Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis‑26 ta’ Marzu 2026 (1)

Kawżi magħquda C‑531/24 u C‑895/24

An Taisce ‑ The National Trust for Ireland et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 91/676/KEE – Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli – Programmi ta’ azzjoni li jirrigwardaw iż-żoni vulnerabbli – Għoti ta’ deroga għall-applikazzjoni fuq l-art ta’ ammont ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem li jkun ogħla mil-limitu stipulat – Direttiva 2000/60/KE – Ħolqien ta’ qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma – Programm ta’ miżuri – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Evalwazzjoni tal-effetti mal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti Natura 2000 – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Miżuri ta’ sorveljanza – Assi materjali – Alternattivi”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva dwar in-nitrati

2. Id-deroga mogħtija mill-Kummissjoni

3. Id-Direttiva dwar il-habitats

4. IdDirettiva Qafas dwar l-ilma

5. Id-Direttiva ESEA

B. Iddritt Irlandiż

III. Ilfatti u ttalba għal deċiżjoni preliminari

IV. Analiżi ġuridika

A. Levalwazzjoni skont idDirettiva Qafas dwar l-ilma

1. Ilprogramm ta’ azzjoni skont idDirettiva dwar in-nitrati fissistema regolatorja tadDirettiva Qafas dwar l-ilma

2. Levalwazzjoni talprogrammi ta’ azzjoni skont idDirettiva dwar in-nitrati skont idDirettiva Qafas dwar l-ilma

3. Idderoga mogħtija mill-Kummissjoni

4. Konklużjoni intermedja

B. Levalwazzjoni taleffetti fuq issiti Natura 2000

1. Obbligu li titwettaq evalwazzjoni taleffetti

2. Is-suġġett talevalwazzjoni taleffetti

3. Konklużjoni intermedja

C. Levalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent

1. Lewwel sarraba’ domanda filKawża C531/24

2. Isseba’ domanda filKawża C531/24 – miżuri ta’ sorveljanza fir-rapport dwar l-effetti fuq l-ambjent

a) Preżentazzjoni talmiżuri ta’ sorveljanza li jissodisfaw irrekwiżiti talArtikolu 10 tadDirettiva ESEA

b) Preċiżjoni talinformazzjoni dwar ilmiżuri ta’ sorveljanza

c) Rimedju għall-effetti ambjentali negattivi imprevisti

3. Ittmien domanda filKawża C531/24 u lewwel domanda filKawża C895/24  Assi materjali

4. Ittieni domanda filKawża C531/24 – Evalwazzjoni tal-alternattivi fir-rapport dwar l-effetti ambjentali

D. Iddisa’ domanda filKawża C531/24 – effetti fuq lawtorizzazzjoni millKummissjoni talapplikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitrati

E. Żamma fis-seħħ taleffetti

V. Konklużjoni


I.      Introduzzjoni

1.        Liema huma r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-interazzjoni bejn id-Direttiva dwar in-nitrati (2) u d-Direttiva dwar il-habitats (3), id-Direttiva Qafas dwar l-ilma (4) u d-Direttiva ESEA (korrispondenti għall-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent) (5) meta l-Kummissjoni tawtorizza, fuq talba ta’ Stat Membru, deroga li tippermetti l-applikazzjoni ta’ iktar demel tal-bhejjem fuq art agrikola milli previst fid-Direttiva dwar in-nitrati? Dan huwa s-suġġett ta’ dawn iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda).

2.        Dawn it-talbiet għandhom l-għan li jikkjarifikaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-habitats, id-Direttiva Qafas dwar l-ilma u d-Direttiva ESEA fir-rigward tal-evalwazzjoni ambjentali ta’ tali deroga fil-programm ta’ azzjoni Irlandiż li jirregola l-emissjonijiet tan-nitrati fl-agrikoltura. Barra minn hekk, il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi jekk ir-risposta għad-domandi dwar l-evalwazzjoni ambjentali tqiegħedx inkwistjoni l-validità tal-awtorizzazzjoni tad-deroga mill-Kummissjoni (6).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva dwar in-nitrati

3.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar in-nitrati jiddefinixxi l-għanijiet tagħha:

“Din id-Direttiva għandha l-mira li:

–        tnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma kkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u

–        tipprevjieni aktar tniġġis minn dan.”

4.        L-Artikolu 2(j) tad-Direttiva dwar in-nitrati jiddefinixxi t-terminu “tniġġis” bħala:

“l-iskarigu, b’mod dirett jew indirett, tal-komponenti tan-nitroġenu minn sorsi agrikoli fl-ambjent akwatiku, li r-riżultati tiegħu huma hekk illi jikkaġunaw perikli għall-ħajja tal-bniedem, ħsara għar-riżorsi ħajjin u għall-ekosistemi ta’ l-ilma, ħsara għall-amenitajiet jew interferenza fuq l-użi l-oħra leġittimi ta’ l-ilma”.

5.        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar in-nitrati, l-Istati Membri għandhom jiddenominaw bħala żoni vulnerabbli ż-żoni kollha tal-art fit-territorji tagħhom li huma suġġetti għal tniġġis eċċessiv min-nitroġenu, dawk li għandhom ir-riskju ta’ tali tniġġis, u dawk li jikkontribwixxu għat-tniġġis.

6.        L-Artikolu 5 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni għal żoni vulnerabbli jew għat-territorju kollu tagħhom:

“1.      Fil-perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-nomini inizjali riferiti fl-Artikolu 3(2) jew fi żmien sena minn kull nomina addizzjonali riferita fl-Artikolu 3(4), l-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.

2.      Programm ta’ azzjoni jista’ jkollu x’jaqsam maż-żoni vulnerabbli kollha fit-territorju ta’ Istat Membru jew, meta l-Istat Membru jqisha ħaġa xierqa, jistgħu jiġu stabbiliti programmi differenti għal żoni vulnerabbli differenti jew partijiet ta’ żoni.

3.      Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:

a)      l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;

(b)      il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.

4.      Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

(a)      il-miżuri f’L-Anness III;

(b)      dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skond l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’l-Anness III.

5.      L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibbli.”

7.        Il-kontenut neċessarju tal-programmi ta’ azzjoni jirriżulta mir-rekwiżiti ta’ prattika agrikola tajba msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar in-nitrati, kif ukoll mir-rekwiżiti partikolari stabbilit fl-Anness III. Jekk dawn il-miżuri ma jkunux biżżejjed sabiex jipprevjenu t-tniġġis ikkawżat min-nitrati, l-Istat Membru għandu, skont l-Artikolu 5(5), jipprevedi miżuri iktar estensivi.

8.        Il-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati jippreċiża l-miżuri li l-Istati Membri għandhom jinkludu fil-programmi ta’ azzjoni tagħhom f’dak li jirrigwarda l-ammont ta’ demel mill-bhejjem li jiġi applikat:

“Dawn il-miżuri jridu jiżguraw illi għal kull razzett jew unità ta’ bhima, l-ammmont tad-demel ta’ l-annimali applikat kull sena fuq l-art, inkluż dak mill-annimali nfushom, ma għandux jaqbeż ammont speċifiku għal kull ettaru.

L-ammont speċifikat għal kull ettaru għandu jkun l-ammont tad-demel li jkun fih 170 kg N. Madankollu:

(a)      [...]

(b)      matul u wara l-ewwel programm ta’ azzjoni ta’ erba’ snin, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw ammonti differenti minn dawk riferiti hawn fuq. Dawn l-ammonti jridu ikunu ffissati b’mod li ma jippreġudikawx il-miri speċifikati fl-Artikolu 1 u għandhom jiġu ġġustifikati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, per eżempju:

— l-istaġuni ta’ tkabbir fit-tul,

— l-uċuh tar-raba li jixorbu ħafna nitroġenu,

— preċipitazzjoni għolja netta fiż-żona vulnerabbli,

— ħamrija b’kapaċità eċċezzjonalment għolja ta’ denitrifikazzjoni.

Jekk Stat Membru jippermetti ammont differenti taħt is-sottoparagrafu (b), għandu jgħarraf lill-Kummissjoni li għandha tevalwa l-ġustifikazzjoni skond il-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 9.”

2.      Id-deroga mogħtija mill-Kummissjoni

9.        Il-Kummissjoni spjegat id-deroga inkwistjoni fil-premessi 17 u 23 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696 kif ġej:

“(17)      Fid-dawl tad-data msemmija fil-premessi 11 sa 13, il-kundizzjonijiet previsti f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jissaħħu meta mqabbla ma’ dawk previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/209. Il-kundizzjonijiet stabbiliti kif ukoll is-sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll jenħtieġ li jkunu biżżejjed biex jiżguraw li din id-deroga tkun koerenti mal-miri legalment vinkolanti tad-Direttiva Qafas tal-Ilma

[...]

(23)      Id-deroga prevista f’din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Irlanda li tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, inkluża s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C‑293/17 Coöperatie Mobiliation for the Environment u Vereniging Leefmilieu, b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva.”

10.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696 jawtorizza l-applikazzjoni fuq l-art ta’ ammont ta’ nitroġenu mill-fertilizzazzjoni ogħla minn 170 kg għal kull ettaru fis-sena, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4 sa 12.

11.      Konformement mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696, il-bdiewa li jixtiequ jibbenefikaw mid-deroga jridu jissottomettu applikazzjoni annwali għall-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 5 jawtorizza l-applikazzjoni ta’ demel mill-bhejjem sa 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena u jagħmel riferiment għal kundizzjonijiet oħra.

3.      Id-Direttiva dwar il-habitats

12.      L-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-habitats jirregola l-protezzjoni tas-siti Natura 2000:

“2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinjikattiv meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjikattiv fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

[...]”

4.      Id‑Direttiva Qafas dwar l-ilma

13.      L-Artikolu 4(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jistabbilixxi l-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni u l-obbligu ta’ titjib fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ. Il-punt (ċ) fih skema speċjali għal żoni ta’ protetti:

“1.      Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:

(a)      għall-ilma tal-wiċċ

(i)      L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(ii)      L-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfazizzaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ sottoparagrafu (iii) għal korpi ta’ l-ilma artifiċjali u modifikati ħafna, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(iii)      [...]

mingħajr preġudizzju għall-ftehim internazzjonali relevanti imsemmija fl-Artikolu 1 għall-partijiet konċernati;

[...]

(ċ)      għal żoni protetti

L-Istati Membri jridu jikkonformaw ma’ kull standard u ma’ l-għanijiet mhux aktar tard minn 15 il‑sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, sakemm ma’ jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja taħt liema, l-oqsma protetti individwali jkunu twaqqfu.”

14.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jirregola l-evalwazzjoni tal-istat tal-ilma:

“1.      Kull Stati Membru jrid jiżgura li għal kull distrett tal baċin tax-xmara jew għal parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jaqa fi ħdan it-territorju tiegħu:

— analiżi tal-karatteristiċi tiegħu,

— reviżjoni tal-impatt ta’ attività umana fuq l-istat ta’ l-ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ, u

— analiżi ekonomika ta’ użu ta’ l-ilma

hija marbuta skond l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi maħruġa fl-Anness II u III u li huwa komplut sa’ l-anqas erba snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

2.      L-analiżi u riviżjonijiet imsemmija taħt paragrafu 1 iridu jiġu riveduti, u jekk meħtieġ aġġornati sa’ l-anqas 13 il‑sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u kull wara sitt xhur.”

15.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jistabbilixxi metodu kkombinat għall-iskariki ta’ tniġġis minn sorsi ta’ tixrid u ta’ punt. Dan jinkludi espressament l-iffissar ta’ kontrolli ta’ emissjoni abbażi tal-aħjar teknoloġiji disponibbli u tal-aħjar prattiki ambjentali disponibbli skont id-Direttiva dwar in-nitrati. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(3) jipprevedi l-possibbiltà li jiġu imposti kundizzjonijiet iktar stretti:

“Fejn għan ta’ kwalità jew standard ta’ kwalità, kemm jekk imwaqqaf skond din id-Direttiva, fid-Direttivi elenkati fl-Anness IX, jew skond kull leġislazzjoni Komunitarja oħra, jeħtieġ kundizzjonijiet aktar stretti minn dawk li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ paragrafu 2, kontrolli ta’ emmissjoni aktar stretti għandhom ikunu stabbiliti kif xieraq.”

16.      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jipprevedi programm ta’ miżuri intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva:

“1.      Kull Stat Membru jrid jiżgura li jkun stabbilit għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, jew għall-parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara fi ħdan it-territorju tiegħu, programm ta’ miżuri, b’konsiderazzjoni tar-riżultati ta’ l-analiżi meħtieġa taħt l-Artikolu 5, sabiex jinkisbu l-għanijiet imwaqqfa taħt l-Artikolu 4. [...]

2.      Kull programm ta’ miżuri jrid jinkludi l-miżuri ‘bażiċi’ speċifikati f’paragrafu 3 u, fejn meħtieġ, miżuri ‘supplimentari’.

3.      ‘Miżuri bażiċi’ huma l-ħtiġiet minimi li jridu jiġu mħarsa u jikkonsistu f’:

(a)      dawk il-miżuri meħtieġa biex jimplimetaw leġislazzjoni Komunitarja għall-protezzjoni ta’ l-ilma, inklużi miżuri meħtieġa taħt il-leġislazzjoni speċifikata fl-Artikolu 10 u f’parti A ta’ l-Anness VI;

[...]

5.      Fejn osservazzjoni kontinwa jew data oħra jindikaw li l-għanijiet stabbiliti taħt l-Artikolu 4 għall-korp ta’ l-ilma x’aktarx ma’ jinkisbux, l-Istati Membri jridu jiżguraw li:

–         il-kawżi tan-nuqqas possibbli huma investigati,

–         awtorizzazzjonijiet u permessi relevanti huma eżaminati u riveduti kif xieraq,

–         il-programmi ta’ osservazzjoni huma riveduti u aġġustati kif xieraq, u

–         miżuri addizzjonali kif jista’ jkun meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanjiet huma stabbiliti, inkluż, kif xieraq, it-twaqqif ta’ standards aktar stretti ta’ kwalità ambjentali skond il-proċeduri stabbiliti fl-Anness V.

Fejn dawk il-kawżi huma ir-riżultat ta’ ċirkostanzi ta’ kawżi naturali jew forza maġġura li huma eċċezzjonali u li ma’ setgħux raġonevolment jiġu mbassra, partikolarment dulluvji estremi u nuqqas ta’ xita fit-tul, l-Istat Membru jista’ jistabilixxi li miżuri addizzjonali mhumiex prattikabbli, bla ħsara għall-Artikolu 4(6).”

17.      Skont il-punt (ix) tal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, id-Direttiva dwar in-nitrati tikkostitwixxi l-bażi tal-miżuri li għandhom jiġu inklużi fil-programmi ta’ miżuri msemmija fl-Artikolu 11(3)(a) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma.

18.      Il-punt 1.4 tal-Anness II tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jippreċiża l-identifikazzjoni ta’ pressjonijiet:

“L-Istati Membri jridu jiġbru u jżommu informazzjoni fuq it-tip u importanza tal-pressi antropoġeniċi sinifikanti li għalihom il-korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ f’kull distrett tal-baċin tax-xmara huma responsabbli, jistgħu jkunu soġġetti, partikolarment dan li jmiss.

[...]

Stima u identifikazzjnoi ta’ tniġġiż ta’ sors ta’ tixrid sinifikanti, partikolarment minn sustanzi elenkati fl-Anness VIII, minn stallazzjonijiet u attivitajiet urbani, industrijali, agrikulturali u oħrajn, bażati, inter alia, fuq informazzjoni miġbura taħt:

(i)      L-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 91/676/KEE; [...]”

19.      L-effetti tal-informazzjoni hekk identifikata huma s-suġġett tal-punt 1.5 tal-Anness II tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma:

“L-Istati Membri jridu jagħmlu stima ta’ suxxettibilità tal-istat tal-korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ għal pressjonijiet identifikati hawn fuq.

L-Istati Membri jridu jużaw l-informazzjoni miġbura hawn fuq, u kull informazzjoni oħra relevanti inklużi data ta’ monitoraġġ eżistenti ambjentali, biex issir stima ta’ probabbiltà li dawk il-korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ fi ħdan id-distrett tal-baċin tax-xmara jonqsu li jilħqu l-għanjiet ta’ kwalità ambjentali stipulati għall-korpi taħt l-Artikolu 4. L-Istati Membri jistgħu jutilizzaw tekniki ta’ mudellar biex jassistu f’din l-istima.

