|
5.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/252 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/1744 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-4 ta’ Mejju 2022
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għas-sena finanzjarja 2020
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0112/2022), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2020 kien jammonta għal EUR 109 362 158, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 3,08 % meta mqabbel ma’ dak għall-2019; billi madwar 29,41 % tal-baġit tal-Aġenzija ġej minn tariffi u imposti u 67,48 % mill-Unjoni u minn pajjiżi terzi (fl-2019, 39,51 % minn tariffi u imposti u 57,61 % mill-Unjoni u minn pajjiżi terzi); billi r-rata tal-inflazzjoni kienet ta’ 0,7 % fl-Unjoni fl-2020; |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2020 (ir-"rapport tal-Qorti"), tiddikjara li għandha fil-pussess tagħha aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jirrikonoxxi li, mill-iskadenza tar-reġistrazzjoni finali skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fl-2018 ‘l hawn, l-introjtu mit-tariffi tal-Aġenzija naqas b’mod sinifikanti, u dan jobbligaha tiddependi dejjem aktar mill-Unjoni biex tiffinanzja l-operazzjonijiet tagħha; |
|
2. |
Jinnota li, fl-2020, l-Aġenzija ġabret introjtu mit-tariffi li jammonta għal EUR 32 292 704 miljun (EUR 44 385 256 miljun fl-2019) filwaqt li s-sussidju tal-Unjoni ammonta għal EUR 73 795 512 miljun (EUR 64 503 447 miljun fl-2019) li kienu jinkludu kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi ta’ EUR 1 850 992 miljun (EUR 1 615 032 miljun fl-2019); |
|
3. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Aġenzija tkun kapaċi twettaq il-mandat tagħha fit-tul; jitlob, f’dan ir-rigward, li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ prevedibbiltà tal-introjtu baġitarju tal-Aġenzija; filwaqt li jirrikonoxxi l-iżviluppi pożittivi fl-istruttura tal-governanza u dik finanzjarja tal-Aġenzija, jinnota x-xejra ta’ tnaqqis fl-introjtu mill-tariffi u jemmen li għandu jiġi żviluppat u introdott mingħajr dewmien mudell ta’ finanzjament stabbli ġdid; jaċċentwa l-fatt li minkejja l-osservazzjonijiet preċedenti li saru mill-Parlament u mill-Qorti tal-Awdituri, fl-2020 l-Aġenzija rrapportat tnaqqis sinifikanti u mhux previst ta’ madwar EUR 7 000 000 fl-introjtu mit-tariffi fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006; |
|
4. |
Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Aġenzija jkollha livelli adegwati ta’ persunal li jirriflettu l-ħtiġijiet assoċjati mal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija tal-Unjoni dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà, tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari u tal-ambizzjoni ta’ tniġġis żero b’mod partikolari; jinnota l-ħidma pożittiva li saret mill-Aġenzija fl-ambitu tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u jinnota l-ħtieġa li jsiru sforzi kontinwi biex jiġi stabbilit mudell ta’ finanzjament kompletament sostenibbli; |
|
5. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2020 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 98,48 %, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta’ 0,30 %, meta mqabbla mal-2019 u li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 94,16 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 8,07 % meta mqabbla mal-2019; |
|
6. |
