Kawża T-24/08

Weldebräu GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali — Forma ta’ flixkun b’għonq spirali — Trade mark Komunitarja tridimensjonali preċedenti li tikkonsisti fil-forma ta’ flixkun b’għonq spirali — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)( b))

Ma teżistix, għall‑konsumatur medju, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is‑sinjal tridimensionali li jikkonsisti fi flixkun b’forma ċilindrika b’għonq dejjaq u spirali bil‑kelma “snipp” li hija wkoll ċilindrika, li r‑reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark Komunitarja hija mitluba għal prodotti fil‑klassijiet 30, 32 u 33 skont il‑Ftehim ta’ Nice, u t‑trade mark tridimensionali li tikkonsisti fil‑forma ta’ flixkun b’għonq spirali rreġistrata preċedentement bħala trade mark Komunitarja għal prodotti identiċi jew li jixxiebhu ħafna fil‑klassijiet 21, 32 u 33 tal‑imsemmi ftehim.

Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l‑element verbali “snipp”, tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, imnaqqax bl‑istess kulur tal‑ħġieġ, huwa diffiċilment perċettibbli u, konsegwentement, ma jistax ikollu impatt fuq l‑impressjoni ġenerali prodotta mit‑trade mark, u għalkemm ma jistax jiġi injorat li l‑għenuq tal‑fliexken tas-sinjali kunfliġġenti huma t‑tnejn ta’ forma spirali, u li għaldaqstant huma differenti minn għenuq tradizzjonali, xorta jibqa’ l‑fatt li l‑impressjoni viżiva ġenerali turi diversi differenzi rilevanti bejn is-sinjali kunfliġġenti.

Minn naħa, is-sinjal preċedenti jidher, f’għajnejn il‑konsumaturi medji normalment informati u raġonevolment attenti u avżati, itwal, iktar fin u għaldaqstant iktar delikat mis-sinjal li għalih saret l‑applikazzjoni, li juri forma iżgħar, wiesgħa u ħoxna, li tagħti l‑impressjoni ta’ toqol. Barra minn hekk, il‑forma tal‑flixkun tas-sinjal li għalih saret l‑applikazzjoni hija irregolari minħabba l‑parti tonda tagħha, filwaqt li dik tas-sinjal preċedenti hija dritta. Min-naħa l‑oħra, l‑għenuq, minkejja li t‑tnejn huma spirali, jippreżentaw spirali differenti. Filwaqt li l-għonq tas-sinjal preċedenti huwa iktar fin u fih biss żewġ dawriet, dak tas-sinjal li saret l‑applikazzjoni għalih jidher usa u fih mill‑inqas erba’ dawriet.

Sa fejn is-sinjali kunfliġġenti jippreżentaw differenzi rilevanti u sa fejn ir‑rikorrenti ma wrietx kif it‑trade mark preċedenti hija nieqsa minn karattru distintiv kbir, is‑sempliċi fatt li ż‑żewġ fliexken għandhom għonq spirali ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it‑trade marks kunfliġġenti, minkejja l‑identiċità tal-prodotti inkwistjoni. Fir‑rigward tal‑impressjoni tattili tat‑trade marks kunfliġġenti, mill‑metodi ta’ bejgħ tal‑fliexken ‑ jiġifieri l‑preżenza tagħhom bħala prodotti ttikkettjati fl‑ixkafef tal‑ikel tal‑ħwienet kbar jew meta jiġu ordnati fi ħwienet tax‑xorb jew f’restorant ‑ jirriżulta li l‑konsumatur jikkonċentra minn qabel u prinċipalment fuq l‑elementi verbali u figurattivi li hemm fuq it‑tikketti tagħhom, bħall‑isem tat‑trade mark, il‑logo u/jew elementi figurattivi oħra li jindikaw l‑oriġini tal-prodott.