Għal dawk il-korpi identifikati bħal li jkunu fir-riskju li jfallu fl-għanjiet ta’ kwalità ambjentali, aktar karatterizzazzjoni trid, fejn relevanti, issir biex ittejjeb id-disinn kemm tal-programmi ta’ osservazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 8, u kemm il-programmi ta’ miżuri meħtieġa taħt l-Artikolu 11.”

5.      Id-Direttiva ESEA

20.      L-għanijiet tad-Direttiva ESEA jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 1 tagħha:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

21.      Il-pjanijiet u l-programmi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESEA:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–        li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–        li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi.”

22.      L-obbligu li titwettaq evalwazzjoni strateġika ambjentali huwa previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva ESEA:

“1.      L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.      Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

(a)      li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-[Direttiva ESEA (7)], jew

(b)      li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-[Direttiva dwar il-habitats (8)].

[...]”

23.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva ESEA jikkonċerna l-kontenut tal-evalwazzjoni ambjentali u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-alternattivi:

“1.      Meta stima ambjentali tkun meħtieġa skond l-Artikolu 3(1), għandu jkun ippreparat rapport dwar l-ambjent li fih l-effetti sinifikanti li x’aktarx ikun hemm fuq l-ambjent b’konsegwenza ta’ l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm, u alternattivi raġonevoli billi jkunu kkunsidrati l-għanijiet u l-iskop ġeografiku tal-pjan jew il-programm, ikunu identifikati, deskritti u evalwati. L-informazzjoni li għandha tingħata għal dan il-għan hi msemmija fl-Anness I.

2.      Ir-rapport dwar l-ambjent ippreparat bis-saħħa tal-paragrafu 1 għandu jinkludi l-informazzjoni li tista’ tkun mitluba b’mod raġonevoli meta jkunu ikkunsidrati l-għarfien u l-metodi ta’ stima, il-kontenut u l-livelli tad-dettal fil-pjan jew fil-programm, l-istadju tiegħu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u sa fejn ċerti materji jkunu stmati b’mod aktar xieraq fil-livelli differenti f’dak il-proċess sabiex ikun evitat duplikazzjoni ta’ l-istima.

(3)      [...]”

24.      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva ESEA jirregola l-kontenut tad-deċiżjoni dwar il-pjan jew il-programm:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, meta xi pjan jew programm ikun adottat, l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(3), il-pubbliku u xi Stat Membru konsultat skond l-Artikolu 7 ikunu infurmati u l-materji li ġejjin jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta’ dawk li jkunu ġew infurmati b’dan:

(a)      il-pjan jew il-programm kif adottat;

(b)      prospett li jagħti fil-qosor kif il-konsiderazzjonijiet ambjentali ġew integrati fil-pjan jew il-programm u kif ir-rapport dwar l-ambjent ippreparat skond l-Artikolu 5, l-opinjonijiet mogħtija skond l-Artikolu 6 u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet li jsiru skond l-Artikolu 7 ġew ikkunsidrati skond l-Artikolu 8 u r-raġunijiet għall-għażla tal-pjan jew il-programm kif adottat, fid-dawl ta’ l-alternattivi raġonevoli l-oħra li ġew ikkunsidrati, u

(ċ)      il-miżuri deċiżi dwar is-sorveljar skond l-Artikolu 10.”

25.      L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva ESEA jirregola s-sorveljanza tal-effetti ambjentali tal-pjanijiet u tal-programmi.

“1.      L-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-effetti ambjentali sinifikattivi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-pjanijiet jew programmi sabiex, fost l-oħrajn, jidentifikaw fi stadju bikri effetti ħżiena mhux imbassra, u biex ikunu jistgħu jagħmlu l-azzjoni ta’ rimedju kif xieraq.”

26.      L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport ambjentali hija stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva ESEA:

“L-informazzjoni li għandha tingħata taħt l-Artikolu 5(1), suġġetta għall-Artikolu 5(2) u (3), hi din li ġejja:

(a)      [...]

(ċ)      il-karatteristiċi ambjentali ta’ żoni li x’aktarx ikunu milquta b’mod sinifikanti;

(d)      xi problemi ambjentali eżistenti li huma rilevanti għall-pjan jew il-programm inkluż, b’mod partikolari, dawk li jirreferu għal xi żoni ta’ mportanza ambjentali partikolari, bħalma huma żoni magħżula bis-saħħa tad-Direttivi 79/409/KEE [iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”, u d-Direttiva dwar il-habitats];

(e)      l-għanijiet tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, stabbiliti fil-livell internazzjonali, tal-Komunità jew ta’ l-Istat Membru, li huma rilevanti għall-pjan jew il-programm u l-mod li bih dawk l-għanijiet u xi konsiderazzjonijiet ambjentali ġew ikkunsidrati matul il-preparazzjoni tiegħu;

(f)      l-effetti sinifikanti li x’aktarx iseħħu fuq l-ambjent, inklużi dwar il-materji bħall-fatturi tal-bijodiversità, il-popolazzjoni, is-saħħa umana, il-fawna, il-flora, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima, l-assi materjali, il-wirt kulturali inkluż il-wirt arkitettorali u arkeoloġiku, il-landscape u r-relazzjoni bejn il-fatturi hawn fuq imsemmija.

(g)      [...]

(h)      qafas tar-raġunijiet għall-għażla ta’ l-alternattivi maħsuba, u deskrizzjoni ta’ kif l-istima saret inklużi xi diffikultajiet (bħal defiċjenzi tekniċi jew nuqqas ta’ għerf) li wieħed iltaqa’ magħhom fil-ġbir ta’ l-informazzjoni meħtieġa);

(i)      deskrizzjoni tal-miżuri maħsuba dwar is-sorveljar skond l-Artikolu 10;

(j)      [...]”

B.      Id‑dritt Irlandiż

27.      Skont l-Artikolu 4 tal-Planning and Development Act 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp Territorjali) u l-Artikolu 28 tal-European Communities (Birds and Natural Habitats) Regulations 2011 (ir-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej tal‑2011 (Għasafar u Habitats Naturali)), l-attivitajiet agrikoli jistgħu jiġu pprojbiti jekk jistgħu jaffettwaw żoni protetti skont id-Direttiva dwar il-habitats jew id-Direttiva dwar l-għasafar.

28.      L-applikazzjoni fuq l-art ta’ demel mill-bhejjem li fih iktar minn 170 kilogramma ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena huwa rregolat prinċipalment mill-Artikolu 35(1) tal-European Union (Good Agricultural Practice for Protection of Waters) Regulations 2022 (ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea tal‑2022 (Prattika Agrikola Għaqlija għall-Protezzjoni tal-Ilmijiet)) (S.I. Nru 113 tal‑2022), kif emendati mill-S.I. Nru 393 tal‑2022 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal‑2022”):

“L-applikazzjoni ta’ demel mill-bhejjem fuq art ta’ azjenda, f’sena partikolari, li taqbeż il-kwantità msemmija fl‑Artikolu 20(1) ma għandhiex titqies bħala ksur ta’ dak is-subartikolu jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)      il-proprjetarju tal-azjenda jkun ippreżenta, għas-sena inkwistjoni, applikazzjoni lill-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Affarijiet Marittimi sabiex jikseb deroga mir-rekwiżiti tal-imsemmi subartikolu;

(b)      l-applikazzjoni msemmija fil-punt (a) tkun ġiet debitament ikkompletata fil-forma u sal-iskadenza prevista, kif stabbiliti mill-Ministru;

(ċ)      l-applikazzjoni msemmija fil-punt (a) tkun akkumpanjata minn impenn bil-miktub mid-detentur li jikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha elenkati fl-Anness 5; u

(d)      il-kundizzjonijiet kollha elenkati fl-Anness 5 għandhom jiġu ssodisfati mid-detentur fir-rigward tal-azjenda.”

29.      L-Anness 5 tar-Regolament tal‑2022 jillimita, fost l-oħrajn, l-ammont ta’ nitroġenu għal 250 kg.

30.      Skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament tal‑2022, jekk l-applikazzjoni ma tkunx konformi mar-rekwiżiti, il-Ministru għandu jiċħadha. Il-paragrafu 3 jipprovdi li azjenda agrikola ma għandhiex tiġi awtorizzata għas-sena ta’ wara jekk jiġi kkonstatat li ma tissodisfax, matul is-sena kurrenti, ir-rekwiżiti tal-Artikoli 6 sa 9 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

III. Il‑fatti u t‑talba għal deċiżjoni preliminari

31.      It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jipprovdu l-fatti kif ġej.

32.      Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar in-nitrati, l-Irlanda tapplika programm ta’ azzjoni dwar in-nitrati fit-territorju kollu tagħha.

33.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tiċċita deċiżjonijiet tal-Kummissjoni sa mis-sena 2007 li jippermettu lill-Irlanda, fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni tagħha dwar in-nitrati, tawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ demel mill-bhejjem li fih sa 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena (9). L-aħħar waħda minn dawn id-deċiżjonijiet fid-data tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-programm ta’ azzjoni dwar in-nitrati korrispondenti għas-snin 2022 sa 2025 huma s-suġġett tal-kawża prinċipali.

34.      Fl-istess ħin, it-talba għal deċiżjoni preliminari tiċċita rapporti mill-Environmental Protection Agency Irlandiża (l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent Irlandiża, iktar ’il-quddiem l-“EPA”), li jindikaw li kważi nofs ix-xmajjar u l-lagi tal-Irlanda ma għadhomx fi stat sodisfaċenti minħabba ammonti għolja wisq ta’ fosfru u ta’ nitroġenu (10).

35.      Il-Minister for Housing, Local Government and Heritage (il-Ministru għall-Akkomodazzjoni, għall-Awtorità Lokali u għall-Patrimonju) issuġġetta l-programm ta’ azzjoni dwar in-nitrati kkontestat għal evalwazzjoni tal-effetti fuq is-siti Natura 2000. Madankollu, ma kien hemm l-ebda evalwazzjoni kompleta tal-effetti fuq l-ambjent tal-attivitajiet agrikoli li jirrilaxxaw in-nitrati, li għandhom jitwettqu abbażi tad-deroga dwar l-applikazzjoni fuq l-art tan-nitroġenu. L-evalwazzjonijiet iffokaw esklużivament fuq il-miżuri ta’ protezzjoni previsti. Madankollu, jirriżulta b’mod ċar mis-sorsi (b’mod partikolari mir-rapporti tal-EPA u min-“Natura Impact Statement” (opinjoni xjentifika dwar l-effetti fuq is-siti Natura 2000 prevista mid-dritt Irlandiż) għall-pjan ta’ mmaniġġjar skont id-Direttiva Qafas dwar l-ilma għall-ilmijiet Irlandiżi għas-snin 2022 sa 2027) li evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tal-attivitajiet agrikoli sottostanti probabbilment kienet turi effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-ambjent anki fuq siti Ewropej fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitats.

36.      Skont l-imsemmi “Natura Impact Statement”, fil-kuntest tal-pjan ta’ mmaniġġjar tal-ilmijiet Irlandiżi, se jkun essenzjali li tiġi evalwata l-kompatibbiltà tad-derogi kollha mogħtija lil ċerti azjendi agrikoli taħt il-programm ta’ azzjoni dwar in-nitrati u li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod rigoruż, l-effetti kumulattivi negattivi. Fis-sena, madwar 6 500 bidwi, minn iktar minn 130 000 azjenda agrikola fl-Irlanda, jitlob l-għoti ta’ deroga. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn l-applikanti huma produtturi tal-ħalib. Ma jiġu ppubblikati l-ebda derogi individwali, iżda biss data aggregata dwar il-post tal-azjendi kkonċernati skont id-distrett lokali. Fil-prattika, ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma ġiet evalwata b’mod xieraq; u lanqas ma teżisti sistema prattika għal dan l-għan. F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva dwar il-habitats ma hijiex applikata fil-prattika.

37.      Barra minn hekk, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni, għall-Awtorità Lokali u għall-Patrimonju ssottometta l-programm ta’ azzjoni dwar in-nitrati għal evalwazzjoni strateġika ambjentali, iżda ma evalwax l-alternattivi fl-istess livell ta’ dettall bħall-programm innifsu. Il-programm ta’ azzjoni dwar in-nitrati lanqas ma ġie evalwat fid-dawl tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u ma kienx hemm evalwazzjoni kompleta tal-effetti tal-attivitajiet agrikoli sottostanti.

38.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni ambjentali strateġika, id-dettalji sħaħ tas-sorveljanza ma ġewx inklużi fir-rapport dwar l-effetti ambjentali. Ir-rapport dwar l-effetti ambjentali ma kienx jinkludi deskrizzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza previsti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva ESEA, b’mod suffiċjenti li tiġi stabbilita l-osservanza tal-Artikolu 10. B’mod partikolari, hija ma ppreċiżatx kif din is-sorveljanza kellha sseħħ, meta ser titwettaq, kif ser tiġi applikata u kif kienet ser tissodisfa eventwali effetti negattivi mhux previsti fuq l-ambjent identifikati.

39.      L-effetti ekonomiċi fuq l-assi materjali ġew evalwati fil-kuntest tal-evalwazzjoni strateġika ambjentali u ġew ikkunsidrati bħala prijoritarji fuq l-għażliet li jistgħu jkunu iktar favur l-ambjent. B’mod partikolari, huwa ħa inkunsiderazzjoni interessi ekonomiċi usa’, bħall-assi materjali, l-effett soċjali globali tal-attivitajiet agrikoli, l-effett tal-pjan jew tal-proġett fuq l-industrija agrikola u l-prestazzjoni tal-produzzjoni u d-dħul tal-bdiewa, is-sostenibbiltà tal-industrija agrikola Irlandiża, il-katina tal-provvista tal-ikel u l-użu ta’ parti kbira tal-popolazzjoni.

40.      Fid‑9 ta’ Marzu 2022, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni, għall-Awtorità Lokali u għall-Patrimonju approva l-Ħames Programm ta’ Azzjoni dwar in-nitrati 2022 sa 2025 u ffirma l-Good Agricultural Practice Regulations (ir-Regolamenti dwar il-Metodi ta’ Biedja Għaqlija) (S. I, Nru 113). Fid‑29 ta’ April 2022, il-Kummissjoni estendiet id-deroga li qabel kienet awtorizzata għall-Irlanda skont il-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati. Għaldaqstant, fit‑28 ta’ Lulju 2022, il-Ministru ssupplimenta l-programm ta’ azzjoni b’dispożizzjonijiet korrispondenti (S. I, Nru 393).

41.      Fil‑31 ta’ Mejju 2022, An Taisce adixxiet lill-High Court (il-Qorti Għolja) b’rikors għal stħarriġ ġudizzjarju tal-programm ta’ azzjoni. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-High Court ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari, irreġistrati bħala Kawżi C‑531/24 u C‑895/24 u li ġew magħquda fil‑11 ta’ Novembru 2025.

42.      Id-domandi magħmula fil-Kawża C‑531/24 huma fformulati kif ġej:

“1.      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [dwar il-habitats], l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [Qafas dwar l-ilma] u/jew l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [ESEA] moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(3) TUE u/jew l-Artikoli 11 u/jew 191(2) TFUE u/jew l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom l-effett li programm ta’ azzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva [dwar in-nitrati] li huwa evalwat skont jew b’referenza għal tali direttivi għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-effetti fuq l-ambjent tal-attivitajiet agrikoli li minnhom joħroġ n-nitrat li jkunu ser jitwettqu abbażi ta’ derogi mogħtija bħala konsegwenza tal-pjan, jew b’mod ġenerali jew sa fejn tali effetti jkunu indirettament ikkontribwiti mill-assenza ta’ miżuri ta’ protezzjoni iktar rigorużi fil-pjan, għall-kuntrarju ta’ li ssir evalwazzjoni b’referenza għall-miżuri ta’ protezzjoni li l-pjan b’mod pożittiv jinkludi u dawk biss?

2.      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda b’mod ġenerali tkun fin-negattiv, id-dispożizzjonijiet li għalihom saret referenza għandhom dan l-effett fejn dispożizzjonijiet tad-dritt intern tal-Istat Membru kkonċernat għall-evalwazzjoni ta’ derogi individwali mogħtija bħala konsegwenza tal-programm ta’ azzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva [dwar in-nitrati] ma jkunux imħaddma fil-prattika f’dan il-kuntest b’tali mod li fil-prattika ma jkun hemm l-ebda evalwazzjoni mwettqa skont id-Direttiva [dwar il-habitats] tad-derogi individwali mogħtija bħala konsegwenza tal-pjan skont l-effett tas-siti Ewropej talattivitajiet agrikoli li minnhom joħroġ n-nitrat li jkunu ser jitwettqu abbażi ta’ tali derogi?

