|
30.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 366/4 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-18 ta’ Settembru 2020
dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta' pajjiżi terzi u l-iffissar ta' parametri referenzjarji ta' sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu
(CON/2020/20)
(2020/C 366/04)
Introduzzjoni u bażi legali
Fit-8 ta’ Settembru 2020 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta' pajjiżi terzi u l-iffissar ta' parametri referenzjarji ta' sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu (1) (iktar ‘il quddiem ir-”regolament propost”).
Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet (a) li huma relevanti għat-trasmissjoni tal-politika monetarja u li b'hekk jaffettwaw il-kompitu bażiku tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja tal-Unjoni skont l-Artikolu 127(2) tat-Trattat, u (b) li jaffettwaw il-kompitu tas-SEBĊ li tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel ta’ politiki segwiti mill-awtoritajiet relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
Osservazzjonijiet ġenerali
1. Għanijiet tar-regolament propost
|
1.1 |
Il-BĊE jilqa’ l-għan ewlieni tar-regolament propost li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) billi jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta att ta’ implimentazzjoni sabiex tiffissa rata ta’ sostituzzjoni statutorja li tissostitwixxi ex lege ċerti parametri referenzjarji, li jekk ma jibqgħux jiġu ppubblikati jikkawżaw tfixkil sinifikanti għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni u li jinsabu għaddejjin minn proċess taħt superviżjoni ta’ waqfien ordnat (3). Mad-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni, il-parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni ffissat f’dak l-att għandu jissostitwixxi ex lege r-referenzi kollha għal dak il-parametru referenzjarju li ma jkunx għadu ppubblikat fil-kuntratti u l-istrumenti finanzjarji u l-kejl tal-prestazzjoni ta’ fond ta’ investiment, soġġett għar-Regolament (UE) 2016/1011, fejn dawn ma jkollhom ebda dispożizzjoni ta’ riżerva adegwata. |
|
1.2 |
Il-BĊE jikkunsidra din bħala għodda addizzjonali utli li l-użu tagħha jimla l-lakuna legali li titħalla fir-rigward ta’ kuntratti ma’ entitajiet taħt superviżjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 3(17) tar-Regolament (UE) 2016/1011 (4) (iktar ‘il quddiem imsejħa “entitajiet taħt superviżjoni tal-Unjoni”) li jagħmlu referenza għal parametru referenzjarju li l-waqfien tiegħu jfixkel il-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni u fejn il-kuntratti relevanti ma jipprovdux għal jew m’għandhom ebda rata ta’ referenza ta’ riżerva. Dan għandu jgħin biex jittaffa r-riskju ta’ frustrazzjoni kuntrattwali u r-riskju għall-istabbiltà finanzjarja li jista’ jirriżulta mill-waqfien ta’ dak il-parametru referenzjarju. |
|
1.3 |
Il-BĊE jappoġġa wkoll l-eżenzjoni proposta mir-Regolament (UE) 2016/1011 ta’ parametri referenzjarji tal-kambju amministrati minn pajjiżi terzi li jirreferu għal rata tal-kambju spot ta’ munita ta’ pajjiż terz li ma tkunx tista’ tinqeleb liberament u li jissodisfaw il-kriterji l-oħrajn stabbiliti fir-regolament propost (5). Bl-eċċezzjoni ta’ dawk ipprovduti minn banek ċentrali, l-użu ta’ dawk il-parametri referenzjarji tal-kambju ta’ pajjiżi terzi mhux ser ikun awtorizzat fl-Unjoni lil hinn mill-2021 (6) ħlief jekk jgħaddu minn proċedura ta’ ekwivalenza, rikonoxximent jew approvazzjoni. Il-BĊE japprezza li huwa problematiku biex tiġi ssodisfata din il-kundizzjoni, peress li dawn it-tipi ta’ parametri referenzjarji mhumiex irregolati barra mill-Unjoni. Iżda billi dawn il-parametri referenzjarji jiġu eżentati mir-Regolament (UE) 2016/1011, l-entitajiet taħt superviżjoni tal-Unjoni jkunu jistgħu jkomplu jużawhom. |