(ara l‑punti 25, 26, 32, 33)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

4 ta’ Marzu 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali – Forma ta’flixkun b’għonq spirali – Trade mark Komunitarja tridimensjonali preċedenti li tikkonsisti fil-forma ta’ flixkun b’għonq spirali – Raġuni relattiva għal rifjut – Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑24/08,

Weldebräu GmbH & Co. KG, stabbilita f’Plankstadt (il-Ġermanja), irrappreżentata minn W. Göpfert, avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Kofola Holding a.s., stabbilita f’Ostrava (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn S. Hejdová u R. Charvát, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tal-15 ta’ Novembru 2007 (Każ R 1096/2006‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Weldebräu GmbH & Co. KG u Kofola Holding a.s.,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek (Relatur) u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Jannar 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2008,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju 2008,

wara s-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-23 ta’ Settembru 2003, l-intervenjenti, Kofola Holding a.s., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 01, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s‑sinjal tridimensionali li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni ta’ “flixkun b’forma ċilindrika b’għonq dejjaq u spirali bil-kelma ‘snipp’ li hija wkoll ċilindrika”, li huwa rriprodott hawn taħt:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 30, 32 u 33 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il‑klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 30: “kafè, te, kawkaw, kafè artifiċjali, zlazi, zlazi veġetali, ħelu, xarbiet taċ-ċikkulata, xarbiet tal-kawkaw, xarbiet tal-kafè, xarbiet tat-te aħdar, ħwawar għax-xarbiet barra ż-żjut essenzjali, għasel iswed”;

–        klassi 32: “Xarbiet mhux alkoħoliċi, xarbiet mhux alkoħoliċi tal‑frott, estratt tal-frott (mhux alkoħoliku), nektar tal-frott, meraq tal-frott, ilma minerali, xarbiet bil-gass, essenzi għall‑preparazzjoni tax-xarbiet, ġulepp, birra”;

–        klassi 33: “Xarbiet alkoħoliċi”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil‑Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2004/033, tas-16 ta’ Awwissu 2004.

5        Fis-16 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti, Weldebräu GmbH & Co. KG, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Komunitarja tridimensjonali preċedenti, li tikkonsisti fil-forma ta’ flixkun, irreġistrata fis-16 ta’ Novembru 2000 bin-Numru 690 016, li hija rriprodotta hawn taħt:

Image not found

7        Il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti jaqgħu taħt il-klassijiet 21, 32 u 33 u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 21: “Kontenituri tal-ħġieġ, fliexken, vażuni u ġarar (mhux magħmula minn materjal prezzjuż)”;

–        klassi 32: “Birra, ilma minerali u ilma bil-gass, xorb tal-frott u meraq tal-frott, ġulepp u taħlitiet oħra għall-preparazzjoni ta’ xorb, ales, porters”;

–        klassi 33: “Xarbiet alkoħoliċi (bl-eċċezzjoni tal-birer), likuri, spirti, inbejjed”.

8        Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet dik imsemmija fl‑Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 [(li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

9        Fis-26 ta’ Ġunju 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l‑oppożizzjoni.

10      Fl-14 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/64 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l‑appell, billi qies essenzjalment li, fid-dawl tal-karattru distintiv medju tat-trade mark preċedenti u tad-differenzi sinjifikattivi eżistenti bejn is-sinjali kunfliġġenti, ma kienet teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 207/2009], bejn it-trade marks kunfliġġenti min-naħa tal-konsumatur medju tal-Unjoni Ewropea.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

13      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Hija tqis li l‑Bord tal-Appell kien żbaljat meta eskluda l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni. Il-UASI u l-intervenjenti jsostnu li l-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li kien hemm nuqqas ta’ tali probabbiltà. .

16      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir‑reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għandha tiġi rrifjutata jekk, minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit‑territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

17      Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun hemm riskju li l-pubbliku jkun jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il‑każ, minn impriżi marbutin ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas‑sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal‑fatturi kollha rilevanti tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh bejn is-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi deskritti [ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 32, u l-ġurisprudenza ċċitata].

