|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/2982 |
11.6.2025 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Indikazzjoni Ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2025/2982)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(L-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Azafrán de la Mancha”
Nru tal-UE: PDO-ES-0112-AM03 — 11.3.2025
1. Isem il-prodott
“Azafrán de la Mancha”
2. Tip ta’ Indikazzjoni Ġeografika
|
☒ |
Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP) |
|
☐ |
Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) |
|
☐ |
Indikazzjoni ġeografika (IĠ) |
3. Settur
|
☒ |
prodotti agrikoli |
|
☐ |
inbejjed |
|
☐ |
xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Spanja
5. Isem tal-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew tal-grupp ta’ produtturi stabbilit jew residenti f’pajjiż terz li jikkomunika l-emenda standard lill-Kummissjoni
Il-Ministeru Reġjonali għall-Agrikoltura, l-Ilma u l-Iżvilupp Rurali. Id-Direttorat Ġenerali għall-Ikel ta’ Kastilja-La Mancha
6. Kwalifika bħala emenda standard
Spjegazzjoni tar-raġuni għalfejn l-emenda/i taqa’/jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard kif prevista fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) Nru 2024/1143
Din hija “emenda standard”, kif previst fl-Artikolu 24(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024, peress li l-bidliet li saru ma jemendawx l-isem tal-indikazzjoni ġeografika protetta, ma jheddux li jeqirdu r-rabta, u lanqas ma jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
1. Emenda tal-formulazzjoni biex tiġi ċċarata n-natura tal-prodott u biex jinġabru fil-qosor aħjar il-karatteristiċi tiegħu
Din l-emenda taffettwa t-Taqsima 3.2 tad-Dokument Uniku u t-Taqsima B tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Tfasslet deskrizzjoni aktar speċifika tal-prodott minħabba li d-deskrizzjoni attwali tal-prodott wasslet għal żbalji kunċettwali. Id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott protett ittejbet u ġiet aġġornata biex jiġu evitati d-duplikazzjoni u r-ridondanza. Id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi u kimiċi tal-prodott protett ġiet imtejba u aġġornata. Fejn meħtieġ, ir-referenzi xjentifiċi ġew speċifikati għall-konsultazzjoni.
Din l-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
2. Simplifikazzjoni tad-deskrizzjoni taż-żona protetta
L-emenda taffettwa t-Taqsima C tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Id-deskrizzjoni taż-żona protetta ġiet issimplifikata, billi ġew sostitwiti l-kodiċijiet INE tal-muniċipalitajiet b’lista dettaljata ta’ dawk il-muniċipalitajiet. Iż-żona ġeografika ma nbidlitx.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
3. Simplifikazzjoni tal-formulazzjoni tal-prova li l-prodott oriġina fiż-żona
Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima D tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
4. Simplifikazzjoni tal-formulazzjoni fil-metodu ta’ produzzjoni
Emenda tat-Taqsima E tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (il-Metodu li bih jinkiseb il-prodott) bl-għan li jkun hemm test aktar flessibbli li jkun aktar faċli biex jiġi interpretat mill-partijiet interessati kollha.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
5. Titjib tal-formulazzjoni fil-kundizzjonijiet tat-tikkettar tal-prodott
Emenda tat-Taqsima G (Informazzjoni dwar it-tikkettar relatata mad-Denominazzjoni ta’ Oriġini) u t-Taqsima 3.6 tad-Dokument Uniku, li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-użu tat-trademarks u t-territorji muniċipali li jiffurmaw iż-żona tal-produzzjoni, tispeċifika l-kundizzjonijiet tat-tikkettar u temenda l-persuna responsabbli għat-tikketti taċ-ċertifikazzjoni, u tispeċifika l-parametri għall-ġestjoni tagħhom.
Din l-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
6. Emenda relatata mal-korp ta’ spezzjoni
Emenda tat-Taqsima H (Korp ta’ spezzjoni) biex tinġieb f’konformità mas-sitwazzjoni regolatorja.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
DOKUMENT UNIKU
“Azafrán de la Mancha”
Nru tal-UE: PDO-ES-0112-AM03 — 11.3.2025
DPO (X) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet (tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti (DOP) jew tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (IĠP))
“Azafrán de la Mancha”
2. Pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
|
— |
09 — KAFÈ, TE, MATÈ U ĦWAWAR 0910 — Ġinġer, żagħfran, żagħfran tal-Indja (kurkuma), sagħtar, weraq tar-rand, curry u ħwawar oħrajn |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
L-ispeċifikazzjonijiet tal-purità tal-Azafrán de La Mancha u l-metodi analitiċi applikati huma ppreżentati fit-tabella li ġejja:
|
Speċifikazzjoni u unitajiet |
Limitu |
Metodu ta’ analiżi |
|
Materja estranja (% p) |
≤ 0,5 |
UNE-ISO 3632-2:2011. Il-Kapitolu 8 jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwixxih fil-futur |
|
Materja barranija (% p) |
≤ 0,1 |
UNE-ISO 3632-2:2011. Il-Kapitolu 9 jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwixxih fil-futur |
Il-materja estranja tikkonsisti mill-partijiet tal-fjura Crocus sativus L. mhux maħsuba għall-użu bħala ħwawar. Pereżempju, petali, stili li nqalgħu, stami, ħbub tat-trab tad-dakra u partijiet mill-ovarju.
