l-ħidma tiegħu primarjament b’mezzi elettroniċi u li jorganizza laqgħa wiċċ imb wiċċ ta’ tul ta’ żmien suffiċjenti biex jindirizza l-iskart ikkontaminat bil-merkurju, soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi, u li jirrapporta dwar il-ħidma tiegħu lill-COP fil-ħames laqgħa tagħha li ser issir mit-30 ta’ Ottubru sat-3 ta’ Novembru 2023. |
|
(5) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħames laqgħa tal-COP, billi d-Deċiżjoni proposta li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju, jekk tiġi adottata, ser ikollha effetti legali, peress li l-Partijiet ser ikollhom jieħdu miżuri biex jimplimentawha fil-livell nazzjonali jew reġjonali. |
|
(6) |
L-Unjoni kkontribwiet b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet dwar l-iskart tal-Konvenzjoni u għall-ħidma intersessjonali tal-esperti li ġiet imnedija bid-Deċiżjoni MC-3/5 u li wassal għar-rakkomandazzjonijiet. L-acquis tal-Unjoni teħtieġ li l-iskart tal-merkurju kollu msemmi fl-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni, inkluż l-iskart ikkontaminat bil-merkurju, jiġi mmaniġġjat mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, irrispettivament mill-kontenut tal-merkurju tiegħu. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa biss l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-COP li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħames laqgħa tal-COP għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
L. PLANAS PUCHADES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2426/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)