Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika dwar l-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Artikolu 10(3)(a) – Dritt ta’ refuġjat għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu – Kunċett ta’ ‘minorenni mhux akkumpanjat’ – Applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri ma’ refuġjat minorenni li jkun sar maġġorenni matul il-proċedura ta’ ażil – Portata tas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248) – Terminu raġonevoli sabiex tiġi ppreżentata din l-applikazzjoni – Dies a quo – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja – L-aħjar interessi tal-wild – Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑571/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin‑Brandenburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Awwissu 2024, fil-proċedura

YO,

CT

vs

Bundesrepublik Deutschland,

fil-preżenza ta’:

Kreis Bergstraße,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, R. Frendo, N. Jääskinen, M. Condinanzi (Relatur) u A. Kornezov, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: F. Cathagne, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Settembru 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal CT u YO, minn A. Feßenbecker, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u J. Vondung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Ottubru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn YO u CT, ċittadini Sirjani li jirrisjedu fit-Turkija, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar iċ-ċaħda minn din tal-aħħar tal-applikazzjonijiet tagħhom għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ binhom, li ġie rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 2 u 8 tad-Direttiva 2003/86:

“(2)      Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950] u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-‘Karta’)].

[...]

(8)      Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta' l-Istati Membri.”

5        Skont l-Artikolu 2(f) tal-imsemmija direttiva:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(f)      ‘minorenni mhux akkompanjat’: tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat taħt l-età tmintax, li jaslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adulti responsabbli bil-liġi jew b’użanza, u sakemm ma jittiħdux effettivament fir-reponsabbilta ta’ persuna tali, jew minorenni li jibqgħu mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

6        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

[...]

(b)      it-tfal minorenni ta’ l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu [...]

[...]

It-tfal minorenni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu għandhom ikunu taħt l-età maġġoritarja stabbilita bil-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat u ma jridux ikunu miżżewġin.

[...]

2.      L-Istati Membri jistgħu, b’liġi jew regolament, jawtorizzaw id-dħul u residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a)      qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti ta’ l-isponsor jew il-konjugi tagħha jew tiegħu, fejn huma dipendenti fuqhom u ma jgawdux appoġġ xieraq tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini;

[...]”

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex ikun eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni tad-dħul u residenza għandhiex tkun issottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew mill-isponsor jew mill-membru jew membri tal-familja.

[...]

5.      Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta’ tfal minorenni.”

8        L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jitolbu mingħand il-persuna li tkun ippreżentat l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja li hija tipproduċi l-prova li l-isponsor ikollu alloġġ, assigurazzjoni għall-mard u riżorsi li jissodisfaw, rispettivament, ir-rekwiżiti li telenka l-imsemmija dispożizzjoni.

9        L-Artikolu 10(3) tal-imsemmija direttiva jippreċiża:

“Jekk ir-refuġjat huwa minorenni mhux akkompanjat, l-Istat Membru:

(a)      għandu jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba ta’ l-ewwel grad tiegħu/tagħha fil-linja diretta axxendenti mingħajr ma japplika l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a);

[...]”

10      Skont l-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 7, l-Istati Membri m’għandhomx jirrikjedu li r-refuġjat u/jew il-membri tal-familja jipprovdu, fir-rigward ta’ applikazzjonijiet dwar dawk il-membri tal-familja li jirreferi għalihom l-Artikolu 4(1), ix-xiehda li r-refuġjat jissodisfa r-rekwiżiti ddikjarati fl-Artikolu 7.

Mingħajr preġudizzju għal obbligi internazzjonali, fejn riunifikazzjoni tal-familja hija possibbli f’pajjiż terz li miegħu l-isponsor u/jew il-membru tal-familja għandu rabtiet speċjali, Stati Membri jistgħu jirrikjedu provvvediment tax-xiehda li jirreferi għaliha l-ewwel subparagrafu.

Stati Membri jistgħu jirrikjedu li r-refuġjat jissodisfa l-kondizzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 7(1) jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tkunx issottomessa fi żmien perjodu ta’ tliet xhur wara l-għoti ta’ l-istatus ta’ refuġjat.”

11      L-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2003/86 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu ma jilqgħux applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja, jew, jekk xieraq, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)      fejn il-kondizzjonijiet preskritti b’din id-Direttiva mhumiex jew m’għadhomx iktar osservati.

[...]”

