24.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/18


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1281

tal-21 ta' Settembru 2018

li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Belġju

(notifikata bid-dokument C(2018) 6255)

(It-testi bl-Olandiż u bil-Franċiż biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u selvaġġi u jista' jkollha impatt serju fuq il-profittabilità tan-negozji tat-trobbija tal-ħnieżer li jisfratta l-kummerċ fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F'każ ta' tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista' jinxtered ma' popolazzjonijiet oħra ta' ħnieżer selvaġġi u ma' rziezet tal-ħnieżer. B'hekk, jista' jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għall-pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) tistabbilixxi l-miżuri minimi li jridu jiġu applikati fl-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż. B'mod partikolari, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE jipprevedi ċerti miżuri li jridu jittieħdu wara li jkun ġie kkonfermat każ wieħed jew aktar tad-deni Afrikan tal-qżieqeż fi ħnieżer salvaġġi.

(4)

Il-Belġju informa lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni aġġornata fir-reġjun tal-Ardennes ta' dak l-Istat Membru fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-popolazzjoni ta' ħnieżer selvaġġi, u, b'konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE, stabbilixxa żona infettata fejn japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 15 ta' dik id-Direttiva.

(5)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1242 (4) ġiet adottata b'reazzjoni għal din is-sitwazzjoni.

(6)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġi evitat li jiġu imposti ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, hemm bżonn li tiġi identifikata fil-livell tal-Unjoni ż-żona infettata għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Belġju b'kollaborazzjoni ma' dak l-Istat Membru.

(7)

Għaldaqstant, iż-żona infettata fil-Belġju jenħtieġ li tiġi elenkata fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li jiġi stabbilit it-tul ta' żmien ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li titħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1242.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Belġju għandu jiżgura li ż-żona infettata stabbilita mill-Belġju, fejn japplikaw il-miżuri previsti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE, tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1242 titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' Novembru 2018.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Settembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1242 tal-14 ta' Settembru 2018 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi interim marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Belġju (ĠU L 231I, 14.9.2018, p. 1).


ANNESS

Iż-żoni stabbiliti bħala żona infettata fil-Belġju kif imsemmi fl-Artikolu 1

Id-data sa meta applikabbli

Iż-żona infettata hija delimitata favur l-arloġġ minn:

—

il-fruntiera ma' Franza

—

l-N85

—

l-N83

—

l-N891

—

Rue du Pont Neuf

—

Rue du Lieutenant de Crépy

—

Pont Charreau

—

Rue de Chiny

—

Rue de Marbehan

—

Rue de la Civanne

—

Rue du Moreau

—

l-N879: Grand-Rue

—

l-N897

—

Rue des Anglières

—

Rue du Pont de Virton

—

Rue Maurice Grévisse

—

Rue du 24 Août

—

l-E411/E25

—

il-fruntiera mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

30 ta' Novembru 2018