3.      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [dwar il-habitats] u/jew l-Artikoli 3(1) u/jew 5(1) u/jew 11(2) tad-Direttiva [ESEA] moqrija fid-dawl tal-Artikolu 3(3) TUE u/jew l-Artikoli 11 u/jew 191(2) TFUE u/jew l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom l-effett li evalwazzjoni ta’ pjan jew programm li huwa suġġett għal dawn l-artikoli u li huwa kapaċi li jkollu effett ambjentali fuq korp tal-ilma għandha tinkludi evalwazzjoni b’referenza għall-Artikolu 4 tad-Direttiva [Qafas dwar l-ilma] waħdu jew flimkien ma’ miżuri vinkolanti oħra adottati mill-Istat Membru li huma rigorużi biżżejjed sabiex jiżguraw li l-pjan jew programm ma huwiex ser jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew jipperikola l-kisba ta’ stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb tal-ilma tal-wiċċ sad-data prevista mid-Direttiva [Qafas dwar l-ilma], u jekk iva, dawn id-dispożizzjonijiet jew xi wħud minnhom jeħtieġu li tali evalwazzjoni tiddikjara f’termini espliċiti u/jew aċċertabbli b’mod ċar jekk l-għanijiet ambjentali rilevanti tad-Direttiva [Qafas dwar l-ilma] humiex ser ikunu sodisfatti wara l-adozzjoni tal-pjan jew programm; jew b’mod ġenerali jew fil-każ speċifiku taladozzjoni proposta ta’ miżura bażika kif iddefinita mill-Artikolu 11(3) tad-Direttiva [Qafas dwar l-ilma] u b’mod partikolari ta’ programm ta’ azzjoni dwar in-nitrati skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676 (kif imsemmi fil-punt (ix) tal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva [Qafas dwar l-ilma] kif isir referenza għalih fl-Artikolu 11(3)(a) ta’ din id-direttiva)?

4.      Jekk ir-risposta għat-tielet domanda tkun tali li din l-evalwazzjoni ta’ pjan jew programm li huma soġġetti għallArtikolu 6(3) tad-Direttiva [dwar il-habitats] u/jew l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [ESEA] u huma kapaċi li jkollhom effetti ambjentali fuq il-korp tal-ilma għandha tinkludi evalwazzjoni b’referenza għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 u r-risposta għall-ewwel jew it-tieni domanda tkun tali li evalwazzjoni għall-għanijiet tad-Direttiva [ESEA] f’termini ta’ osservanza tad-Direttiva [Qafas dwar l-ilma] hija meħtieġa tinkludi evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-attivitajiet agrikoli li minnhom joħroġ n-nitrat li jkunu ser jitwettqu abbażi ta’ derogi mogħtija bħala konsegwenza tal-pjan u/jew b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet iktar rigorużi f’pjan, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [Qafas dwar l-ilma] (u b’mod speċifiku l-prinċipju tad-dritt li għandu l-effett li Stati Membri huma meħtieġa, sakemm ma tingħatax deroga, jirrifjutaw awtorizzazzjoni għal proġett individwali fejn dan jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew fejn jipperikola l-kisba ta’ stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb talilma tal-wiċċ sad-data prevista mid-direttiva), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 3(3) TUE u/jew l-Artikoli 11 u/jew 191(2) TFUE u/jew l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom l-effett li Stat Membru għandu wkoll jirrifjuta li jadotta pjan jekk il-protezzjonijiet speċifiċi mogħtija mill-pjan waħdu jew flimkien ma’ miżuri vinkolanti oħra adottati mill-Istat Membru ma humiex rigorużi biżżejjed sabiex jiżguraw li l-attivitajiet agrikoli li minnhom joħroġ n-nitrat li jkunu ser jitwettqu abbażi tad-derogi mogħtija bħala konsegwenza tal-pjan ma humiex ser jikkawżaw deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew jipperikola l-kisba ta’ stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb tal-ilma tal-wiċċ sad-data prevista mid-Direttiva 2000/60, b’mod ġenerali jew fil-każ speċifiku tal-adozzjoni proposta tal-miżura bażika kif iddefinita mill-Artikolu 11(3) tad-Direttiva [Qafas dwar l-ilma] u b’mod partikolari ta’ programm ta’ azzjoni dwar in-nitrati skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva [dwar in-nitrati] (kif imsemmi fil-punt (ix) tal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva [Qafas dwar l-ilma] kif isir referenza għalih fl-Artikolu 11(3)(a) ta’ din id-direttiva)?

5.      Jekk ir-risposta għat-tielet u/jew ir-raba’ domanda b’mod ġenerali tkun fin-negattiv, id-dispożizzjonijiet li għalihom saret referenza għandhom l-effett li saret referenza għalih, fejn id-dispożizzjonijiet fid-dritt intern tal-Istat Membru ikkonċernat għal evalwazzjoni tad-derogi individwali mogħtija bħala konsegwenza tal-programm ta’ azzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva [dwar in-nitrati] ma jkunux imħaddma fil-prattika f’dan il-kuntest b’tali mod li fil-prattika ma jkun hemm l-ebda evalwazzjoni mwettqa skont id-Direttiva [dwar il-habitats] (jekk hux b’referenza għall-Artikolu 4 tad-Direttiva [Qafas dwar il-ilma] jew mod ieħor) tad-derogi individwali mogħtija bħala konsegwenza tal-pjan skont l-effett tal-korpi tal-ilma fl-Istat Membru tal-attivitajiet agrikoli li minnhom joħroġ in-nitrat li jkunu ser jitwettqu abbażi ta’ tali derogi?

6.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva [Qafas dwar l-ilma] moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(3) TUE u/jew l-Artikoli 11 u/jew 191(2) TFUE u/jew l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom l-effett li pjan jew programm, b’mod partikolari, programm ta’ azzjoni tan-nitrati skont Direttiva [dwar in-nitrati] bil-potenzjal li jaffettwa l-istat ta’ kwalunkwe korp tal-ilma rilevanti fi Stat Membru ma jistax jiġi adottat mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx l-ewwel nett meħtieġa tissodisfa lilha nnifisha, li l-adozzjoni tal-pjan jew programm ma tistax tikkawża deterjorament tal-istat ta’ kwalunkwe korp tal-ilma li ġie jew kellu jiġi identifikat minn dan l-Istat Membru bħala li jikkostitwixxi ‘tip’ ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, u lanqas jikkomprometti l-kisba ta’ stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb ta’ tali korp tal-ilma tal-wiċċ, u t-tieni nett, li din l-adozzjoni tal-pjan jew programm hija kompatibbli mal-miżuri implimentati skont il-programm taħt id-Direttiva [Qafas dwar l-ilma] stabbilit, skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, għad-distrett idrografiku kkonċernat?

7.      L-Artikolu 5(1) u l-punt (i) tal-Anness I tad-Direttiva [ESEA] moqrija fid-dawl tal-Artikolu 3(3) TUE u/jew l-Artikoli 11 u/jew 191(2) TFUE u/jew l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom l-effett li rapport ambjentali nnifsu għandu jinkludi deskrizzjoni tal-miżuri ippjanati li jikkonċernaw sorveljanza skont l-Artikolu 10 [tad-Direttiva ESEA] f’dettall suffiċjenti sabiex juri li dan l-Artikolu 10 ser jiġi osservat, inkluż dettalji dwar kif din is-sorveljanza ser isseħħ; meta ser titwettaq; u/jew kif is-sorveljanza ser tiġi użata u kif kwalunkwe effetti ambjentali negattivi li ma jkunux previsti u li jiġu identifikati ser jiġu indirizzati?

8.      Il-kunċett ta’ ‘assi materjali’ fil-punt (f) tal-Anness I tad-Direttiva [ESEA] jeskludi l-valur ta’ tali assi u/jew b’mod partikolari fil-każ tal-evalwazzjoni ta’ programm ta’ azzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva [dwar in-nitrati], dan il-kunċett jeskludi l-effetti wiesa’ fuq is-soċjetà ta’ attivitajiet agrikoli, l-effett tal-pjan jew proġett fuq l-industrija agrikola u fuq il-produzzjoni u d-dħul tal-bdiewa, is-sostenibbiltà tal-industrija agrikola fl-Istat Membru kkonċernat, il-katina tal-ikel, u l-ingaġġ ta’ porzjoni sinjifikattiva tal-popolazzjoni, u jekk iva, id-Direttiva 2001/42 għandha l-effett li kunsiderazzjoni ta’ tali materji hija illegali fl-evalwazzjoni tal-effetti tal-pjan?

9.      Jekk ir-risposti għal waħda jew iktar mill-ewwel sat-tmien domanda jkollhom il-konsegwenza li l-adozzjoni tal-NAP [programm ta’ azzjoni dwar in-nitrati] tinvolvi ksur tad-Direttivi [dwar il-habitats], [Qafas dwar l-ilma] u/jew [ESEA], id-Deċiżjoni [...] tal-Kummissjoni [2022/696] tkun invalida meta wieħed jikkunsidra inter alia l-Artikolu 3(3) TUE u/jew Artikoli 11 u/jew 191(2) TFUE u/jew Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?”

43.      Iż-żewġ domandi addizzjonali fil-Kawża C‑895/24 huma fformulati kif ġej:

“1)      L-Artikolu 5(1) u/jew l-Artikolu 9(1)(b) [...] u l-punt (f) tal-Anness I tad-[Direttiva ESEA] għandhom l-effett li l-assi materjali ma jkunux jistgħu jiġu kkunsidrati bħala l-fattur li effettivament jieħdu preċedenza fuq fatturi oħrajn inklużi effetti oħra fuq l-ambjent, għall-finijiet tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva u/jew li l-għażla bl-inqas konsegwenzi negattivi fuq l-ambjent għandha tiġi magħżula bħala r-riżultat preferut ta’ dik l-evalwazzjoni?

2)      L-Artikolu 5(1) u/jew l-Artikolu 9(1)(b) [...] u punt (h) tal-Anness I tad-Direttiva 2001/42 għandhom l-effett li alternattivi għandhom ikunu identifikati, deskritti u evalwati b’mod paragunabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva?”

44.      Fiż-żewġ kawżi, ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub An Taisce – The National Trust for Ireland, Irish Creamery Milk Suppliers Association (ICMSA), l-Irlanda, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li fil-Kawża C‑531/24, ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub Feirmeoirí Aontuithe na hÉireann Iontaobaithe Teoranta bħala Trustee for the Irish Farmers’ Association (IFA), u fil-Kawża C‑895/24, il-Ġermanja biss.

45.      Fil‑11 ta’ Diċembru 2025, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet seduta fiż-żewġ kawżi, li fiha pparteċipaw An Taisce, l-IFA, l-ICMSA, l-Irlanda u l-Kummissjoni.

IV.    Analiżi ġuridika

46.      Id-Direttiva dwar in-nitrati hija intiża li tipprovdi l-istrumenti neċessarji sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-ilmijiet kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (11). Kif jirriżulta mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar in-nitrati, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Istati Membri huma obbligati jfasslu u jimplimentaw programmi ta’ azzjoni li jkopru ż-żoni indikati bħala vulnerabbli f’dan ir-rigward (12). Madankollu, huma jistgħu, bħall-Irlanda, japplikaw tali programmi għat-territorju kollu tagħhom, skont l-Artikolu 3(5).

47.      Dawn il-programmi ta’ azzjoni għandhom, skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 5(4), jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji speċifiċi elenkati fl-Annessi II u III tal-imsemmija direttiva (13). F’dan il-każ, il-parti l-kbira ta’ dawn il-miżuri ġew adottati fid‑9 ta’ Marzu 2022. Dawn ma humiex is-suġġett tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari u lanqas, sa fejn jidher evidenti, tat-tilwima nazzjonali sottostanti. F’dan ir-rigward, mhux ser nevalwa f’iktar dettall l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti u l-eventwali evalwazzjonijiet ambjentali meħtieġa f’dan il-kuntest.

48.      Madankollu, skont il-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati, il-programm ta’ azzjoni għandu, b’mod partikolari, jiżgura li l-bdiewa japplikaw biss demel tal-bhejjem li fih massimu ta’ 170 kg ta’ nitroġenu fis-sena u għal kull ettaru. Skont il-punt 2(b) tal-Anness III, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ammonti ogħla, bil-kundizzjoni li dan ma jippreġudikax l-għanijiet tad-Direttiva. Għalhekk, bħal fil-programmi ta’ azzjoni preċedenti, l-Irlanda tippermetti lill-azjendi agrikoli kollha jipproduċu sa 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, taħt ċerti kundizzjonijiet. Hija din il-leġiżlazzjoni, li ġiet adottata biss fit‑28 ta’ Lulju 2022, li hija s-suġġett ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

49.      Skont il-punt 2(b) tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati, l-Istati Membri għandhom jiġġustifikaw lill-Kummissjoni l-kompatibbiltà ta’ tali deroga mal-għanijiet tad-Direttiva dwar in-nitrati. Il-Kummissjoni tevalwa din il-ġustifikazzjoni u tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-ammont ogħla ta’ nitroġenu.

50.      Barra minn hekk, id-Direttiva dwar in-nitrati ma tipprevedix evalwazzjoni oħra tal-effetti fuq l-ambjent taż-żieda fl-applikazzjoni tan-nitroġenu. Madankollu, iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk u sa fejn tali evalwazzjoni hija neċessarja fid-dawl tad-Direttiva dwar il-habitats, tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u tad-Direttiva ESEA.

51.      Fil-fatt, id-Direttiva Qafas dwar l-ilma tobbliga lill-Istati Membri jevalwa l-effetti ta’ żieda fl-applikazzjoni tan-nitroġenu fuq l-ilma (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima A). Għalkemm għandhom jiġu evalwati wkoll l-effetti fuq l-ilma ta’ taħt l-art (14), ser nillimita l-analiżi tiegħi għall-ilma tal-wiċċ, peress li dawn biss huma koperti mid-domandi tal-High Court (il-Qorti Għolja).

52.      L-obbligu ta’ evalwazzjoni previst mid-Direttiva Qafas dwar l-ilma jinkludi wkoll l-effetti negattivi fuq is-siti Natura 2000, iżda l-kundizzjonijiet ta’ evalwazzjoni jirriżultaw mid-Direttiva dwar l-habitats (ara t-Taqsima B). Rekwiżiti oħra relatati mal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku jirriżultaw mid-Direttiva ESEA (ara t-Taqsima C). Fl-aħħar nett, għandu jiġi evalwat jekk l-eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu kkonstatat fl-evalwazzjoni tad-domandi l-oħra jaffettwax il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar din l-awtorizzazzjoni (ara t-Taqsima D). Barra minn hekk, hemm lok għal ċerti rimarki fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju tistax iżżomm l-effetti tal-pjan ta’ azzjoni fil-każ li hija tikkonstata li l-Irlanda adottatu, kompletament jew tal-inqas parzjalment, bi ksur tal-miżuri msemmija iktar ’il fuq (ara t-Taqsima E).

A.      L‑evalwazzjoni skont id‑Direttiva Qafas dwar l-ilma

53.      Għalkemm l-ewwel sitt domandi fil-Kawża C‑531/24 kollha jirreferu għad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, it-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt domanda huma prinċipalment intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Irlanda setgħetx tadotta l-programm ta’ azzjoni u, b’mod partikolari, tawtorizza l-applikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu fid-dawl tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma.

54.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-High Court (il-Qorti Għolja) tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jipprekludix l-adozzjoni ta’ programm ta’ azzjoni meta l-miżuri ta’ protezzjoni previsti ma jkunux suffiċjenti sabiex jiggarantixxu l-kisba ta’ stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ skont l-Artikolu 4(1)(a)(ii).

55.      Madankollu, din id-domanda hija ipotetika u, għaldaqstant, inammissibbli. Huwa minnu li jeżistu elementi li jindikaw li evalwazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni previsti jwassal għall-konklużjoni li l-programm ta’ azzjoni jikser l-obbligu ta’ titjib previst fl-Artikolu 4(1)(a)(ii) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma (15). Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u, b’mod partikolari, mill-kunsiderazzjonijiet tal-High Court (il-Qorti Għolja) dwar it-tielet domanda jirriżulta li ma kienx hemm evalwazzjoni sinjifikattiva tal-effett tal-programm ta’ azzjoni fuq l-għanijiet tal-Artikolu 4, u ċertament ma kienx hemm evalwazzjoni espliċita f’dan ir-rigward (16). Minn dan isegwi, li l-ħames domanda hija, hija wkoll, parzjalment ipotetika, sa fejn hija marbuta mar-raba’ domanda.