18      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell qies ġustament li ma teżista l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

19      Fil-kawża preżenti, ma huwiex ikkontestat li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn konsumaturi medji tal-Unjoni Ewropea normalment informati u raġonevolment attenti u avżati.

20      Huwa stabbilit ukoll, hekk kif ġustament iddikjara l-Bord tal-Appell fil‑punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti deskritti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jaqgħu taħt il-klassijiet 32 u 33, huma identiċi għal dawk tat-trade mark preċedenti li jaqgħu taħt l-istess klassijiet, u li l-prodotti fil-klassi 30, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huma simili ħafna għall-prodotti fil-klassijiet 32 u 33, koperti mit-trade mark preċedenti.

 Fuq it-tqabbil tas-sinjali kunfliġġenti

21      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni trid, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l‑konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali ta’ din il‑probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d‑dettalji differenti [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, Ġabra p. I‑114, punt 34; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT), T‑186/02, Ġabra p. II 1887, punt 38].

22      Fil-kawża preżenti, jinsabu f’kunflitt żewġ sinjali tridimensjonali li jirrapreżentaw fliexken, li jikkonsistu fi flixkun ta’ forma ċilindrika u fi flixkun ta’ forma spirali. Barra minn hekk, is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni fih l-element verbali “snipp”, imnaqqax fuq il-parti t’isfel tal-flixkun b’ittri żgħar bl-istess kulur tiegħu.

23      Hekk kif jirriżulta wkoll mill-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġewx ikkontestati mill-partijiet, ebda paragun fonetiku ma jista’ jitwettaq sa fejn it-trade mark preċedenti ma fiha l-ebda element verbali, u li l-element verbali “snipp”, ta’ daqs żgħir, imnaqqax fuq il-parti t’isfel tas-sinal li għalih saret l-applikazzjoni, ma jistax ikollu impatt fuq l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark. Paragun kunċettwali huwa impossibbli wkoll peress li t-trade marks kunfliġġenti huma nieqsa minn sinjifikat. Minn dan jirriżulta li t‑trade marks kunfliġġenti ma jistgħux jiġu mqabbla ħlief fuq livell viżiv.

24      Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li paragun viżiv globali taż-żewġ sinjali juri diversi differenzi importanti, billi bbaża ruħu b’mod partikolari fuq il-fatt li l-proporzjonijiet bejn it-tul u l‑wisa’ tal-fliexken huma differenti, li s-sinjal li saret l‑applikazzjoni għalih jippreżenta element verbali li huwa nieqes mis-sinjal preċedenti u li l-għenuq tal-fliexken jippreżentaw differenzi importanti.

25      F’dan ir-rigward, jekk ma jistax jiġi eskluż li l-element verbali “snipp”, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, imnaqqax bl-istess kulur tal‑ħġieġ, huwa diffiċilment perċetibbli u, konsegwentement, ma jistax ikollu impatt fuq l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark, u jekk ma jistax jiġi injorat li l-għenuq tal-fliexken tas-sinjali kunfliġġenti huma t-tnejn ta’ forma spirali, u li għaldaqstant huma differenti minn għenuq tradizzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li l-impressjoni viżiv ġenerali turi diversi differenzi importanti bejn is-sinjali kunfliġġenti, hekk kif ikkonkluda wkoll, ġustament, il-Bord tal-Appell.

26      Minn naħa, is-sinjal preċedenti jidher, f‘għajnejn il-konsumaturi medji normalment informati u raġonevolment attenti u avżati, itwal, iktar fin u għaldaqstant iktar delikat mis-sinjal li għalih saret l‑applikazzjoni, li juri forma iżgħar, wiesgħa u ħoxna, li tagħti l‑impressjoni ta’ toqol. Barra minn hekk, il-forma tal-flixkun tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni hija irregolari minħabba l-parti tonda tagħha, filwaqt li dik tas-sinjal preċedenti hija dritta. Min‑naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-għenuq, minkejja li t-tnejn huma spirali, jippreżentaw spirali differenti. Filwaqt li dak tas-sinjal preċedenti huwa iktar fin u fih biss żewġ dawriet, dak tas-sinjal li saret l-applikazzjoni għalih jidher usa’ u fih mill-inqas erbgħa dawriet.

