SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn status ta’ refuġjat – Artikolu 2(d) u (e) – Kunċett ta’ ‘att ta’ persekuzzjoni’ – Livell ta’ gravità meħtieġ – Artikolu 9 – Akkumulazzjoni suffiċjentement gravi ta’ miżuri diskriminatorji kontra n-nisa – Artikolu 9(1)(b) – Forom ta’ atti ta’ persekuzzjoni – Artikolu 9(2) – Valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 4(3) – Obbligu ta’ valutazzjoni individwali – Portata”
Fil-Kawżi magħquda C‑608/22 u C‑609/22,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑14 ta’ Settembru 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Settembru 2022, fil-proċeduri
AH (C‑608/22)
FN (C‑609/22)
vs
Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal AH, minn N. Lorenz, Rechtsanwältin, |
|
– |
għal FN, minn S. Moschitz‑Kumar, Rechtsanwältin |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u M. Kopetzki, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, A. Van Baelen u M. Van Regemorter, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn B. Fodda u J. Illouz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, J. Hottiaux u H. Leupold, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, rispettivament, AH u FN u l-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u d-Dritt għall-Ażil, l-Awstrija) dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ dan tal-aħħar li permezz tagħhom ċaħad l-applikazzjonijiet tagħhom għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
Il‑Konvenzjoni ta’ Genève
|
3 |
Skont il-punt 2 tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 u ssupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”): “Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, il-kelma ‛refuġjat’ għandha tapplika għal kwalunkwe persuna li […] minħabba biża’ debitament fondata ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-razza tagħha, mar-reliġjon tagħha, man-nazzjonalità tagħha, mal-appartenenza tagħha fi grupp soċjali partikolari jew mal-opinjoni politika tagħha, tinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Iċ‑CEDEF
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (iktar ’il quddiem iċ-“CEDEF”), adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit‑18 ta’ Diċembru 1979, li daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ Settembru 1981 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1249, Nru I‑20378, p. 13) u li għaliha l-Istati Membri kollha huma partijiet: “Għall-finijiet ta’ [din il-konvenzjoni], l-espressjoni ‘diskriminazzjoni kontra n-nisa’ tkopri kull distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni abbażi tas-sess li għandha l-effett jew l-għan li tagħmel ħsara jew li ġġib fix-xejn ir-rikonoxximent, it-tgawdija jew l-eżerċizzju min-nisa, ikun xi jkun l-istat ċivili tagħhom, abbażi ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
5 |
L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi li l-Istati li huma parti f’din tal-aħħar għandhom, f’kull qasam, b’mod partikolari fl-oqsma politiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali, jieħdu l-miżuri xierqa kollha, inkluż dispożizzjonijiet leġiżlattivi, sabiex jiżguraw l-iżvilupp sħiħ u l-progress tan-nisa u sabiex jiżgurawlhom l-eżerċizzju u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali abbażi ta’ ugwaljanza mal-irġiel. |
|
6 |
Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija konvenzjoni, l-Istati li huma parti f’din tal-aħħar għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jimmodifikaw il-modi ta’ mġiba soċjokulturali tal-irġiel u tan-nisa bil-għan li jiġu eliminati l-preġudizzji u l-prassi konswetudinali, jew ta’ kwalunkwe tip ieħor, li huma bbażati fuq l-idea ta’ inferjorità jew ta’ superjorità ta’ sess wieħed jew l-ieħor jew ta’ rwol sterjotipiku tal-irġiel u tan-nisa. |
|
7 |
Skont l-Artikoli 7, 10 u 16 tal-istess konvenzjoni, l-Istati li huma parti f’din tal-aħħar għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-ħajja politika u pubblika tal-pajjiż, f’dak li għandu x’jaqsam mal-edukazzjoni u f’dak kollu li għandu x’jaqsam maż-żwieġ u mar-relazzjonijiet tal-familja. |
Il‑Konvenzjoni ta’ Istanbul
|
8 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika ġiet konkluża f’Istanbul fil‑11 ta’ Mejju 2011 u ġiet iffirmata mill-Unjoni Ewropea fit‑13 ta’ Ġunju 2017, approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal‑1 ta’ Ġunju 2023 (ĠU 2023, L 143 I, p. 4) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Istanbul”), u li daħlet fis-seħħ, fir-rigward tal-Unjoni, fl‑1 ta’ Ottubru 2023. Skont l-Artikolu 1 tagħha, din il-konvenzjoni tfittex, b’mod partikolari, kemm li tipproteġi lin-nisa kontra kull forma ta’ vjolenza, u li tipprevjeni, li tħarrek u li telimina l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, kif ukoll li tgħin sabiex telimina kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u sabiex tippromwovi l-ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel, inkluż billi tingħata s-setgħa lin-nisa. |