56.      Min-naħa l-oħra, huma ammissibbli t-tielet u s-sitt domanda, li jistaqsu jekk l-awtorizzazzjoni għall-applikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu għandhiex tiġi evalwata sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex kompatibbli mal-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, kif ukoll mal-ħames domanda, sa fejn din hija marbuta mat-tielet domanda.

57.      Għaldaqstant, iktar ’il quddiem, ser nispjega, fl-ewwel lok, ir-rwol tal-programm ta’ azzjoni skont id-Direttiva dwar in-nitrati fl-implementazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, qabel ma neżamina l-obbligi ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw minnha fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu. Fl-aħħar nett, għandha tiġi eżaminata l-importanza tal-approvazzjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni.

1.      Il‑programm ta’ azzjoni skont id‑Direttiva dwar in-nitrati fis‑sistema regolatorja tad‑Direttiva Qafas dwar l-ilma

58.      Skont l-Artikolu 1(1)(a) tagħha, id-Direttiva Qafas dwar l-ilma hija intiża sabiex tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni, b’mod partikolari, tal-ilmijiet tal-wiċċ interni. Dan il-qafas għandu l-għan li jevita deterjorament addizzjonali, iżda wkoll li jtejjeb l-istat tal-ekosistemi akkwatiċi u tal-ekosistemi terrestri li jiddependu direttament minnhom (17).

59.      Konsegwentement, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jinkludi żewġ obbligi distinti, għalkemm marbuta mill-qrib. Minn naħa, skont l-Artikolu 4(1)(a)(i), l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ kollha (projbizzjoni ta’ deterjorament). Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(1)(a)(ii), l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jirrestoraw l-ilmijiet tal-wiċċ kollha sabiex jilħqu “stat tajjeb” tal-ilmijiet mhux iktar tard mill-aħħar tas-sena 2015 (obbligu ta’ titjib) (18). Madankollu, l-Artikolu 4(4) jippermetti lill-Istati Membri jipposponu l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 4(1) sal‑2027.

60.      Skont l-EPA Irlandiża, stat ekoloġiku tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jippreżupponi li dawn ikollhom inqas minn 8 mg/l NO3 (19). Min-naħa l-oħra, il-valur limitu li hija bbażata fuqu d-Direttiva dwar in-nitrati huwa nettament ogħla, peress li huwa stabbilit għal 50 mg/l NO3. Konformement mal-punt 1 tal-Parti A tal-Anness I moqri flimkien mad-Direttiva 75/440/KEE (20), li issa tħassret, dan huwa l-valur limitu għall-ilma dderivat mill-ilma tax-xorb li għalih japplika l-istess valur limitu skont id-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb (21). Din id-differenza turi li ċerti habitats u speċi huma kunsiderevolment iktar sensittivi għan-nitrati mill-bnedmin.(22)

61.      Għalkemm id-Direttiva dwar in-nitrati tipprovdi valur limitu ħafna ogħla għan-nitrati minn dak li, jekk ikun il-każ, huwa meħtieġ mid-Direttiva Qafas dwar l-ilma, il-programmi ta’ azzjoni skont id-Direttiva dwar in-nitrati huma importanti fil-kuntest tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. Fil-fatt, skont l-Artikolu 11(1), kull Stat Membru għandu jistabbilixxi programm ta’ miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. Skont l-Artikolu 11(2) u (3)(a), kif ukoll l-punt (ix) tal-Parti A tal-Anness VI tal-Artikolu 10 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati hija parti mill-“miżuri bażiċi” li għandhom jiġu inklużi fil-programmi ta’ miżuri. Il-programmi ta’ azzjoni huma għalhekk parti minn dan il-programm ta’ miżuri.

2.      L‑evalwazzjoni tal‑programmi ta’ azzjoni skont id‑Direttiva dwar in-nitrati skont id‑Direttiva Qafas dwar l-ilma

62.      Peress li programm ta’ azzjoni skont id-Direttiva dwar in-nitrati jagħmel parti mill-programm ta’ miżuri previst mid-Direttiva Qafas dwar l-ilma, il-miżuri ta’ programm ta’ azzjoni u, b’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ nitroġenu għal finijiet agrikoli awtorizzati hemmhekk għandhom jiġu evalwati sabiex jiġi vverifikat jekk humiex kompatibbli mal-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-Artikolu 4(1)(a) tibqa’ vinkolanti fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tad-Direttiva u tapplika għal “kull tip” u għal kull stat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ (23), kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni. Dan japplika wkoll fir-rigward tal-obbligu ta’ titjib.

63.      Kif ġustament jirrilevaw l-ICMSA u l-Irlanda, din ma hijiex evalwazzjoni iżolata tal-programm ta’ azzjoni jew tal-awtorizzazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu. Għall-kuntrarju, dawn għandhom jiġu evalwati bħala elementi tal-programm ta’ miżuri fl-intier tiegħu. Madankollu, l-effett tal-programm ta’ azzjoni u, b’mod partikolari, tal-awtorizzazzjoni fuq l-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ f’din l-evalwazzjoni. Għalhekk, għandu jkun possibbli li jiġi identifikat liema effetti huma attribwibbli għall-awtorizzazzjoni ta’ żieda fl-ammonti ta’ nitroġenu u kif l-evalwazzjoni wasslet għal din il-konklużjoni.

64.      Barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi inkluża l-applikazzjoni agrikola tan-nitroġenu tirriżulta wkoll mill-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw konformement mal-Artikoli 5 u 8, kif ukoll mal-Annessi II, V u VIII tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u li għandhom, skont l-Artikolu 11(1) u (5), jieħdu inkunsiderazzjoni meta jistabbilixxu l-programm ta’ miżuri.

65.      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jipprovdi espressament li l-programm ta’ miżuri għandu jiġi stabbilit billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 5. Skont il-punt 1.4 tal-Anness II, dawn l-analiżijiet jinkludu, fost l-oħrajn, it-tniġġis sinjifikattiv minn sorsi diffużi li joriġina minn installazzjonijiet u minn attivitajiet agrikoli. F’dan ir-rigward, il-punt 1.4 tal-Anness II tad-Direttiva dwar in-nitrati jirreferi espressament għall-informazzjoni li għandha tinġabar skont id-Direttiva dwar in-nitrati, prinċipalment l-informazzjoni dwar l-influssi tan-nitroġenu, kif ukoll għas-sustanzi elenkati fl-Anness VIII tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, fejn in-nitrat għadu elenkat fil-punt 11 bħala sustanza li tikkontribwixxi għall-ewtrofikazzjoni (24).

66.      Skont it-tielet paragrafu tal-punt 1.5 tal-Anness II tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, meta l-korpi tal-ilma jkunu f’riskju li ma jilħqux l-għanijiet ta’ kwalità tal-ambjent, l-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jottimizzaw it-tfassil tal-programmi ta’ miżuri msemmija fl-Artikolu 11.

67.      Barra minn hekk, l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jeżiġi li l-programm ta’ miżuri jiġi adattat meta d-data ta’ sorveljanza turi li l-għanijiet tal-Artikolu 4 probabbilment ma humiex ser jintlaħqu. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu, b’mod partikolari, jinvestiga r-raġunijiet, jevalwa l-permessi u l-awtorizzazzjonijiet korrispondenti u, jekk ikun il-każ, jirrevedi u jadotta l-miżuri addizzjonali meħtieġa. L-arranġamenti għal dan is-sorveljanza huma stabbiliti fl-Artikolu 8 u fl-Anness V. Il-punt 1.3.3 tal-Anness V jipprovdi, b’mod partikolari, proċeduri ta’ sorveljanza intiżi sabiex jiġu identifikati r-raġunijiet li għalihom l-għanijiet ambjentali ma ntlaħqux, sabiex jitfassal, fuq din il-bażi, il-programm ta’ miżuri msemmi fl-Artikolu 11.

68.      Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ programm ta’ azzjoni skont id-Direttiva dwar in-nitrati, Stat Membru jista’ jawtorizza l-applikazzjoni ta’ ammont ogħla ta’ nitroġenu biss wara li jkun evalwa u kkonstata, b’mod partikolari abbażi tal-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, li ma humiex kompromessi l-għanijiet tal-Artikolu 4 tagħha.

69.      Huwa konċepibbli li l-evalwazzjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu tiġi mminimizzata billi tiġi stabbilita sistema effikaċi ta’ garanzija tal-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma fil-kuntest tal-użu tal-awtorizzazzjoni minn ċerti azjendi agrikoli. Bħala prinċipju, din is-sistema għandha tiggarantixxi li dawn l-azjendi agrikoli jipproduċu flimkien ammont ta’ nitroġenu suffiċjenti sabiex ma jkunx hemm deterjorament tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ, fid-dawl tal-kontribuzzjonijiet l-oħra kollha ta’ nitroġenu, u li l-kisba ta’ stat tajjeb ma tiġix prekluża. Madankollu, il-ħames domanda fil-Kawża C‑531/24 hija bbażata fuq il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ tali sistema. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq kienet suġġetta għal evalwazzjoni sħiħa.

70.      Jekk Stat Membru kellu jikkonstata li żieda fl-applikazzjoni ta’ nitroġenu hija inkompatibbli mal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni jew mal-obbligu ta’ titjib previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, dan ma jfissirx neċessarjament li din l-applikazzjoni ma hijiex permessa. Għall-kuntrarju, din tista’ tiġi awtorizzata, li kieku tista’ tiġi tapplikata waħda mill-eċċezzjonijiet previsti wkoll fl-Artikolu 4 (25).

71.      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tal-Irlanda li l-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma ma jistgħux jintlaħqu biss mill-programm ta’ azzjoni. Huwa ċar li partijiet oħra tal-programm ta’ miżuri huma meħtieġa wkoll sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 4. Huwa wkoll possibbli li, fil-kuntest ta’ kontribuzzjonijiet għolja wisq ta’ nitrati, tingħata prijorità għat-tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet minn sorsi oħra fil-kuntest tal-programm ta’ miżuri. Xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tal-programm ta’ miżuri, Stat Membru għandu jiżgura li, abbażi tal-miżuri kollha previsti, l-applikazzjoni fuq l-art ta’ nitrati ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġu osservati l-għanijiet tal-Artikolu 4. Dan jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-effetti tal-awtorizzazzjoni ta’ żieda fl-applikazzjoni ta’ nitroġenu jiġu identifikati u meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ programm ta’ azzjoni skont id-Direttiva dwar in-nitrati.

3.      Id‑deroga mogħtija mill-Kummissjoni

72.      Huwa minnu li, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696, il-Kummissjoni awtorizzat l-applikazzjoni fuq l-art ta’ ammont ogħla ta’ nitroġenu u fil-premessa 17 qieset, abbażi ta’ kundizzjonijiet kundizzjonali, li din id-deroga hija kompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. Madankollu, dan ma jbiddilx l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-Istat Membru u lanqas ma jimplika neċessarjament il-kompatibbiltà tal-miżuri awtorizzati mad-Direttiva Qafas dwar l-ilma.

73.      Ma hemm xejn fid-Direttiva Qafas dwar l-ilma li jindika li l-Kummissjoni tista’ tippermetti deroga mill-għanijiet tagħha. Għall-kuntrarju, il-possibbiltajiet ta’ deroga huma rregolati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 4 u jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista’ tissorvelja biss il-konformità ma’ dawn ir-regoli u, jekk ikun meħtieġ, tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

74.      Id-Direttiva dwar in-nitrati u, b’mod partikolari, il-possibbiltà li hija tipprevedi li tawtorizza ammonti ogħla ta’ nitroġenu, lanqas ma tista’ tinftiehem bħala deroga mill-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. Għalkemm l-interpretazzjoni li d-Direttiva dwar in-nitrati tikkostitwixxi lex specialis fil-konfront tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma hija konċepibbli fuq livell metodoloġiku, din tal-aħħar hija intiża, skont l-Artikolu 1(ċ) tagħha, sabiex issaħħaħ il-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent akkwatiku. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(2), f’kull każ għandu japplika l-għan bl-iktar portata wiesgħa. Dan huwa rifless ukoll fil-fatt li, skont l-EPA Irlandiża, stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ jeżiġi valur limitu iktar baxx għan-nitrati minn dak previst mid-Direttiva dwar in-nitrati (26). Dan l-għan ambizzjuż tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma ma jistax jintlaħaq jekk jibqgħu jiġu applikati għanijiet iktar antiki u inqas ambizzjużi f’ċerti oqsma tal-politika tal-ilma.

75.      Huwa għalhekk li d-Direttiva Qafas dwar l-ilma, bħala lex posterior, fiha rekwiżiti iktar stretti li għandhom jiġu ssodisfatti wkoll mill-miżuri bbażati fuq il-verżjoni preċedenti tad-Direttiva dwar in-nitrati.

76.      Il-kwistjoni dwar jekk is-setgħat ta’ kontroll tal-Kummissjoni skont il-punt 2(b) tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati jinkludux ir-rekwiżiti iktar stretti tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jew jekk humiex limitati għar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar in-nitrati, ma hijiex neċessarja f’dan il-każ. Fil-fatt, dan il-kontroll huwa limitat għall-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni pprovduta mill-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma għandhiex setgħat investigattivi jew strumenti proprji adegwati għall-ġbir tal-informazzjoni. Sa fejn il-Kummissjoni tevalwa l-osservanza tal-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-Istat Membru għandu għalhekk ikun ippreżentaha fl-espożizzjoni tal-motivi u, konsegwentement, għandu l-ewwel ikun evalwa huwa stess din l-osservanza.

77.      Għal dik ir-raġuni, fil-premessa 17 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696, il-Kummissjoni awtorizzat biss l-applikazzjoni fuq l-art ta’ ammont ogħla ta’ nitroġenu. Madankollu, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ma tistax tistabbilixxi b’mod vinkolanti li din l-awtorizzazzjoni hija kompatibbli mad-Direttiva Qafas dwar l-ilma.

4.      Konklużjoni intermedja

78.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ programm ta’ azzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar in-nitrati, Stat Membru jista’ jawtorizza l-applikazzjoni fuq l-art ta’ ammont ogħla ta’ nitroġenu biss wara li jkun evalwa u kkonstata, b’mod partikolari abbażi tal-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, li dan ma jippreġudikax l-għanijiet tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Ma huwiex neċessarju li Stat Membru jwettaq tali evalwazzjoni, jekk jiġi ggarantit li l-użu ta’ din il-possibbiltà mid-diversi azjendi agrikoli jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni. Jekk jiġi kkonstatat li żieda fl-applikazzjoni hija inkompatibbli mal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni jew mal-obbligu ta’ titjib previst fl-Artikolu 4(1), l-għanijiet tal-Artikolu 4 jiġu ggarantiti biss jekk waħda mill-eċċezzjonijiet li huma wkoll previsti fih tkun applikabbli.

B.      L‑evalwazzjoni tal‑effetti fuq is‑siti Natura 2000

79.      Madankollu, l-għanijiet tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma ma humiex limitati għall-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni u għall-obbligu ta’ titjib imsemmija fil-punt (a). Għall-kuntrarju, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jeżiġi li l-Istati Membri jilħqu l-istandards u l-għanijiet kollha fl-istess terminu, jiġifieri sa mhux iktar tard mill‑2027 (27), inkluż għaż-żoni ta’ protezzjoni. Skont l-Artikolu 6 u l-punt 1 (v) tal-Anness IV, dan japplika, b’mod partikolari, għas-siti Natura 2000, sa fejn iż-żamma jew it-titjib tal-istat tal-ilma jikkostitwixxu fattur importanti għall-protezzjoni tas-siti (28).

80.      Dan huwa għan ieħor li għandu jintlaħaq mill-programmi ta’ miżuri skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u, konsegwentement, il-programmi ta’ azzjoni skont id-Direttiva dwar in-nitrati (29). Għalhekk, qabel ma jistabbilixxu programm ta’ azzjoni, l-Istati Membri għandhom jevalwaw ukoll l-effett tiegħu fuq is-siti Natura 2000.

81.      Il-kriterji ta’ din l-evalwazzjoni jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat, qabel kollox, jekk, skont din id-dispożizzjoni, l-awtorizzazzjoni ta’ żieda fl-applikazzjoni ta’ nitroġenu fi programm ta’ azzjoni skont id-Direttiva dwar in-nitrati għandhiex tiġi evalwata. Sussegwentement, għandu jiġi ppreċiżat is-suġġett ta’ din l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, l-ewwel żewġ domandi preliminari fil-Kawża C‑531/24 jikkonċernaw l-evalwazzjoni xierqa tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-evalwazzjoni tistax tkun limitata għall-miżuri ta’ protezzjoni previsti fil-programm ta’ azzjoni jew jekk, għall-kuntrarju, għandhiex tkopri l-effetti li n-nitrati jiġġeneraw attivitajiet agrikoli awtorizzati skont dan il-programm. Fil-każ li din l-evalwazzjoni tista’, bħala prinċipju, tiġi limitata għall-miżuri ta’ protezzjoni previsti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk din il-konklużjoni hijiex differenti jekk, fil-prattika, l-imsemmija attivitajiet agrikoli lanqas ma jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni xierqa fil-livell tal-azjendi individwali.