27      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma żbaljax meta kkonstata, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li l-għenuq taż-żewġ fliexken jistgħu jiġu deskritti bħala ta’ “forma spirali”, huwa ftit rilevanti, fir-rigward tad‑differenzi kbar li jeżistu bejn il-forom taż-żewġ għenuq.

28      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-argumenti tar‑rikorrenti bbażati fuq il-ġurisprudenza ta’ ċerti qrati nazzjonali u fuq il-prassi tal-UASI. Fil-fatt, minn naħa, il-ġurisprudenza tal-qrati tal‑Istati Membri tikkostitwixxi biss element li, mingħajr ma tkun determinanti, tista’ biss tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar‑reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Marzu 2003, Unilever vs UASI (Tablette ovoïde), T‑194/01, Ġabra p. II‑383, punt 68]. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-prassi tal-UASI, id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ir‑reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, li l-Bordijiet tal-Appell huma mitluba jieħdu taħt ir-Regolament Nru 40/94, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament u mhux fuq il‑bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għalihom [sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 65, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR U FELICIE), T‑346/04, Ġabra p. II‑4891, punt 71].

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Bord tal-Appell iddikjara ġustament l-eżistenza ta’ differenzi importanti bejn is-sinjali. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li s-sinjali kunfliġġenti jippreżentaw biss xebh viżiv dgħajjef.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

30      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u x-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti. B’hekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is‑servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 17, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Rec. p. II‑5409, punt 74].

31      Fil-kawża preżenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 24 tad‑deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv medju. Ir-rikorrenti ma tikkontestax din il-kunsiderazzjoni iżda ssostni li l-imsemmija trade mark għandha fi kwalunkwe każ, tali karattru minħabba l-forma unika u mhux komuni tagħha, fatt stabbilit b’mod partikolari mid-diversi premji li ntrebħu minħabba l-partikolarità tal-flixkun. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif innota wkoll il‑Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda argument li juri li t-trade mark tagħha kisbet karattru distintiv minħabba użu intensiv jew minħabba r-reputazzjoni tagħha.

32      Sa fejn is-sinjali kunfliġġenti jippreżentaw differenzi importanti u fejn ir-rikorrenti ma wrietx kif it-trade mark preċedenti hija nieqsa minn karattur distintiv għoli, is-sempliċi fatt li ż-żewġ fliexken għandhom għonq spirali ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, minkejja l-identiċità tal‑prodotti inkwistjoni.

33      Din il-konklużjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-argument tar‑rikorrenti li jipprovdi li l-impressjoni tattili tat-trade marks kunfliġġenti għandha rwol kunsiderevoli fil-kawża preżenti. Fil-fatt, hekk kif irrileva ġustament l-UASI, mill-metodi ta’ bejgħ tal-fliexken – jiġifieri l-preżenza tagħhom bħala prodotti ttikkettjati fl-ixkafef tal-ikel tal-ħwienet kbar jew meta jiġu ordnati fi ħwienet tax-xorb jew f’restorant – jirriżulta li l-konsumatur jikkonċentra minn qabel u prinċipalment fuq l-elementi verbali u figurattivi li hemm fuq it-tikketti tagħhom, bħall-isem tat‑trade mark, il-logo u/jew elementi figurattivi oħra li jindikaw l‑oriġini tal-prodott.

34      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi miċħud l‑uniku motiv, u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu..

 Fuq l-ispejjeż

35      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

36      Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Weldebräu GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Marzu 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.