Brussell, 27.7.2021

COM(2021) 425 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar id-delega tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2016/2031 dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti (il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti”)


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar id-delega tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2016/2031 dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti (il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti”)

1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti (il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti”) 1 ġie adottat fl-2016. Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Novembru 2016 u japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament jissostitwixxi ħames Direttivi tal-liġi dwar is-saħħa tal-pjanti u jipprevedi approċċ ibbażat fuq ir-riskju u aktar proattiv għall-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni. Jipprevedi stħarriġiet għall-preżenza ta’ pesti, l-identifikazzjoni f’waqtha u n-notifika ta’ tifqigħat u interċettazzjonijiet, regoli dettaljati għall-qerda u l-konteniment, il-prijoritizzazzjoni tal-pesti, l-ippjanar ta’ kontinġenza, l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni, ir-regoli ta’ importazzjoni aktar stretti, iċ-ċertifikazzjoni armonizzata u approċċ aktar flessibbli għall-operaturi professjonisti biex iwettqu ċ-ċertifikazzjoni taħt superviżjoni uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti. Dan ir-reġim il-ġdid huwa kkomplementat u appoġġat mir-regoli dwar il-kontrolli uffiċjali introdotti bir-Regolament (UE) 2017/625 2 .

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta għadd kbir ta’ atti ta’ implimentazzjoni u delegati. Ir-Regolament jimponi wkoll fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tirrapporta lill-koleġiżlaturi fir-rigward tad-delega tas-setgħa mogħtija lilha.

2.BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031. Skont din id-dispożizzjoni, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati dwar il-kwistjonijiet elenkati fih hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-13 ta’ Diċembru 2016 u l-Kummissjoni hija mitluba tħejji rapport fir-rigward tas-setgħa delegata mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin.

Skont dak l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(2), l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 19(7), l-Artikolu 21, l-Artikolu 32(5), l-Artikolu 34(1), l-Artikolu 38, l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 46(2), l-Artikolu 48(5), l-Artikolu 51, l-Artikolu 65(4), l-Artikolu 71(4), l-Artikolu 76(4), l-Artikolu 81(2), l-Artikolu 83(6), l-Artikolu 87(4), l-Artikolu 89(2), l-Artikolu 96(2), l-Artikolu 98(1), l-Artikolu 99(1), l-Artikolu 100(4), l-Artikolu101(5) u l-Artikolu 102(6) ta’ dak ir-Regolament.

L-Artikolu 105(2) ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi li d-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu, filwaqt li l-Artikolu 105(3) jiddikjara li d-delega tas-setgħa tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

3.EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Matul il-perjodu tar-rapportar, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati tagħha, billi adottat l-atti delegati li ġejjin:

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/827 tat-13 ta’ Marzu 2019 dwar il-kriterji li jeħtieġ jiġu ssodisfati mill-operaturi professjonisti sabiex jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-proċeduri biex jiġi żgurat li dawk il-kriterji jintlaħqu 3 .

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/829 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti billi jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu derogi temporanji għall-finijiet tal-ittestjar uffiċjali, għal finijiet xjentifiċi jew edukattivi, għall-finijiet ta’ provi, għall-għażliet tal-varjetà jew għat-tnissil 4 .

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1702 tal-1 ta’ Awwissu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-lista ta’ pesti ta’ prijorità 5 .

S’issa l-Kummissjoni użat 4 mill-25 setgħa mogħtija lilha biex tadotta atti delegati kif previst fir-Regolament (UE) 2016/2031. Uħud minn dawn is-setgħat delegati ġew magħquda f’att delegat wieħed fejn ir-regoli huma marbuta b’mod sostanzjali. It-tgħaqqid flimkien f’att wieħed minflok għadd ta’ atti separati b’kontroreferenza tqies li kien meħtieġ għal raġunijiet ta’ sempliċità, ta’ trasparenza, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni.

It-tabella ta’ hawn taħt turi liema atti fihom il-miżuri speċifiċi adottati skont is-setgħat mogħtija rilevanti fir-Regolament (UE) 2016/2031.

Att Delegat

Setgħat mogħtija fir-Regolament (UE) Nru 2016/2031

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/827 tat-13 ta’ Marzu 2019 dwar il-kriterji li jeħtieġ jiġu ssodisfati mill-operaturi professjonisti sabiex jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-proċeduri biex jiġi żgurat li dawk il-kriterji jiġu ssodisfati.

Artikolu 89(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/829 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti billi jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu derogi temporanji għall-finijiet tal-ittestjar uffiċjali, għal finijiet xjentifiċi jew edukattivi, għall-finijiet ta’ provi, għall-għażliet tal-varjetà jew għat-tnissil.

Artikoli 8(5) u 48(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1702 tal-1 ta’ Awwissu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-lista ta’ pesti ta’ prijorità.

Artikolu 6(2)

Ċerti setgħat mogħtija tar-Regolament (UE) 2016/2031 ma ntużawx matul il-perjodu ta’ rappurtar għar-raġunijiet spjegati hawn taħt:

·S’issa għadhom ma ntużawx is-setgħat tal-Artikoli 7, 21, 38, 51, 71(4), 83(6), 100(4), 101(5) u 102(6) fir-rigward tal-emendi tas-Sezzjonijiet 1 u 4 tal-Anness I, l-Anness II, l-Anness III, l-Anness IV, il-Partijiet A u B tal-Anness V, l-Anness VII u l-Partijiet A, B u C tal-Anness VIII, sabiex jiġu adattati għall-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku u teknoloġiku u ta’ standards internazzjonali rilevanti. Madankollu, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li tużahom, ladarba jsir kwalunkwe aġġornament tal-għarfien xjentifiku u tekniku jew tal-istandards internazzjonali rilevanti.