82.      Peress li l-partijiet ma jaqblux dwar jekk programm ta’ azzjoni għandux ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-ewwel ser niddiskuti din il-kwistjoni (ara taħt 1) u, sussegwentement, is-suġġett ta’ din l-evalwazzjoni (ara taħt 2).

1.      Obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal‑effetti

83.      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar pjan jew proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità ta’ sit Natura 2000, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet ta’ evalwazzjoni tal‑effetti għas-sit u bla ħsara għad-deroga prevista fl-Artikolu 6(4). Għal dan l-għan, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tipprovdi li kull pjan jew proġett li ma huwiex marbut direttament ma’ jew li ma huwiex meħtieġ għat-tmexxija ta’ żona protetta, iżda li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuqu, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit.

84.      L-awtorizzazzjoni ta’ żieda fl-applikazzjoni tan-nitroġenu fi programm ta’ azzjoni skont id-Direttiva dwar in-nitrati la hija direttament marbuta mal-ġestjoni tas-siti Natura 2000 u lanqas neċessarja għal dan l-għan.

85.      Madankollu, l-awtorizzazzjoni ma tikkostitwixxix kunsens għal proġett fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Hija tiftaħ il-possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ ammont ogħla ta’ nitroġenu biss għal numru kbir ta’ azjendi agrikoli. L-iktar l-iktar, l-użu ta’ din il-possibbiltà minn ċerti impriżi jista’ jitqies bħala proġett (30).

86.      Madankollu, l-awtorizzazzjoni fil-programm ta’ azzjoni tista’ tikkostitwixxi pjan fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

87.      Peress li d-Direttiva ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “pjan”, jidher loġiku li jiġu kkunsidrati strumenti speċifiċi tad-dritt nazzjonali, iżda, fl-assenza ta’ riferiment għalih, dan huwa wkoll kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu (31).

88.      Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats teoretikament jippermettu li l-kunċett ta’ “pjan” jingħata tifsiriet ftit jew wisq differenti. B’hekk, bil-Franċiż, wieħed jista’ jirreferi wkoll għal wiċċ ċatt u, ta’ spiss, dan ifisser rappreżentazzjonijiet grafiċi partikolari.

89.      Madankollu, fid-dawl tal-istruttura tad-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “pjan” għandu, skont is-sens iktar astratt tiegħu, jinftiehem bħala li jistabbilixxi ċerti għanijiet u jispjega kif dawn għandhom jintlaħqu. Din l-interpretazzjoni tippermetti, bħala prinċipju, li jiġu evalwati l-effetti ta’ pjan fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit Natura 2000, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, jew li dan jiġi approvat bħala awtorità fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

90.      Għalkemm huwa minnu li l-kunċett ta’ “pjan” għandu tifsira wiesgħa ħafna, huwa preċiżament għal din ir-raġuni li dan jippermetti li jintlaħaq l-għan tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipprevjeni b’mod effettiv il-ħsara lis-siti Natura 2000 ikkawżata minn pjanijiet jew minn proġetti (32). Dan l-għan ma jintlaħaqx jekk il-kunċett ta’ “pjan” (jew anki l-kunċett ta’ “proġett”) jiġi interpretat fis-sens li ċertu ħsara, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-bniedem, ma għandhiex tiġi evalwata. Dan l-għan huwa rifless ukoll fil-fatt li l-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi inizjali ta’ din id-dispożizzjoni jkopru l-pjanijiet u l-proġetti “kollha” (33). Min-naħa l-oħra, distinzjoni ċara bejn il-kunċetti ta’ “pjan” u ta’ “proġett” ma hijiex neċessarja, tal-inqas għall-finijiet tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, peress li ż-żewġ kunċetti għandhom l-istess konsegwenzi legali.

91.      Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorizzazzjoni ġenerali ta’ applikazzjoni fuq l-art ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu mill-azjendi agrikoli tikkostitwixxi pjan fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, peress li tinkludi, bħala għan intiż li jippermetti tali prattika u, bħala mezz sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-awtorizzazzjoni korrispondenti.

92.      Madankollu, it-tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ “pjan” ma timplikax li l-miżuri kollha għandhom neċessarjament ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni xierqa, filwaqt li jiġu ppreċiżati l-għanijiet u l-mod kif dawn għandhom jintlaħqu. Ir-restrizzjonijiet fuq l-obbligu ta’ evalwazzjoni jirriżultaw pjuttost mill-ħtieġa ta’ theddida suffiċjentement identifikabbli għas-sit kif ukoll mill-fatt li l-evalwazzjoni tal-effetti għandha tkun xierqa.

93.      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats jeżiġi evalwazzjoni xierqa biss jekk il-miżura tista’ taffettwa b’mod sinjifikattiv sit Natura 2000, li l-Qorti tal-Ġustizzja tifhem bħala l-probabbiltà jew ir-riskju ta’ tali effett(34). B’mod partikolari, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali probabbiltà jew riskju jeżistu meta ma jistax jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-pjan jew il-proġett ikkonċernat jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat (35). Din l-evalwazzjoni għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi taż-żoni kkonċernati mill-programm ta’ azzjoni (36). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet li ċerti pjanijiet għall-użu tal-art ikunu suġġetti għal evalwazzjoni skont id-dritt tar-Renju Unit, minħabba li dawn setgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti u, għaldaqstant, iż-żoni protetti kkonċernati (37).

94.      Depożiti ta’ nitroġenu eċċessivi minħabba l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzant agrikolu jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv is-siti Natura 2000 (38). Huma b’mod partikolari l-limiti tar-restrizzjonijiet xjentifiċi tad-diversi tipi ta’ habitats, imsejħa “piżijiet kritiċi” (critical loads), li huma determinanti f’dan ir-rigward (39). Il-Kummissjoni ssemmi, bħala eżempju, il-habitats tat-torbiera u tal-art mistagħdra kif ukoll il-mollusk tal-perla tal-ilma ħelu (Margaritifera margaritifera), li diġà huma sensittivi ħafna għan-nitrati taħt il-valur limitu stabbilit mid-Direttiva dwar in-nitrati (50 mg/l). Minn dan isegwi li, meta azjendi agrikoli jistgħu japplikaw, ġewwa is-siti Natura 2000 jew madwarhom, ammont ogħla ta’ nitroġenu fuq l-artijiet tagħhom, ikun hemm probabbiltà jew riskju ta’ użu sinjifikattiv ta’ dawn is-siti.

95.      Fit-tieni lok, evalwazzjoni tal-effetti tista’ ssir b’mod utli biss jekk ir-riskju ta’ ħsara għas-siti Natura 2000 ikun diġà suffiċjentement determinabbli. Il-miżuri li, filwaqt li joħolqu riskju astratt ta’ effetti negattivi fuq iż-żoni protetti, ma jkunux għadhom jippermettu li jiġu identifikati ċerti effetti fuq siti partikolari, ma jistgħux jiġu evalwati fid-dawl tal-effetti tagħhom fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti Natura 2000. Huwa għalhekk li, fi proċedura kontra l-Italja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pjanijiet għandhom, l-ewwel nett, jiġu distinti minn sempliċi kunsiderazzjonijiet preliminari tal-amministrazzjoni u, it-tieni nett, ikunu preċiżi b’tali mod li tkun meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit (40).

96.      L-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu ma għandhiex neċessarjament bħala effett li ċerti siti Natura 2000 jiġu affettwati minn depożiti ta’ nitroġenu eċċessivi. Ir-riskju ta’ tali effett jista’ jiġi stabbilit biss meta jkun magħruf liema azjendi agrikoli jagħmlu użu mill-possibbiltà offruta mill-awtorizzazzjoni.

97.      Madankollu, dan ma jfissirx li evalwazzjoni tal-effetti tal-permess ma hijiex possibbli. Għall-kuntrarju, wieħed jista’ jassumi li l-azjendi agrikoli kollha jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltà offruta mill-awtorizzazzjoni u jevalwaw, fuq din il-bażi, jekk is-siti Natura 2000 humiex affettwati.

98.      Fit-tielet lok, peress li tali evalwazzjoni hija possibbli, iżda impenjattiva ħafna, ir-restrizzjoni li l-evalwazzjoni tal-effetti għandha tkun “xierqa” hija rilevanti. Huwa minnu li din il-klassifikazzjoni tal-evalwazzjoni ma tinsabx fil-verżjonijiet lingwistiċi oriġinali kollha tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats (41), iżda, tal-inqas konsistentement, fil-premessa 10 tagħha.

99.      Għalhekk, ma jkunx xieraq li ċerti kwistjonijiet jiġu evalwati diversi drabi fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni f’diversi stadji, filwaqt li r-riskju jew il-probabbiltà ta’ deterjorament sinjifikattiv jibqgħu l-istess minn stadju għall-ieħor (42). Madankollu, huwa wkoll xieraq li ssir evalwazzjoni malajr kemm jista’ jkun sabiex kwalunkwe ksur ikun jista’ jittieħed kont sħiħ tiegħu (43). B’mod partikolari, għandu jiġi evitat li, fi stadju bikri tal-ippjanar, jittieħdu deċiżjonijiet li, minkejja li jimplikaw effetti negattivi fuq l-ambjent matul l-implimentazzjoni tal-proġetti, ma jkunux jistgħu jiġu mmodifikati sussegwentement (44).

100. F’dan il-każ, ma jidhirx li huwa xieraq, prima facie, li jiġi preżunt li l-azjendi agrikoli kollha jużaw il-possibbiltà ta’ applikazzjoni fuq l-art ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu u li, fuq din il-bażi, issir evalwazzjoni tal-effetti. Tali evalwazzjoni tkun impenjattiva ħafna u ma tkunx neċessarja fid-dawl tal-esperjenza miksuba waqt l-użu tal-awtorizzazzjoni. Fil-fatt, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, minn iktar minn 130 000 azjenda agrikola, huma “biss” madwar 6 500 li effettivament jibbenefikaw mid-deroga.

101. Is-sempliċi possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzanti ta’ ammonti ogħla għadha ma tikkostitwixxix deċiżjoni li ma tistax tiġi kkontestata waqt evalwazzjoni sussegwenti tal-effetti. Għall-kuntrarju, ikun biżżejjed li l-azjendi agrikoli li jfittxu li jipproduċu iktar nitroġenu jiġu suġġetti biss għal evalwazzjoni minn qabel tal-probabbiltà jew tar-riskju li s-siti Natura 2000 jiġu affettwati b’mod sinjifikattiv. Jekk dan ma setax jiġi eskluż, b’mod partikolari minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi u l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti Natura 2000 li jistgħu jiġu affettwati, għandha ssir evalwazzjoni kompleta li tista’ twassal lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jirrifjutaw l-użu tad-deroga.

102. Madankollu, minħabba l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni fuq l-art tan-nitroġenu (45), huwa neċessarju li jiġu evalwati flimkien l-azjendi agrikoli li l-iskariki ta’ nitroġenu tagħhom jistgħu jwasslu għal depożiti f’sit Natura 2000 partikolari. Jekk dan ma jkunx il-każ, ikun hemm ir-riskju li l-azjendi agrikoli li ġew evalwati l-ewwel jeżawrixxu l-ammont aċċettabbli ta’ nitroġenu u li, sussegwentement, l-azjendi agrikoli evalwati wara ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn din il-possibbiltà. Bl-istess mod, fil-każ ta’ testijiet paralleli iżda distinti, jista’ jkun li jiġi awtorizzat wisq nitroġenu.

103. Huwa possibbli li, matul l-ewwel awtorizzazzjoni ta’ ammont ta’ nitroġenu ogħla, l-Irlanda setgħet, abbażi tat-traspożizzjoni tagħha tad-Direttiva dwar il-habitats, titlaq mill-prinċipju li tali evalwazzjoni tal-azjendi agrikoli individwali kienet ser issir. Madankollu, l-esperjenza miksuba minn programmi ta’ azzjoni preċedenti issa tipprojbixxi din l-assunzjoni. Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-applikazzjoni fuq l-art ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu minn ċerti azjendi agrikoli qatt ma kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3). Il-ħames programm ta’ azzjoni Irlandiż lanqas ma jinkludi indikazzjoni li din id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet Irlandiżi ta’ traspożizzjoni għandhom jiġu osservati waqt l-applikazzjoni fuq l-art ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu. Konsegwentement, waqt is-seduta, l-Irlanda rrikonoxxiet li sa issa ma kienx hemm evalwazzjoni fil-livell tal-azjenda agrikola u ħabbret li l-awtoritajiet kompetenti kienu ser jaħdmu fil-futur sabiex jiżguraw l-osservanza tal-Artikolu 6(3).

104. Madankollu, sakemm l-awtoritajiet Irlandiżi ma jkunux ħadu azzjoni f’dan is-sens, l-azjendi agrikoli ser japplikaw ammonti ogħla ta’ nitroġenu minħabba l-awtorizzazzjoni mogħtija fil-programm ta’ azzjoni. Fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni individwali jew kollettiva ta’ dawn l-applikazzjonijiet, għad hemm dubji xjentifiċi raġonevoli dwar jekk ikunx hemm deterjorament tas-siti Natura 2000 minħabba l-applikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu.

105. Minn dan isegwi, li l-leġiżlazzjoni li tawtorizza din l-applikazzjoni ma tistax tiġi adottata fl-assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

106. Għaldaqstant, l-Irlanda tenfasizza ġustament, kif diġà sostnejt, li mid-Direttiva dwar in-nitrati ma jirriżultax li programm ta’ azzjoni neċessarjament jinfluwenza l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-żoni protetti (46). Madankollu, din il-kunsiderazzjoni kienet manifestament ibbażata wkoll fuq l-assunzjoni, ikkontestata f’dan il-każ mit-talba għal deċiżjoni preliminari, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jevalwaw każ b’każ il-miżuri koperti mill-programm ta’ azzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

107. Barra minn hekk, programm ta’ azzjoni li sempliċement jimplementa r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar in-nitrati, pereżempju billi jistabbilixxi l-ammont massimu ta’ nitroġenu li għandu jiġi applikat skont l-imsemmija direttiva, huwa differenti minn deroga li tawtorizza żieda fl-ammont ta’ nitroġenu. L-ewwel wieħed huwa limitazzjoni legali tal-effetti negattivi fuq l-ambjent. Dan tal-aħħar jawtorizza miżuri li għandhom effetti negattivi fuq l-ambjent iktar sinjifikattivi minn dawk previsti mil-liġi.

108. Huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li l-applikazzjoni tan-nitroġenu fil-kuntest ta’ ammont massimu previst mid-Direttiva dwar in-nitrati tista’ teħtieġ ukoll evalwazzjoni tal-effetti każ b’każ. Fil-fatt, dan l-ammont massimu ma ġiex stabbilit fid-dawl tal-limiti ta’ tniġġis kunsiderevolment iktar baxxi tat-tipi ta’ habitats u tal-ispeċi preżenti fiż-żoni protetti (47). Jekk dawn il-limiti jinqabżu, ikun hemm riskju ta’ ħsara sinjifikattiva tas-siti Natura 2000.

2.      Is-suġġett tal‑evalwazzjoni tal‑effetti

109. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu japprovaw pjan, f’dan il-każ il-programm ta’ azzjoni, biss jekk, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, huma jkunu kkonstataw li l-ebda sit Natura 2000 ma jkun ser jiġi affettwat b’mod negattiv mill-proġett. Skont ġurisprudenza stabbilita, huma jistgħu jagħmlu din il-konstatazzjoni biss jekk jiġi eskluż, minn perspettiva xjentifika, kull dubju raġonevoli dwar il-fatt li tali effetti negattivi ma jseħħux (48).

110. Għalhekk, l-evalwazzjoni xierqa ma għandux ikollha lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effetti tal-pjan jew tal-proġett previst fuq is-sit protett ikkonċernat (49). Hija għandha tidentifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett li jistgħu, minnhom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti kkonċernati (50).

111. Il-ħtieġa li ssir evalwazzjoni tal-effetti tal-programm ta’ azzjoni hija bbażata fuq dubji xjentifiċi raġonevoli dwar il-fatt li, minħabba ż-żieda fl-applikazzjoni ta’ nitroġenu, ma jkunx hemm deterjorament tas-siti Natura 2000 minħabba d-depożiti ta’ nitroġenu (51).

112. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-effetti għandha tkun intiża sabiex tneħħi dawn id-dubji. Hija għandha għalhekk tevalwa jekk iż-żieda fl-applikazzjoni tan-nitrati twassalx għal deterjorament tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti Natura 2000 minħabba depożiti ta’ nitrati.

3.      Konklużjoni intermedja

113. Konsegwentement, fid-dawl tad-Direttiva dwar il-habitats, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑531/24 għandha tkun li programm ta’ azzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar in-nitrati, li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-azjendi agrikoli kollha ta’ Stat Membru japplikaw ammonti ogħla ta’ nitrati, għandu, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-programm ta’ miżuri skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, jiġi evalwat sabiex jiġi vverifikat jekk huwiex eskluż kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar il-fatt li depożiti ta’ nitroġenu ma jaffettwawx b’mod negattiv l-integrità tas-siti Natura 2000 minħabba din l-applikazzjoni. Madankollu, ma jkunx neċessarju li ssir din l-evalwazzjoni jekk jiġi żgurat li l-użu ta’ din il-possibbiltà minn kull azjenda jiġi evalwat skont l-Artikolu 6(3).

C.      L‑evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent

114. L-ewwel erba’ domandi, kif ukoll s-seba’ u t-tmien domanda fil-Kawża C‑531/24, kif ukoll iż-żewġ domandi fil-Kawża C‑895/24, jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-Direttiva ESEA. Lil hinn mill-kwistjonijiet li diġà tqajmu, l-ewwel erba’ domandi fil-Kawża C‑531/24 jistaqsu jekk l-awtorizzazzjoni ta’ żieda fl-applikazzjoni tan-nitroġenu fil-kuntest tal-programm ta’ azzjoni għandhiex tkun suġġetta għal evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent li tinkludi, b’mod partikolari, l-effetti fuq is-siti Natura 2000 u fuq l-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma (ara, taħt 1). Permezz tas-seba’ domanda fil-Kawża C‑531/24, il-High Court (il-Qorti Għolja) tixtieq tiddetermina kif għandhom jiġu ttrattati l-miżuri ta’ sorveljanza tal-effetti fuq l-ambjent (ara taħt 2). It-tmien domanda fil-Kawża C‑531/24 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑895/24 jikkonċernaw it-trattament tal-effetti fuq l-assi materjali (ara taħt 3). It-tieni domanda fil-Kawża C‑895/24 tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-alternattivi (ara taħt 4).

1.      L‑ewwel sar‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑531/24

115. Sabiex tingħata risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda fil-Kawża C‑531/24, għandu, l-ewwel nett, jiġi spjegat għaliex l-awtorizzazzjoni sabiex jiġi applikat ammont ogħla ta’ nitroġenu teħtieġ evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent u għandhom jiġu evalwati wkoll l-effetti fuq l-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u fuq is-siti Natura 2000.

116. L-awtorizzazzjoni taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ pjanijiet u programmi li jinsabu fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESEA, peress li din ġiet adottata mill-Gvern Irlandiż fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva u kellha tiġi stabbilita skont id-Direttiva dwar in-nitrati.

117. L-awtorizzazzjoni hija parti mill-programm ta’ azzjoni skont id-Direttiva dwar in-nitrati, li, b’mod ġenerali, teħtieġ evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESEA, peress li tistabbilixxi qafas għall-proġetti fis-sens tad-Direttiva ESEA (52). F’dak li jirrigwarda speċifikament l-awtorizzazzjoni, jirriżulta wkoll obbligu ta’ evalwazzjoni mill-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva dwar il-habitats, peress li, kif diġà spjegajt (53), l-awtorizzazzjoni kellha, tal-inqas f’dan il-każ (54), tkun suġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, fid-dawl tal-effetti potenzjali tagħha fuq is-siti Natura 2000.

118. Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ESEA, ir-rapport ambjentali ta’ evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent għandu jidentifika, jiddeskrivi u jevalwa b’mod partikolari l-effetti sinjifikattivi previsti fuq l-ambjent tal-implimentazzjoni tal-pjan jew tal-programm. Dawn jinkludu, skont il-punt (d) tal-Anness I, il-problemi ambjentali attwali kollha rilevanti għall-pjan jew għall-programm. F’dan ir-rigward, għandhom jitqiesu, b’mod partikolari, il-problemi relatati mas-siti ta’ importanza partikolari għall-ambjent, bħas-siti Natura 2000 identifikati skont id-Direttiva dwar l-għasafar u d-Direttiva dwar il-habitats. Il-punt (e) jispeċifika wkoll li l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent stabbiliti li huma rilevanti għall-pjan jew għall-programm u l-mod kif dawn l-għanijiet u l-kunsiderazzjonijiet ambjentali kollha ttieħdu inkunsiderazzjoni fit-tħejjija tal-pjan jew tal-programm għandhom jiġu deskritti. Skont il-punt (f), l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għandha tinkludi wkoll l-effetti sinjifikattivi previsti fuq l-ambjent, inklużi aspetti bħal, b’mod partikolari, il-bijodiversità, il-fawna, il-flora u l-ilma.

119. Huwa għalhekk, li l-kontenut diġà diskuss tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mal-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma (55) u tal-evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats (56), kellu jkun is-suġġett tar-rapport dwar l-effetti ambjentali. Fin-nuqqas ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, ir-rapport ambjentali kien inkomplet.

120. Dan ir-rapport dwar l-effetti ambjentali kellu jservi bħala bażi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva ESEA u, skont l-Artikolu 8, ir-rapport u l-opinjonijiet kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni tad-deroga. Dawn il-passi kienu jkunu wkoll inadegwati li kieku r-rapport fuq l-effetti ambjentali kien inkomplet.

121. Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li l-awtorizzazzjoni ta’ ammont ogħla fl-applikazzjoni ta’ nitroġenu mill-azjendi agrikoli fil-kuntest ta’ programm ta’ azzjoni skont id-Direttiva dwar in-nitrati teħtieġ evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva ESEA, li fiha jiġu identifikati, deskritti u evalwati l-effetti ta’ din l-awtorizzazzjoni fuq l-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u fuq is-siti Natura 2000.

2.      Is‑seba’ domanda fil‑Kawża C‑531/24 – miżuri ta’ sorveljanza fir-rapport dwar l-effetti fuq l-ambjent

122. L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva ESEA jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-effetti ambjentali sinjifikattivi tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet u tal-programmi sabiex, fost l-oħrajn, jidentifikaw fi stadju bikri l-effetti negattivi imprevisti u jkunu jistgħu jieħdu miżuri xierqa sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni. Permezz tas-seba’ domanda fil-Kawża C‑531/24, il-High Court (il-Qorti Għolja) tixtieq tkun taf jekk ir-rapport dwar l-effetti ambjentali għandux jinkludi deskrizzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza previsti li hija suffiċjentement iddettaljata sabiex tintwera l-osservanza tal-Artikolu 10 (ara l-punt (a)), b’mod partikolari d-dettalji ta’ kif ser isseħħ din is-sorveljanza, il-mument li fih ser isseħħ u/jew il-mod kif ser tiġi applikata s-sorveljanza (ara l-punt (b)) kif ukoll il-mod kif ser jiġu indirizzati effetti negattivi imprevisti fuq l-ambjent jekk ikunu ġew identifikati (ara l-punt (c)).

a)      Preżentazzjoni tal‑miżuri ta’ sorveljanza li jissodisfaw ir‑rekwiżiti tal‑Artikolu 10 tad‑Direttiva ESEA

123. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ESEA, l-Anness I jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport dwar l-effetti ambjentali. Din l-informazzjoni għandha tinkludi, skont l-Anness I(i), deskrizzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza previsti konformement mal-Artikolu 10.

124. Peress li l-Anness I(i) tad-Direttiva ESEA jeżiġi biss il-preżentazzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza previsti, jista’ jiġi preżunt li r-rapport dwar l-effetti ambjentali ma għandux jinkludi informazzjoni dwar dan il-punt jekk ebda miżura ma tkun (għadha) prevista.

125. Madankollu, l-Irlanda ġustament tenfasizza li l-informazzjoni msemmija fl-Anness I tad-Direttiva ESEA għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 5(2) u (3). Skont l-Artikolu 5(2), ir-rapport ambjentali għandu jkun fih informazzjoni li tista’ tkun raġonevolment meħtieġa. Huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-għarfien u l-metodi ta’ evalwazzjoni attwali, il-kontenut u l-livell ta’ dettall tal-pjan jew tal-programm, l-istadju tiegħu fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll il-fatt li jista’ jkun aħjar li ċerti aspetti jiġu evalwati aħjar fi stadji oħra ta’ dan il-proċess, sabiex tiġi evitata repetizzjoni tal-evalwazzjoni.

126. Konsegwentement, huwa korrett li l-Irlanda ssostni li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-miżuri ta’ sorveljanza li huma jipprovdu fir-rapport dwar l-effetti ambjentali.

127. Madankollu, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ESEA jindika wkoll il-limiti ta’ dan il-marġni ta’ evalwazzjoni, li l-istħarriġ tiegħu għandu jitwettaq mill-qrati nazzjonali (57). Fil-fatt, ir-rapport ma għandux jinkludi iktar informazzjoni minn dak li jista’ raġonevolment jintalab, iżda lanqas ma għandu jkun fih inqas informazzjoni.

128. Madankollu, jista’ (u għandu) ikun raġonevolment meħtieġ li r-rapport dwar l-effetti ambjentali jiġi ppreżentat biss wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu pprevedew il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-Artikolu 10 tad-Direttiva ESEA. Fil-fatt, l-Artikolu 9(1)(c) jipprovdi li, meta jiġi adottat il-pjan jew il-programm, il-miżuri ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 10 għandhom jiġu adottati. Għalhekk, il-punt (i) tal-Anness I huwa bbażat fuq l-assunzjoni li tali miżuri huma previsti u jipprevedi l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, minkejja li ma hijiex, stricto sensu, identifikazzjoni, deskrizzjoni jew evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

129. Fir-rigward ta’ dan il-programm ta’ azzjoni u tal-awtorizzazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ ammont ogħla ta’ nitroġenu, għandu jingħad ukoll li l-Irlanda ma adottatux għall-ewwel darba, iżda għall-ħames darba. Fil-fatt, kellu jkun hemm diġà miżuri ta’ sorveljanza xierqa. Ma huwiex ċar għalfejn il-kontinwazzjoni ta’ dawn il-miżuri ma setgħetx tiġi spjegata fir-rapport ambjentali.

130. Barra minn hekk, għandu jkun hemm ukoll miżuri ta’ sorveljanza skont l-Artikolu 8 l-Anness V tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma li, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva ESEA, jistgħu jintużaw għas-sorveljanza tal-effetti tal-miżuri inkwistjoni. Kieku dan kien il-każ, l-Irlanda kellha tirreferi għal dawn il-miżuri.

131. Għalhekk, skont l-Artikolu 5 u l-Anness I(i) kif ukoll l-Artikolu 10 tad-Direttiva ESEA, ir-rapport fuq l-effetti ambjentali għandu jiddeskrivi l-miżuri ta’ sorveljanza tal-effetti sinjifikattivi tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ azzjoni u, b’mod partikolari, tal-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu.

b)      Preċiżjoni tal‑informazzjoni dwar il‑miżuri ta’ sorveljanza

132. Il-High Court (il-Qorti Għolja) tixtieq tkun taf ukoll sa liema punt din id-deskrizzjoni għandha tinkludi l-metodu ta’ sorveljanza.

133. Id-deskrizzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza previsti fir-rapport dwar l-effetti ambjentali għandha tippermetti li dawn il-miżuri jiġu diskussi fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku prevista fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva ESEA. Għalhekk, l-informazzjoni fir-rapport ambjentali għandha tkun iddettaljata biżżejjed sabiex tippermetti lill-pubbliku jevalwa jekk il-miżuri previsti humiex biżżejjed sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10.

134. L-Artikolu 10 tad-Direttiva ESEA jeżiġi, prima facie, li jiġu ssorveljati l-effetti sinjifikattivi kollha tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet u tal-programmi fuq l-ambjent, jiġifieri l-effetti kollha diġà identifikati, deskritti u evalwati fil-kuntest tal-evalwazzjoni ambjentali.

135. Fil-kawża prinċipali, jidher evidenti li, b’mod partikolari, l-effetti tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu mill-azjendi fuq l-ammonti ta’ nitrati fl-ilma tal-wiċċ u fis-siti Natura 2000 għandhom ikunu suġġetti għal sorveljanza.

136. Barra minn hekk, in-neċessità li jiġu ssorveljati s-siti Natura 2000 ma tiddependix mill-kwistjoni dwar jekk, waqt l-awtorizzazzjoni ġenerali tal-applikazzjoni fuq l-art fil-programm ta’ azzjoni, evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ma tkunx neċessarja, peress li huwa ggarantit li l-applikazzjoni fuq l-art tiġi evalwata fil-livell ta’ kull azjenda agrikola (58). Il-fatt li jkun iktar xieraq li ssir din l-evalwazzjoni fil-livell tal-azjenda agrikola ma jiġġustifikax in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva ESEA. Is-sorveljanza meħtieġa skont din id-dispożizzjoni hija pjuttost verifika importanti dwar jekk l-evalwazzjonijiet imwettqa fil-livell tal-azjendi wasslux għal riżultati korretti.

137. Minn dan isegwi li l-miżuri ta’ sorveljanza għandhom jiġu ppreżentati b’mod suffiċjentement preċiż fir-rapport dwar l-effetti ambjentali sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-osservanza tal-Artikolu 10 tad-Direttiva ESEA, li jinkludi l-effett fuq l-ammonti ta’ nitrati fl-ilma tal-wiċċ u s-siti Natura 2000 waqt l-awtorizzazzjoni ta’ applikazzjoni fuq l-art ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu mill-azjendi agrikoli.

c)      Rimedju għall-effetti ambjentali negattivi imprevisti

138. Fl-aħħar nett, il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi jekk ir-rapport dwar l-effetti ambjentali għandux jispeċifika wkoll kif ser jiġu rrimedjati evenwali effetti negattivi fuq l-ambjent imprevisti li jkun ġew identifikati.

139. Il-Kummissjoni ssostni b’mod korrett li d-Direttiva ESEA ma tinkludi ebda rekwiżit f’dan ir-rigward. L-Artikolu 10 għandu biss l-għan li jippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.

140. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri għandhomx jieħdu miżuri korrettivi tista’ tirriżulta minn leġiżlazzjonijiet oħra. Kif diġà spjegajt, skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma, huma għandhom jaġġustaw il-programm ta’ miżuri meta d-data ta’ sorveljanza turi li l-għanijiet tal-Artikolu 4 probabbilment ma humiex ser jintlaħqu (59). Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats jobbliga lill-Istati Membri jevitaw id-deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi fis-siti Natura 2000.

141. Madankollu, il-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ effetti negattivi imprevisti fuq l-ambjent jistgħu jiġu ddeterminati biss fid-dawl ta’ dawn l-effetti. Diversi miżuri jistgħu jkunu konċepibbli u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

142. Dan huwa possibbli wkoll meta ammonti ta’ nitrati ogħla minn dawk previsti jokkorru fl-ilma tal-wiċċ jew fis-siti Natura 2000. Fil-fatt, tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ nitrati jista’ jintlaħaq ukoll jekk l-Istat Membru jnaqqas l-iskariki ta’ nitrati minn sorsi oħra minbarra l-agrikoltura.

143. Għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ambjentali, ma huwiex neċessarju li tiġi ddeterminata r-reazzjoni għall-effetti negattivi mhux previsti fuq l-ambjent.

3.      It‑tmien domanda fil‑Kawża C‑531/24 u l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑895/24 ‑ Assi materjali

144. It-tmien domanda fil-Kawża C‑531/24 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑895/24 jikkonċernaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ “assi materjali” fil-kuntest tal-evalwazzjoni ambjentali. Din id-domanda hija spjegata mill-fatt li, fl-evalwazzjoni ambjentali, l-importanza ekonomika tal-agrikoltura ttieħdet inkunsiderazzjoni sabiex tingħata preferenza lill-awtorizzazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu meta mqabbla ma’ għażliet iktar favur l-ambjent. An Taisce għandha d-dubji dwar jekk dan huwiex kompatibbli mad-Direttiva ESEA.