|
9 |
L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha, l-espressjoni “vjolenza kontra n-nisa” għandha tinftiehem bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem u bħala forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa, u tirreferi għal kull att ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru li jsarraf, jew li jista’ jsarraf, fi ħsara jew fi tbatija ta’ natura fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika għan-nisa, inkluż it-theddid ta’ atti bħal dawn, il-ġegħil jew it-teħid arbitrarju tal-libertà, sew jekk fil-ħajja pubblika u sew jekk fil-ħajja privata. |
|
10 |
L-Artikolu 4(2) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi: “Il-Partijiet għandhom jikkundannaw kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u għandhom, mingħajr dewmien, jieħdu l-miżuri leġislattivi u oħrajn neċessarji sabiex jipprevjenuha, billi, b’mod partikolari:
|
|
11 |
L-Artikolu 60(1) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul huwa fformulat kif ġej: “Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra sabiex il-vjolenza kontra n-nisa abbażi tal-ġeneru tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala forma ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1(A) tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u bħala forma ta’ ħsara gravi li tagħti lok għal protezzjoni komplementari/sussidjarja ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2011/95
|
12 |
Il-premessi 4 u 16 tad-Direttiva 2011/95 jiddikjaraw:
[…]
|
|
13 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]
|
|
14 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni. [...] 3. L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
[…]” |
|
15 |
Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju”: “Atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju jinkludu:
|
|
16 |
Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, jinkludi fih l-Artikolu 9 ta’ din tal-aħħar, intitolat “Atti ta’ persekuzzjoni”, li jipprovdi: “1. Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, att għandu:
2. Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:
[...]
3. Bi qbil ma punt (d) tal-Artikolu 2, irid ikun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1 ta dan l-Artikolu jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra atti bħal dawn.” |
|
17 |
L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(d) tiegħu: “L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni: […]
[…]” |
Id‑Direttiva 2013/32/UE
|
18 |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), intitolat “Rekwiżiti għall-eżami ta’ applikazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
[…]
|
Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
|
19 |
AH hija ċittadina Afgana mwielda fl‑1995. Wara li missierha xtaq ibigħha, hija ħarbet, flimkien ma’ ommha, lejn l-Iran. Wara li għexet il-Greċja fejn proprju żżewġet, fl‑2015 daħlet fl-Awstrija u ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru, fejn kien jgħix żewġha. |
|
20 |
FN hija ċittadina Afgana mwielda fl‑2007, li qatt ma għexet l-Afganistan. Fl‑2020, hija ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Awstrija. Ħuha, li huwa wkoll mill-Afganistan, kien diġà jibbenefika minn protezzjoni sussidjarja hemmhekk. Hija stqarret f’din it-talba li hija ħarbet mill-Iran fejn kienet tgħix ma’ ommha u maż-żewġt aħwa bniet tagħha, li ebda waħda minnhom ma kellha permess ta’ residenza, u din iċ-ċirkustanza żammitha milli tattendi l-iskola u lil ommhom milli taħdem, u li hija xtaqet tgħix b’mod liberu u jkollha l-istess drittijiet bħall-irġiel. |
|
21 |
Permezz tad-deċiżjonijiet tas‑26 ta’ Marzu 2018 u tal‑14 ta’ Ottubru 2020, l-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u d-Dritt għall-Ażil qies, rispettivament, li l-istqarrija ta’ AH ma kinitx kredibbli u li FN ma kinitx esposta għal riskju reali ta’ persekuzzjoni fl-Afganistan, u rrifjuta milli jirrikonoxxi lilhom l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2011/95. Huwa madankollu rrikonoxxa lil AH u lil FN l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, billi, essenzjalment, fin-nuqqas ta’ appoġġ soċjali fl-Afganistan, huma jkunu esposti għal diffikultajiet ekonomiċi u soċjali li kellhom jirritornaw hemmhekk. |
