European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2308

16.10.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2308

tas-6 ta’ Ottubru 2026

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Il-Ħolqien ta’ Spazju Diġitali Ewropew (.IA) għall-Governanza tal-IA Sovrana”

(notifikata bid-dokument C(2026) 7098)

(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Awwissu 2026, ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Il-Ħolqien ta’ Spazju Diġitali Ewropew (.IA) għall-Governanza tal-IA Sovrana”.

(2)

L-għan tal-inizjattiva kif espress mill-organizzaturi hu biex “isir appell lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas għal spazji diġitali b’affidabbiltà għolja u tieħu l-inizjattiva fil-livell Ewropew biex tinnegozja mal-ISO u l-ICANN biex tissalvagwardja d-dominju .IA”. L-organizzaturi stabbilixxew tliet objettivi: “1. Tipproponi qafas tal-UE li jippromwovi “Spazji Diġitali b’Affidabbiltà għolja” u ambjenti tal-ittestjar (ambjenti ta’ esperimentazzjoni) għal IA etika fl-UE”; “2. Teżerċita s-setgħat ta’ rappreżentanza esterna tagħha u tinnegozja mal-ISO (l-Aġenzija 3166) u l-ICANN/IANA bil-ħsieb tar-riżerva, il-protezzjoni u l-allokazzjoni tal-ispazju tal-isem .AI bħala assi tas-sovranità diġitali Ewropea (skont ir-Regolament (UE) 2019/517)”; “3. Li jiġi żgurat li r-reġistrazzjoni u r-riżoluzzjoni tad-dominju .IA jinkorporaw l-Identità Diġitali Sovrana (eIDAS 2.0), l-awditjar algoritmiku trasparenti (l-Att dwar l-IA) u l-protezzjoni tad-data personali (GDPR), u b’hekk jiġi stabbilit standard etiku u legali globali.” Anness tal-inizjattiva jipprovdi dettalji ulterjuri dwar l-isfond tagħha, is-suġġett tagħha u l-objettivi tagħha.

(3)

Il-Kummissjoni tqis li tista’ tadotta proposti għal atti legali dwar ir-regolamentazzjoni tal-ispazju u l-infrastrutturi tad-data, inklużi d-dominji, abbażi tal-Artikoli 16, 114, 172 jew 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(5)

Dik il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

(6)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.

(7)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “Ħolqien ta’ Spazju Diġitali Ewropew (.IA) għall-Governanza Sovrana tal-IA” tiġi rreġistrata.

(9)

Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati, ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva emendata, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għalhekk, l-inizjattiva intitolata “Ħolqien ta’ Spazju Diġitali Ewropew (.IA) għall-Governanza Sovrana tal-IA” għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Creation of a European Digital Space (.IA) for Sovereign AI Governance”, irrappreżentata minn Eloy LÓPEZ SÁNCHEZ u Aristeidis TSITIRIDIS li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Strażburgu, is-6 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Maroš ŠEFČOVIČ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2308/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)