Jinnota li, b’segwitu għall-osservazzjonijiet riċevuti fil-proċedura ta’ kwittanza tal-2019, l-Aġenzija qed tkompli bl-isforzi tagħha biex iżżid l-effiċjenza tas-sistema għall-verifiki ex post, bl-għan li tnaqqas l-intervall bejn is-sottomissjoni tal-fajl u l-verifika tal-istatus ta’ intrapriża żgħira u ta’ daqs medju (SME) ta’ applikant; jilqa’ l-fatt li l-introjtu mit-tariffi ta’ reġistrazzjoni addizzjonali ġġenerat mill-proċess ta’ verifika tal-istatus ta’ SME (inkluż fl-introjtu mir-reġistrazzjonijiet u mill-aġġornamenti ta’ REACH) ammonta għal EUR 1 370 000 (meta mqabbel ma’ EUR 700 000 fl-2019); jirrikonoxxi li ż-żieda tista’ tiġi attribwita primarjament għal "kampanja tal-SMEs" effettiva li stiednet lill-kumpaniji jiddikjaraw b’mod korrett huma stess id-daqs tal-kumpanija tagħhom qabel il-bidu tal-verifika tal-Aġenzija, filwaqt li jirrinunzjaw għal kwalunkwe imposta amministrattiva li altrimenti kienet tirriżulta minn daqs żbaljat iddikjarat preċedentement, u billi tingħata prijorità lill-kumpaniji bl-akbar tnaqqis finanzjarju; jinnota li fl-2020 ġew ivverifikati total ta’ 504 intrapriżi għad-daqs tal-kumpanija tagħhom (meta mqabbel ma’ 333 fl-2019) u, minbarra t-tariffi ta’ reġistrazzjoni addizzjonali, l-Aġenzija ġġenerat EUR 1 050 000 f’imposti amministrattivi (meta mqabbel ma’ EUR 1 010 000 fl-2019), mitluba mill-kumpaniji li ma kinux eliġibbli għar-ribassi li dawk il-kumpaniji kienu rċevew; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija se tkompli bl-isforzi tagħha fl-2021 u tinsab fit-triq it-tajba biex tlesti l-verifika tat-talbiet relatati mal-iskadenza tar-reġistrazzjoni tal-2018 sal-aħħar tal-2023; |
|
7. |
Josserva li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ("l-Aġenzija") fost l-awtoritajiet regolatorji hija dik li tixpruna l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi għall-benefiċċju tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, kif ukoll għall-innovazzjoni u l-kompetittività; jinnota li l-Aġenzija tipprovdi informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, tgħin lill-kumpaniji jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni u tippromwovi l-użu sikur tas-sustanzi kimiċi; jissottolinja li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jistipula li dan għandu jsir b’mod li jiżgura li l-ittestjar fuq l-annimali jkun biss l-aħħar għażla u li jiġi promoss l-użu ta’ metodi li ma jinvolvux annimali; |
|
8. |
Jirrikonoxxi li l-Aġenzija kompliet tappoġġja l-isforzi tal-Unjoni biex tnaqqas u tissostitwixxi l-ittestjar fuq l-annimali billi ppubblikat għodod ġodda u wessgħet l-aċċess għall-informazzjoni, u hekk tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn alternattivi li ma jinvolvux l-ittestjar fuq l-annimali; |
|
9. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tiġi allokata riżorsi baġitarji biex twettaq kooperazzjoni aktar mill-qrib ħalli tikkonsolida bażi ta’ data unika tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi mal-aġenziji assoċjati tagħha skont "il-prinċipju ta’ sustanza waħda, valutazzjoni waħda" (4) b’mod partikolari billi jiġu inkorporati l-entrati tal-Metodoloġiji b’Approċċ Ġdid (NAM) fil-Bażi tad-data Internazzjonali għall-Informazzjoni Kimika Uniformi) (5). |
|
10. |
Jenfasizza li wieħed mill-kompiti fundamentali tal-Aġenzija għall-perjodu li ġej ser ikompli jkun l-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà (6) adottata mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Ottubru 2020; |
Prestazzjoni
|
11. |
Jinnota li l-Aġenzija adottat dokument ta’ programmazzjoni għall-2020-2023 li jistabbilixxi l-objettivi għall-Aġenzija, f’konformità mal-pjan strateġiku għal dan il-perjodu ta’ erba’ snin u li kien akkumpanjat mill-ippjanar tar-riżorsi sal-2023 u l-programm ta’ ħidma tal-2020; jinnota li l-Aġenzija kisbet 194 minn 210 azzjoni u eżitu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma tal-2020 u li s-16-il azzjoni u eżitu li ma ġewx issodisfati prinċipalment ma ġewx issodisfati minħabba l-pandemija tal-COVID-19; |
|
12. |
Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-analiżi mwettqa mill-Aġenzija, il-Kummissjoni u n-Network ta’ Skambju dwar ix-Xenarji ta’ Esponiment bħala parti mit-tielet rieżami tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 , skont liema konklużjonijiet huma meħtieġa aktar sforzi, b’mod partikolari mill-industrija; |