|
22 |
Kemm AH u kemm FN ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) u sostnew, b’mod partikolari, li, minn naħa, huma kienu ħaddnu valuri u għexu stil ta’ ħajja mnebbħa mill-Punent u li, min-naħa l-oħra, wara li t-Talibani ħatfu l-poter fis-sajf tal‑2021, is-sitwazzjoni fl-Afganistan kienet inbidlet b’tali mod li n-nisa kienu issa esposti għal persekuzzjoni kullimkien. |
|
23 |
Dik il-qorti ċaħdet dawn ir-rikorsi bħala infondati, billi ddeċidiet, fost l-oħrajn, li, meta wieħed iqis il-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ AH u ta’ FN fl-Awstrija, huma ma kinux adottaw stil ta’ ħajja tal-Punent” li sar element tant essenzjali tal-identità tagħhom li jkun impossibbli għalihom li jirrinunzjawh sabiex jaħarbu minn theddid ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. |
|
24 |
Kemm AH u kemm FN ippreżentaw rikors għal reviżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, u sostnew mill-ġdid li s-sitwazzjoni tan-nisa taħt ir-reġim il-ġdid tat-Talibani kienet tiġġustifika, waħedha, li jiġi rrikonoxxut lilhom l-istatus ta’ refuġjat. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, dik il-qorti rrilevat li n-nisa Afgani huma parti minn “grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, u li teżisti rabta bejn ir-raġuni għal persekuzzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni u l-“atti ta’ persekuzzjoni” li dawn in-nisa jistgħu jkunu esposti għalihom, kif jeżiġi l-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva. |
|
26 |
L-imsemmija qorti tfakkar li, fi żmien ir-reġim preċedenti tat-Taliban li dam mill‑1996 sal‑2001, hija ddeċidiet li s-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan kellha, fit-totalità tagħha, tiġi kklassifikata bħala waħda suffiċjentement gravi sabiex jitqies li l-miżuri diskriminatorji mmirati lejhom kienu jikkostitwixxu, fihom infushom, atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Għaldaqstant, dak iż-żmien, mara li tapplika għal protezzjoni internazzjonali kien jiġi rrikonoxxut lilha l-istatus ta’ refuġjat sempliċement minħabba li kienet mara Afgana. |
|
27 |
Wara l-waqgħa tar-reġim preċedenti tat-Talibani, l-istess qorti tindika li biddlet il-ġurisprudenza tagħha fis-sens li kienu biss in-nisa li kienu qegħdin f’riskju li jiġu ppersegwitati minħabba l-adozzjoni ta’ “stil ta’ ħajja mnebbaħ mill-Punent” li jkun sar tant essenzjali għall-identità tagħhom li wieħed ma jistax jistenna li dawn jirrinunzjaw għalih sabiex jaħarbu minn theddida ta’ persekuzzjoni, li setgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjat, liema evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq eżami in concreto taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Madankollu, hija tqis li l-miżuri adottati mit-Talibani kontra n-nisa minn mindu reġgħu lura fil-poter, sew jekk hija diskriminazzjoni, sew jekk vjolenza sesswali u sew jekk qtil, jilħqu skala paragunabbli ma’ dawk adottati mir-reġim preċedenti. |
|
28 |
F’dan il-kuntest ġdid, il-qorti tar-rinviju tfittex, fl-ewwel lok, li tiddetermina jekk il-miżuri adottati mit-Talibani kontra n-nisa humiex tant gravi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “att ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95. Hija tirrileva li huwa minnu li dawn il-miżuri kollha, meħuda waħedhom, ma jikkostitwixxux ksur gravi tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari ta’ dawk li, skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB, ma hija possibbli ebda deroga minnhom u, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt l-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva. Madankollu, hija tistaqsi jekk l-imsemmija miżuri, meħuda fl-intier tagħhom, humiex gravi biżżejjed fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tal-imsemmija direttiva. |
|
29 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk mara Afgana tistax tibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2011/95, mingħajr ma jsir eżami individwali tas-sitwazzjoni tagħha. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
31 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “att ta’ persekuzzjoni” akkumulazzjoni ta’ miżuri diskriminatorji kontra n-nisa adottati jew ittollerati minn “attur ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li, b’mod partikolari, iċaħħdu lin-nisa minn kull protezzjoni legali kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-vjolenza domestika u ż-żwieġ furzat, iġegħluhom jgħattu kompletament ġisimhom u wiċċhom, jirrestrinġu l-aċċess tagħhom għall-kura tas-saħħa, kif ukoll il-libertà ta’ moviment tagħhom, jipprojbixxuhom milli jeżerċitaw attività professjonali jew li jirrestrinġu l-eżerċizzju tagħha, jipprojbixxu l-aċċess għall-edukazzjoni u għall-isport u jeskluduhom mill-ħajja politika. |