 Id‑dritt Ġermaniż

12      Il-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali) fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil‑25 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 162), kif emendata bil-Liġi tat‑8 ta’ Mejju 2024 (BGBl. I, Nru 152) (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), tipprevedi, fl-Artikolu 6(3) tagħha:

“Ir-residenzi fit-tul jeħtieġu l-pussess ta’ viża għat-territorju Ġermaniż (viża nazzjonali) maħruġa qabel id-dħul fit-territorju. L-imsemmija viża għandha tinħareġ skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li japplikaw għall-permess ta’ residenza għal żmien limitat, għall-Karta Blu tal-UE, għall-Karta ta’ Trasferiment Intrazjendali (ICT), għall-karta ta’ residenza permanenti u għall-permess ta’ residenza għal żmien twil tal-UE. [...]”

13      L-Artikolu 25 tal-AufenthG, intitolat “Residenza għal raġunijiet umanitarji”, jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Barrani għandu jingħata permess ta’ residenza għal żmien limitat fejn il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati) ikun irrikonoxxa lilu l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Asylgesetz [(il-Liġi dwar l-Ażil)] jew id-dritt għall-protezzjoni sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar l-Ażil. [...]”

14      L-Artikolu 36 tal-AufenthG, intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri u ta’ membri oħra tal-familja”, jipprovdi:

“(1)      [...] permess ta’ residenza għal żmien limitat għandu jinħareġ lill-ġenituri ta’ barrani minorenni li jkollu permess ta’ residenza għal żmien limitat bis-saħħa [...] tal-Artikolu 25(2) [...] fejn ebda ġenitur li jkollu awtorità fuq il-minorenni ma jkun jinsab fit-territorju Ġermaniż.

(2)      Permess ta’ residenza għal żmien limitat bil-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja jista’ jinħareġ lill-membri l-oħra tal-familja ta’ barrani fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġu evitati tbatijiet eċċessivi. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Iben ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, imwieled fil‑31 ta’ Jannar 1999, daħal fit-territorju Ġermaniż fis‑6 ta’ Awwissu 2015, fl-età ta’ 16‑il sena. Irrappreżentat minn tutur, huwa ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fit‑3 ta’ Ġunju 2016, fl-età ta’ 17‑il sena. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Mejju 2017, il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) irrikonoxxa lilu l-istatus ta’ refuġjat. F’din id-data, huwa kellu 18‑il sena u tliet xhur.

16      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, l-ewwel nett, li huma ma ppreżentawx applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ binhom billi dan tal-aħħar, matul il-proċedura ta’ ażil u wara li ġie rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat, kien ġie informat, iktar minn darba, mit-tutur tiegħu, mill-avukat tiegħu, minn diversi awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-barranin u kif ukoll minn organizzazzjoni tar-refuġjati, li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), id-dritt tal-ġenituri għar-riunifikazzjoni ma’ wildhom, irrikonoxxut bħala refuġjat skont l-Artikolu 36(1) tal-AufenthG, jintemm meta dan il-wild jilħaq l-età maġġuri (Bundesverwaltungsgericht, sentenza tat‑18 ta’ April 2013 – 10 C 9/12 – BVerwG:2013:180413U10C9.12.0, punti 17 et seq.).

17      Permezz tas-sentenza tagħha tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza A u S”, EU:C:2018:248), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel parti tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jaqa’ fl-iskop tal-kunċett ta’ “minorenni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz li kellu inqas minn 18‑il sena fil-mument li fih ikun daħal fit-territorju ta’ Stat Membru u ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil f’dan l-Istat, iżda li, matul il-proċedura ta’ ażil, isir maġġorenni u, sussegwentement, jiġi rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, li, f’sitwazzjoni bħal din, l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja abbażi ta’ dan l-Artikolu 10(3)(a) għandha tiġi ppreżentata f’“terminu raġonevoli”, jiġifieri, bħala prinċipju, fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-“minorenni” kkonċernat tkun ġiet irrikonoxxuta lilu l-kwalità ta’ “refuġjat”.

