|
22.10.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 376/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1845
tal-20 ta’ Ottubru 2021
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/175 fir-rigward tal-perjodu ta’ validità tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-akkomodazzjoni turistika u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati
(notifikata bid-dokument C(2021) 7427)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprevedi li l-Ekotikketta tal-UE tista’ tiġi ppremjata lill-prodotti li jħallu impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom. Se jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għal kull grupp ta’ prodotti. |
|
(2) |
Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2017/175 (2), il-Kummissjoni stabbiliet il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti “akkomodazzjoni turistika”. Il-validità ta’ dawk il-kriterji u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati se tiskadi fis-26 ta’ Jannar 2022. |
|
(3) |
F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-Ekotikketta tal-UE tat-30 ta’ Ġunju 2017 (3), il-Kummissjoni, flimkien mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-UE, ivvalutat u kkonfermat ir-rilevanza tal-grupp ta’ prodotti “akkomodazzjoni turistika”, kif ukoll ir-rilevanza u l-adegwatezza tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE attwali tagħha għal dak il-grupp ta’ prodotti u tar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati. |
|
(4) |
F’konformità mal-konklużjonijiet tal-kontroll tal-idoneità tal-Ekotikketta tal-UE tat-30 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni, flimkien mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-UE, qed tagħti prijorità lill-implimentazzjoni ta’ diversi azzjonijiet biex jiżdied l-użu tal-Ekotikketta tal-UE għal dan il-grupp ta’ prodotti, filwaqt li tħeġġiġa bħala għodda siewja għal irkupru sostenibbli. |
|
(5) |
Għalhekk, jixraq li tittawwal il-validità tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2017/175 sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrevedi dan il-grupp ta’ prodotti ladarba s-settur ikun irkupra. |
|
(6) |
Id-durata tal-estensjoni jenħtieġ li tkun twila biżżejjed biex tkun tista’ titkompla l-finalizzazzjoni sħiħa tal-proċess ta’ reviżjoni u tingħata perspettiva affidabbli li tippermetti l-kontinwità tas-suq għad-detenturi tal-liċenzja attwali u futuri li sadanittant jkunu jistgħu jżommu l-benefiċċji tal-Ekotikketta tal-UE fuq il-prodotti ppremjati tagħhom. |
|
(7) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2017/175 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/175 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 6
Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti “akkomodazzjoni turistika” u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati għandhom jibqgħu validi sat-30 ta’ Ġunju 2025.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.
Għall-Kummissjoni
Virginijus SINKEVIČIUS
Membru tal-Kummissjoni
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/175 tal-25 ta’ Jannar 2017 dwar l-istabbiliment ta’ kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-akkomodazzjoni turistika (ĠU L 28, 2.2.2017, p. 9).
(3) Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) u tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (COM(2017) 355 final).