52010PC0098




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 17.3.2010

KUMM(2010)98 finali

2010/0057 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Ġinevra dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela u ta' Ftehim dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 tat-13 ta' Frar 1993 stabbilixxa organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana fil-Komunitajiet Ewropej. Wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill, għadd ta' Membri tad-WTO tal-Amerika Latina li jfornu l-banana lill-UE fuq il-bażi tan-Nazzjon l-Iktar Iffavorit (MFN) kif ukoll hekk kif l-Istati Uniti bdew proċedimenti għal soluzzjoni ta' tilwim kontra l-UE (l-iktar it-tilwima WT/DS27 li ilha ħafna għaddejja) fir-rigward tat-trattament differenti tal-banana li ddaħħlet fis-suq tal-Unjoni Ewropea minn fornituri differenti.

Fil-11 ta' April 2001 u fit-30 ta' April 2001 rispettivament, il-Kummissjoni laħqet Ftehimiet mal-Ekwador u mal-Istati Uniti li ffissaw il-kundizzjonijiet sabiex jissolva t-tilwim. Dawk il-Ftehimiet kienu jipprevedu l-introduzzjoni ta' "sistema esklussivament tariffarja" għall-importazzjonijiet tal-banana fl-2006. Fl-14 ta' Novembru 2001, il-Konferenza Ministerjali ta' Doha tad-WTO adottat derogi mill-obbligazzjonijiet tal-UE skont l-Artikoli I (Id-Deroga ta' Doha) u XIII tal-GATT dwar it-trattament preferenzjali mogħti lill-prodotti li ġejjin minn pajjiżi tal-AKP skont il-Ftehim ta' Cotonou. Dawk id-derogi stabbilixxew, bħala kundizzjoni għad-deroga fir-rigward tal-banana, li s-sistema esklussivament tarriffarja l-ġdida li kellha tiddaħħal fl-2006 "kellha għall-anqas twassal sabiex jinżamm l-aċċess totali għas-suq għall-fornituri tal-banana tal-MFN" u provdew mekkaniżmu ta' arbitraġġ f'każ ta' nuqqas ta' qbil.

Fit-12 ta' Lulju 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 ("GATT 1994") bil-ħsieb li tiddaħħal sistema esklussivament tariffarja għall-banana fl-iskeda tal-KE. Għaldaqstant, il-Komunità Ewropea nnotifikat lid-WTO fil-15 ta' Lulju 2004 bl-intenzjoni tagħha li tibdel ċerti konċessjonijiet fuq il-kategorija 0803 00 19 (il-banana) fl-Iskeda tad-WTO tal-KE (CXL). Il-Kummissjoni wettqet negozjati, b'konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 133 tat-Trattat tal-KE u l-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura u fil-qafas tad-direttivi tan-negozjati maħruġa mill-Kunsill. Dawn in-negozjati ma wasslux għal ftehim.

Fil-31 ta' Jannar 2005, il-Komunità Ewropea nnotifikat lid-WTO bl-intenzjoni tagħha li minflok il-konċessjonijiet tagħha fuq il-kategorija 0803 00 19 (il-banana) iddaħħal dazju fiss ta' EUR 230/tunnellata. Fit-30 ta' Marzu 2005 għadd ta' Membri tad-WTO (Il-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa, il-Panama, u l-Venezwela) talbu arbitraġġ skont id-deroga ta' DOHA. Id-Deċiżjoni tal-Arbitru maħruġa fl-1 ta' Awwissu 2005 kkonkludiet li r-rata tariffarja tal-MFN ta' EUR 230/tunnellata proposta mill-Komunità ma kinitx konsistenti mal-kundizzjonijiet tad-Deroga ta' Doha. Il-Kummissjoni rrevediet il-proposta tal-Komunità fid-dawl tas-sejbiet tal-arbitru. Fit-tieni deċiżjoni tal-arbitraġġ, maħruġa fis-27 ta' Ottubru 2005, l-Arbitru kkonkluda li l-proposta riveduta għar-rata tariffarja tal-MFN ta' EUR 187/tunellata wkoll naqset milli tirrettifika l-kwistjoni.