18      Wara li sar jaf b’din is-sentenza, iben ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talab, permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ April 2018, lill-awtorità nazzjonali kompetenti responsabbli għall-barranin, lill-ambaxxata Ġermaniża fit-Turkija u lill-konsulat ġenerali Ġermaniż f’Istanbul (it-Turkija) li jinħareġ permess ta’ residenza għall-ġenituri tiegħu għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja. Huwa ppreżenta wkoll, bħala miżura kawtelatorja, talba għal restitutio in integrum sa fejn għandu x’jaqsam it-terminu ta’ tliet xhur li fih, skont is-sentenza A u S, għandha, bħala prinċipju, titressaq talba għal riunifikazzjoni.

19      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, min-naħa tagħhom, talbu lill-ambaxxata Ġermaniża f’Ankara (it-Turkija) u lill-konsulat ġenerali Ġermaniż f’Istanbul li jinħarġulhom viżi għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja. Fl‑20 ta’ Novembru 2018, huma marru għand il-konsulat ġenerali Ġermaniż f’Istanbul sabiex jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom personalment.

20      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑10 ta’ April 2019, dan il-konsulat ġenerali ċaħad dawn l-applikazzjonijiet għar-raġuni li d-dritt tal-ġenituri ta’ refuġjat għar-riunifikazzjoni tal-familja jeżisti biss sad-data li fiha dan tal-aħħar ikun laħaq l-età maġġuri u li, fi kwalunkwe każ, il-ġenituri ma kinux ippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fl-iqsar żmien possibbli wara li binhom kien ġie rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat.

21      Fl‑14 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), li ċaħditu permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2021. Dik il-qorti qieset li d-dritt tal-ġenituri għar-riunifikazzjoni tal-familja, taħt l-Artikolu 36(1) tal-AufenthG, huwa suġġett għall-kundizzjoni li wildhom ikun minorenni fid-data li fiha tiġi adottata d-deċiżjoni amministrattiva jew d-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-mertu. Fil-fehma tal-imsemmija qorti, din id-dispożizzjoni nazzjonali ma tistax, skont id-dritt tal-Unjoni, tiġi interpretata mod ieħor. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali lanqas ma setgħu jitolbu r-riunifikazzjoni tal-familja ma’ binhom abbażi tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, billi huma ma kinux ippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fit-terminu ta’ tliet xhur iffissat, bħala prinċipju, mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A u S. Xejn ma jiġġustifika, fil-fehma tagħha, li jiġi ffissat terminu itwal jew li jiġi pospost l-bidu ta’ dan it-terminu. Dik l-istess qorti ppreċiżat, minn naħa, li restitutio in integrum jew “tolleranza” bbażata fuq każ ta’ forza maġġuri ma kinux possibbli f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, li parti li żżomm ruħha volontarjament milli taġixxi fi żmien xieraq minħabba li jkun żgur, fil-fehma tagħha, li t-talba tagħha jew ir-rikors tagħha ma humiex ser jirnexxu ma jammontax għal impediment permessibbli.

22      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin-Brandenburg, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

23      Dik il-qorti tirrileva, skont l-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li dawn tal-aħħar ma setgħux jiġu kkritikati talli naqsu milli josservaw it-terminu ta’ tliet xhur li jirriżulta mis-sentenza A u S, billi, qabel l-għoti ta’ din is-sentenza, huma ma setgħux raġonevolment jistennew li applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tirnexxi. Fil-fatt, f’dak iż-żmien, meta wieħed iqis il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) u l-prassi deċiżjonali tal-awtoritajiet Ġermaniżi li tirriżulta minnha u li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu jafu biha, tali talba ma kellhiex ċans li tirnexxi. Barra minn hekk, ir-refuġjat u l-ġenituri tiegħu lanqas ma setgħu jkunu jafu, qabel ma ngħatat l-imsemmija sentenza, b’dan it-terminu ta’ tliet xhur.

