24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/311


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1609 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji għas-sena finanzjarja 2019,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0077/2021),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien jammonta għal EUR 27 139 347, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 5,74 % meta mqabbel mal-2018; billi l-parti l-kbira tal-baġit tal-Aġenzija tiġi mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), sostniet li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,98 %, ugwali għar-rata ta' implimentazzjoni fl-2018; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 92,22 %, li tirrappreżenta żieda ta' 3,27 % meta mqabbla mal-2018;

2.

Jinnota li ntlaħqu l-limiti massimi indikattivi ta' 10 % użati mill-Qorti tal-Awdituri biex tivvaluta l-eżekuzzjoni tal-baġit fil-livell tar-riporti għat-Titolu 1 (persunal) u ta' 20 % għat-Titolu 2 (amministrazzjoni); jinnota b'dispjaċir li l-limitu massimu indikattiv għat-Titolu 3 (30 % għall-infiq operattiv) ma ntlaħaqx;

3.

Jinnota li d-dħul miżjud marbut mat-tariffi huwa bbilanċjat minn tnaqqis fis-sussidju mogħti lill-Aġenzija; jiddispjaċih li ż-żieda fl-attività mhijiex meqjusa mill-Kummissjoni bħala raġuni biex jiżdied dak is-sussidju;

4.

Jinnota li, wara t-tkabbir tal-mandat tal-Aġenzija fir-Regolament il-ġdid tagħha, fl-2019 l-Aġenzija bdiet tiġbor tariffi u imposti għal kompiti ta' ċertifikazzjoni, filwaqt li qieset il-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi ta' daqs medju (SMEs); jinnota li, skont ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, it-tariffi u l-imposti jirrappreżentaw dħul assenjat għall-Aġenzija; jinnota li ġew introdotti emendi għar-regoli ta' implimentazzjoni għar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija;

5.

Jinnota li fl-2019 ġew irreġistrati 36 nuqqas ta' konformità ex post (avvenimenti ta' nuqqas ta' konformità) fir-reġistru ta' nuqqas ta' konformità tal-Aġenziji, meta mqabbla ma' 29 fl-2018 u 7 fl-2017; jinnota li dawn l-avvenimenti ta' nuqqas ta' konformità huma marbuta prinċipalment mar-regoli dwar il-missjonijiet, l-impenji ex post, il-ġestjoni tal-kuntratti u l-pagamenti u l-proċeduri interni; jinnota li l-Aġenzija indikat li ġew stabbiliti miżuri korrettivi u tqajmet kuxjenza; jistieden lill-Aġenzija twaqqaf ix-xejra lejn numru dejjem akbar ta' nuqqasijiet ta' konformità ex post u tenfasizza miżuri preventivi;

6.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-aġenzija f'termini ta' operazzjoni u ġestjoni interni tagħha iżda anki sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenzija tkompli tkun proattiva f'dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji akkost ta' kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

Prestazzjoni

7.

Jissottolinja l-użu b'suċċess ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) min-naħa tal-Aġenzija biex tivvaluta l-effiċjenza tagħha fit-twettiq tal-missjonijiet tagħha; jirrikonoxxi li l-Aġenzija kisbet livell sodisfaċenti ta' kisba għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħha u l-miri tagħha għar-riżultati; jinnota li minn 136 KPI, 118 intlaħqu jew intlaħqu parzjalment filwaqt li 18 ma ntlaħqux; jinnota prestazzjoni insuffiċjenti konsiderevoli tal-KPI 5 "100 % tal-Istati Membri li għandhom ir-Regoli Tekniċi Nazzjonali tagħhom relatati mal-vetturi mnaddfa" b'punteġġ finali ta' 67 % u jinnota n-nuqqas ta' spjegazzjoni għal dan ir-riżultat, li huwa baxx meta mqabbel mal-mira ta' 100 %; jistieden lill-Aġenzija tipprovdi narrattiva ta' appoġġ, flimkien mal-punteġġi tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni;

8.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tesplora possibbiltajiet ta' kondiviżjoni tar-riżorsi fuq kompiti li jikkoinċidu fost aġenziji oħra b'attivitajiet simili; iħeġġeġ lill-Aġenzija tipprova tikseb b'mod attiv aktar kooperazzjoni u kooperazzjoni usa' mal-aġenziji kollha tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tesplora l-possibbiltà ta' kondiviżjoni tal-persunal f'ċerti oqsma mhux esperti, tekniċi u amministrattivi;

9.