Fid-dawl tal-obbligu tagħha li ddaħħal sistema esklussivament tariffarja sal-1 ta' Jannar 2006, u meta qieset in-nuqqas ta' qbil dwar dazju fiss, l-UE daħħlet dazju applikat għall-MFN ta' EUR 176/tunnellata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1964/2005. Dan ir-Regolament fetaħ ukoll kwota tariffarja awtonoma ta' 775 000 tunnellata ta' piż nett soġġetti għal rata ta' dazju żero għall-importazzjonijiet tal-banana li ġejja minn pajjiżi tal-AKP. L-UE ma nnotifikat l-ebda proposta oħra sabiex timmodifika l-iskeda tariffarja tagħha fuq il-banana sa ma jintlaħaq ftehim mal-fornituri tal-banana tal-MFN.

Mill-1 ta' Jannar 2008, il-fornituri tal-banana tal-AKP ibbenefikaw minn aċċess bla dazju u bla kwoti għas-suq tal-UE abbażi ta' Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika mal-UE.

Fit-23 ta' Frar 2007 u fid-29 ta' Ġunju 2007 rispettivament, l-Ekwador u l-Istati Uniti talbu sabiex jiġi stabbilit panel skont l-Artikolu 21.5 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim rigward l-inkonsistenza allegata mal-ftehimiet tad-WTO dwar miżuri adottati mill-UE sabiex ikun hemm konformità mar-rapporti tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (DSB) fit-tilwima WT/DS27. Ir-rapporti finali ġew adottati f'Diċembru 2008. Ir-rapport, fil-każ li tressaq mill-Ekwador, kien jgħid li t-tariffa applikata mill-UE (EUR 176/tunnellata) fuq il-banana kienet inkonsistenti mal-konsolidazzjonijiet tariffarji skont il-GATT 1994. Iż-żewġ rapporti ddikjaraw ukoll li l-preferenza mogħtija mill-UE fiż-żmien meta ġie stabbilit il-panel (775 000 tunnellata bla dazju) kienet inkonsistenti mal-GATT 1994.

Fit-22 ta’ Marzu 2004 u fid-29 ta' Jannar 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati taħt l-Artikolu XXIV:6 tal-GATT 1994, tul l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika tas-Slovakkja u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Repubblika tar-Rumanija, rispettivament.

In-negozjati skont l-Artikolu XXVIII u l-Artikolu XXIV:6 tal-GATT 1994 ġew konklużi b'suċċess fil-15 ta' Diċembru 2009 permezz tat-tnedija tal-"Ftehim ta' Ġinevra dwar il-Kummerċ tal-Banana" mal-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela ("il-Ftehim ta' Ġinevra") u ta' "Ftehim dwar il-Kummerċ tal-Banana" mal-Istati Uniti tal-Amerika (il-"Ftehim tal-UE/US").

Il-Ftehimiet innegozjati mill-Kummissjoni jipprovdu għar-riżoluzzjoni tat-talbiet tal-pajjiżi kkonċernati skont l-Artikoli XXIV:6 u XXVIII tal-GATT. Barra minn hekk, huma jimplimentaw il-Ftehimiet b'obbligu ta' "sistema esklussivament tariffarja" u jipprovdu soluzzjoni għat-tilwim kollu pendenti dwar it-trattament tat-tariffi fuq il-banana, li għandu għalhekk jiġi riżolt formalment malli tiġi ċċertifikata l-iskeda tariffarja tal-UE fuq il-banana.

Il-Ftehim ta' Ġinevra u l-Ftehim tal-UE/US ġew iffirmati mill-Kummissjoni fil-xx.xx.2010, soġġetti għall-konklużjoni tagħhom f'data iktar 'il quddiem. Għalhekk iż-żewġ ftehimiet għandhom jiġu konklużi.

2010/0057 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Ġinevra dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela u ta' Ftehim dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[1]

Billi:

1. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/XXX/UE[2], il-Ftehim ta' Ġinevra dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela u l-Ftehim dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika ġew iffirmati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni Ewropea fil-xx.xx.2010, soġġetti għall-konklużjoni tagħhom f'data iktar 'il quddiem.