|
13. |
Jinnota li l-Aġenzija qed tkompli tikkollabora maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-iżvilupp ta’ dokumenti ta’ referenza tal-aħjar teknoloġija disponibbli għall-ipproċessar taċ-ċeramika, it-tessuti u l-metalli, u għall-fonderiji skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7); jinnota li l-Aġenzija ħadmet mal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-industrija biex tistabbilixxi pjan ta’ żvilupp għall-Azzjoni 3 tar-Rieżami ta’ REACH, li għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità tat-tħaddim u tal-kwalità tal-iskedi tad-data tas-sikurezza estiżi; |
|
14. |
Jinnota li l-Aġenzija tikkoopera mill-qrib ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni, bħall-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, permezz ta’ memoranda ta’ qbil, biex ittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni, tikseb fehim reċiproku aħjar u, fejn xieraq, fuq proġetti konġunti; jissottolinja l-importanza ta’ approċċ bħal dan fir-rigward tal-iżgurar li l-ħidma ta’ kull aġenzija tkun konsistenti ma’ dik tal-aġenziji l-oħra u biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-ġestjoni finanzjarja tajba; jilqa’ l-kondiviżjoni tas-servizzi, bħall-kapaċità tal-awditjar intern tal-Aġenzija mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali, u jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fost l-aġenziji tal-Unjoni fejn u kulmeta jkun possibbli; |
|
15. |
Jinnota u jilqa’ l-fatt li l-271 kontroll sħiħ tal-konformità koprew 258 sustanza u li twettqu 76 kontroll immirat li ikkonċernaw 44 sustanza fl-2020; |
|
16. |
Jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex issaħħaħ, tiċċara u tgħaġġel il-proċess għall-approvazzjoni u r-rieżami tas-sustanzi attivi b’effett bijoċidali skont il-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Sustanzi Attivi; |
|
17. |
Jilqa’ l-analiżi tal-Aġenzija tal-kwistjoni tal-mikroplastiċi u r-rilaxx mhux intenzjonat tagħhom fl-ambjent; jaqbel mal-konklużjoni li projbizzjoni fl-Unjoni kollha, fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fuq prodotti li fihom il-mikroplastiċi miżjuda apposta li mbagħad jiġu rilaxxati fl-ambjent b’riżultat tal-użu hija approċċ xieraq biex din il-kwistjoni tissolva; |
Politika dwar il-persunal
|
18. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2019, kien ġie eżegwit 97,41 % tat-tabella tal-persunal, bil-ħatra ta’ 451 aġent temporanju minn 463 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 461 post tax-xogħol awtorizzati fl-2019); jinnota li, barra minn hekk, fl-2020 ħadmu għall-Aġenzija 122 aġent kuntrattwali u 3 esperti nazzjonali sekondati; |
|
19. |
Jiddispjaċih li l-Aġenzija, fir-rigward tal-pożizzjonijiet ta’ maniġment superjuri u intermedju, tirrapporta li 23 pożizzjoni (76,6 %) huma okkupati minn irġiel u 7 (23,3 %) minn nisa, u, fir-rigward tal-bord ta’ tmexxija, li 14-il pożizzjoni huma okkupati minn irġiel (37,8 %) u 23 minn nisa (62,2 %); jinnota li dan l-iżbilanċ bejn il-ġeneri ilu jippersisti għal żmien twil; jinnota, fir-rigward tal-persunal b’mod ġenerali, li l-Aġenzija tirrapporta li timpjega 266 raġel (46,7 %) u 306 mara (53.3 %); jitlob lill-Aġenzija tiżgura b’mod proattiv li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell maniġerjali; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jaħtru l-membri tagħhom fil-bord ta’ tmexxija tal-Aġenzija; |
|
20. |
Jinnota li l-Aġenzija għandha fis-seħħ politika kontra l-fastidju u linji gwida relatati; jirrikonoxxi li l-maniġment tal-Aġenzija qed jippromwovi mġiba xierqa billi jipprovdi laqgħat bejn il-persunal u l-konsulenti kunfidenzjali; |
|
21. |