24      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li tali terminu ma jistax jiġi applikat, mingħajr ebda adattament, f’sitwazzjonijiet bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Hija tistaqsi, għalhekk, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawn, il-bidu ta’ dan it-terminu għandux jiġi ffissat f’data differenti minn dik li fiha l-minorenni sponsor ikun ingħata l-istatus ta’ refuġjat, bħat‑12 ta’ April 2018, id-data li fiha ngħatat is-sentenza A u S, jew jekk jistax jiġi applikat terminu itwal. Billi, fil-fehma tagħha, huma possibbli, għalhekk, diversi soluzzjonijiet, dik il-qorti tqis li hija neċessarja, f’dan ir-rigward, kjarifika min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin-Brandenburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      It-terminu ta’ tliet xhur mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat li, skont is-sentenza [tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248], għandu jiġi ssodisfatt fir-rigward ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata abbażi tal-Artikolu 10(3)(a) tad-[Direttiva 2003/86] japplika mingħajr bidla fil-każ li l-isponsor kien taħt it-18-il sena meta daħal fit-territorju tal-Istat Membru u applika għall-ażil f’dan l-Istat iżda laħaq l-età maġġorenni matul il-proċedura ta’ ażil, anki jekk dan it-terminu kien diġà skada meta ngħatat [din] is-sentenza iżda abbażi tal-prassi tal-awtoritajiet [nazzjonali] dak iż-żmien u tal-ġurisprudenza tal-qorti suprema dwar tali kwistjonijiet f’dan l-Istat Membru, ir-refuġjat maġġorenni ma kellux il-possibbiltà li jippreżenta b’suċċess applikazzjoni għar-riunfikazzjoni tal-familja?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: it-terminu f’tali ċirkustanzi jibda jiddekorri f’data sussegwenti jew japplika allura terminu itwal?”

 Fuq id-domandi

26      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun daħal fit-territorju ta’ Stat Membru fil-kwalità ta’ “minorenni mhux akkumpanjat”, ikun laħaq l-età maġġuri matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u jkun ġie rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat f’data qabel dik li fiha ngħatat is-sentenza A u S, l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri tiegħu għandha, bħala prinċipju, tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-minorenni kkonċernat tkun ġiet irrikonoxxuta lilu l-kwalità ta’ “refuġjat”, kif previst f’din is-sentenza, f’sitwazzjoni fejn, qabel l-għoti tal-imsemmija sentenza, tali applikazzjoni ma kellhiex, fil-każ ta’ refuġjat li jkun sar maġġorenni, ċans li tirnexxi, u dan meta wieħed iqis il-ġurisprudenza tal-qrati superjuri tal-Istat Membru kkonċernat u l-prassi deċiżjonali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

27      Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2003/86 għandha l-għan li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li minnu jgawdu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

28      F’dan ir-rigward, kif tiddikjara l-premessa 8 ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tipprevedi, fil-każ tar-refuġjati, kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja billi s-sitwazzjoni tagħhom titlob attenzjoni speċjali minħabba raġunijiet li jkunu ġegħluhom jaħarbu minn pajjiżhom u li jkunu jżommuhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemmhekk.

29      Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet iktar favorevoli tikkonċerna r-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendenti diretti tal-ewwel grad tar-refuġjat. Fil-fatt, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li, skont l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, il-possibbiltà ta’ tali riunifikazzjoni hija, bħala prinċipju, fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru u hija suġġetta, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li l-axxendenti diretti tal-ewwel grad ikunu jiddependu mill-isponsor u li jkunu mċaħħda mill-appoġġ tal-familja neċessarju fil-pajjiż ta’ oriġini, l-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, fis-sens li r-refuġjati minorenni mhux akkumpanjati għandhom dritt għal tali riunifikazzjoni, li la huwa suġġett għal marġni ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Istati Membri u lanqas għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(a). B’hekk, l-imsemmi Artikolu 10(3)(a) jimponi fuq l-Istati Membri obbligu pożittiv preċiż, li jikkorrispondi għalih dritt iddefinit b’mod ċar, u speċifikament ifittex li jiggarantixxi protezzjoni maġġuri lil dawk ir-refuġjati li jkollhom il-kwalità ta’ “minorenni mhux akkumpanjati” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Landeshauptmann von Wien (Raggruppament tal-familja ma’ minorenni refuġjat), C‑560/20, EU:C:2024:96, punti 33 u 52, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan ir-rigward, fil-punt 64 tas-sentenza A u S, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ewwel parti tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “minorenni mhux akkompanjat”, moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi kklassifikat bħala “minorenni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li jkollhom inqas minn 18‑il sena fil-mument li fih jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru u jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil f’dan l-Istat, iżda li, matul il-proċedura ta’ ażil, jilħqu l-età maġġuri u sussegwentement jiġi rrikonoxxut lilhom l-istatus ta’ refuġjat.