Jistieden lill-Aġenzija timmira li tikkonċentra aktar fuq it-tixrid mal-pubbliku ġenerali tar-riżultati tar-riċerka tagħha;

10.

Ifakkar li l-Aġenzija għandha l-iżgħar baġit fost l-aġenziji tat-trasport minkejja l-prestazzjoni ambjentali eċċezzjonali u benefiċċji oħra tat-trasport ferrovjarju; jenfasizza, b'mod partikolari, li l-Aġenzija m'għandhiex titqiegħed f'pożizzjoni fejn tħossha sfurzata titlob appoġġ addizzjonali mill-Kummissjoni, minħabba mezzi finanzjarji inadegwati, speċjalment fi żmien meta l-ferroviji huma prijorità politika tal-Unjoni Ewropea; jappella għal żieda fil-baġit tal-Aġenzija sabiex din tingħata l-mezzi meħtieġa sabiex tkun tista' taġixxi bħala aġenzija effiċjenti u tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha, b'mod partikolari dawk relatati maż-żieda fil-kompetittività, it-titjib tas-sikurezza u l-interoperabbiltà transfruntiera;

Politika dwar il-persunal

11.

Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita fil-livell ta' 93,92 %, u li kienu nħatru 139 aġent temporanju mit-total ta' 148 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel mal-148 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, 35 aġent kuntrattwali ħadmu għall-Aġenzija fl-2019; jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2019, l-ebda espert nazzjonali sekondat ma ħadem għall-Aġenzija;

12.

Jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri rrapportat għall-2019 għall-maniġers superjuri (89 % irġiel u 11 % nisa) u l-bord tat-tmexxija (70 % irgiel u 30 % nisa); jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha biex tikseb bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-livelli kollha;

13.

Jinkoraġġixxi lill-Aġenzija timmira li tiżviluppa qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà;

14.

Jinnota li l-Aġenzija adottat politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju, li l-counsellors kunfidenzjali jiġu promossi u li l-persunal jitħeġġeġ jindirizza l-kwistjonijiet tagħhom lilhom; jinnota li ġie rrappurtat każ wieħed ta' allegat fastidju, iżda ħadd ma ġie investigat u ħadd ma tressaq il-qorti;

15.

Jinnota li r-riżultati tal-eżerċizzju annwali ta' valutazzjoni komparattiva fir-rigward tal-persunal huma simili għal dawk tal-2018 u juru li 19,39 % tal-persunal ingħata xogħol amministrattiv (20,33 % fl-2018), 69,95 % tal-persunal ingħata kompiti operazzjonali (68,88 %), u 11,04 % tal-persunal ingħata kompiti ta' kontroll u kompiti finanzjarji (10,79 %);

16.

Jiddispjaċih li fl-2019 il-Bord ta' Tmexxija ma rnexxilux jiddeċiedi dwar arranġament lingwistiku għall-Aġenzija;

Akkwist pubbliku

17.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija naqset milli taħtar formalment mill-inqas membru wieħed ta' kumitat tal-evalwazzjoni ta' proċedura ta' akkwist, u dan ipperikola t-trasparenza tal-proċedura ta' akkwist; jinnota r-risposta tal-Aġenzija għas-sejba tal-Qorti u l-miżuri meħuda mill-Aġenzija biex tipprevjeni li dan in-nuqqas jerġa' jseħħ;