Il-materja barranija tikkonsisti fi kwalunkwe residwu ieħor li ma jkunx ġej mill-fjura Crocus sativus L. L-oriġini tal-materja barranija tista’ tkun veġetali (weraq, tiben, petali, eċċ.); annimal (insetti sħaħ jew il-frammenti tagħhom jew fdalijiet oħra tal-annimali); minerali (ħamrija, ġebel, eċċ.) jew oħrajn (karta, drapp, plastik, metall, eċċ.).
Karatteristiċi tal-qisien
Il-karatteristiċi tal-qisien tal-ħjut Azafrán de La Mancha huma ppreżentati fit-tabella li ġejja:
|
Speċifikazzjoni |
Limitu |
Tolleranza (%) |
|
Proporzjon minimu tat-tul tal-istigma/tal-istil |
2:1 |
1 |
Karatteristiċi kimiċi
Il-karatteristiċi kimiċi tal-Azafrán de La Mancha, il-metodi analitiċi meħtieġa u t-tolleranzi massimi permessi huma stabbiliti fit-tabella li ġejja:
|
Speċifikazzjoni u unitajiet |
Limitu |
Metodu ta’ analiżi |
|
Ndewwa u sustanzi volatili (%) |
≤ 11 |
UNE-ISO 3632-2:2011 jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwixxih fil-futur |
|
Qawwa tal-kulur |
> 200 |
UNE-ISO 3632-2:2011 jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwixxih fil-futur |
|
Qawwa aromatizzanti |
> 20 |
UNE-ISO 3632-2:2011 jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwixxih fil-futur |
|
Qawwa tal-imrar (pikrokroċina) |
> 70 |
UNE-ISO 3632-2:2011 jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwixxih fil-futur |
|
Kuluranti artifiċjali |
mrpl (2) |
UNE-ISO 3632-2:2011 jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwixxih fil-futur |
Karatteristiċi organolettiċi.
Il-karatteristiċi organolettiċi tal-Azafrán de La Mancha huma dawn li ġejjin:
Ħjut taż-żagħfran
Tħejjija tal-kampjun: qiegħed 200 mg ta’ ħjut fuq dixx Petri.
Apparenza viżiva: nuqqas ta’ materja estranja jew barranija. Kulur aħmar ileqq.
Aroma: moderata, intensa, pikkanti. Ħjiel ta’ xiwi, għasel, ħaxix imnixxef u fjuri.
Infużjoni taż-żagħfran
Preparazzjoni tal-infużjoni. Qiegħed 200 mg ta’ stigmi mitħuna u mgħarbla f’litru wieħed ta’ ilma f’temperatura ta’ 60 ± 5 °C f’konformità mal-UNE-ISO 3632-2:2011 jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwixxih fil-futur, għatti l-kontenitur u wettaq estrazzjoni f’dawk il-kundizzjonijiet għal 20 minuta. Iffiltra, kessaħ f’kundizzjonijiet skuri sakemm it-temperatura tkun bejn wieħed u ieħor 25 °C u wettaq valutazzjoni sensorjali fi żmien sagħtejn. Il-kampjuni għandhom jintużaw mill-imħallfin f’tazza standard skont UNE 87022:1992, jew kwalunkwe standard li jista’ jissostitwixxih fil-futur, u jkun fihom madwar 50 ml ta’ infużjoni.
Apparenza viżiva: ileqq, ċar, isfar bi sfumaturi roża oranġjo ċari.
Aroma: moderata, intensa, pikkanti. Ħjiel ta’ xiwi, ħaxix imnixxef, fjuri u ħwawar.
Togħma: ħaxix imnixxef, inkaljat, imrar ħafif, pikkanti ħafif, ħwawar ħelwin, ħamrija.
Fejn meħtieġ, u bħala referenza, it-termini, id-definizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-istandards UNE-ISO 3632-1:2012 “Żagħfran (Crocus sativus L.)”, il-Parti 1: Speċifikazzjonijiet, u UNE-ISO 3632-2:2011 “Ħwawar. (Crocus sativus L.)”, Parti 2: Metodi ta’ analiżi, jew, fejn xieraq, kwalunkwe standard li jista’ jissostitwihom fil-futur, ser japplika u jintuża.
3.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss
Mhux speċifikat.
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Iż-żagħfran jitkabbar, jinħasad u jitnixxef fiż-żona ġeografika definita.
3.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
L-immaġni segwenti għandha tidher fuq it-tikketta bil-kuluri definiti. In-numru XXYYYYYYYY huwa kodiċi alfanumeriku li fih XX huma żewġ ittri tal-alfabett li jidentifikaw is-sena tal-produzzjoni taż-żagħfran u YYYYYYYY huwa numru li jidentifika l-imballaġġ.