Osservazzjonijiet speċifiċi
2. L-interess u r-rwol tal-BĊE fl-appoġġ għat-tranżizzjoni tas-suq lejn rati kważi ħielsa mir-riskju
|
2.1 |
Il-parametri referenzjarji, u b’mod partikolari l-parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax, jew rati tal-imgħax offruti bejn il-banek, huma importanti għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji u t-trażmissjoni tal-politika monetarja. It-trasmissjoni tal-politika monetarja lill-ekonomija aktar wiesgħa tiddependi fuq li l-BĊE jkun kapaċi jimmonitorja bidliet fil-parametri referenzjarji fis-swieq monetarji b’risposta għal bidliet fil-politika tal-BĊE dwar ir-rati tal-kambju. In-nuqqas ta’ parametri referenzjarji robusti u affidabbli jista’ għalhekk jiskatta tfixkil fis-suq finanzjarju b’possibbiltà ta’ impatt negattiv sinifikanti fuq it-trażmissjoni tal-politika monetarja tal-BĊE permezz tad-deċiżjonijiet tiegħu u fuq l-abbiltà tal-Eurosistema li tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel tal-politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. |
|
2.2 |
Fid-dawl ta’ dawn ir-riskji, il-BĊE jwettaq għadd ta’ rwoli biex jappoġġa t-tranżizzjoni tas-suq finanzjarju minn parametri referenzjarji fiż-żona tal-euro lejn rati kważi ħielsa mir-riskju. Fl-2017, flimkien mal-Kummissjoni, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u l-Awtorità Belġjana għas-Servizzi Finanzjarji u s-Swieq (FSMA), il-BĊE stabbilixxa l-grupp ta’ ħidma dwar rati tal-euro ħielsa mir-riskju, li għalihom jipprovdi s-segretarjat. Sa minn Ottubru 2019, il-BĊE jippubblika wkoll ir-Rata tal-Euro tal-Imgħax mil-Lejl għan-Nhar (€STR), ibbażata fuq data diġà disponibbli għall-Eurosistema, biex jikkumplimenta rati ta’ parametri referenzjarji prodotti mis-settur privat u li jservu bħala garanzija ta’ kontinġenza tar-rata ta’ referenza. Il-grupp ta’ ħidma rrakkomanda l-€STR bħala r-rata ħielsa mir-riskju għall-euro biex tissostitwixxi l-EONIA, li mhux ser titkompla sa mill-2022. Il-BĊE jipparteċipa wkoll fil-Grupp ta’ Tmexxija tas-Settur Uffiċjali, li jiggwida lill-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja fir-rieżaminazzjoni tal-progress miksub fit-tranżizzjoni lejn rati kważi ħielsa mir-riskju globalment. |
3. Denominazzjoni ta’ rata ta’ sostituzzjoni statutorja biex tissostitwixxi parametru referenzjarju minbarra l-LIBOR
Il-BĊE jinnota li s-setgħa proposta tal-Kummissjoni li tiddenomina rata ta’ sostituzzjoni hija mmirata primarjament lejn kuntratti ma’ entitajiet taħt suprviżjoni tal-Unjoni b’referenza għal-London Interbank Offered Rate (LIBOR) (7), peress li dan il-parametru referenzjarju jista’ ma jibqax sostnut wara t-tmiem tal-2021. F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit (UK) dan l-aħħar ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jemenda r-regolamenti tiegħu dwar il-parametri referenzjarji sabiex jiżgura li sa tmiem l-2021 il-Financial Conduct Authority tar-Renju Unit ikollha s-setgħat regolatorji adegwati biex tiġġestixxi u tidderieġi kwalunkwe perijodu ta’ stralċ qabel il-waqfien eventwali tal-LIBOR b’mod li, inter alia, jiżgura l-integrità tas-suq (8). Il-BĊE jinnota li peress li s-setgħa proposta tal-Kummissjoni biex tiddenomina rata ta’ sostituzzjoni hija inkwadrata b’mod newtrali fir-regolament propost, dan jista’ potenzjalment jiġi applikat għal kuntratti li jagħmlu referenza għal parametri referenzjarji oħrajn – bħal, pereżempju, ir-Rata Interbankarja Offruta f’Euro (EURIBOR) – sakemm il-kundizzjonijiet qafas stipulati fir-regolament propost u l-att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jiġu sodisfatti fir-rigward tal-parametru referenzjarju relevanti.