Jissottolinja li l-baġit speċifiku għat-taħriġ għandu jiżgura li l-persunal tal-Aġenzija jiġi mħarreġ kif xieraq rigward il-Metodoloġiji b’Approċċ Ġdid (NAMs) l-aktar reċenti, biex tinħoloq kapaċità interna akbar ħalli it-tniġġis kimiku u l-effetti negattivi tiegħu jiġu indirizzati kif xieraq, bl-għodod (8) u l-kunċetti (9) l-aktar riċenti. |
|
22. |
Jilqa’ l-isforzi li saru fil-politika tal-persunal tal-Aġenzija biex tippromwovi t-telexogħol u stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa u jkompli jħeġġeġ lill-Aġenzija ssegwi l-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, id-dritt ta’ skonnessjoni filwaqt li jiġi rrispettat il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata, il-bilanċ ġeografiku u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
|
23. |
Jilqa’ l-fatt li fuq is-sit tagħha l-Aġenzija tippubblika s-CVs tal-membri kollha tal-bord ta’ tmexxija u l-kumitati tagħha, inklużi dawk tal-presidenti tagħha li huma membri tal-persunal tal-Aġenzija, tad-Direttur Eżekuttiv u tal-membri kollha tal-bord tal-appell; jilqa’ l-fatt li l-politiki tal-Aġenzija dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess ikopru t-tul kollu tal-impjieg tal-persunal u li, biex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza, l-esperti esterni li jipparteċipaw fil-kumitati xjentifiċi, fil-bord ta’ tmexxija u fil-forum ta’ infurzar jiġu eżaminati skont sitt kriterji ta’ eliġibbiltà mmirati; |
|
24. |
Jinnota li fl-2020 ġie rapportat każ wieħed ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, li jikkonċerna membru tal-persunal li allega ritaljazzjoni talli enfasizza irregolaritajiet lis-superjuri tiegħu dwar proċedura ta’ akkwist u l-allegata ritaljazzjoni kienet ir-rakkomandazzjoni biex ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ impjieg tal-membru tal-persunal sena wara; jinnota li twettqet investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet fil-proċedura ta’ akkwist u li ġiet rispettata l-anonimità tal-oriġini tal-allegazzjonijiet; jinnota li l-investigazzjoni ma sabet l-ebda attività li kienet tikser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija jew tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10); jinnota li l-każ huwa kkunsidrat magħluq; |
Kontroll intern
|
25. |
Jinnota li fl-2020 twettaq awditu intern mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni dwar "Skrinjar tal-istrateġija regolatorja integrata, evalwazzjoni u analiżi ta’ għażliet ta’ ġestjoni regolatorja fl-2020" u li l-awditu pprovda tliet rakkomandazzjonijiet importanti: it-titjib tal-ippjanar, il-monitoraġġ u r-rapportar tal-istrateġija regolatorja integrata, id-dokumentazzjoni tal-proċeduri u tal-flussi tax-xogħol għar-rieżami u l-approvazzjoni, ir-rieżami u t-titjib tal-għodod, u d-dokumentazzjoni ta’ proċessi interni għall-ġestjoni tal-kummenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; jinnota li l-Aġenzija qed issegwi dawk ir-rakkomandazzjonijiet u li, barra min hekk, qed tikkunsidra kif tindirizza azzjoni waħda miftuħa mill-awditu ta’ segwitu dwar il-ġestjoni tal-prestazzjoni mwettaq fl-2020, li huwa relatat mad-definizzjoni ta’ approċċ għar-riklassifikazzjoni f’każijiet fejn il-kriterju tal-eliġibbiltà tat-tielet lingwa ma jkunx ġie ssodisfat; |
|
26. |
Jinnota li l-kapaċità ta’ awditjar intern tal-Aġenzija wettqet awditu konsultattiv dwar l-attività "tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar armonizzati" u li r-rakkomandazzjonijiet ewlenin kienu biex jiġu rieżaminati l-ħtieġa, l-enfasi, il-format u l-profondità tal-kontrolli li saru fuq il-fajls tal-proposta ta’ klassifikazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk humiex tajbin għall-ipproċessar, jitħaffef l-ammont ta’ xogħol ġenerali tal-kumitat plenarju għall-valutazzjoni tar-riskju, pereżempju permezz ta’ użu akbar tal-gruppi ta’ ħidma, u tiġi analizzata l-ħidma ta’ ġestjoni tal-grupp fir-rigward ta’ fajls tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar armonizzati (CLH) u biex jiġu skrutinizzati, flimkien mal-Istati Membri, il-mekkaniżmi biex jiżdied l-impatt tal-proċess tas-CLH; |