18.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija kkonkludiet tliet kuntratti qafas separati "f'kaskata" ma' tliet kumpaniji; jinnota mill-osservazzjonijiet tal-Qorti li r-Regolament Finanzjarju jistipula li huwa possibbli li dan isir mingħajr ma terġa' tinfetaħ il-proċedura tal-offerti sakemm il-kuntratt qafas jistabbilixxi b'mod preċiż it-termini kollha li jirregolaw il-forniment tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi kkonċernati; jinnota li l-Qorti kkonkludiet li l-kuntratt qafas mhuwiex speċifiku biżżejjed u jinnota wkoll, mill-osservazzjonijiet tal-Qorti, li l-offerti finanzjarji tal-offerenti kienu bbażati biss fuq rata ta' kuljum għal jum ta' xogħol, mingħajr ma jitqiesu elementi importanti bħall-profili tal-ħaddiema jew il-kumplessità tax-xogħol involut; jinnota, mill-konklużjoni tal-Qorti, li l-użu ta' dan it-tip ta' kuntratt qafas ma kienx xieraq, meta jitqies il-livell ta' dettall disponibbli fuq ix-xogħol li jrid jitwettaq u li d-data finanzjarja lanqas ma kienet dettaljata biżżejjed biex tiżgura li x-xogħol twettaq bl-aktar mod ekonomiku possibbli; jinnota r-risposta tal-Aġenzija li l-offerta inkwistjoni kienet tikkonċerna l-assistenza għall-kompitu l-ġdid tal-Aġenzija u għaldaqstant lill-Aġenzija, ma jkunx proporzjonat li jiġi organizzat ftuħ mill-ġdid ta' kompetizzjoni (li ddum mill-inqas 3 ġimgħat) għal assistenza teknika (li ddum massimu ta' 15-il jum) meta r-rekwiżit legali biex tiġi vvalutata l-kompletezza ta' fajl tal-applikazzjoni jkun ta' xahar; jistieden lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta' kwittanza infurmata fir-rigward tal-infiq skont dawn il-kuntratti qafas;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

19.

Jinnota li, skont id-dikjarazzjoni tal-Aġenzija stess, l-esponiment tal-Aġenzija għal kunflitti ta' interess żdied mis-16 ta' Ġunju 2019, meta l-Aġenzija saret awtorità b'setgħat sinifikanti ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jinnota li l-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija adotta qafas ta' mġiba amministrattiva tajba f'Mejju 2019 li fih miżuri stretti dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess għall-individwi involuti fl-implimentazzjoni tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju u li l-bord ta' tmexxija kompla jiċċara r-regoli dwar ir-rigali u l-ospitalità u l-użu tal-midja soċjali; jistieden lill-aġenzija timmonitorja mill-qrib l-effikaċja tal-miżuri meħuda u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-esperjenza u l-ħtieġa possibbli ta' aġġustamenti;

20.

Jinnota li l-Aġenzija ppubblikat id-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-bord ta' tmexxija u tal-maniġment superjuri, u s-CVs tal-membri tal-bord ta' tmexxija tagħha u tad-direttur eżekuttiv tagħha fuq is-sit web tagħhom; jappella lill-Aġenzija tippubblika s-CVs tal-maniġment superjuri u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri meħuda f'dan ir-rigward;

21.

Jinnota l-kontinwazzjoni tal-passi li ttieħdu biex tittejjeb it-trasparenza tal-attivitajiet tal-Aġenzija billi jiġu rrappurtati l-laqgħat li l-persunal tal-Aġenzija jkollu mal-partijiet ikkonċernati esterni, b'mod partikolari l-laqgħat tad-direttur mal-organizzazzjonijiet u l-individwi li jaħdmu għal rashom, u d-disponibbiltà tagħhom fuq is-sit web tal-Aġenzija;

22.

Jinnota li l-każ ta' suspett ta' frodi, irrappurtat għall-ewwel darba fl-2017, ingħalaq mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi f'Settembru 2019, mingħajr ma rrakkomanda li tittieħed l-ebda azzjoni; jinnota li l-investigazzjoni ma stabbiliet l-ebda evidenza ta' frodi jew irregolarità li taffettwa l-interessi finanzjarji jew interessi oħra tal-Unjoni;

Kontrolli interni

23.

Jinnota l-kumment fir-rapport tal-Qorti li l-Kummissjoni, skont ftehim dwar il-livell ta' servizz, ħarġet fattura lill-Aġenzija għall-forniment ta' servizzi tal-IT differenti, iżda li dik il-fattura kienet parzjalment ibbażata fuq għadd żbaljat ta' utenti; jinnota l-impatt finanzjarju limitat tal-impożizzjoni żejda fuq l-Aġenzija ta' EUR 4 675; jinnota, madankollu, id-dgħufijiet fil-kontrolli interni tal-Aġenzija identifikati mill-Qorti, li juru li ma kien sar l-ebda kontroll biex jiġi żgurat li l-ammont fatturat kien konformi mat-termini tal-ftehim dwar il-livell ta' servizz; jistieden lill-Aġenzija tivvaluta d-dgħufija identifikata, tintroduċi miżuri preventivi, tindirizza r-riskji identifikati u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda sa Ġunju 2021;

24.

