Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU III - POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI - KAPITOLU III - POLITIKA F'OQSMA OĦRA - Sezzjoni 4 - Agrikoltura u sajd - Artikolu III-231
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0101 - 0102
Artikolu III-231 1. Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti biex tinħadem u tiġi implimentata l-politika agrikola komuni, inkluża s-sostituzzjoni ta' organizzazzjonijiet nazzjonali b'waħda mill-forom ta' organizzazzjoni komuni prevista fl-Artikolu III-228(1), kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-miżuri previsti f'din is-Sezzjoni. Dawn il-proposti għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-interdipendenza tal-kwistjonijiet agrikoli previsti f'din is-Sezzjoni. 2. Il-liġi jew il-liġi kwadru Ewropea Ewropea għandha tistabbilixxi l-organizzazzjoni komuni tas-suq prevista fl-Artikolu III-228(1) kif ukoll id-disposizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-insegwiment ta' l-għanijiet tal-politika agrikola komuni u l-politika tas-sajd komuni. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali. 3. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej dwar l-iffissar ta' prezzijiet, imposti, għajnuna u limitazzjonijiet kwantitattivi u dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd. 4. Skond il-paragrafu 2, l-organizzazzjonijiet nazzjonali tas-suq jistgħu jiġu sostitwiti mill-organizzazzjoni komuni prevista fl-Artikolu III-228(1) jekk: a) l-organizzazzjoni komuni toffri salvagwardji ekwivalenti għall-impjieg u l-livell ta' l-għixien tal-produtturi konċernati lil Stati Membri li jopponu din il-miżura u li għandhom huma stess organizzazzjoni nazzjonali għall-produzzjoni in kwistjoni, b'kont meħud tar-ritmu ta' l-aġġustamenti li jkunu possibbli u l-ispeċjalizzazzjoni li tkun meħtieġa, u b) din l-organizzazzjoni tassigura kondizzjonijiet għall-kummerċ fl-Unjoni bħal dawk li jeżistu f'suq nazzjonali. 5. Jekk organizzazzjoni komuni għal ċerta materja prima tiġi stabbilita qabel ma tkun teżisti l-organizzazzjoni komuni għall-prodotti pproċessati li jikkorrispondu għaliha, din il-materja prima li hija wżata għal prodotti pproċessati maħsuba għal esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tista' tkun importata minn barra l-Unjoni. --------------------------------------------------