4. Ippjanar ta’ kontinġenza minn entitajiet taħt superviżjoni tal-Unjoni
|
4.1 |
Il-BĊE jinnota li l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jeħtieġ li l-utenti ta’ parametru referenzjarju ta’ entità taħt superviżjoni tal-Unjoni (minbarra l-amministraturi tal-parametru referenzjarju), inklużi istituzzjonijiet ta’ kreditu, jipproduċu u jżommu pjanijiet bil-miktub robusti li jistabbilixxu l-azzjonijiet li għandhom jieħdu f’każ li parametru referenzjarju jinbidel materjalment jew jieqaf jiġi pprovdut. L-entitajiet taħt superviżjoni tal-Unjoni huma meħtieġa li jinnominaw fil-pjanijiet ta’ kontinġenza tagħhom, fejn dan ikun fattibbli u xieraq, parametru referenzjarju alternattiv jew bosta parametri referenzjarji alternattivi li tista’ ssir referenza għalihom biex jissostitwixxu l-parametri referenzjarji li m’għadhomx jiġu pprovduti, filwaqt li jindikaw il-għala dawk il-parametri referenzjarji jkunu alternattivi adegwati. Barra minn hekk, l-entitajiet taħt superviżjoni tal-Unjoni għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-awtorità kompetenti relevanti b’dawk il-pjanijiet u kwalunkwe aġġornamenti u jirriflettuhom fir-relazzjoni kuntrattwali mal-klijenti (9). Il-BĊE għaldaqstant jifhem li l-iffissar mill-Kummissjoni ta’ rata ta’ sostituzzjoni statutorja se jkun għodda addizzjonali li tista’ tiġi applikata għal parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf taħt il-kundizzjonijiet stipulati fir-regolament propost, u li dan ma jaffettwax, u huwa mingħajr preġudizzju għal, l-obbligi tal-ippjanar ta’ kontinġenza tal-entitajiet taħt superviżjoni tal-Unjoni taħt l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011. |
|
4.2 |
Il-BĊE dan l-aħħar ippubblika valutazzjoni orizzontali ta’ kemm l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jinsabu lesti għal riformi fir-rata tal-parametru referenzjarju (10), wara eżerċizzju ta’ rendikont orizzontali dwar l-impatt tar-riformi taħt ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu taħt superviżjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Il-BĊE ppubblika wkoll fuq is-sit web tiegħu rapport separat dwar il-preparazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu għal riformi tar-rati tal-parametri referenzjarji (11), li jippreżenta ċerti prattiki tajbin li jistgħu jgħinu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-ippjanar tagħhom għat-tranżizzjoni tal-parametri referenzjarji. Il-konklużjonijiet ta’ dawn ir-rapporti jenfasizzaw l-importanza li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jħaffu l-preparazzjonijiet tagħhom biex jaqilbu għal rati ħielsa mir-riskju, b’mod partikolari billi jiżviluppaw u jimplimentaw azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u jinkludu mekkaniżmi ta’ riżerva robusti u adegwati fid-dokumentazzjoni kuntrattwali tagħhom. Għalhekk, il-BĊE ma jarax id-disponibbiltà proposta ta’ mekkaniżmu ta’ rata ta’ sostituzzjoni statutorja bħala alternattiva għat-tranżizzjoni minn EURIBOR jew LIBOR meta kuntratt jista’ jiġi emendat b’mod fattibbli. |
5. Rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma fuq rati tal-euro ħielsa mir-riskju
|
5.1 |
Il-BĊE jinnota li, skont ir-regolament propost, meta tadotta l-att ta’ implimentazzjoni biex tiddenomina parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni l-Kummissjoni tkun meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni, meta tkun disponibbli, ir-rakkomandazzjoni minn grupp ta’ ħidma ta’ rata ta’ referenza alternattiva li jopera taħt l-awspiċji tal-bank ċentrali responsabbli għall-munita li fiha jkunu ddenominati r-rati tal-imgħax tal-parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni (12). |
|
5.2 |
Il-BĊE jixtieq ifakkar f’dan ir-rigward li l-grupp ta’ ħidma dwar rati tal-euro ħielsa mir-riskju kien ġie msejjaħ mill-BĊE, mill-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq, mill-FSMA u l-Kummissjoni, u li l-BĊE jipprovdi s-segretarjat għall-grupp ta’ ħidma u pparteċipa bħala osservatur sa mit-tnedija tiegħu. Madankollu, ir-rakkomandazjonijiet maħruġa f'dan il-kuntest huma totalment dawk ta’ dan il-grupp ta’ ħidma tas-settur privat, u l-BĊE ma jaċċetta ebda responsabbiltà għall-kontenut tagħhom. Barra minn hekk, il-fatt li l-BĊE attwalment jipprovdi s-segretarjat għall-grupp ta’ ħidma m’għandux jittieħed li jimplika b’xi mod li huwa jaqbel ma’ xi waħda mill-fehmiet li esprima l-grupp ta’ ħidma fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu (13). |
6. Liġi li tirregola l-kuntratti affettwati
Il-BĊE jifhem li skont ir-regolament propost, ir-rata ta’ sostituzzjoni ddenominata se tissostitwixxi l-parametru referenzjarju li se jitwaqqaf malli jieqaf jiġi ppubblikat, fi kwalunkwe kuntratt jew strument ta’ legat li jinvolvi entità taħt superviżjoni tal-Unjoni koperta mir-Regolament (UE) 2016/1011, irrispettivament mil-liġi li tirregola l-kuntratt jew strument jew ta’ fejn il-parametru referenzjarju kien awtorizzat jew ippubblikat. Din l-intenzjoni tidher li ssegwi mill-memorandum ta’ spjegazzjoni (14), li jikkjarifika li r-rata ta’ sostituzzjoni statutorja se tissostitwixxi ex lege r-referenzi kollha għall-parametru referenzjarju li se jitwaqqaf fil-kuntratti kollha li tkun daħlet għalihom entità taħt superviżjoni tal-Unjoni.
7. Kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratti affettwati
Kif huwa osservat iktar ’il fuq, taħt ir-regolament propost is-setgħa tal-Kummissjoni li tiffissa r-rata ta’ sostituzzjoni għandha tapplika għal kuntratti ta’ legat koperti mir-Regolament (UE) 2016/1011 li għalihom entità taħt superviżjoni tal-Unjoni tkun parti. L-awtorità li tikkonsulta hija mistiedna tikkunsidra li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratti li jkunu soġġetti għal din is-setgħa proposta, sabiex meta l-kuntratt li jagħmel referenza għall-parametru referenzjarju li jkun se jiġi ssostitwit ikun irregolat bil-liġi ta’ Stat Membru tal-UE, ir-rata ta’ sostituzzjoni ffissata tkun tista’ tiġi applikata għall-kuntratt irrispettivament minn jekk entità taħt superviżjoni tal-Unjoni tkunx parti għall-kuntratt. Dan għandu jgħin biex tiġi evitata l-frammentazzjoni li inkella tista’ tirriżulta fis-suq tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda kuntratti relevanti - b’mod speċjali kuntratti transfruntiera – li jagħmlu referenza għal parametri referenzjarji, b’ċerti kuntratti jkunu potenzjalment soġġetti għall-iffissar tar-rata ta’ sostituzzjoni u oħrajn le.
8. Determinazzjoni tal-inadegwatezza ta’ dispożizzjonijiet ta’ riżerva
Il-BĊE jinnota li r-regolament propost ma jistabbilixxix il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet ta’ riżerva f’kuntratt li jagħmel referenza għal parametru finanzjarju li jkun se jitwaqqaf humiex inadegwati u b'hekk jaqgħu taħt il-kategorija ta’ kuntratti li għalihom tiġi applikata r-rata ta’ sostituzzjoni ffissata jekk il-waqfien tal-pubblikazzjoni tal-parametru referenzjarju jitqies li jfixkel b’mod sinifikanti l-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni. Il-BĊE jifhem li dan u ħafna aspetti oħrajn għad iridu jiġu kkjarifikati, wara li ssir il-konsultazzjoni pubblika dovuta mal-partijiet ikkonċernati kollha, fl-att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2016/1011.
Meta l-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, il-proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta' spjegazzjoni f'dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta’ Settembru 2020.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) COM(2020) 337 final.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016. p. 1).
(3) L-Artikolu 23a ġdid tar-Regolament (UE) 2016/1011, li għandu jiddaħħal mill-Artikolu 1(2) tar-regolament propost.
(4) L-Artikolu 3(17) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jinkludi fi ħdan id-definizzjoni tiegħu ta’ entitajiet taħt superviżjoni istituzzjonijiet ta’ kreditu, ditti ta’ investiment u ċerti kategoriji oħrajn ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.
(5) Artikolu 2(3) u (4) ġdid tar-Regolament (UE) 2016/1011, li għandu jiddaħħal mill-Artikolu 1(1)(b) tar-regolament propost.
(6) L-Artikolu 51(4a) u (4b) tar-Regolament (UE) 2016/1011.
(7) Peress li l-LIBOR jinħareġ f’muniti u maturitajiet differenti, ir-referenzi għal-LIBOR f’din l-opinjoni għandhom jinqraw bħala li jirreferu għall-munita u l-par(i) ta’ maturità partikolari ta’ LIBOR li l-pubblikazzjoni tagħhom tkun se titwaqqaf.
(8) Ara Financial Services Regulation: House of Commons Written statement by the Chancellor of the Exchequer, Rishi Sunak, HCWS307, 23 ta’ Ġunju 2020, disponibbli fuq www.parliament.uk.
(9) Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1011.
(10) Ara ECB Banking Supervision, A horizontal assessment of SSM banks’ preparedness for benchmark rate reforms, 23 ta’ Lulju 2020, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.
(11) Ara ECB Banking Supervision, Report on preparations for benchmark rate reforms, 23 ta’ Lulju 2020, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.
(12) Artikolu 23a(3) ġdid tar-Regolament (UE) 2016/1011, li għandu jiddaħħal mill-Artikolu 1(2) tar-regolament propost.
(13) Ara l-premessa 10 tar-regolament propost..
(14) Ara l-paġna 12 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja r-regolament propost.