145. Il-punt tat-tluq tal-argument ta’ An Taisce huwa korrett. Madankollu, l-Artikolu 5 u l-punt (f) tal-Anness I tad-Direttiva ESEA jipprevedu li r-rapport fuq l-effetti ambjentali għandu jidentifika, jiddeskrivi u jevalwa l-effetti fuq l-assi materjali. Madankollu, skont l-introduzzjoni tal-punt (f) tal-Anness I, dawn huma effetti fuq l-ambjent li jaffettwaw l-assi materjali. Barra minn hekk, fil-kuntest tad-Direttiva ESEA, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huma biss l-effetti fuq l-assi li, min-natura tagħhom, jista’ jkollhom effetti fuq l-ambjent li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-effetti fuq il-valur ta’ dawn l-assi ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva ESEA (60).

146. Fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu, jista’ jiġi kkunsidrat pereżempju, li s-sajd huwa affettwat jekk, minħabba din il-prattika, l-ilmijiet ikunu ewtrofikati. Huwa wkoll konċepibbli li eventwali żidiet fir-rendiment minħabba l-applikazzjoni ta’ fertilizzant jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala effetti fuq l-ambjent.

147. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-azjendi agrikoli għandhom japplikaw demel tal-bhejjem li fih in-nitroġenu peress li joriġina mit-trobbija tal-bhejjem (61), b’tali mod li limitazzjonijiet iktar stretti tal-applikazzjoni fuq l-art jeżiġu tnaqqis tal-bhejjem, ma huwiex effett ambjentali tal-awtorizzazzjoni, iżda konsegwenza ekonomika ta’ eventwali limitazzjoni.

148. Dan madankollu jfisser biss li din il-kunsiderazzjoni ma għandhiex bilfors tiġi identifikata, deskritta u evalwata fir-rapport dwar l-effetti ambjentali, skont l-Artikolu 5 u l-punt (f) tal-Anness I tad-Direttiva ESEA.

149. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprojbixxux li jittieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet dwar l-importanza ekonomika tal-agrikoltura fil-kuntest tal-evalwazzjoni ambjentali. Għall-kuntrarju, huwa saħansitra neċessarju li jsiru dikjarazzjonijiet f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-għażla ta’ alternattivi meta tali kunsiderazzjonijiet ikunu fost ir-raġunijiet li għalihom ċerti miżuri ġew ippreferuti minn oħrajn.

150. Fil-fatt, skont l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva ESEA, wara l-adozzjoni ta’ pjan jew ta’ programm, il-pubbliku u l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-awtoritajiet ikkonċernati ta’ dikjarazzjoni li tiġbor fil-qosor, b’mod partikolari, ir-raġunijiet li għalihom il-pjan jew il-programm adottat ikun intgħażel, wara bbilanċjar mal-alternattivi raġonevoli previsti.

151. Għalhekk, il-kunċett ta’ “assi materjali” li jinsab fil-punt (f) tal-Anness I tad-Direttiva ESEA jkopri biss il-valuri materjali li huma influwenzati mill-effetti ta’ pjan jew ta’ programm fuq l-ambjent. Madankollu, l-effetti soċjali tal-attivitajiet agrikoli, l-effetti tal-pjan jew tal-proġett fuq l-attività agrikola, kif ukoll il-prestazzjoni ta’ produzzjoni u d-dħul tal-bdiewa, is-sostenibbiltà tas-settur agrikolu tal-Istat Membru kkonċernat, il-katina ta’ provvista tal-ikel u l-użu ta’ parti sinjifikattiva tal-popolazzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ambjentali sabiex tiġi ġġustifikata, konformement mal-Artikolu 9(1)(b) tal-imsemmija direttiva, l-għażla bejn soluzzjonijiet differenti.

4.      It‑tieni domanda fil‑Kawża C‑531/24 – Evalwazzjoni tal-alternattivi fir-rapport dwar l-effetti ambjentali

152. It-tieni domanda fil-Kawża C‑895/24 hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 5(1) u/jew l-Artikolu 9(1)(b), kif ukoll il-punt (h) tal-Anness I tad-Direttiva ESEA għandhomx l-effett li l-alternattivi għandhom jiġu identifikati, deskritti u evalwati b’mod paragunabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

153. Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser nirreferi b’mod sostanzjali għall-kunsiderazzjonijiet li għamilt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Friends of the Irish Environment (Project Ireland 2040) (62), li l-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx fis-sentenza tagħha f’dik il-kawża (63).

154. Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ESEA, ir-rapport fuq l-effetti ambjentali għandu jidentifika, jiddeskrivi u jevalwa l-effetti sinjifikattivi previsti fuq l-ambjent tal-implimentazzjoni tal-pjan jew tal-programm, kif ukoll alternattivi raġonevoli li jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-pjan jew tal-programm.

155. Konsegwentement, l-alternattivi raġonevoli għandhom ikunu s-suġġett tar-rapport dwar l-effetti ambjentali. Madankollu, din id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem fis-sens li l-effetti sinjifikattivi previsti fuq l-ambjent għandhom jiġu identifikati, deskritti u evalwati biss fir-rigward tal-għażla ppreferuta. Dan huwa sostnut ukoll mill-fatt li d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva ESEA għandhom bħala suġġett l-evalwazzjoni ambjentali tal-pjan jew tal-programm ikkonċernat u mhux l-evalwazzjoni tal-alternattivi raġonevoli.

156. Madankollu, tal-inqas il-verżjoni Olandiża tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ESEA teżiġi li l-effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent tal-alternattivi jiġu identifikati, deskritti u evalwati wkoll. F’kull każ, l-evalwazzjoni tal-alternattivi ipprovduta f’kull verżjoni lingwistika tista’ tinkludi wkoll l-effetti ambjentali tagħhom, li min-naħa tagħhom jeħtieġu l-identifikazzjoni u d-deskrizzjoni tagħhom.

157. Tali teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-alternattivi fuq l-ambjent huwa konformi mal-għan tad-Direttiva ESEA. Skont il-premessa 4 u l-Artikolu 1, hija għandha tikkontribwixxi, permezz tal-evalwazzjoni ambjentali, sabiex il-kunsiderazzjonijiet ambjentali jiġu integrati fit-tfassil u fl-adozzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi. Evalwazzjoni tal-alternattivi, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tagħhom fuq l-ambjent, imur kontra dan l-għan.

158. Fl-għażla bejn alternattivi differenti, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali huwa ta’ importanza partikolari. Fil-fatt, id-Direttiva ESEA ġiet adottata minħabba li, fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett skont id-Direttiva ESEA, spiss ġie skopert li diġà kien hemm rekwiżiti li jeskludu ċerti għażliet, minkejja li dawn kellhom inqas effetti negattivi fuq l-ambjent (64). Għalhekk, l-evalwazzjoni ambjentali hija intiża sabiex tiggarantixxi li tali rekwiżiti jiġu adottati biss jekk wieħed ikun jaf b’alternattivi iktar favur l-ambjent.

159. Għalhekk, ir-rapport dwar l-effetti ambjentali jrid jidentifika, jiddeskrivi u jevalwa wkoll l-effetti ambjentali ta’ alternattivi raġonevoli. Għal dan l-għan, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ESEA jiċċita l-għanijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-pjan jew tal-programm bħala punti ta’ riferiment. Alternattivi li ma jistgħux jilħqu l-għanjiet jew li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ġeneralment ma humiex raġonevoli u ma jeħtieġu ebda evalwazzjoni oħra.

160. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti lanqas ma għandhom jirrestrinġu eċċessivament il-qafas analitiku billi jeskludu alternattivi oħra potenzjalment raġonevoli permezz tad-definizzjoni tal-għanijiet jew tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku.

161. Din l-idea hija stabbilita wkoll fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ESEA. Dan ifisser li jittieħed kont tal-post tal-pjan jew tal-programm fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll sa liema punt ċerti aspetti jistgħu jiġu evalwati aħjar sabiex tiġi evitata repetizzjoni tal-evalwazzjoni fil-livelli differenti ta’ dan il-proċess. Pereżempju, fil-każ ta’ pjan ta’ kostruzzjoni ta’ awtostrada, jista’ jiġi mistoqsi jekk rotta ferrovjarja għandhiex tiġi evalwata bħala alternattiva raġonevoli. Madankollu, din l-evalwazzjoni ma tkunx neċessarja meta d-deċiżjoni fundamentali dwar il-proġett ta’ kostruzzjoni tat-toroq tirriżulta minn pjan superjuri li fih iż-żewġ alternattivi jkunu diġà ġew ipparagunati.

162. Fir-rigward tal-informazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati alternattivi raġonevoli, il-punt (h) tal-Anness I tad-Direttiva ESEA jippreċiża li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport dwar l-effetti ambjentali għandha tinkludi biss sommarju tar-raġunijiet li għalihom intgħażlu l-alternattivi previsti. Is-sommarju għandu juri għaliex l-alternattivi evalwati jitqiesu bħala raġonevoli, filwaqt li oħrajn ma jitqisux raġonevoli, jiġifieri kif ġew identifikati alternattivi raġonevoli.

163. Madankollu, dan il-kunċett ta’ sommarju ma jirreferix għad-deskrizzjoni u għall-evalwazzjoni tal-alternattivi raġonevoli. Għaldaqstant, dan ma jistax jintuża sabiex tiġi limitata l-portata ta’ dawn l-indikazzjonijiet. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ESEA jipprevedi l-informazzjoni li tista’ tintalab b’mod raġonevoli meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għarfien u l-metodi ta’ stima, il-kontenut u l-livelli tad-dettall fil-pjan jew fil-programm, kif ukoll l-elementi l-oħra msemmija fil-punt 161 iktar ’il fuq.

164. Madankollu, wieħed mill-kriterji prinċipali tal-kontenut tar-rapport fuq l-effetti ambjentali huwa nieqes: il-preżentazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha turi b’mod partikolari li l-pjan jew il-programm adottat huwa kompatibbli mar-rekwiżiti sostanzjali applikabbli tad-dritt ambjentali (65). Fil-fatt, l-effetti ambjentali li jiksru d-dispożizzjonijiet tal-liġi ambjentali jkunu sinjifikattivi f’kull każ (66).

165. Għall-kuntrarju tat-tħassib invokat mill-Irlanda, dan ma jfissirx li għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-alternattivi kollha mar-rekwiżiti ambjentali possibbli kollha. Il-punt tat-tluq huwa pjuttost l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-alternattiva adottata fl-aħħar mill-aħħar ma’ dawn ir-rekwiżiti.

166. F’dan il-każ, jista’ jiġi mistoqsi, b’mod partikolari, jekk l-awtorizzazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu hijiex kompatibbli mad-Direttiva dwar in-nitrati, mad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u mad-Direttiva dwar il-habitats. Madankollu, kieku l-awtorizzazzjoni kellha tkun ibbażata fuq deroga skont l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u/jew l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, ikollhom jiġu applikati l-kriterji previsti fiha għall-għażla bejn alternattivi differenti. Fir-rigward tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ħsara għall-integrità tas-siti Natura 2000 tista’ tiġi aċċettata biss jekk, fost l-oħrajn, ma jkunux jeżistu soluzzjonijiet alternattivi inqas żvantaġġjużi għall-integrità tas-sit ikkonċernat (67).

167. Id-Direttiva ESEA, min-naħa tagħha, ma tipprevedix kriterji sostanzjali f’dak li jirrigwarda l-għażla ta’ soluzzjoni (68). Għalhekk, din ma tobbligax lill-awtoritajiet kompetenti jagħżlu l-għażla li tagħmel l-inqas ħsara lill-ambjent. Kif diġà indikajt (69), l-għan tal-evalwazzjoni ambjentali huwa biss li d-deċiżjoni ta’ selezzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-eventwali effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

168. Minbarra l-indikazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ESEA, żewġ aspetti oħra huma determinanti għall-identifikazzjoni tal-informazzjoni li tista’ tkun raġonevolment meħtieġa, sakemm l-għażla fost soluzzjonijiet differenti ma tiddependix minn rekwiżiti sostanzjali imposti minn atti oħra. L-ewwel nett, fid-dawl tal-argumenti rilevanti, dawn l-indikazzjonijiet għandhom jippermettu paragun bejn l-għażla ppreferuta u l-alternattivi. It-tieni nett, din l-informazzjoni għandha tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tħassib ambjentali rilevanti għall-finijiet ta’ dan il-paragun.

169. Konsegwentement, għalkemm l-għażla bejn l-alternattivi hija bbażata, pereżempju, prinċipalment fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ekonomiċi tal-alternattivi raġonevoli kollha għandhom jiġu identifikati u deskritti tal-inqas sa fejn huwa ċar kif l-għażliet differenti huma konnessi bejniethom. Madankollu, għandu jiġi ċċarat ukoll jekk il-benefiċċji ekonomiċi jwasslux għal effetti ambjentali negattivi li jippermettu li jiġu evitati għażliet alternattivi oħra. Fil-każ kuntrarju, dan it-tħassib ambjentali ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti fl-għażla bejn l-alternattivi evalwati.

170. Dawn ir-rekwiżiti ma jeskludux li l-evalwazzjoni ambjentali tal-għażla ppreferuta tkun iktar iddettaljata mill-evalwazzjoni ambjentali tal-alternattivi l-oħra evalwati, inkluż fir-rigward tal-effetti ekonomiċi. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta jegħlbu b’mod relattivament ċar l-alternattivi evalwati, inkluż billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ambjentali. F’dan il-każ, informazzjoni ddettaljata dwar l-alternattivi evalwati ma jkollhiex funzjoni individwali, filwaqt li l-informazzjoni dwar l-effett ambjentali tal-għażla ppreferuta hija importanti għall-implimentazzjoni sussegwenti tal-pjan jew tal-programm.

171. Madankollu, jekk il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għażliet differenti jkunu ta’ importanza simili, ikun iktar diffiċli li tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni tal-għażla. F’dan il-każ, jista’ jkun meħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni iktar iddettaljata dwar l-alternattivi raġonevoli fir-rapport dwar l-effetti ambjentali, anki jekk dan ikun jinvolvi sforzi kunsiderevoli. Dan japplika, b’mod partikolari, meta l-evalwazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi tkun ukoll ta’ natura materjali, għaliex isservi, pereżempju, għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni derogatorja bħall-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats jew l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma.

172. Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑895/24 għandha tkun li, skont l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva ESEA, ir-rapport dwar l-effetti ambjentali għandu jinkludi l-informazzjoni dwar l-alternattivi raġonevoli previsti fir-rigward tal-pjan jew tal-programm adottat li huma neċessarji sabiex:

–      tiġi kkonstatata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ regolamenti oħra dwar l-evalwazzjoni ta’ alternattivi, u

–      sabiex jiġi mifhum kif ittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti fuq l-ambjent fl-għażla tal-pjan jew tal-programm magħżul meta mqabbel mal-alternattivi evalwati.

D.      Id‑disa’ domanda fil‑Kawża C‑531/24 – effetti fuq l‑awtorizzazzjoni mill‑Kummissjoni tal‑applikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitrati

173. Permezz tad-disa’ domanda tagħha fil-Kawża C‑531/24, il-High Court (il-Qorti Għolja) tixtieq tkun taf jekk kwalunkwe ksur tad-Direttiva dwar il-habitats, tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u/jew tad-Direttiva ESEA identifikat fil-kuntest tal-kwistjonijiet l-oħra għandux l-effett li jinvalida d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/696.

174. Madankollu, waqt is-seduta, il-partijiet sostnew unanimament li din il-kwistjoni kienet prematura f’dan l-istadju. Għalkemm il-ksur tad-dritt tal-Unjoni msemmi fid-domanda huwa possibbli bħalissa, dan għadu ma ġiex stabbilit. Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju għad trid tivverifika, fid-dawl tar-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari l-oħra u abbażi ta’ argumenti oħra mressqa mill-partijiet, jekk l-Irlanda effettivament kisritx id-direttivi ċċitati iktar ’il fuq.

175. Huwa minnu li l-Irlanda rrikonoxxiet, waqt is-seduta, li bi ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, għadha ma saret ebda evalwazzjoni tal-effetti tal-applikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu minn ċerti azjendi agrikoli. Madankollu, fl-istess ħin, dan l-Istat Membru kkontesta bil-qawwa l-fatt li l-awtorizzazzjoni ta’ dawn l-ammonti ogħla għandha tiġi evalwata fil-programm ta’ azzjoni.

176. Konsegwentement, il-konstatazzjonijiet neċessarji sabiex tingħata risposta għad-disa’ domanda fil-Kawża C‑531/24 għadhom ma humiex disponibbli.

177. Din id-domanda hija għalhekk ipotetika f’dan l-istadju u konsegwentement inammissibbli.

178. Huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li An Taisce setgħet qajmet dubji eventwali dwar il-legalità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696 permezz ta’ talba għal reviżjoni interna skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus (70).