|
32 |
Fl-ewwel lok, l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, li jirriproduċi l-punt 2 tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jiddefinixxi “refuġjat” bħala kull ċittadin ta’ pajjiż terz li, minħabba biża’ fondata ta’ persekuzzjoni minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari, ikun jinsab barra mill-pajjiż li tiegħu għandu n-nazzjonalità u li ma jkunx jista’ jew, minħabba din il-biża’, ma jkunx jixtieq, jinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż. L-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“[i]status ta’ refuġjat” bħala r-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat. |
|
33 |
L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 ma għandhiex issir biss fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan ta’ din id-direttiva, iżda għandha ssir wkoll b’osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève – liema konvenzjoni, kif proprju tiddikjara l-premessa 4 ta’ din id-direttiva, hija l-“pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati” – u ta’ trattati oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Fost dawn it-trattati hemm, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u ċ-CEDEF (sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Vittmi nisa tal-vjolenza domestika),C‑621/21, EU:C:2024:47, punti 37 u 44 sa 47, kif ukoll tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi),C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 36). |
|
34 |
Kif jikkonfermaw l-Artikoli 1 u 3, kif ukoll l-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel timplika, b’mod partikolari, id-dritt, għal kull mara, li tiġi protetta minn kull vjolenza marbuta mal-ġeneru, id-dritt li ma tkunx imġiegħla tiżżewweġ, kif ukoll id-dritt li tħaddan jew li ma tħaddanx twemmin, id-dritt li jkollha l-opinjonijiet politiċi tagħha u li tesprimihom u d-dritt li tagħmel l-għażliet b’mod liberu f’ħajjitha, b’mod partikolari, f’dak li għandu x’jaqsam mal-edukazzjoni tagħha, mal-karriera professjonali tagħha jew mal-attivitajiet fl-isfera pubblika. L-istess jgħodd għall-Artikoli 3, 5, 7, 10 u 16 taċ-CEDEF (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi),C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 37). |
|
35 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 60(1) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jipprovdi li l-vjolenza kontra n-nisa abbażi tal-ġeneru, li, skont l-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, għandha tinftiehem bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem u bħala forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa, għandha tiġi rrikonoxxuta bħala forma ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi),C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 55). |
|
36 |
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati, kif proprju tiddikjara l-premessa 16 tagħha, b’rispett tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta, li din id-direttiva tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni tagħha, u li l-Artikolu 21(1) tagħha jipprojbixxi kull diskriminazzjoni abbażi tas-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr stat ta’ oriġini Palestinjana), C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 39, tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kunċett ta’ dannu serju), C‑125/22, EU:C:2023:843, punt 60, u tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi),C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 38). |
|
37 |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95 isemmi l-fatturi li abbażi tagħhom att jista’ jitqies li jkun jikkostitwixxi persekuzzjoni fis-sens l-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. L-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva jispeċifika li l-att rilevanti għandu jkun gravi biżżejjed minħabba n-natura tiegħu jew minħabba r-ripetizzjoni tiegħu sabiex jikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, b’mod partikolari ta’ dawk li, skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB, ma hija possibbli ebda deroga minnhom, jiġifieri d-dritt għall-ħajja (l-Artikolu 2), id-dritt li wieħed ma jkunx suġġett għal tortura jew għal pieni jew għal trattamenti inumani jew degradanti (l-Artikolu 3), id-dritt li wieħed ma jkunx suġġett għall-iskjavitù (l-Artikolu 4(1)) jew għal kwalunkwe piena mhux prevista fil-liġi (l-Artikolu 7). |