2. Dawk iż-żewġ Ftehimiet għandhom jiġu approvati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehimiet li ġejjin huma b'dan approvati:

(a) il-Ftehim ta' Ġinevra dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela (il-"Ftehim ta' Ġinevra");

(b) il-Ftehim dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (il-"Ftehim tal-UE/US").

It-testi ta' dawk il-Ftehimiet jinsabu mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill b'dan huwa awtorizzat li jaħtar persuna/i li tingħata/jingħataw is-setgħa li jipproċedu, f'isem l-Unjoni Ewropea, għan-notifika provduta fil-paragrafu 8(a) tal-Ftehim ta' Ġinevra u fil-paragrafu 6 tal-Ftehim tal-UE/US, sabiex jesprimu l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat b'dawk il-ftehimiet.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA | FichFin/10/50124(DDG/EM/tm) 6.9.2010.1 |

DATA: 27/01/2010 |

1. | INTESTATURA TAL-BAĠIT: Kapitolu 12 - Dazji doganali u ħidmiet oħra | APPROPRJAZZJONIJIET: B2010 : EUR 14 079.7 miljun |

2. | TITOLI: Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta' "Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ tal-Banana" bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela u ta' "Ftehim dwar il-Kummerċ tal-Banana" bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, & Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' "Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ tal-Banana" bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela u ta' "Ftehim dwar il-Kummerċ tal-Banana" bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti & Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1964/2005 dwar ir-rati tariffarji għall-banana |

3. | BAŻI LEGALI: It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikoli 207(4), 218(5)(6) u 207(2). |

4. | GĦANIJIET: L-iffrimar, l-applikazzjoni provviżorja u l-konklużjoni taż-żewġ Ftehimiet dwar il-Kummerċ tal-Banana u li jħassru r-regolament dwar ir-rati tariffarji għall-banana. |

5. | IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI | SENA FINANZJARJA LI GĦADDIET 2009 (EUR miljuni) | SENA FINANZJARJA ATTWALI 2010 (EUR miljuni) | SENA FINANZJARJA SUSSEGWENTI 2011 (EUR miljuni) | SENA FINANZJARJA SUSSEGWENTI 2012 (EUR miljuni) |

5.0 | NEFQA - IMĦALLSA MILL-BAĠIT TAL-KE (RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI) - L-AWTORITAJIET NAZZJONALI - OĦRAJN | - | - | - | - |

5.1 | DĦUL - IR-RIŻORSI PROPRJI TAL-KE (IMPOSTI/DAZJI DOGANALI) | -3.5 | -74.8 | -88.1 | -106.8 |

5.2 | METODU TAL-KALKOLU: Ibbażat fuq l-applikazzjoni tar-rati tariffarji mnaqqsa fuq l-importazzjonijiet tal-Kodiċi NM 0803.00.19 tat-12-il xahar riċenti u disponibbli. |

6.0 | IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI? | IVA LE |

6.1 | IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI? | IVA LE |

6.2 | SE JKUN MEĦTIEĠ BAĠIT SUPPLIMENTARI? | IVA LE |

6.3 | SE JKUN MEĦTIEĠ LI L-APPROPRJAZZJONIJIET JIDDAĦĦLU FIL-BAĠITS FUTURI? | IVA LE |

OSSERVAZZJONIJET Il-Ftehimiet inaqqsu progressivament ir-rati tariffarji għall-banana. Jista' jiġi stmat li dawn il-miżuri se jwasslu għal tnaqqis fir-riżorsi proprji indikati fil-punt 5.1, ammonti netti wara t-tnaqqis tal-infiq tal-ġbir imġarrab mill-Istati Membri. (Kienet inkluża stima tat-telf tar-riżorsi proprji għall-2009 minħabba l-validità retroattiva ta' dawn il-Ftehimiet sal-15/12/2009). |

[1] ĠU C x, xx.xx.2010 p. x.

[2] ĠU L x, xx.xx.2010 p. x.