31      Fil-fatt, li kellu d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja msemmi fl-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 jiddependi mill-mument li fih l-awtorità nazzjonali kompetenti tadotta formalment id-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-kwalità ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata u, għalhekk, minn kemm din l-awtorità ddum tipproċessa l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jitwaqqa’ dubju fuq l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni u dan ikun imur kontra mhux biss l-għan ta’ din id-direttiva – li tfittex li tippromwovi r-riunifikazzjoni tal-familja u tagħti, f’dan is-sens, protezzjoni speċjali lir-refuġjati u, b’mod partikolari, lill-minorenni mhux akkumpanjati – iżda wkoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali (sentenza A u S, punt 55).

32      Sa fejn għandu x’jaqsam it-terminu li fih għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ sponsor refuġjat minorenni, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2003/86 ma tiddeterminax b’mod espliċitu sa liema mument refuġjat minorenni jista’ jitlob il-benefiċċju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja previst fl-Artikolu 10(3)(a) tagħha.

33      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 61 tas-sentenza A u S, li, inkwantu jkun inkompatibbli mal-għan tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 li refuġjat, li kellu l-kwalità ta’ “minorenni mhux akkumpanjat” fil-mument li fih ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil iżda li jkun sar maġġorenni matul il-proċedura marbuta ma’ din l-applikazzjoni, ikun jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni “mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis” sabiex jikseb riunifikazzjoni tal-familja, l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għandha ssir f’terminu raġonevoli. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li, sabiex jiġi ddeterminat tali terminu raġonevoli, is-soluzzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest simili tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva hija indikattiva, hekk li għandu jitqies li l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja abbażi tal-Artikolu 10(3)(a) tal-imsemmija direttiva għandha, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni bħal din, tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-minorenni kkonċernat ikun ġie rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat.

34      B’hekk, minn din is-sentenza jirriżulta, minn naħa, li, f’sitwazzjoni bħal din, l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja għandha tiġi ppreżentata f’“terminu raġonevoli” u li l-bidu ta’ dan it-terminu huwa d-data li fiha jkun ġie rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat lill-minorenni kkonċernat. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi terminu ta’ tliet xhur huwa “indikattiv” sabiex tiġi ddeterminata din in-natura raġonevoli, hekk li tali applikazzjoni għandha, “bħala prinċipju”, tiġi ppreżentata f’tali terminu ta’ tliet xhur. Madankollu, dan ma jeskludix l-adattament ta’ dan it-terminu f’sitwazzjonijiet partikolari.

35      Fil-fatt, għandu jitfakkar li n-natura raġonevoli ta’ terminu ma tistax tiġi evalwata b’riferiment għal limitu massimu preċiż, iddeterminat b’mod astratt, iżda għandha tiġi evalwata f’kull każ skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 29 u 33).

36      F’dan il-każ, id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma marbuta maċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, inkwantu, minn naħa, dan it-terminu, bħala prinċipju, ta’ tliet xhur kien diġà skada fid-data li fiha ngħatat is-sentenza A u S, u, min-naħa l-oħra, qabel ingħatat l-imsemmija sentenza, applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata mill-ġenituri ta’ refuġjat li jkun sar maġġorenni matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil ma kellhiex ċans li tirnexxi u dan meta wieħed iqis il-ġurisprudenza tal-qrati superjuri tal-Istat Membru kkonċernat u l-prassi deċiżjonali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, għandhom jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji stabbiliti fil-Karta u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom u b’osservanza tal-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

38      B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, huma l-Istati Membri, b’mod partikolari l-qrati tagħhom u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma joqogħdux fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt sekondarju li tkun tmur kontra d-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Landeshauptmann von Wien (Riunifikazzjoni tal-familja ma’ minorenni refuġjat), C‑560/20, EU:C:2024:96, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, kif jirriżulta wkoll mill-kliem tal-premessa 2 u tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, li jobbligaw lill-Istati Membri jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bil-ħsieb li jippromwovu l-ħajja tal-familja (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Landeshauptmann von Wien (Riunifikazzjoni tal-familja ma’ minorenni refuġjat), C‑560/20, EU:C:2024:96, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Dan japplika wkoll, b’mod partikolari, għall-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, li jfittex speċifikament li jiffavorixxi r-riunifikazzjoni tar-refuġjati minorenni mhux akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom, sabiex tiġi żgurata protezzjoni maġġuri lil dawn il-minorenni minħabba l-vulnerabbiltà speċifika tagħhom, u li huwa, għalhekk, partikolarment importanti għar-rispett effettiv tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Landeshauptmann von Wien (Riunifikazzjoni tal-familja ma’ minorenni refuġjat), C‑560/20, EU:C:2024:96, punt 51).