|
38 |
L-użu, fl-Artikolu 9(1)(a) tal-imsemmija direttiva, tal-avverbju “partikolarment” jindika li r-riferiment għall-Artikolu 15(2) tal-KEDB isir b’mod indikattiv u juri l-livell ta’ gravità meħtieġ sabiex att ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “att ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 57). |
|
39 |
L-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju, jagħmilha possibbli wkoll li tiġi kklassifikata bħala “att ta’ persekuzzjoni” akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li tkun “serj[a] biżżejjed” sabiex taffettwa lil individwu b’mod “simili” għal dak indikat fl-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva. |
|
40 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, sabiex ksur tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, dan għandu jilħaq ċertu livell ta’ gravità (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-livell ta’ gravità huwa paragunabbli għal kull wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2011/95. |
|
41 |
Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-Artikolu 9(1)(b) ta’ din id-direttiva, tali livell ta’ gravità għandu, b’mod partikolari, jitqies li jkun intlaħaq meta, meħuda flimkien, diversi ksur ta’ drittijiet li ma jkunux neċessarjament jikkostitwixxu drittijiet li, skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB, ma hija possibbli ebda deroga minnhom, jagħmlu ħsara lir-rispett sħiħ tad-dinjità tal-bniedem, kif stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Karta, li d-Direttiva 2011/95 tfittex, b’mod espliċitu, li tiżgura, kif proprju jirriżulta mill-premessa 16 tagħha. |
|
42 |
F’dan il-każ, kif jenfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma hemm ebda dubju li, indipendentement mir-repressjoni li għaliha jesponu ruħhom in-nisa Afgani kemm‑il darba kellhom jonqsu milli josservaw ir-restrizzjonijiet li jimponi r-reġim tat-Taliban – liema restrizzjonijiet fihom infushom jistgħu jikkostitwixxu atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95 –, il-miżuri diskriminatorji li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju jilħqu l-livell ta’ gravità meħtieġ, kemm minħabba l-intensità tagħhom u l-effett kumulattiv tagħhom, kif ukoll minħabba l-konsegwenzi li għandhom għall-mara affettwata. |
|
43 |
Minn naħa, uħud minn dawn il-miżuri għandhom jiġu kklassifikati waħedhom bħala “att ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Dan jgħodd, b’mod partikolari, għaż-żwieġ furzat, li jista’ jiġi ekwiparat ma’ forma ta’ skjavitù, ipprojbit mill-Artikolu 4 tal-KEDB, u għan-nuqqas ta’ protezzjoni kontra l-vjolenza abbażi tas-sess u kontra l-vjolenza domestika, li jikkostitwixxu forom ta’ trattament inuman u degradanti, ipprojbiti mill-Artikolu 3 tal-KEDB. |
|
44 |
Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li, meħuda waħedhom, il-miżuri diskriminatorji kontra n-nisa li jirrestrinġu l-aċċess għall-kura tas-saħħa, għall-ħajja politika u għall-edukazzjoni, kif ukoll l-eżerċizzju ta’ attività professjonali jew sportiva, jew li jxekklu l-libertà ta’ moviment jew li jdgħajfu l-libertà li wieħed jilbes kif irid ma jikkostitwixxux ksur suffiċjentement gravi ta’ dritt fundamentali, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, dawn il-miżuri, meħuda fl-intier tagħhom, jaffettwaw lin-nisa b’tali mod li jilħqu l-livell ta’ gravità meħtieġ sabiex jikkostitwixxu atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif jirrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 sa 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-miżuri, billi għandhom effett akkumulat u billi huma applikati b’mod deliberat u sistematiku, iwasslu sabiex iċaħħdu, b’mod sfaċċat u persistenti, lin-nisa Afgani mid-drittijiet fundamentali marbuta mad-dinjità tal-bniedem minħabba s-sess tagħhom. L-imsemmija miżuri huma maħsuba sabiex iwaqqfu struttura soċjali bbażata fuq reġim ta’ segregazzjoni u ta’ oppressjoni li fih in-nisa huma esklużi mis-soċjetà ċivili u mċaħħda mid-dritt li jgħixu ħajja dinjituża fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. |
|
45 |
Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2011/95 li jinkludi lista indikattiva ta’ atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-punti (a) sa (c) u l-punt (f) ta’ dan il-paragrafu, il-vjolenza fiżika jew mentali, inkluż il-vjolenza sesswali, il-miżuri legali, il-miżuri amministrattivi, il-miżuri tal-pulizija u/jew il-miżuri ġudizzjarji li huma diskriminatorji fihom infushom jew implimentati b’mod diskriminatorju, il-prosekuzzjonijiet jew is-sanzjonijiet sproporzjonati jew diskriminatorji, kif ukoll l-atti mmirati lejn ġeneru jew ieħor. |