E.      Żamma fis-seħħ tal‑effetti

179. Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-Irlanda adottat il-pjan ta’ azzjoni, kompletament jew parzjalment, bi ksur tad-dispożizzjonijiet evalwati f’dan il-każ, ċerti partijiet ikkonċernati jipproponu li jżommu l-effetti tiegħu.

180. Fil-prinċipju, in-nuqqasijiet tal-evalwazzjoni ambjentali differenti jistgħu jwasslu għas-sospensjoni jew għat-tħassir tad-deċiżjoni meħuda abbażi tagħha. Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma obbligati jeliminaw il-konsegwenzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (71). Dan huwa dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat espressament fir-rigward tal-assenza totali ta’ evalwazzjoni strateġika ambjentali meħtieġa (72) u dak li ppreżumiet, tal-inqas impliċitament, fir-rigward tan-nuqqasijiet ta’ evalwazzjoni strateġika ambjentali (73).

181. Jidher li huwa impossibbli wkoll li tiġi evitata din il-konsegwenza legali minħabba li huwa stabbilit li l-imsemmija żbalji ma setgħux ibiddlu r-riżultat tal-proċess deċiżjonali (74). Fil-fatt, skont l-informazzjoni disponibbli, huwa improbabbli li l-awtorizzazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu tiġi awtorizzata mingħajr ma jiġi applikat l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats u, tal-inqas, waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma. Madankollu, l-interessi predominanti neċessarji għal dan l-għan ma jistgħux jiġu preżunti għal kull azjenda agrikola tal-Irlanda li tista’ tinvoka l-approvazzjoni.

182. Madankollu, peress li s-sospensjoni jew it-tħassir ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jista’ jkollha effetti negattivi, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat derogi għar-regola li l-miżuri nazzjonali adottati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu annullati, kif tfakkar ukoll il-Kummissjoni. Wara li l-ewwel stabbilixxiet erba’ kundizzjonijiet għal dan l-għan (75), il-Qorti tal-Ġustizzja naqqsithom, ġustament, għall-elementi essenzjali tagħhom fis-sentenza A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele): Iż-żamma fis-seħħ għandha, l-ewwel nett, tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat interess prevalenti, jiġifieri t-tkomplija tal-implimentazzjoni ta’ att tal-Unjoni relatat mal-protezzjoni tal-ambjent (76) jew il-prevenzjoni ta’ ħsara sinjikattiva għall-provvista tal-enerġija tal-Istat Membru (77). Konsegwentement, it-tieni nett, id-deroga ma għandhiex iddum iktar milli huwa neċessarju sabiex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet ta’ evalwazzjoni ambjentali billi titwettaq evalwazzjoni a posteriori (78).

183. Skont dawn il-kriterji, hemm raġunijiet tajba sabiex jinżammu l-effetti tal-pjan ta’ azzjoni. It-tħassir tagħha joħloq lakuna legali inkompatibbli mal-obbligu tal-Irlanda li tadotta l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati (79). Ir-restrizzjonijiet kollha fuq l-applikazzjoni ta’ nitrati mill-azjendi agrikoli li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni l-ewwel jitneħħew mingħajr ma jiġu ssostitwiti. Dan jista’ jippreġudika wkoll l-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u tad-Direttiva dwar il-habitats.

184. Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jikkonċernawx il-pjan ta’ azzjoni kollu kemm hu, iżda biss l-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu. Din l-awtorizzazzjoni hija separabbli mill-bqija tal-pjan ta’ azzjoni, kif jixhed ukoll il-fatt li din ġiet adottata biss ftit xhur wara r-regolamenti l-oħra. Jekk tiġi rrevokata, ir-restrizzjonijiet l-oħra fuq l-applikazzjoni tan-nitrat jibqgħu japplikaw u l-limitu massimu ta’ 170 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena (80) jerġa’ jiġi stabbilit.

185. Sa fejn jista’ jiġi deċiż, dan ir-riżultat jipprekludi biss żvantaġġi ekonomiċi għall-azjendi agrikoli li jużaw id-deroga sabiex japplikaw ammonti ogħla ta’ nitroġenu. Dawn l-azjendi agrikoli għandhom inaqqsu l-bhejjem tagħhom jew isibu xerrejja oħra għad-demel tal-bhejjem li huma ma jkunux jistgħu japplikaw fuq l-art li tkun intużat preċedentement. Għalkemm jidher dubjuż li dan l-interess huwa importanti daqs l-interess diġà rrikonoxxut għall-provvista tal-enerġija ta’ Stat Membru (81), fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk huwiex suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma fis-seħħ temporanja tal-awtorizzazzjoni.

V.      Konklużjoni

186. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għaż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

1)      Fil-kuntest ta’ programm ta’ azzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676/KEE dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, Stat Membru jista’ jawtorizza l-applikazzjoni ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu fl-agrikoltura biss wara li jkun evalwa u kkonstata, b’mod partikolari abbażi tal-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma Direttiva Qafas dwar l-ilma, li dan ma jippreġudikax l-għanijiet tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Ma huwiex neċessarju li Stat Membru jwettaq tali evalwazzjoni, jekk jiġi ggarantit li l-użu ta’ din il-possibbiltà mid-diversi azjendi agrikoli jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni. Jekk jiġi kkonstatat li żieda fl-applikazzjoni hija inkompatibbli mal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni jew mal-obbligu ta’ titjib previst fl-Artikolu 4(1), l-għanijiet tal-Artikolu 4 jiġu ggarantiti biss jekk waħda mill-eċċezzjonijiet li huma wkoll previsti fih tkun applikabbli.

2)      Programm ta’ azzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676, li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-azjendi agrikoli kollha ta’ Stat Membru japplikaw ammonti ogħla ta’ nitrati, għandu, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-programm ta’ miżuri skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60 u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jiġi evalwat sabiex jiġi vverifikat jekk huwiex eskluż kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar il-fatt li depożiti ta’ nitroġenu ma jaffettwawx b’mod negattiv l-integrità tas-siti Natura 2000 minħabba din l-applikazzjoni. Madankollu, ma jkunx neċessarju li ssir din l-evalwazzjoni jekk jiġi żgurat li l-użu ta’ din il-possibbiltà minn kull azjenda jiġi evalwat skont l-Artikolu 6(3).

3)      L-awtorizzazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ ammont ogħla ta’ nitroġenu mill-azjendi agrikoli fil-kuntest ta’ programm ta’ azzjoni skont id-Direttiva 91/676 teħtieġ evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva 2001/42/KE, li fiha jiġu identifikati, deskritti u evalwati l-effetti ta’ din l-awtorizzazzjoni fuq l-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma u fuq is-siti Natura 2000.

4)      Skont l-Artikolu 5 u l-Anness I(i) kif ukoll l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/42, ir-rapport fuq l-effetti ambjentali għandu jiddeskrivi l-miżuri ta’ sorveljanza tal-effetti sinjifikattivi tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ azzjoni u, b’mod partikolari, tal-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu. Minn dan isegwi li l-miżuri ta’ sorveljanza għandhom jiġu ppreżentati b’mod suffiċjentement preċiż fir-rapport dwar l-effetti ambjentali sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-osservanza tal-Artikolu 10 tad-Direttiva ESEA, li jinkludi l-effett fuq l-ammonti ta’ nitrati fl-ilma tal-wiċċ u s-siti Natura 2000 waqt l-awtorizzazzjoni ta’ applikazzjoni fuq l-art ta’ ammonti ogħla ta’ nitroġenu mill-azjendi agrikoli.

5)      Il-kunċett ta’ “assi materjali” li jinsab fil-punt (f) tal-Anness I tad-Direttiva 2001/42 ikopri biss il-valuri materjali li huma influwenzati mill-effetti ta’ pjan jew ta’ programm fuq l-ambjent. Madankollu, l-effetti soċjali tal-attivitajiet agrikoli, l-effetti tal-pjan jew tal-proġett fuq l-attività agrikola, kif ukoll il-prestazzjoni ta’ produzzjoni u d-dħul tal-bdiewa, is-sostenibbiltà tas-settur agrikolu tal-Istat Membru kkonċernat, il-katina ta’ provvista tal-ikel u l-użu ta’ parti sinjifikattiva tal-popolazzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ambjentali sabiex tiġi ġġustifikata, konformement mal-Artikolu 9(1)(b) tal-imsemmija direttiva, l-għażla bejn soluzzjonijiet differenti.

6)      Skont l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42, ir-rapport dwar l-effetti ambjentali għandu jinkludi l-informazzjoni dwar l-alternattivi raġonevoli previsti fir-rigward tal-pjan jew tal-programm adottat li huma neċessarji sabiex:

–      tiġi kkonstatata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ regolamenti oħra dwar l-evalwazzjoni ta’ alternattivi, u

–      sabiex jiġi mifhum kif ittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti fuq l-ambjent fl-għażla tal-pjan jew tal-programm magħżul meta mqabbel mal-alternattivi evalwati.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat‑12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 311, p. 1).


3      Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tal-ambjent, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013, L 158, p. 193).


4      Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/101/UE tat-30 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 311, p. 32).


5      Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).


6      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/696 tad‑29 ta’ April 2022 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (ĠU 2022, L 129, p. 37).


7      Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), emendata l-aħħar bid-Direttiva 2014/52/UE (ĠU 2014, L 124, p. 1).


8      Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).


9      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (ĠU 2007, L 284, p. 27), Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Frar 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/697/KE li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (ĠU 2011, L 51, p. 19), Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/112/UE tas‑27 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (ĠU 2014, L 61, p. 7), Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/209 tat‑8 ta’ Frar 2018 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (ĠU 2018, L 39, p. 5) u d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata.


      Il-kronoloġija ta’ dawn id-deċiżjonijiet timmilita favur talba għal deroga mressqa mill-Irlanda wara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑396/01, EU:C:2004:136), li kkonstatat implimentazzjoni insuffiċjenti tad-Direttiva dwar in-nitrati.


10      Water Quality Monitoring Report on Nitrogen and Phosphorus Concentrations in Irish Waters 2020 (Rapport ta’ sorveljanza tal-kwalità tal-ilma tal‑2020 f’dak li jirrigwarda l-konċentrazzjonijiet ta’ nitroġenu u ta’ fosfru fl-ilmijiet Irlandiżi għas-sena 2020) u Water Quality 2020 Indicators Report (Rapport dwar l-indikaturi tal-kwalità tal-ilma tal‑2020).


11      Sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑322/00, EU:C:2003:532, punt 41), u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 25).


12      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 26).


13      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 28).


14      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2025, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Direttiva Qafas dwar l-ilma) (C‑204/24, EU:C:2025:912).


15      Ara l-punti 46 u 47 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


16      Ara l-punti 67 u 96 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


17      Sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 36), tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 67), u tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 36).


18      Sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 39), tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 68).


19      Water Quality in Ireland 2019 ‑ 2024 (2025), p. 22 u 33.


20      Direttiva tal-Kunsill tas‑16 ta’ Ġunju 1975 dwar il-kwalità meħtieġa għall-ilma tal-wiċċ illi huwa maħsub għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb fl-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 17).


21      Issa l-Artikolu 4(1) u l-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU 2020, L 455, p. 1).


22      Ara wkoll il-punt 94 iktar ’il quddiem.


23      Sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 50), u tal‑25 ta’ April 2024, Sweetman (C‑301/22, EU:C:2024:347, punt 54).


24      Reċentement, il-Parlament u l-Kunsill qablu li jħassru l-punt 11 tal-Anness VIII tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma (Dokument tal-Kunsill 13706/25 tat‑8 ta’ Ottubru 2025, p. 121).


25      Ara, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta’ proġetti tal-infrastruttura, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 50), u tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 74).


26      Ara iktar ’il fuq, il-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Ara iktar ’il fuq, il-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 132).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 134).


30      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 69 sa 72).


31      Sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro (327/82, EU:C:1984:11, punt 11), tal‑11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 40), u tat‑8 ta’ April 2025, L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (Stħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali) (C-292/23, EU:C:2025:255, punt 51).


32      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 58), tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 118), u tas-7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 100).


33      Bl-Ispanjol: “cualquier”, bid-Daniż: “alle”, bil-Grieg: “κάθε”, bl-Ingliż: “any”, bil-Franċiż: “tout”, bit-Taljan: “qualsiasi” u bl-Olandiż: “elk”. Huma biss il-verżjonijiet Ġermaniżi u Portugiżi li ma jużawx tali pronom.


34      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging und Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 58), tas‑17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 111), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie und Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 119).


35      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging und Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44), tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie und Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 134), u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment (C‑254/19, EU:C:2020:680, punt 51).


36      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging und Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 48), tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 134), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 112).


37      Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 55).


38      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 69 sa 72), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:622, punti 58 sa 64).


39      Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Coöperatie Mobilisation for the Environment et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:622, punti 62 sa 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Ftehim ta’ programm u xogħlijiet f’Altamura) (C‑179/06, EU:C:2007:578, punt 41). Ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 143).


41      Bl-Ispanjol: “adecuada”, bil-Grieg: “δεόντως”, bl-Ingliż: “appropriate”, bil-Franċiż: “appropriée”, bit-Taljan: “opportuna”, bl-Olandiż: “passende” u bil-Portugiż: “adequada”. Dan il-kunċett huwa nieqes fil-verżjoni Daniża u Ġermaniża tal-Artikolu 6(3).


42      Ara wkoll l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva ESEA, kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et (C‑295/10, EU:C:2011:608, punt 62), tal‑10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 58), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 152).


43      Ara l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva ESEA, l-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva ESEA u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Comune di Corridonia et (C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:249, punt 26). Ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 143).


44      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’s Gardens) (C‑9/22, EU:C:2023:176, punti 57 u 58), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:120, punt 32), kif ukoll fil-kawżi CFE u Terre wallonne (C‑43/18 u C‑321/18, EU:C:2019:56, punt 84).


45      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Coöperatie Mobilisation for the Environment et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:622, punti 41 sa 44).


46      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C-110/09, EU:C:2010:120, punt 92).


47      Ara iktar ’il fuq, il-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 59), tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 120), u tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy (C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 38).


49      Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 100), tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 139), tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 98), u tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy (C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 39).


50      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 54), tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 113), u tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy (C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 38).


51      Ara iktar ’il fuq, il-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355, punt 54).


53      Ara l-punti 86 sa 105 iktar ’il fuq.


54      Ara l-punti 103 u 104 iktar ’il fuq, dwar l-adegwatezza tal-verifika fil-livell tal-awtorizzazzjoni.


55      Ara l-punti 62 sa 70 iktar ’il fuq.


56      Ara l-punti 109 sa 112 iktar ’il fuq.


57      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 71), u tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punti 38 u 39).


58      Ara l-punti 100 sa 104 iktar ’il fuq.


59      Ara iktar ’il fuq, il-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punti 25 u 30).


61      Bħala eżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Brady (C‑113/12, EU:C:2013:627).


62      Ara l-Kawża C‑727/22, EU:C:2024:266, punti 43 sa 67.


63      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024 (C‑727/22, EU:C:2024:825).


64      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’s Gardens) (C‑9/22, EU:C:2023:176, punti 57 u 58), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:120, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


65      Ara f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva ESEA, is-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 200, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 81), u tal‑24 ta’ Frar 2022, Namur-Est Environnement (C‑463/20, EU:C:2022:121, punt 52).


66      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:32, punti 54 u 55) kif ukoll Namur-Est Environnement (C‑463/20, EU:C:2021:868, punt 45), kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sdruzhenie “Za Zemyata — dostap do pravosadie” et (C‑375/21, EU:C:2023:173, punt 50).


67      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, WWF Italia Onlus et (C‑411/19, EU:C:2020:580, punt 43).


68      Ara, fir-rigward tad-Direttiva ESEA, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 46).


69      Ara iktar ’il fuq, il-punt 157 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70      Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/1767 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2021 (ĠU 2021, L 356, p. 1).


      An Taisce ppreżentat tali talba kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/67 tat‑22 ta’ Diċembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (C/2025/9263) (IR/2026/359859).


71      Sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 43), u tat‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 83).


72      Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 43 u 44).


73      Sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punti 25 sa 27 u 30 et seq.).


74      Ara, fir-rigward tal-istima tal-effetti fuq l-ambjent tad-Direttiva ESEA, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punti 53 u 54).


75      Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 63), u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 43).


76      Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 90).


77      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 179), u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 92).


78      Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 94).


79      Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355, punt 56).


80      Artikolu 20 tal-European Union (Good Agricultural Practice for Protection of Waters) Regulations 2022 (ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea tal‑2022 (Prattika Agrikola Għaqlija għall-Protezzjoni tal-Ilmijiet)).


81      Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 179), u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et ( Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 92).