Jinnota li fl-2019 ingħalqu r-rakkomandazzjonijiet miftuħa kollha għajr waħda mis-Servizz tal-Awditjar Intern; jinnota li r-rakkomandazzjoni miftuħa waħda tirriżulta mill-awditu tal-2018 dwar il-ġestjoni tal-proġetti u tas-servizzi u tirreferi għall-użu effettiv ta' MS Project; jinnota li l-Aġenzija rrappurtat f'Settembru 2020 fir-rapport ta' segwitu tagħha dwar il-kwittanza tal-2018, li r-rakkomandazzjoni se tingħalaq f'Ġunju 2020; ifakkar lill-Aġenzija li din ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi implimentata skont il-pjan ta' azzjoni miftiehem tagħha; jistieden lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta' kwittanza infurmata dwar l-implimentazzjoni ta' din ir-rakkomandazzjoni u tipprovdi spjegazzjoni għal kwalunkwe dewmien sa Ġunju 2021;

25.

Jirrimarka r-rwol tal-Aġenzija fl-iżgurar tas-sikurezza u l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja Ewropea u fit-titjib tal-kompetittività tal-ferroviji fir-rigward ta' modi oħra ta' trasport, it-tnaqqis tal-ostakli amministrattivi u tekniċi, il-promozzjoni tal-aċċess għas-suq u l-garanzija tan-nondiskriminazzjoni, l-użu aktar effiċjenti tal-fondi pubbliċi fis-servizzi pubbliċi tat-trasport ferrovjarju u t-titjib tal-governanza tal-infrastruttura; jappoġġja l-viżjoni tal-Kummissjoni ta' sistema ferrovjarja Ewropea minn ta' quddiem fid-dinja f'dak li jikkonċerna l-prestazzjoni tas-sikurezza; jappella għal żieda fil-baġit tal-Aġenzija sabiex din tingħata l-mezzi meħtieġa sabiex tkun tista' taġixxi bħala aġenzija effiċjenti u tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha, b'mod partikolari dawk relatati maż-żieda fil-kompetittività, it-titjib tas-sikurezza u l-interoperabbiltà transfruntiera;

26.

Jilqa' l-fatt li sas-16 ta' Ġunju 2019 l-Aġenzija kienet bdiet twettaq b'suċċess ir-rwol tagħha ta' awtorità tal-UE responsabbli għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' vetturi ferrovjarji, ċertifikati uniċi tas-sikurezza għall-impriżi ferrovjarji u approvazzjonijiet ta' apparat maġenb il-binarji tal-ERTMS, kif iddikjarat fil-qafas legali tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju; jinnota li dawk iż-żewġ missjonijiet twettqu fir-rigward tat-tmien Stati Membri li kienu ttrasponew il-pilastru tekniku tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju fl-2019; jilqa' l-iżvilupp kontinwu tal-"Punt ta' Kuntatt Uniku"; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tingħata r-riżorsi finanzjarji, materjali u umani meħtieġa flimkien ma' responsabbiltajiet akbar li huma attribwiti lill-Aġenzija sabiex twettaq dawn il-funzjonijiet ġodda u addizzjonali b'mod effiċjenti u effettiv;

27.

Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija kienet soġġetta għat-tieni awditu ta' sorveljanza ISO 9001 biex tiċċertifika li s-sistema ta' ġestjoni qed tikkonforma mar-rekwiżiti tal-ISO u li l-korp taċ-ċertifikazzjoni ma identifika l-ebda nuqqas ta' konformità;

Kummenti oħra

28.

Jinnota li l-Aġenzija bdiet diskussjonijiet mal-awtoritajiet Franċiżi dwar il-kostruzzjoni ta' bini ġdid; iħeġġeġ lill-Aġenzija tinkludi rekwiżiti tal-ogħla livell fir-rigward tal-benessri tal-persunal u l-istandards ambjentali;

29.

Jilqa' l-isforzi li saru mill-Aġenzija biex toħloq qafas ta' ħidma li jagħmilx ħsara lill-ambjent;

30.

Ifakkar fl-importanza li l-aġenzija tiżviluppa viżibbiltà akbar fil-midja u fuq l-internet sabiex tagħmel xogħolha magħruf;

31.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 107, 31.3.2020, p. 70

(2)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.