|
46 |
Fid-dawl tar-raġunijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “att ta’ persekuzzjoni” akkumulazzjoni ta’ miżuri diskriminatorji kontra n-nisa, adottati jew ittollerati minn “attur ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li, b’mod partikolari, iċaħħdu lin-nisa minn kull protezzjoni legali kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-vjolenza domestika u ż-żwieġ furzat, iġegħluhom jgħattu kompletament ġisimhom u wiċċhom, jirrestrinġu l-aċċess tagħhom għall-kura tas-saħħa, kif ukoll il-libertà ta’ moviment tagħhom, jipprojbixxuhom milli jeżerċitaw attività professjonali jew li jirrestrinġu l-eżerċizzju tagħha, jipprojbixxu l-aċċess għall-edukazzjoni u għall-isport u jeskluduhom mill-ħajja politika, peress li dawn il-miżuri, minħabba l-effett akkumulat tagħhom, jagħmlu ħsara lir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, kif iggarantit mill-Artikolu 1 tal-Karta. |
Fuq it-tieni domanda
|
47 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ mara fil-mument li fih tiġi evalwata l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali, il-miżuri diskriminatorji li għalihom hija tkun ġiet esposta jew tkun qiegħda f’riskju li tkun esposta f’dan il-pajjiż jikkostitwixxux atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-valutazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tal-imsemmija direttiva, il-fatturi partikolari għas-sitwazzjoni personali tagħha apparti s-sess u n-nazzjonalità tagħha. |
|
48 |
Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha, bħala prinċipju, tkun suġġetta għal valutazzjoni individwali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2013, X et, C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 73; tal‑25 ta’ Jannar 2018, F,C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 41, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 23). |
|
49 |
Skont l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, il-valutazzjoni individwali, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, dwar jekk il-biża’ ta’ persekuzzjoni ta’ applikant hijiex fondata jew le għandha ssir każ b’każ b’viġilanza u prudenza, abbażi biss ta’ evalwazzjoni konkreta tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fatti u ċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux theddida tali li l-persuna kkonċernata tista’ bir-raġun tibża’, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li tkun effettivament vittma ta’ atti ta’ persekuzzjoni li kellha tirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Vittmi nisa ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 60, u tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi),C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 59). |
|
50 |
Din id-dispożizzjoni telenka l-fatturi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni waqt eżami individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Fost dawn hemm il-fatti rilevanti li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini fil-mument li fih tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tal-applikant, inkluż fatturi bħall-passat tiegħu, is-sess tiegħu u l-età tiegħu. |
|
51 |
Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 japplika għal kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ikunu xi jkunu r-raġunijiet għal persekuzzjoni invokati insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet, madankollu huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jadattaw il-metodi tagħhom li bihom jevalwaw dikjarazzjonijiet u provi dokumentali jew oħrajn skont il-karatteristiċi partikolari għal kull kategorija ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u dan b’osservanza tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta (sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2014, A et, C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 54, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2018, F,C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 36). |
|
52 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2013/32 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw, minn naħa, li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jittieħdu wara eżami xieraq li matulu tkun inġabret informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi differenti, bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA), li ssuċċediet lill-EASO, u l-UNHCR, kif ukoll l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, dwar is-sitwazzjoni ġenerali eżistenti fil-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-persunal responsabbli sabiex jeżamina l-imsemmija applikazzjonijiet u sabiex jiġu deċiżi dawn tal-aħħar għandu jkollu aċċess għal din l-informazzjoni (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi),C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 60). |