|
27. |
Jinnota li l-kapaċità ta’ awditjar intern tal-Aġenzija wettqet awditu konsultattiv dwar l-attività "armonizzata tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar" u li kien hemm sitt rakkomandazzjonijiet importanti, primarjament biex jittejbu l-metodi ta’ ħidma, jittejbu l-ġestjoni u l-konsistenza tal-għarfien, jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti għas-segretarjat u għall-kumitati tal-Aġenzija, jiġu ċċarati r-rwoli u r-responsabbiltajiet fi ħdan l-Aġenzija, u li jiġu kkunsidrati s-simplifikazzjonijiet ulterjuri tal-proċess u l-kisbiet fl-effiċjenza; |
Rispons għall-COVID-19 u kontinwità tal-operat
|
28. |
Jinnota li l-Aġenzija għamlet tranżizzjoni bla xkiel għat-telexogħol fuq skala kbira għall-persunal, kompliet il-kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati esterni u mexxiet l-operat tal-korpi kollha tal-Aġenzija online wara t-tifqigħa tal-pandemija; jinnota li, skont ir-rapport tal-Aġenzija, it-tranżizzjoni mgħaġġla għat-telexogħol fuq skala kbira u fit-tul irriżultat fi sforzi addizzjonali sinifikanti għall-unità tas-sigurtà tal-Aġenzija, mhux l-inqas minħabba li mhux il-kuntratturi kollha tal-Aġenzija kienu ppreparati għat-telexogħol fuq skala hekk kbira u kellhom jiġu stabbiliti, bi prijorità għolja, l-arranġamenti relatati; jistieden lill-Aġenzija tevalwa bir-reqqa l-arranġamenti stabbiliti, inkluż minn perspettiva taċ-ċibersigurtà, u r-riskji relatati għall-kontinwità tal-operat; |
|
29. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-aġenzija ngħaqdet mal-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri u lill-kumpaniji jqiegħdu aktar diżinfettanti fis-suq; |
Kummenti oħra
|
30. |
Jinnota r-rilokazzjoni tal-Aġenzija għal bini ġdid fil-bidu tal-2020 u li t-taħriġ dwar is-sikurezza f’każ ta’ nirien u t-taħriġ dwar l-evakwazzjoni ġew organizzati mal-Assoċjazzjoni ta’ Salvataġġ ta’ Helsinki, li ġew segwiti b’dimostrazzjonijiet interni dwar is-sikurezza f’każ ta’ nirien u b’eżerċizzju ta’ evakwazzjoni mwettqa f’Novembru 2020; jilqa’ l-fatt li minkejja l-kundizzjonijiet tat-telexogħol, l-Aġenzija żviluppat pjan ta’ emerġenza għall-bini l-ġdid, li ġie kkomunikat lill-awtoritajiet ta’ salvataġġ ta’ Helsinki, li minn perspettiva ta’ sikurezza għamel ukoll possibbli r-ritorn tal-persunal fl-uffiċċju; |
|
31. |
Jiddispjaċih li l-Aġenzija għadha ma ħaditx azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtorità ta’ kwittanza fid-deċiżjoni tagħha dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 fir-rigward ta’ miżuri proattivi u riżorsi biex jitħaffef, jittejjeb u jiġi kkwantifikat it-tnaqqis fl-għadd ta’ testijiet fuq l-annimali u s-sostituzzjoni ta’ tali testijiet bl-NAMs, kif ukoll l-istabbiliment fi ħdan l-Aġenzija ta’ tim iddedikat esklussivament għall-protezzjoni tal-annimali u l-promozzjoni ta’ metodi ta’ ttestjar mhux fuq l-annimali; |
|
32. |
Jinnota li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għandha grupp ta’ ħidma dwar l-applikazzjoni tat-3Rs (Sostituzzjoni, Tnaqqis u Rfinar) fl-Ittestjar Regolatorju tal-Prodotti Mediċinali u l-istrateġija tagħha tal-2025 tinkludi ħidma sinifikanti dwar l-ittestjar mhux fuq l-annimali, u li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tinkludi fl-ambitu tar-responsabbiltà tal-Uffiċċju għall-Istudji Xjentifiċi u l-Identifikazzjoni tal-Proġetti tagħha, l-iżvilupp ta’ pjan direzzjonali biex jintużaw metodi li ma jinvolvux annimali biex jiġu indirizzati b’mod regolari l-lakuni fid-data sal-2027; jiddispjaċih li l-Aġenzija m’għandhiex inizjattivi simili li jistgħu jgħinu biex jintlaħaq l-għan stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar pjanijiet u azzjonijiet biex titħaffef it-tranżizzjoni għall-innovazzjoni mingħajr l-użu ta’ annimali fir-riċerka, l-ittestjar regolatorju u l-edukazzjoni (11); |
