52006PC0151

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-ekwivalenza ta’ l-ispezzjoni uffiċjali tal-varjetajiet imwettqa fil-Kroazja /* KUMM/2006/0151 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 4.4.2006

KUMM(2006) 151 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-ekwivalenza ta’ l-ispezzjoni uffiċjali tal-varjetajiet imwettqa fil-Kroazja

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE dwar il-katalgu komuni ta' varjetajiet ta' speċi ta' pjanti agrikoli tipprevedi li l-Kunsill jiddetermina jekk l-ispezzjoni uffiċjali tal-varjetajiet imwettqa f’pajjiżi terzi joffru l-istess garanziji bħal dawk imwettqa fl-Istati Membri.

Qed issir referenza għall-assessjar tar-rekwiżiti ta’ preċiżjoni, stabbilità, uniformità u valur għall-koltivazzjoni u l-użu tal-varjetajiet li għandhom jiġu aċċettati għall-inklużjoni fil-katalgu uffiċjali tal-varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli.

Il-Kroazja talbet għal rikonoxximent mill-Komunità fir-rigward ta’ l-ispezzjoni uffiċjali tal-varjetajiet għal preċiżjoni, stabbilità u uniformità. L-ewwel ittra ġiet indirizzata lid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur fit-8 ta’ Diċembru 2004. Minn dakinhar ‘l hawn saru ħafna kuntatti fil-livell ta’ Servizzi. Id-dokumentazzjoni kienet disponibbli għas-Servizzi tal-Kummissjoni. Din id-dokumentazzjoni kienet limitata għal tliet speċi ta’ ċereali, jiġifieri, il-qamħ, ix-xgħir u l-qamħirrum. Ta’ min jinnota li l-Kroazja ilha membru ta’ l-Unjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti (UPOV) mill-2001, li jimplika li rikonoxximent internazzjonali tal-kapaċità tal-Kroazja biex twettaq spezzjonijiet uffiċjali ta’ varjetajiet għal preċiżjoni, stabbilità u uniformità.

Is-Slovenja tappoġġja bis-sħiħ riżultat favorevoli għat-talba Kroata.

Wara valutazzjoni tal-fajl, is-servizzi tal-Kummissjoni jikkunsidraw li l-Kroazja toffri l-garanziji rikjesti.

Il-proposta preżenti tistabbilixxi l-ekwivalenza in kwistjoni u tippermetti lill-Kummissjoni taġġorna l-elementi tekniċi tad-Deċiżjoni kif stipolati fl-Annessi, billi tqis l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal tal-Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikoltura u x-Xjenza tal-Foresti.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-ekwivalenza ta’ l-ispezzjoni uffiċjali tal-varjetajiet imwettqa fil-Kroazja

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-katalgu komuni ta' varjetajiet ta' speċi ta' pjanti agrikoli[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 22 (1) (a) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

1. Id-Direttiva 2002/53/KE tippermetti lill-Kunsill biex jiddetermina jekk l-ispezzjonijiet uffiċjali tal-varjetajiet imwettqa f’pajjiżi terzi joffrux l-istess garanziji bħal dawk imwettqa fl-Istati Membri.

2. Ir-regoli dwar l-ispezzjonijiet uffiċjali tal-varjetajiet imwettqa fil-Kroazja fir-rigward tal-qamħ, ix-xgħir u l-qamħirrum jipprevedu li l-aċċettazzjoni tal-varjetajiet fir-rigward tal-preċiżjoni, l-istabbilità u l-uniformità tagħhom tiġi bbażata fuq ir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet uffiċjali, b’mod partikolari l-provi tat-tkabbir, li jkopru numru suffiċjenti ta’ karatteristiċi biex il-varjetà tkun deskritta.

3. Valutazzjoni ta' dawk ir-regoli u l-manjiera li biha huma applikati fil-Kroazja fir-rigward tat-tliet speċi msemmija hawn fuq uriet li huma joffru l-istess garanziji bħal dawk imwettqa mill-Istati Membri basta jissodisfaw iktar kundizzjonijiet.

4. Din id-Deċiżjoni ma timpedixxix milli jiġu rrevokati s-sejbiet Komunitarji dwar l-ekwivalenza meta l-kundizzjonijiet li fuqhom huma bbażati ma jkunux, jew ma jibqgħux, sodisfatti.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ispezzjonijiet uffiċjali fir-rigward tal-preċiżjoni, l-istabbilità u l-uniformità tal-varjetajiet ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness I imwettqa fil-Kroazja mill-Awtorità speċifikata fl-Anness I għandhom jiġu kkunsidrati li joffru l-istess garanziji bħal dawk imwettqa fl-Istati Membri, jekk dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipolati fl-Anness II.

Artikolu 2

L-emendi fl-Annessi għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(2).

Artikolu 3

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal tal-Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikoltura u x-Xjenza tal-Foresti, minn issa 'l quddiem ‘il-Kumitat’.

2. Fejn qed issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3. Il-perjodu taż-żmien stipolat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

4. Il-Kumitat għandu jaddotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS I

Awtorità | Speċi |

Institute for Seed and Seedlings, Osijek | Hordeum vulgare L. Triticum aestivum L. Zea Mays L. |

ANNESS II

Kundizzjonijiet

1. L-aċċettazzjoni tal-varjetajiet fir-rigward ta’ l-assessjar tal-preċiżjoni, l-istabbilità u l-uniformità għandha tiġi bbażata fuq ir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet uffiċjali.

2. Sabiex il-preċiżjoni tiġi stabbilita, il-provi tat-tkabbir għandhom jinkludi ta' l-inqas il-varjetajiet kumparabbli disponibbli:

- elenkati fil-Katalogu Komuni tal-varjetajiet ta' l-ispeċi tal-pjanti agrikoli; u

- li, mingħajr ma jkunu elenkati fil-katalogu msemmi hawn fuq, ġew aċċettati jew imressqa għall-aċċettazzjoni fi Stat Membru tal-Komunità, jew għaċ-ċertifikazzjoni u t-tqegħid fis-suq, jew għaċ-ċertifikazzjoni għall-pajjiżi oħra.

3. Il-karatteristiċi li għandhom jiġu koperti bħala minimu mill-ispezzjoni u l-kundizzjonijiet minimi għall-ispezzjoni tal-varjetajiet ta’ l-ispeċijiet in kwistjoni għandhom ikunu dawk stipolati fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/90/KE[2].

[1] ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).

[2] ĠU L 254, 8.10.2003, p. 7.