41      Konsegwentement, fid-dawl tal-importanza tal-interessi inkwistjoni u sabiex tiġi żgurata r-riunifikazzjoni tar-refuġjati minorenni mhux akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati tal-Istati Membri li jintalbu jiddeċiedu dwar applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ, sabiex jiddeterminaw jekk it-terminu li fih l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata jkunx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ raġonevolezza. B’mod partikolari, huma għandhom jevalwaw jekk tali applikazzjoni, ukoll meta tkun ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu, bħala prinċipju, ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri fid-data li fiha l-minorenni tkun ġiet irrikonoxxuta lilu l-kwalità ta’ “refuġjat”, tistax, madankollu, titqies ammissibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari kollha li jinvoka l-applikant u li jikkaratterizzaw il-kawża li jkollhom quddiemhom, b’mod partikolari r-raġunijiet għaliex ma jkunx ġie osservat dan it-terminu u d-diliġenza li jkunu wrew l-isponsor jew il-membri tal-familja tiegħu.

42      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-fatti fil-kawża prinċipali ġraw qabel ma ngħatat is-sentenza A u S, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għall-ewwel darba, li applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentata f’sitwazzjoni fejn l-isponsor kellu l-kwalità ta’ “minorenni mhux akkumpanjat” fil-mument li fih ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil iżda kien sar maġġorenni matul il-proċedura marbuta ma’ din l-applikazzjoni, kellha tiġi ppreżentata f’terminu raġonevoli, jiġifieri, bħala prinċipju, f’terminu ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-minorenni tkun ġiet irrikonoxxuta lilu l-kwalità ta’ “refuġjat”. Fil-fatt, qabel ma ngħatat din is-sentenza, la l-isponsor u lanqas il-ġenituri tiegħu ma setgħu jkunu jafu bl-eżistenza ta’ tali terminu.

43      Fit-tieni lok, hija dik il-qorti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ġenituri tal-isponsor li kien minorenni fil-mument li fih ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, iżda li kien sar maġġorenni meta ġie rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat, ma ppreżentawx applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja immedjatament wara dan ir-rikonoxximent minħabba li dan tal-aħħar kien ġie informat, b’mod partikolari, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li tali applikazzjoni fil-każ ta’ minorenni li jkun sar maġġorenni matul il-proċedura ta’ ażil ma kellhiex ċans li tirnexxi u dan meta wieħed iqis il-ġurisprudenza tal-qrati superjuri Ġermaniżi u l-prassi deċiżjonali ta’ dawn l-awtoritajiet, kif ġew ikkonfermati wkoll mill-Gvern Ġermaniż matul il-proċedura f’din il-kawża.

44      Fit-tielet lok, hija l-imsemmija qorti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li iben ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talab li jinħareġ permess ta’ residenza lill-ġenituri tiegħu għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja fl‑24 ta’ April 2018, jiġifieri tnax‑il jum biss wara li ngħatat is-sentenza A u S. Tali fatt jista’ jservi bħala indizju tad-diliġenza li wrew dawn ir-rikorrenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, kif ukoll tal-bona fides tagħhom.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun daħal fit-territorju ta’ Stat Membru fil-kwalità ta’ “minorenni mhux akkumpanjat”, ikun laħaq l-età maġġuri matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u jkun ġie rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat f’data qabel dik li fiha ngħatat is-sentenza A u S, l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri tiegħu għandha tiġi ppreżentata f’terminu raġonevoli mid-data li fiha l-minorenni kkonċernat tkun ġiet irrikonoxxuta lilu l-kwalità ta’ “refuġjat”. In-natura raġonevoli ta’ dan it-terminu għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull kawża.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja,

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

meta ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun daħal fit-territorju ta’ Stat Membru fil-kwalità ta’ “minorenni mhux akkumpanjat”, ikun laħaq l-età maġġuri matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u jkun ġie rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat f’data qabel dik li fiha ngħatat is-sentenza A u S, l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri tiegħu għandha tiġi ppreżentata f’terminu raġonevoli mid-data li fiha l-minorenni kkonċernat tkun ġiet irrikonoxxuta lilu l-kwalità ta’ “refuġjat”. In-natura raġonevoli ta’ dan it-terminu għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull kawża.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.