|
33. |
Jinnota li l-Aġenzija adottat pjan ta’ ħidma ambjentali li jibda mill-2020 u jintemm fl-2022; jinnota li l-prijorità tal-programm hija li jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tas-CO2 tal-Aġenzija mill-ivvjaġġar u l-utilitajiet, b’mod partikolari li l-emissjonijiet tas-CO2 mill-bini jitnaqqsu b’20 %, l-emissjonijiet mill-ivvjaġġar (parteċipanti tal-laqgħat) b’75 % u l-ivvjaġġar (missjonijiet tal-persunal) b’50 %; |
|
34. |
Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Aġenzija li ssir newtrali għall-klima f’konformità mal-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-ambizzjoni tal-Aġenzija li testendi ċ-ċertifikazzjoni ambjentali għall-iskema tal-Unjoni ta’ ġestjoni u verifika ambjentali; |
|
35. |
Jinnota li l-Aġenzija bħalissa għandha f’idejha l-akbar bażi ta’ data dwar is-sustanzi kimiċi, u b’hekk tkun tista’ tagħti informazzjoni trasparenti dwar is-sustanzi kimiċi użati fl-Unjoni; jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex iżżid it-trasparenza ta’ dik il-bażi ta’ data billi tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata lill-utenti tagħha u lill-pubbliku ġenerali; |
|
36. |
Jinnota li l-Aġenzija għamlet sforz speċjali f’dik li hija pubbliċità bil-media ġenerali u b’riżultat ta’ dan żiedet il-viżibbiltà tagħha fl-istrumenti tal-media ta’ interess ġenerali; jinnota li l-persunal kompla jaqsam b’mod attiv il-kontenut permezz ta’ kanali tal-media soċjali tagħhom stess, u dan laħaq kważi t-3 miljun persuna fl-2020; |
|
37. |
Jilqa’ l-kooperazzjoni tal-Aġenzija mal-kumpaniji bbażati fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni li ġie wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u b’hekk għenet biex jiġi evitat sfrattar sinifikanti fis-suq tal-Unjoni; |
|
38. |
Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’ operazzjoni u ġestjoni interni iżda anki fl-importanza li titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat, akkost ta’ kollox, distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa l-politika tagħha dwar iċ-ċibersigurtà aktar malajr, sabiex tkun tista’ tiġi ppreżentata qabel il-31 ta’ Jannar 2023 u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza dwar din il-kwistjoni; |
|
39. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2022 (12) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 114, 31.3.2021, p. 121.
(2) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(3) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(4) https://echa.europa.eu/documents/10162/21877836/efsa-echa-position-paper-osoa_mt.pdf/74b1ae31-290b-a608-85e9-05b340840 b34#:~:text=We%20propose%20that%20%E2%80%9Cone%20substance,built%20around%20three%20main%20principles%3A&text =-%20Better%20coordination%20on%20or%20distribution,uses%20of%20the%20same%20chemical
(5) https://echa.europa.eu/documents/10162/29387629/annual_report_2020_mt.pdf/09d078c5-ff40-6737-3e4c-41dea91a7738#:~:text=We%20note%20that%20the%20Agency’s,final%20implementation%20rate%20of%2098.5%20%25, p. 63.
(6) COM(2020) 667.
(7) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).
(8) https://ec.europa.eu/info/research-and-innovation/funding/funding-opportunities/funding-programmes-and-open-calls/horizon-europe/european-partnerships-horizon-europe/candidates-european-partnerships-health_mt
(9) https://ec.europa.eu/jrc/en/science-update/next-generation-risk-assessment-cosmetics
(10) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(11) Għad ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali.
(12) Testi adottati, P9_TA(2022)0196.