Il-kontenituri li fihom jitpoġġa ż-żagħfran protett għall-konsum ikollhom siġill ta’ garanzija, tikketta jew tikketta sekondarja nnumerata maħruġa mill-korp tal-kontroll, b’tali mod li l-kontenituri ma jistgħux jerġgħu jintużaw.
4. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona koperta mid-denominazzjoni testendi mir-reġjun ċentrali ta’ Kastilja-La Mancha sax-Xlokk. Il-qalba ċentrali taż-żona ta’ deżinjazzjoni tinkludi d-distretti ta’ La Mancha fil-provinċji ta’ Toledo, Ciudad Real, Cuenca u Albacete.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Iż-żagħfran ġie introdott fi Spanja waqt il-ħakma Għarbija. Fis-sekli 8 u 9kien jintuża esklussivament mill-klassijiet tan-nofs superjuri tal-Andalusija. Il-platti Għarab kienu mħawra b’ħafna ħxejjex aromatiċi, għalhekk kienu jitkabbru f’kull ġnien, il-varjetajiet ewlenin kienu l-kemmun, il-karwija, il-kemmun iswed, il-ħabirxa, il-ħlewwa, il-bużbież, l-injam tal-anisi, il-kosbor, il-mustarda, in-nagħniegħ, in-nagħniegħ tas-seba’ rwejjaħ u t-tursin. Madankollu, l-aktar taħwir tal-ikel importanti għall-ekonomija Għarbija kien iż-żagħfran, kulur u taħwir essenzjali fil-biċċa l-kbira tal-platti.
Xogħol sussegwenti, intitolat Cultivo del azafrán en la Solana, ta’ J. A. López de la Osa (1897), jipprovdi prova bil-miktub tat-tkabbir taż-żagħfran f’La Mancha. Il-ktieb jinkludi informazzjoni dwar din l-għalla minn 100 sena qabel u jikkwota inventarju ġuridiku mill-1720 li jsemmi wkoll iż-żagħfran. Fl-ewwel terz tas-seklu 19, La Mancha kienet tipproduċi ż-żagħfran tal-aqwa kwalità fi Spanja, bl-ogħla rendimenti għal kull ettaru ta’ raba’ bagħli. It-tradizzjoni antika tat-tkabbir taż-żagħfran hija ddokumentata tajjeb ħafna f’Pedro Muñoz, Campo de Criptana u Manzanares (Ciudad Real), f’Lillo, Madridejos, Villacañas, Villanueva de Alcardete u Cabezamesada (Toledo) u f’Montilla del Palancar (Cuenca).
Madankollu, l-aktar evidenza qawwija ta’ rabta storika b’saħħitha bejn ir-reġjun ta’ La Mancha u ż-żagħfran tinstab fil-bosta tradizzjonijiet kulturali taż-żona.
Bħall-attivitajiet kollha li għandhom għeruq fondi fis-soċjetà, it-tkabbir taż-żagħfran wassal għall-vokabularju rikk tiegħu stess. El léxico del azafrán en el habla manchega ta’ M. Núñez u J. C. Conde (Al-Basit: Revista de Estudios Albacetenses, 28, Albacete 1991) tinkludi firxa wiesgħa ta’ espressjonijiet relatati maż-żagħfran miġbura fi stħarriġiet imwettqa fil-provinċja ta’ Albacete. It-tradizzjoni tat-tkabbir taż-żagħfran f’La Mancha hija riflessa fil-folklor tipiku tar-reġjun, żfin reġjonali tradizzjonali ddedikat lill-prodott, u fil-kanzunetti u l-qwiel. Tipprovdi wkoll l-isfond għall-operetta intitolata La rosa del azafrán (libretto ta’ F. Romero u G. Fernández Shaw; bil-mużika ta’ Jacinto Guerrero, ipprezzata f’Madrid fl-1930).
Ta’ min jinnota wkoll li hemm manwali tal-istruzzjonijiet li jiddeskrivu t-tekniki tat-tkabbir u tal-produzzjoni, bħax-xogħol imsemmi hawn fuq ta’ J. A. López de la Osa u El azafranero práctico ta’ L. Jiménez Martín (Albacete: Imprenta Eduardo Miranda, 1900).
L-importanza ta’ din l-għalla fil-kultura tradizzjonali tintwera wkoll mill-“Fiesta de la Rosa del Azafrán”, li ssir f’Consuegra (Toledo), fil-konkorsi tat-tqaxxir taż-żagħfran li jsiru bħala parti mill-festi tal-qaddis patrun f’La Solana (Ciudad Real), u fil-“Festival de la Rosa del Azafrán” f’Santa Ana (Albacete).
Fl-aħħar nett, indikazzjoni ċara tan-natura tradizzjonali u tal-importanza ekonomika ta’ din l-għalla hija d-drawwa, li għadha prattikata f’xi rħula ta’ La Mancha, li koppji li jkunu għadhom kif iżżewġu jingħataw ftit ħjut ta’ żagħfran, simbolu tax-xewqa għall-prosperità.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
https://rec.castillalamancha.es/rec/public/documentacion/listadoDocs.faces#no-back-button
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
(2) Kontenut minimu ta’ kulur, espress f’mg/kg, li għandu jiġi identifikat u kkonfermat
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2982/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)