|
53 |
Għal dan il-għan, kif jirriżulta mill-punt 36(x) tal-Linji Gwida tal-UNHCR Nru 1 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali, li jirrigwardaw il-persekuzzjoni marbuta mal-ġeneru fil-kuntest tal-punt 2 tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiġbru l-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini rilevanti għall-eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati min-nisa, bħas-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar f’għajnejn il-liġi, id-drittijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom, id-drawwiet kulturali u soċjali tal-pajjiż u l-konsegwenzi li kellu wieħed ma joqgħodx għalihom, l-imxija tal-prassi tradizzjonali li huma ta’ ħsara, l-impatt u l-forom ta’ vjolenza rrapportata kontra n-nisa, il-protezzjoni mogħtija lilhom, is-sanzjonijiet imposti fuq dawk li jikkommettu tali vjolenza, kif ukoll ir-riskji li tissogra mara li kellha tirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha wara li tkun ippreżentat tali applikazzjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Vittmi nisa ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 61) u tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi),C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 61). |
|
54 |
Mill-premess jirriżulta li r-rekwiżit innifsu li titwettaq valutazzjoni individwali tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jippreżupponi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jadattaw il-metodi li bihom jevalwaw il-fatti u l-provi skont iċ-ċirkustanzi u l-karatteristiċi partikolari għal kull waħda mill-applikazzjonijiet. |
|
55 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli iktar favorevoli, li, b’mod partikolari, jillaxkaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, kemm‑il darba dawn ir-regoli ma jqegħdux f’perikolu l-istruttura ġenerali jew l-għanijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova,C‑652/16, EU:C:2018:801, punti 70 u 71, kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja),C‑91/20, EU:C:2021:898, punti 39 u 40). |
|
56 |
F’dan il-każ, l-EUAA tikkonkludi, fil-punt 3.15 tar-rapport tagħha intitolat “Country guidance: Afghanistan”, tax-xahar ta’ Jannar 2023, li teżisti, b’mod ġenerali, għan-nisa u għall-bniet Afgani, u dan meta wieħed iqis il-miżuri adottati mir-reġim tat-Taliban sa mill‑2021, biża’ fondata ta’ atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95. Bl-istess mod, fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-UNHCR jindika, fid-dikjarazzjoni tiegħu dwar il-kunċett ta’ persekuzzjoni minħabba akkumulazzjoni ta’ miżuri fid-dawl tas-sitwazzjoni li jinsabu fiha bħalissa n-nisa u l-bniet fl-Afganistan, maħruġa, fil‑25 ta’ Mejju 2023, li teżisti preżunzjoni ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat fir-rigward tan-nisa u l-bniet Afgani, u dan meta wieħed iqis l-atti ta’ persekuzzjoni li t-Talibani jwettqu kontrihom, minħabba l-ġeneru tagħhom biss. |
|
57 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn nisa Afgani, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jqisu li bħalissa ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit, waqt l-eżami individwali tas-sitwazzjoni ta’ mara li tapplika għal protezzjoni internazzjonali, li din tal-aħħar effettivament u speċifikament tirriskja li tkun is-suġġett ta’ atti ta’ persekuzzjoni li kellha tirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, kemm‑il darba l-fatturi relatati mal-istatus individwali tagħha, bħan-nazzjonalità u s-sess tagħha, ikunu stabbiliti. |
|
58 |
Fid-dawl tal-raġunijiet premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-awtorità nazzjonali kompetenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ mara fil-mument li fih tiġi evalwata l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali, il-miżuri diskriminatorji li għalihom tkun ġiet esposta jew tkun qiegħda f’riskju li tkun esposta f’dan il-pajjiż jikkostitwixxux atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-valutazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tal-imsemmija direttiva, fatturi partikolari għas-sitwazzjoni personali tagħha apparti n-nazzjonalità tagħha u s-sess tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
|
59 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.