·S’issa għadha ma ntużatx is-setgħa tal-Artikolu 19(7) fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-pesti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 6 ta’ dak l-Artikolu u fil-punt (b) tal-Artikolu 16 u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk id-derogi. Madankollu, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regola l-ġdida.

·Is-setgħat tal-Artikolu 32(5) u l-Artikolu 34(1) fir-rigward tal-istħarriġiet dwar iż-żoni protetti se jintużaw fl-2021. L-abbozz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni bħalissa qed jiġi eżaminat mill-Grupp ta’ Esperti rispettiv.

·S’issa għadha ma ntużatx is-setgħa tal-Artikolu 43(2) fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu dwar il-materjal ta’ imballaġġ magħmul mill-injam u l-marka tal-ISPM15. Madankollu, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li tużaha, ladarba jsir kwalunkwe aġġornament tal-għarfien xjentifiku u tekniku jew tal-istandards internazzjonali rilevanti.

·Ma ntużawx is-setgħat tal-Artikolu 46(2) fir-rigward tal-wisa’ massima taż-żoni fil-fruntiera ta’ pajjiż terz u taż-żoni fil-fruntiera tal-Istat Membru, kif xieraq għall-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra speċifiċi, id-distanza massima tal-moviment tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra kkonċernati fi ħdan iż-żoni fil-fruntiera ta’ pajjiż terz u ż-żoni fil-fruntiera tal-Istat Membru; u l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-introduzzjoni fiż-żoni fil-fruntiera tal-Istat Membru u l-moviment fi ħdanhom, ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli l-ġodda.

·Ma ntużawx is-setgħat tal-Artikolu 65(4) fir-rigward (i) taż-żieda ta’ kategoriji oħra ta’ operaturi professjonisti li għandhom jiġu eżentati mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’każ li dik ir-reġistrazzjoni tikkostitwixxi piż amministrattiv li għalihom ikun sproporzjonat għar-riskju baxx ta’ pesti relatat mal-attivitajiet professjonali tagħhom; (ii) tar-rekwiżiti partikolari għar-reġistrazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ operaturi professjonisti, filwaqt li jittieħed kont tan-natura tal-attività jew tal-pjanta, il-prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor ikkonċernat, u iii) tal-istabbiliment taċ-ċifri massimi għal kwantitajiet żgħar ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra partikolari kif imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli l-ġodda.

·Ma ntużatx is-setgħa tal-Artikolu 76(4) fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-aċċettazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà taċ-ċertifikati fitosanitarji. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli l-ġodda.

·Ma ntużatx is-setgħa tal-Artikolu 81(2) rigward l-istabbiliment tal-każijiet fejn, għal pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra partikolari, l-eċċezzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika biss għal kwantitajiet żgħar. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli l-ġodda.

·Ma ntużatx is-setgħa tal-Artikolu 87(4) fir-rigward tal-miżuri dettaljati dwar l-eżami viżwali, it-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar, u l-frekwenza u l-ħin ippjanat tal-eżamijiet, imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, fir-rigward ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra speċifiċi, abbażi tar-riskji ta’ pesti partikolari li dawn jistgħu jippreżentaw. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli l-ġodda tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti.

·Ma ntużatx is-setgħa tal-Artikolu 96(2) fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sabiex tadattahom għall-iżvilupp ta’ standards internazzjonali u b’mod partikolari għall-ISPM15. Madankollu, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward, ladarba jsir kwalunkwe aġġornament tal-għarfien xjentifiku u tekniku jew tal-istandards internazzjonali rilevanti.

·Ma ntużatx is-setgħa tal-Artikolu 98(1) fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni tal-operaturi rreġistrati li japplikaw il-marka tal-materjal ta’ imballaġġ magħmul mill-injam, fejn xieraq, fid-dawl tal-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku u tekniku u tal-istandard internazzjonali. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibqa’ f’pożizzjoni li tużaha, ladarba jsir kwalunkwe aġġornament tal-għarfien xjentifiku u tekniku jew tal-istandards internazzjonali rilevanti.

·Ma ntużawx is-setgħat tal-Artikolu 99(1) fir-rigward tar-rekwiżiti(i) għall-awtorizzazzjoni ta’ operaturi professjonisti rigward il-ħruġ tal-attestazzjonijiet uffiċjali msemmi fl-Artikolu 99(1); (ii) għas-superviżjoni mill-awtorità kompetenti tal-operaturi professjonisti imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 99(2), u (iii) għall-irtirar ta’ dik l-awtorizzazzjoni msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 99(2). Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli l-ġodda.

4.KONKLUŻJONI

Fid-dawl taż-żmien limitat tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 sal-lum, il-Kummissjoni tqis meħtieġ li testendi s-setgħat mogħtija kollha biex tadotta atti delegati kif previst f’dak ir-Regolament lil hinn mill-perjodu attwali ta’ ħames snin. Il-ħtieġa li jiġu żviluppati regoli bbażati fuq is-setgħat mogħtija se tibqa’ fil-futur. Dan se jkun partikolarment importanti biex tiġi pprovduta l-flessibbiltà meħtieġa fl-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda, biex dawn jiġu aġġustati regolarment għall-aktar standards xjentifiċi riċenti u biex il-Kummissjoni tingħata l-possibbiltà li taġixxi fl-oqsma fejn għadha ma ħaditx azzjoni, iżda fejn jista’ jkun hemm bżonn li tagħmel dan fil-futur.

(1)

     ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)

     ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(3)

   ĠU L 137, 23.5.2019

(4)

   ĠU L 137, 23.5.2019

(5)

   ĠU L 260, 11.10.2019